12.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/5


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 408/2010

tal-11 ta' Mejju 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 194/2008 li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward ta’ Burma/il-Mjanmar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/232/PESK tas-26 ta’ April 2010 li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra Burma/il-Mjanmar (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Billi:

(1)

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2010/232/PESK jipprovdi li x-xiri, l-importazzjoni u t-trasport mill-Burma/il-Mjanmar lejn l-Unjoni ta' ċerti kategoriji speċifiċi ta' oġġetti għandhom ikunu pprojbiti.

(2)

L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2010/232/PESK jipprovdi li l-għajnuna non-umanitarja jew il-programmi ta' żvilupp għandhom jiġu sospiżi, imma li għandhom isiru eċċezzjonijiet għal proġetti u programmi b'appoġġ ta' ċerti objettivi speċifikati.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 194/2008 (2) jagħti effett lill-projbizzjoni dwar ix-xiri, l-importazzjoni u t-trasport tal-kategoriji ta' oġġetti speċifikati fl-Artikolu 2(2). Madankollu għandu jiġi ċċarat li l-projbizzjoni dwar ix-xiri ta' dawk l-oġġetti f'Burma/Mjanmar m'għandhiex tapplika meta dak ix-xiri jkun parti minn proġett jew programm ta' għajnuna umanitarja, jew proġett jew programm ta' żvilupp mhux umanitarju b'appoġġ għall-objettivi deskritti fl-Artikolu 8(a), (b) u (c) tad-Deċiżjoni 2010/232/PESK.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 194/2008 għandu għalhekk jiġi emendat.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 194/2008, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-projbizzjoni dwar xiri ta' oġġetti ristretti fil-paragrafu (2)(b) m'għandhiex tapplika għal proġetti jew programmi ta' għajnuna umanitarja, jew għal proġetti jew programmi ta' żvilupp mhux umanitarju, li jsiru f'Burma/il-Mjanmar, bħala appoġġ għal:

(a)

drittijiet tal-bniedem, demokrazija, governanza tajba, prevenzjoni tal-kunflitti u bini tal-kapaċità tas-soċjetà ċivili;

(b)

saħħa u edukazzjoni, tnaqqis tal-faqar u b'mod partikolari l-forniment ta' bżonnijiet bażiċi u għixien għall-popolazzjoni l-aktar foqra u vulnerabbli; jew

(c)

ħarsien ambjentali u, b'mod partikolari, programmi li jindirizzaw il-problema ta' qtugħ tas-siġar eċċessiv u mhux sostenibbli li jirriżulta f'qerda tal-foresti,

L-awtorità kompetenti rilevanti, kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness IV, għandha tawtorizza minn qabel ix-xiri tal-oġġetti ristretti inkwistjoni. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

Á. GONZÁLEZ-SINDE REIG


(1)  ĠU L 105, 27.4.2010, p. 22.

(2)  ĠU L 66, 10.3.2008, p. 1.