12.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 407/2010

tal-11 ta’ Mejju 2010

li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 122(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 122(2) tat-Trattat jipprevedi l-possibbiltà li tingħata għajnuna finanzjarja mill-Unjoni lil Stat Membru li jsib ruħu f'diffikultajiet jew ikun mhedded b'diffikultajiet serji kkawżati minn ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkollux kontroll fuqhom.

(2)

Diffikultajiet bħal dawn jistgħu jkunu kkaġunati minn deterjorament serju fl-ambjent ekonomiku u finanzjarju internazzjonali.

(3)

Il-kriżi finanzjarja globali u r-riċessjoni ekonomika bla preċedent li laqtu d-dinja matul l-aħħar sentejn għamlu ħsara kbira lit-tkabbir ekonomiku u lill-istabbiltà finanzjarja, u pprovokaw deterjorament qawwi fil-pożizzjonijiet tad-defiċit u tad-dejn tal-Istati Membri.

(4)

L-iggravar tal-kriżi finanzjarja wassal għal deterjorament serju tal-kundizzjonijiet tas-self ta' diversi Stati Membri fiż-żona tal-euro, lil hinn minn dak li jista' jiġi spjegat bi prinċipji ekonomiċi fundamentali. F'dan il-punt, din is-sitwazzjoni, jekk ma tiġix indirizzata b'urġenza, tista' twassal għal theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea fl-intier tagħha.

(5)

Sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-Istati Membri, jidher meħtieġ li jiġi stabbilit minnufih mekkaniżmu tal-Unjoni għall-istabbilizzazzjoni bil-għan li tiġi ppreżervata l-istabbilità finanzjarja fl-Ewropa. Tali mekkaniżmu għandu jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b'mod koordinat, rapidu u effikaċi għad-diffikultajiet akuti fi Stat Membru partikolari. L-attivazzjoni tiegħu sejra tkun fil-kuntest ta' appoġġ konġunt UE/Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).

(6)

Fid-dawl tal-implikazzjonijiet finanzjarji partikolari tagħhom, id-deċiżjonijiet biex tingħata għajnuna finanzjarja mill-Unjoni skont dan ir-Regolament jeħtieġu l-eżerċizzju ta' setgħat ta' implimentazzjoni li għandhom jiġu kkonferiti lill-Kunsill.

(7)

Jekk dan il-mekkaniżmu jiġi attivat, għandhom jiġu imposti kundizzjonijiet sodi ta' politika ekonomika, bil-għan li tiġi ppreservata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru benefiċjarju u biex tiġi rrestawrata l-kapaċità tiegħu li jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq finanzjarji.

(8)

Il-Kummissjoni għandha tanalizza fuq bażi regolari jekk ikunux għadhom jeżistu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jheddu l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea fl-intier tagħha.

(9)

Il-faċilità eżistenti li tipprovdi għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta' żmien għal Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro kif stabbilita permezz tar-Regolament (KE) Nru 332/2002 (1), għandha tibqa' fis-seħħ.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan u ambitu

Bil-għan li tiġi ppreżervata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri li taħthom tista' tingħata l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni lil Stat Membru li jkun għaddej minn, jew li jkun mhedded serjament minn, tfixkil ekonomiku jew finanzjarju serju, ikkaġunat minn okkorrenzi eċċezzjonali li ma jkollux kontroll fuqhom, b'kont meħud tal-applikazzjoni possibbli tal-faċilità eżistenti li tipprovdi għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta' żmien għall-bilanċi ta' pagamenti ta' Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro, kif stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 332/2002.

Artikolu 2

Il-forma tal-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni

1.   L-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandha tieħu l-forma ta' self jew linja ta' kreditu mogħtija lill-Istat Membru kkonċernat.

Għal dan li-għan, b'mod konformi mad-deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li, f'isem l-Unjoni Ewropea, tidħol għal self fuq is-swieq kapitali jew mingħand istituzzjonijiet finanzjarji.

2.   L-ammont pendenti ta' self jew linji ta' kreditu li għandhom jingħataw lil Stati Membri taħt dan ir-Regolament għandu jkun limitat għall-marġni disponibbli taħt il-limitu tar-riżorsi proprji tagħhom għall-approprjazzjonijiet għall-pagamenti.

Artikolu 3

Proċedura

1.   L-Istat Membru li jkun qiegħed ifittex l-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni għandu jiddiskuti mal-Kummissjoni, flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), valutazzjoni tal-ħtiġijiet finanzjarji tiegħu u jippreżenta abbozz ta' programm ta' aġġustament ekonomiku u finanzjarju lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

2.   L-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni għandha tingħata permezz ta' deċiżjoni adottata mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

3.   Id-deċiżjoni dwar l-għoti tas-self għandha tinkludi:

(a)

l-ammont, iż-żmien medju ta' maturità, il-formula tal-iffissar tal-prezzijiet, l-għadd massimu ta' pagamenti perjodiċi, il-perjodu tad-disponibbiltà tal-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni u regoli oħra dettaljati meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-għajnuna;

(b)

il-kundizzjonijiet ġenerali tal-politika ekonomika li huma marbuta mal-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni, bil-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid qagħda ekonomika jew finanzjarja soda fl-Istat Membru benefiċjarju u biex terġa' tiġi rrestawrata l-kapaċità tiegħu li jiffinanzja lilu nnifsu fis-swieq finanzjarji; dawn il-kundizzjonijiet jiġu definiti mill-Kummissjoni, f'konsultazzjoni mal-BĊE, u

(c)

approvazzjoni tal-programm ta' aġġustament preparat mill-Istat Membru benefiċjarju biex jilħaq il-kundizzjonijiet ekonomiċi marbuta mal-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni.

4.   Id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' linja ta' kreditu għandha tinkludi:

(a)

l-ammont, il-ħlas dovut biex il-linja ta' kreditu tkun disponibbli, il-formula għall-iffissar tal-prezzijiet applikabbli għar-rilaxx tal-fondi, u l-perjodu tad-disponibbiltà tal-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni, u regoli oħra dettaljati meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-għajnuna;

(b)

il-kundizzjonijiet ġenerali tal-politika ekonomika li huma marbuta mal-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni, bil-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid qagħda ekonomika jew finanzjarja soda fl-Istat Membru benefiċjarju;; dawn il-kundizzjonijiet jiġu definiti mill-Kummissjoni, f'konsultazzjoni mal-BĊE, u

(c)

approvazzjoni tal-programm ta' aġġustament preparat mill-Istat Membru benefiċjarju biex jilħaq il-kundizzjonijiet ekonomiċi marbuta mal-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni.

5.   Il-Kummissjoni u l-Istat Membru benefiċjarju għandhom jikkonkludu Memorandum ta' Ftehim li jiddettalja il-kundizzjonijiet ġenerali tal-politika ekonomika stipulati mill-Kunsill.. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-Memorandum ta' Ftehim lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Il-Kummissjoni għandha, f'konsultazzjoni mal-BĊE, teżamina mill-ġdid il-kundizzjonijiet ġenerali tal-politika ekonomika msemmija fil-paragrafi 3(b) u 4(b) mill-inqas kull sitt xhur, u tiddiskuti mal-Istat Membru benefiċjarju il-bidliet li jistgħu jkunu meħtieġa fil-programm ta' aġġustament tiegħu.

7.   Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummmissjoni, għandu jiddeċiedi dwar kwalunkwe aġġustament li jkollu jisir fil-kundizzjonijiet ġenerali inizjali tal-politika ekonomika, u għandu japprova l-programm ta' aġġustament hekk rivedut kif preparat mill-Istat Membru benefiċjarju.

8.   Jekk ikun previst finanzjament barra l-Unjoni, soġġett għal kundizzjonijiet ta' politika ekonomika, notevolment mill-IMF, l-Istat Membru kkonċernat għandu l-ewwel jikkonsulta lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-possibbiltajiet disponibbli fil-kuntest tal-faċilità għall-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni u l-kompatibbiltà tal-kundizzjonijiet previsti ta' politika ekonomika mal-impenji meħuda mill-Istat Membru kkonċernat għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 121, l-Artikolu 126 u l-Artikolu 136 tat-TFUE. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Artikolu 4

Ħruġ tas-self

1.   Bħala regola, is-self għandu jinħareġ f'pagamenti parzjali perjodiċi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari jekk il-politika ekonomika tal-Istat Membru benefiċjarju taqbilx mal-programm tiegħu ta' aġġustament u mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill skont l-Artikolu 3(3)(b). Għal dan l-għan, dak l-Istat Membru għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni u jagħtiha l-kooperazzjoni kollha tiegħu.

3.   Abbażi tas-sejbiet ta' verifiki bħal dawn, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-ħruġ ta' pagamenti perjodiċi ulterjuri.

Artikolu 5

Rilaxx ta' fondi

1.   L-Istat Membru benefiċjarju għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-quddiem dwar l-intenzjoni tiegħu li jiġbed il-fondi mil-linja ta' kreditu tiegħu. Regoli dettaljati għandhom jiġu stabbiliti fid-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 3(4).

2.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari jekk il-politika ekonomika tal-Istat Membru benefiċjarju taqbilx mal-programm tiegħu ta' aġġustament u mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill skont l-Artikolu 3(4)(b). Għal dan il-għan, dak l-Istat Membru għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni u jagħtiha l-kooperazzjoni kollha tiegħu.

3.   Abbażi tas-sejbiet ta' tali verifika, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-fondi.

Artikolu 6

Operazzjonijiet ta' self

1.   L-operazzjonijiet ta' self imsemmija fl-Artikolu 2 għandhom iseħħu f'euro.

2.   Il-karatteristiċi tal-ħlasijiet perjodiċi suċċessivi maħruġa mill-Unjoni taħt il-faċilità għall-għajnuna finanzjarja għandhom jiġu nnegozjati bejn l-Istat Membru benefiċjarju u l-Kummissjoni.

3.   Ġaladarba tkun ittieħdet deċiżjoni mill-Kunsill dwar self, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tissellef fuq is-swieq kapitali jew mill-istituzzjonijiet finanzjarji fiż-żmien l-aktar xieraq bejn il-ħruġ ippjanat tal-fondi, sabiex tottimizza l-ispiża tal-finanzjament u tippreserva r-reputazzjoni tagħha bħala l-emittent tal-Unjoni fis-swieq. Il-fondi maħruġa iżda li jkun għandhom ma ġew żburżati għandhom jinżammu f'kull ħin f'kontijiet apposta ta' kontanti jew titolizzazzjonijiet li jiġu ttrattati skont ir-regoli li japplikaw għal operazzjonijiet lil hinn mil-baġit, u ma jistgħux jintużaw għal għan ieħor għajr dak tal-għoti ta' appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri skont il-mekkeniżmu preżenti.

4.   Meta Stat Membru jirċievi self li fuqu jkun hemm klawżola dwar il-ħlas lura qabel iż-żmien, u jiddeċiedi li juża din l-għażla, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa.

5.   Fuq talba mill-Istat Membru benefiċjarju u fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax fuq is-self, il-Kummissjoni tista' tiffinanzja mill-ġdid is-self inizjali kollu, inkella parti minnu, inkella tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti.

6.   Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandu jinżamm infurmat dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5.

Artikolu 7

Spejjeż

L-ispejjeż mġarrba mill-Unjoni għall-konklużjoni u t-twettiq ta' kull operazzjoni għandhom jinġarrbu mill-Istat Membru benefiċjarju.

Artikolu 8

L-amministrazzjoni tas-self

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tas-self mal-BĊE.

2.   L-Istat Membru benefiċjarju għandu jiftaħ kont speċjali mal-Bank Ċentrali Nazzjonali tiegħu għall-ġestjoni tal-għajnuna finanzjarja li jirċievi mill-Unjoni. Għandu jittrasferixxi wkoll il-kapital u l-imgħax dovuti fuq is-self fuq kont mal-BĊE, erbatax il-jum ta' negozju TARGET2 qabel id-data tal-għeluq korrispondenti.

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 27 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha d-dritt twettaq fl-Istat Membru benefiċjarju kwalunkwe kontroll jew verifika finanzjarja li tqis meħtieġa fir-rigward tal-ġestjoni tal-għajnuna. Il-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċju Ewropew Kontra l-Frodi, b'mod partikolari għandu jkollha d-dritt li tibgħat lill-uffiċjali tagħha jew rappreżentanti tagħha awtorizzati kif xieraq, biex iwettqu kwalunkwe kontrolli jew verifiki tekniċi jew finanzjarji li hi tqis meħtieġa fir-rigward ta' dik l-għajnuna fl-Istat Membru benefiċjarju.

Artikolu 9

Reviżjoni u adattament

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u lill-Kunsill, fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u fejn xieraq kull sitt xhur wara dan, rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u dwar il-kontinwazzjoni tal-okkorrenzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   Fejn xieraq, ir-rapport għandu jkun akkompanjat minn proposta għall-emendi għal dan ir-Regolament bil-għan li tiġi adattata l-possibbiltà li tingħata l-għajnuna finanzjarja mingħajr ma tkun affetwata l-validità tad-deċiżjonijiet diġà adottati.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, l-11 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

Á. GONZÁLEZ-SINDE REIG


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagamenti ta' l-Istati Membri (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1).