24.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/37


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 351/2010

tat-23 ta’ April 2010

implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali rigward id-definizzjonijiet tal-kategoriji tal-gruppi ta' pajjiż tat-twelid, gruppi ta' pajjiż tar-residenza abitwali preċedenti, gruppi ta' pajjiż tar-residenza abitwali sussegwenti u gruppi ta' ċittadinanza

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(2)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex ikun żgurat li d-dejta statistiċi differenti u minn sorsi amministrattivi fl-Istati Membri huma komparabbli, kredibbli u li jippermettu li jitfasslu rapporti kredibbli mal-Komunità kollha, il-kategoriji ta' gruppi ta' pajjiż ta' twelid, gruppi ta' pajjiżi tar-residenza abitwali preċedenti, gruppi ta' pajjiżi tar-residenza abitwali sussegwenti u gruppi ta' ċittadinanza għandhom ikunu definiti bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 għalhekk jitlob li l-Kummissjoni tiddefinixxi l-kategoriji msemmija hawn fuq.

(2)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tas-Sistema Statistika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kategoriji ta' gruppi ta' pajjiż ta' twelid, gruppi ta' pajjiż tar-residenza abitwali preċedenti, gruppi ta' pajjiż tar-residenza abitwali sussegwenti u gruppi ta' ċittadinanza kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 862/2007.

Artikolu 2

Għall-kategoriji msemmija hawn fuq, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“pajjiż ta' residenza abitwali preċedenti” tfisser il-pajjiż li fih il-persuna kienet normalment residenti immedjatament qabel l-immigrazzjoni, irrispettivament miċ-ċittadinanza jew il-pajjiż tat-twelid tal-persuna;

(b)

“pajjiż tar-residenza abitwali sussegwenti” tfisser il-pajjiż li fih il-persuna normalment hi residenti wara l-emigrazzjoni, irrispettivament miċ-ċittadinanza jew il-pajjiż tat-twelid tagħha;

(c)

“livell ta' żvilupp” tfisser il-grad relattiv ta' żvilupp ta' pajjiż kif definit mill-miżuri għall-istatistika tal-medja tal-għomor, il-litteriżmu, il-livell ta' edukazzjoni milħuq, u l-Prodott Gross Domestiku (PGD) per capita;

(d)

“nattiv” tfisser persuna li twieldet fil-pajjiż tar-residenza attwali abitwali, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħha;

(e)

“imwielda barra” tfisser persuna li twieldet barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali attwali , irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħha.

Artikolu 3

Il-gruppi tal-pajjiż ta' twelid, gruppi ta' pajjiż tar-residenza abitwali preċedenti, gruppi ta' pajjiż tar-residenza abitwali sussegwenti u gruppi ta' ċittadinanza li dwarhom l-Istati Membri huma obbligati jittrasmettu dejta lill-Kummissjoni huma elenkati fl-Anness.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, it-23 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23.


ANNESS

Il-gruppi ta' pajjiżi u ċittadinanza huma kif ġej:

gruppi bażiċi,

gruppi addizzjonali oħra ta' pajjiżi u ċittadinanza li m'humiex parti mill-Unjoni Ewropea (UE).

1.   GRUPPI BAŻIĊI TA' PAJJIZI

1.1.   Gruppi ta’ ċittadinanzi

Iċ-“ċittadinanza” għandha tiġi ddefinita skont l-Artikolu 2(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 862/2007.

Persuna li għandha żewġ ċittadinanzi jew aktar għandha tiġi allokata lill-pajjiż wieħed biss ta' ċittadinanza, li għandu jiġi determinat fl-ordni li ġejja ta' preċedenza:

(1)

il-pajjiż li qed jirrapporta jew, jekk il-persuna ma jkollhiex iċ-ċittadinanza tal-pajjiż li qed jirrapporta:

(2)

Stat Membru ieħor tal-UE; jew, jekk il-persuna ma jkollhiex iċ-ċittadinanza ta' Stat Membru ieħor tal-UE:

(3)

pajjiż ieħor 'il barra mill-Unjoni Ewropea.

Meta persuna jkollha żewġ ċittadinanzi jew aktar ta' Stati Membri tal-UE iżda meta l-ebda wieħed minn dawn m'hu l-pajjiż li qed jirrapporta, l-Istati Membri jiddeterminaw liema għandu jkun il-pajjiż taċ-ċittadinanza.

Meta persuna jkollha żewġ ċittadinanzi jew aktar ta' pajjiżi li m'humiex membri tal-UE, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema għandu jkun il-pajjiż taċ-ċittadinanza.

Id-dejta stabbilita fl-Artikolu 3(1)(a)(i), u (c)(i) tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 għandha tkun imqassma mill-gruppi ta' ċittadinanza li ġejjin:

ċittadinanza ta' pajjiż li qed jirrapporta (ċittadini nazzjonali);

ċittadinanza ta' Stat Membru ieħor tal-UE (ċittadini oħra tal-UE);

ċittadinanza ta' pajjiżi li m'humiex membri tal-UE (ċittadini li m'humiex membri tal-UE), li minnhom:

ċittadinanza tal-pajjiżi tal-EFTA;

ċittadinanza tal-pajjiżi Kandidati;

ċittadinanza ta' pajjjiżi oħra li mhumiex tal-UE;

ċittadinanza mhix magħrufa.

Id-dejta stabbilita fl-Artikolu 3(1)(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 għandha tkun imqassma mill-gruppi ta' ċittadinanza li ġejjin:

ċittadinanza ta' pajjiż li qed jirrapporta (ċittadini nazzjonali);

ċittadinanza ta' Stat Membru ieħor tal-UE (ċittadini oħra tal-UE);

ċittadinanza ta' pajjiżi li m'humiex membri tal-UE (ċittadini li m'humiex membri tal-UE);

ċittadinanza mhix magħrufa.

1.2.   Gruppi ta' pajjiż tat-twelid

Il-“pajjiż tat-twelid” għandu jiġi definit skont l-Artikolu 2(1)(e) tar-Regolament (KE) Nru 862/2007.

Id-dejta stabbilita fl-Artikolu 3(1)(a)(ii) u (c)(ii) tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 għandha tkun imqassma mill-gruppi ta' pajjiż tat-twelid li ġejjin:

pajjiż li jirrapporta (nattiv);

Stati Membri oħra tal-UE (imwieled/da barra iżda fl-UE);

barra mill-UE (imwieled/da barra u barra mill-UE), li minnhom

pajjiżi tal-EFTA,

pajjiżi Kandidati,

pajjiżi oħra li m'humiex fl-UE;

pajjiż tat-twelid mhux magħruf.

1.3.   Gruppi ta’ pajjiżi ta' residenza abitwali preċedenti

Id-dejta stabbilita fl-Artikolu 3(1)(a)(iii) tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 għandha tkun imqassma mill-gruppi ta' pajjiż ta' residenza abitwali preċedenti:

Stati Membri oħra tal-UE;

barra mill-UE, li minnhom

pajjiżi tal-EFTA,

pajjiżi Kandidati,

pajjiżi oħra li m'humiex fl-UE;

pajjiż mhux magħruf ta' residenza abitwali preċedenti.

1.4.   Gruppi ta’ pajjiżi ta' residenza abitwali sussegwenti

Id-dejta stabbilita fl-Artikolu 3(1)(b)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 għandha tkun imqassma mill-gruppi ta' pajjiż ta' residenza abitwali sussegwenti:

Stati Membri oħra tal-UE;

barra mill-UE;

pajjiż mhux magħruf ta' residenza abitwali sussegwenti.

2.   GRUPPI ADDIZZJONALI TA' PAJJIŻI LI M'HUMIEX FL-UE U TA' ĊITTADINANZI SKONT IL-LIVELL TA' ŻVILUPP

Għad-dejta stabbilita fl-Artikolu 3 (1)(a)(i), (ii) u (iii), u (c)(i) u (ii) tar-Regolament (KE) Nru 862/2007, dejta relatata ma' pajjiżi oħra li m'humiex fl-UE u ċittadinanzi oħra li m'humiex tal-UE għandhom ukoll ikunu mqassma skont il-gruppi li ġejjin ta' livell ta' żvilupp:

pajjiżi żviluppati ħafna;

pajjiżi b'żvilupp medju;

pajjiżi b'inqas żvilupp.

3.   LISTA TA' PAJJIŻI U ĊITTADINANZI FI GRUPPI

Pajjiż tat-twelid, pajjiż tar-residenza abitwali preċedenti u pajjiż ta' residenza abitwali sussegwenti għandhom jirreferu għall-pajjiżi definiti mill-konfini internazzjonali eżistenti fl-1 ta' Jannar tas-sena ta' referenza.

Il-kompożizzjoni tal-UE, EFTA u Pajjiżi Kandidati għandha tkun bħal dik tal-1 ta' Jannar tas-sena ta' referenza.

Il-Kummissjoni se tipprovdi lill-Istati Membri listi ta' pajjiżi u ċittadinanzi li għandhom jiġu inklużi f'kull wieħed mill-gruppi bażiċi. Dawn il-listi tal-gruppi bażiċi għandhom jiġu aġġornati kif meħtieġ.

Il-Kummissjoni se tipprovdi lill-Istati Membri listi ta' pajjiżi u ċittadinanzi li għandhom jiġu inklużi f'kull wieħed mill-gruppi addizzjonali ta' livell ta' żvilupp. Dawn il-listi ta' gruppi addizzjonali għandhom jiġu aġġornati kif meħtieġ.