23.4.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 102/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 330/2010
tal-20 ta’ April 2010
dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta' akkordji vertikali u prattiċi miftiehma
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 19/65/KEE tat-2 ta' Marzu 1965 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehim u prattiċi miftiehma (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,
Wara li ppubblikat abbozz ta' dan ir-Regolament,
Wara li kkunsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament Nru 19/65/KEE jagħti l-poter lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (*) permezz ta' regolament għal ċerti kategoriji ta' akkordji vertikali u prattiċi miftiehma korrispondenti li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. |
(2) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (2) jiddefinixxi kategorija ta’ akkordji vertikali li l-Kummissjoni kkunsidrat li normalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Fid-dawl tal-esperjenza globalment pożittiva fl-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament, li jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2010, u b'kunsiderazzjoni għall-esperjenza ulterjuri miksuba mill-adozzjoni tiegħu, huwa xieraq li jiġi adottat regolament ta' eżenzjoni ta’ kategorija ġdid. |
(3) |
Il-kategorija ta’ akkordji li tista’ titqies li normalment tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat tinkludi akkordji vertikali għax-xiri jew il-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi fejn dawk l-akkordji jiġu konklużi bejn impriżi li ma jikkompetux bejniethom, bejn ċerti kompetituri jew minn ċerti assoċjazzjonijiet ta’ bejjiegħa bl-imnut ta’ oġġetti. Hija tinkludi wkoll akkordji vertikali li jkun fihom dispożizzjonijiet anċillari dwar iċ-ċessjoni jew l-użu ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali. It-terminu “akkordji vertikali” għandu jinkludi l-prattiċi miftiehma korrispondenti. |
(4) |
Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat permezz ta’ regolament, mhuwiex neċessarju li jiġu definiti dawk l-akkordji vertikali li jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Fl-istima individwali tal-akkordji taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, għandhom jitqiesu diversi fatturi u, b'mod partikolari, l-istruttura tas-suq min-naħa tal-forniment u tax-xiri. |
(5) |
Il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilita b’dan ir-Regolament għandu jkun limitat għall-akkordji vertikali li fir-rigward tagħhom wieħed jista' jassumi b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. |
(6) |
Ċerti tipi ta’ akkordji vertikali jistgħu jtejbu l-effiċjenza ekonomika fi ħdan katina ta' produzzjoni jew distribuzzjoni billi jiffaċilitaw koordinament aħjar bejn l-impriżi parteċipanti. B'mod partikolari, jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż ta' tranżazzjoni u distribuzzjoni tal-partijiet u għall-ottimizzar tal-livelli tal-bejgħ u tal-investiment tagħhom. |
(7) |
Il-probabbiltà li dawn l-effetti li jsaħħu l-effiċjenza jkunu akbar minn kull effett antikompetittiv minħabba restrizzjonijiet li jinsabu f’akkordji vertikali tiddependi fuq il-grad ta' poter fis-suq tal-partijiet fl-akkordju u, għalhekk, fuq safejn dawk l-impriżi jaffaċċjaw kompetizzjoni minn fornituri oħra ta' oġġetti jew servizzi li l-klijenti tagħhom iqisu li jkunu skambjabbli jew sostitwibbli għal xulxin, minħabba l-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet u l-użu maħsub tagħhom. |
(8) |
Jista’ jkun preżunt li, meta s-sehem mis-suq ta’ kull waħda mill-impriżi li jkunu partijiet fl-akkordju fis-suq rilevanti ma jkunx jaqbeż it-30 %, l-akkordji vertikali li ma jkunux jinkludu ċerti tipi ta' restrizzjonijiet severi tal-kompetizzjoni ġeneralment iwasslu għal titjib fil-produzzjoni jew id-distribuzzjoni u jirriżervaw lill-konsumaturi sehem ġust tal-benefiċċji li jirriżultaw. |
(9) |
’Il fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq ta' 30 %, ma jista’ jkun hemm l-ebda preżunzjoni li akkordju vertikali li jaqa' fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat ġeneralment se jwassal għal vantaġġi oġġettivi ta' tali natura u daqs li jkunu jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li joħolqu għall-kompetizzjoni. Fl-istess ħin, ma hemm l-ebda preżunzjoni li dawk l-akkordji vertikali jew jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew jonqsu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. |
(10) |
Dan ir-Regolament ma għandux jeżenta akkordji vertikali li jkunu jinkludu restrizzjonijiet li x’aktarx iwasslu għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni u jikkawżaw dannu lill-konsumaturi jew mhumiex indispensabbli biex jinkisbu l-effetti li jsaħħu l-effiċjenza. B'mod partikolari, akkordji vertikali li jinkludu ċerti tipi ta' restrizzjonijiet severi tal-kompetizzjoni bħalma huma prezzijiet minimi jew fissi għall-bejgħ mill-ġdid, kif ukoll ċerti tipi ta' protezzjoni territorjali, għandhom ikunu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilita b'dan ir-Regolament irrispettivament mis-sehem mis-suq tal-impriżi kkonċernati. |
(11) |
Sabiex ikun assigurat l-aċċess għas-suq rilevanti jew sabiex tiġi impedita l-kollużjoni fih, għandhom jintrabtu ċerti kondizzjonijiet mal-eżenzjoni ta’ kategorija. Għal dan il-għan, l-eżenzjoni ta' obbligi li wieħed ma jikkompetix għandha tkun limitata għal obbligi li ma jissuperawx perjodu ta' żmien definit. Għall-istess raġunijiet, kull obbligu dirett jew indirett li jwaqqaf lill-membri ta' sistema ta' distribuzzjoni selettiva milli jbiegħu prodotti tal-marka ta' fornituri konkorrenti partikolari għandu jkun eskluż mill-benefiċċju ta' dan ir-Regolament. |
(12) |
Il-limitazzjoni tas-sehem mis-suq, in-nuqqas ta' eżenzjoni ta' ċerti akkordji vertikali u l-kondizzjonijiet previsti f'dan ir-Regolament normalment jiżguraw li l-akkordji li tapplika għalihom l-eżenzjoni ta’ kategorija ma jippermettux lill-impriżi parteċipanti jeliminaw il-kompetizzjoni f'parti sostanzjali tal-prodotti kkonċernati. |
(13) |
Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (3), meta ssib li f'każ partikolari akkordju li tapplika għalih l-eżenzjoni prevista f’dan ir-Regolament ikollu madankollu effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. |
(14) |
L-awtorità tal-kompetizzjoni ta' Stat Membru tista’ tirtira l-benefiċċju ta' dan ir-Regolament skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fir-rigward tat-territorju ta’ dak l-Istat Membru, jew parti minnu, meta, f'każ partikolari, akkordju li tapplika għalih l-eżenzjoni prevista f’dan ir-Regolament ikollu madankollu effetti li jkunu inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fit-territorju ta' dak l-Istat Membru, jew f'parti minnu, u fejn tali territorju jkollu l-karetteristiċi kollha ta' suq ġeografiku distint. |
(15) |
Fid-deċiżjoni dwar jekk il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament għandux jiġi rtirat skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, għandhom importanza partikolari l-effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-eżistenza ta’ netwerks paralleli ta’ akkordji vertikali b’effetti simili li jirrestrinġu b’mod sinifikanti l-aċċess għas-suq rilevanti jew il-kompetizzjoni fl-istess suq. Tali effetti kumulattivi jistgħu pereżempju jirriżultaw fil-każ ta’ distribuzzjoni selettiva jew obbligi li wieħed ma jikkompetix. |
(16) |
Sabiex issaħħaħ is-superviżjoni ta' netwerks paralleli ta' akkordji vertikali b’effetti antikompetittivi simili u li jkopru aktar minn 50 % ta’ suq partikolari, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, tiddikjara li dan ir-Regolament ma japplikax għal akkordji vertikali li jkun fihom restrizzjonijiet speċifiċi relatati mas-suq ikkonċernat, biex b'hekk l-Artikolu 101 tat-Trattat jerġa' japplika bis-sħiħ għal dawn l-akkordji, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
1. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“akkordju vertikali” tfisser akkordju jew prattika miftiehma konkluż bejn żewġ impriżi jew aktar li kull waħda minnhom topera, għall-iskopijiet tal-akkordju jew tal-prattika miftiehma, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, u li jirrigwarda l-kondizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi; |
(b) |
“restrizzjoni vertikali” tfisser restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’akkordju vertikali li taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 10(1) tat-Trattat; |
(c) |
“impriża konkorrenti” tfisser kompetitur attwali jew potenzjali; “kompetitur attwali” tfisser impriża attiva fl-istess suq rilevanti; “kompetitur potenzjali” tfisser impriża li, fin-nuqqas tal-akkordju vertikali, f'każ li jkun hemm żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet relattivi, x’aktarx tagħmel, għal raġunijiet realistiċi u mhux sempliċiment bħala possibbiltà teoretika, fi ħdan perjodu qasir ta' żmien, l-investimenti addizzjonali meħtieġa jew spejjeż oħra meħtieġa għal konverżjoni biex tidħol fis-suq rilevanti; |
(d) |
“obbligu li wieħed ma jikkompetix” tfisser kull obbligu dirett jew indirett li jwassal biex ix-xerrej ma jimmanifatturax, ma jixtrix, ma jbiegħx jew ma jbiegħx mill-ġdid oġġetti jew servizzi li jikkompetu mal-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, jew kull obbligu dirett jew indirett fuq ix-xerrej li jixtri mill-fornitur, jew minn impriża oħra nominata mill-fornitur, aktar minn 80% mix-xiri totali tax-xerrej tal-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u oġġetti jew servizzi li jissostitwuhom fis-suq relevanti, ikkalkulat abbażi tal-valur tax-xiri tiegħu fis-sena kalendarja preċedenti; |
(e) |
“sistema ta’ distribuzzjoni selettiva” tfisser sistema ta’ distribuzzjoni fejn il-fornitur jaċċetta li jbiegħ l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, jew direttament jew indirettament, lil distributuri magħżula abbażi ta' kriterji speċifikati biss u fejn dawn id-distributuri jobbligaw ruħhom li ma jbiegħux dawn l-oġġetti jew servizzi lil distributuri li ma jkunux awtorizzati fit-territorju rriżervat mill-fornitur li jopera dik is-sistema; |
(f) |
“drittijiet ta’ proprjetà intellettwali” tinkludi d-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, in-know-how, id-drittijiet tal-awtur u drittijiet assoċjati; |
(g) |
“know-how” tfisser pakkett ta' informazzjoni prattika li ma tkunx suġġetta għal privattiva, li tirriżulta minn esperjenza u testjar mill-fornitur, li tkun sigrieta, sostanzjali u identifikata: f’dan il-kuntest, “sigrieta” tfisser li n-know-how ma tkunx ġeneralment magħrufa jew faċilment aċċessibbli; “sostanzjali” tfisser li n-know-how tkun sinifikanti u utli għax-xerrej għall-użu, bejgħ jew bejgħ mill-ġdid tal-oġġetti jew servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt; “identifikata” tfisser li n-know-how tkun deskritta b’mod komprensiv biżżejjed sabiex ikun possibbli li jkun ivverifikat li tissodisfa l-kriterji ta’ segretezza u sostanzjalità; |
(h) |
“xerrej” tinkludi impriża li, taħt akkordju li jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, tbiegħ oġġetti jew servizzi f’isem impriża oħra; |
(i) |
“klijent tax-xerrej” tfisser impriża li ma tkunx parti fl-akkordju li tixtri l-oġġetti jew servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt minn xerrej li jkun parti fl-akkordju. |
2. Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, it-termini “impriża”, “fornitur” u “xerrej” għandhom jinkludu l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom.
“Impriżi konnessi” tfisser:
(a) |
impriżi li fihom parti fl-akkordju, direttament jew indirettament:
|
(b) |
impriżi li direttament jew indirettament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) fuq parti fl-akkordju; |
(c) |
impriżi li fihom impriża msemmija fil-punt (b) ikollha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a); |
(d) |
impriżi li fihom parti fl-akkordju flimkien ma’ waħda jew aktar mill-impriżi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar mill-impriżi tal-aħħar, konġuntament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a); |
(e) |
impriżi li fihom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) ikunu miżmuma konġuntament minn:
|
Artikolu 2
Eżenzjoni
1. Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, qed jiġi ddikjarat li l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal akkordji vertikali.
Din l-eżenzjoni għandha tapplika sa fejn tali akkordji jkunu jinkludu restrizzjonijiet vertikali.
2. L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika għal akkordji vertikali konklużi bejn assoċjazzjoni ta' impriżi u l-membri tagħha, jew bejn tali assoċjazzjoni u l-fornituri tagħha, biss jekk il-membri tagħha kollha jkunu bejjiegħa bl-imnut ta' oġġetti u jekk l-ebda membru individwali tal-assoċjazzjoni, flimkien mal-impriżi konnessi tiegħu, ma jkollu fatturat annwali totali ta' aktar minn EUR 50 miljun. Akkordji vertikali konklużi minn tali assoċjazzjonijiet għandhom ikunu koperti minn dan ir-Regolament bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal akkordji orizzontali konklużi bejn il-membri tal-assoċjazzjoni jew deċiżjonijiet adottati mill-assoċjazzjoni.
3. L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika għal akkordji vertikali li jkun fihom dispożizzjonijiet relatati maċ-ċessjoni lix-xerrej jew mal-użu mix-xerrej ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali, sakemm dawk id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux is-suġġett primarju ta' tali akkordji u jkunu relatati direttament mal-użu, bejgħ jew bejgħ mill-ġdid ta' oġġetti jew servizzi mix-xerrej jew mill-klijenti tiegħu. L-eżenzjoni tapplika bil-kundizzjoni li, fil-konfront tal-oġġetti jew servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, dawk id-disposizzjonijiet ma jkunux jinkludu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni bl-istess għan bħal restrizzjonijiet vertikali li mhumiex eżentati taħt dan ir-Regolament.
4. L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal akkordji vertikali konklużi bejn impriżi konkorrenti. Madankollu, għandha tapplika meta impriżi konkorrenti jikkonkludu akkordju vertikali li ma jkunx reċiproku u:
(a) |
il-fornitur ikun manifattur u distributur ta' oġġetti, filwaqt li x-xerrej ikun distributur u ma jkunx impriża konkorrenti fil-livell tal-manifattura; jew |
(b) |
il-fornitur ikun jipprovdi servizzi f’bosta livelli tal-kummerċ, filwaqt li x-xerrej ikun jipprovdi l-oġġetti u s-servizzi tiegħu fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u ma jkunx impriża konkorrenti fil-livell tal-kummerċ fejn jixtri s-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt. |
5. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal akkordji vertikali li s-suġġett tagħhom ikun jaqa’ fl-ambitu ta' xi regolament ta' eżenzjoni ta’ kategorija ieħor, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'tali regolament.
Artikolu 3
Limitu tas-sehem mis-suq
1. L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tapplika bil-kundizzjoni li s-sehem mis-suq miżmum mill-fornitur ma jaqbiżx it-30% tas-suq rilevanti li fih ibiegħ l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u s-sehem mis-suq miżmum mix-xerrej ma jaqbiżx it-30% tas-suq relevanti li fih jixtri l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt.
2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, meta f’akkordju bejn għadd ta' partijiet, impriża tixtri l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt mingħand impriża li tkun parti fl-akkordju u tbiegħ l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt lil parti oħra fl-akkordju, is-sehem mis-suq tal-ewwel impriża għandu jirrispetta l-limitu tas-sehem mis-suq previst f’dak il-paragrafu kemm bħala xerrejja kif ukoll bħala fornitriċi sabiex tapplika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2.
Artikolu 4
Restrizzjonijiet li jneħħu l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija - restrizzjonijiet fundamentali
L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandhiex tapplika għal akkordji vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma' fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala għan:
(a) |
ir-restrizzjoni tal-ħila tax-xerrej li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ tiegħu, bla ħsara għall-possibbiltà tal-fornitur li jimponi prezz ta’ bejgħ massimu jew li jirrakkommanda prezz ta’ bejgħ, sakemm dawn ma jammontawx għal prezz tal-bejgħ iffissat jew minimu b’riżultat ta’ pressjoni minn, jew inċentivi offruti minn, xi waħda mill-partijiet; |
(b) |
ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom, xerrej li jkun parti fl-akkordju jkun jista’ jbiegħ l-oġġetti jew servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, ħlief:
|
(c) |
ir-restrizzjoni ta' bejgħ attiv jew passiv lil utenti finali minn membri ta' sistema ta' distribuzzjoni selettiva li topera fil-livell tal-kummerċ ta' bejgħ bl-imnut, bla ħsara għall-possibbiltà li membru tas-sistema jkun projbit milli jopera minn post ta' stabbiliment li ma jkunx awtorizzat; |
(d) |
ir-restrizzjoni ta' cross-supplies bejn distributuri fi ħdan sistema ta' distribuzzjoni selettiva, inkluż bejn distributuri li joperaw f'livelli differenti tal-kummerċ; |
(e) |
ir-restrizzjoni, miftiehma bejn fornitur ta’ komponenti u xerrej li jinkorpora dawk il-komponenti, tal-ħila tal-fornitur li jbiegħ il-komponenti bħala spare parts lil utenti finali jew lil min isewwi jew lil fornituri ta’ servizzi oħrajn li ma ġewx fdati mix-xerrej bit-tiswija jew il-manutenzjoni tal-oġġetti tiegħu. |
Artikolu 5
Restrizzjonijiet esklużi
1. L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandhiex tapplika għall-obbligi li ġejjin li jinsabu f’akkordji vertikali:
(a) |
kull obbligu dirett jew indirett li wieħed ma jikkompetix, għal perjodu indefinit jew għal perjodu li jissupera l-ħames snin; |
(b) |
kull obbligu dirett jew indirett li jimponi fuq ix-xerrej li, wara l-iskadenza tal-akkordju, ma jimmanifatturax, ma jixtrix, ma jbiegħx jew ma jbiegħx mill-ġdid oġġetti jew servizzi; |
(c) |
kull obbligu dirett jew indirett li jwassal biex il-membri ta' sistema ta' distribuzzjoni selettiva ma jbiegħux il-prodotti tal-marka ta' fornituri konkorrenti partikolari. |
Għall-iskopijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, obbligu li wieħed ma jikkompetix li jiġġedded taċitament lil hinn minn perjodu ta’ ħames snin għandu jitqies li ġie konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit.
2. B’deroga mill-paragrafu 1(a), il-limitu ta’ żmien ta’ ħames snin ma għandux japplika fejn l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt jinbiegħu mix-xerrej minn bini u art li jkunu proprjetà tal-fornitur jew mikrija mill-fornitur mingħand terzi li ma jkunux konnessi max-xerrej, sakemm il-perjodu li matulu japplika l-obbligu li wieħed ma jikkompetix ma jissuperax il-perjodu li matulu x-xerrej jokkupa l-bini u l-art.
3. B’deroga mill-paragrafu 1(b), l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tapplika għal kull obbligu dirett jew indirett li jimponi fuq ix-xerrej li, wara l-iskadenza tal-akkordju, ma jimmanifatturax, ma jixtrix, ma jbiegħx jew ma jbiegħx mill-ġdid oġġetti jew servizzi meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:
(a) |
l-obbligu jkun relatat ma’ oġġetti jew servizzi li jikkompetu mal-oġġetti jew servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt; |
(b) |
l-obbligu jkun limitat għall-bini u l-art li minnhom ix-xerrej ikun opera matul il-perjodu tal-kuntratt; |
(c) |
l-obbligu jkunu indispensabbli biex jipproteġi n-know-how trasferit mill-fornitur lix-xerrej; |
(d) |
il-perjodu li matulu jkun japplika l-obbligu jkun limitat għal perjodu ta’ sena wara l-iskadenza tal-akkordju. |
Il-paragrafu 1(b) huwa bla ħsara għall-possibbiltà li tiġi imposta restrizzjoni li ma jkollhiex limitu ta’ żmien dwar l-użu u l-kxif ta' know-how li ma tkunx daħlet fid-dominju pubbliku.
Artikolu 6
Nuqqas ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament
Skont l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 19/65/KEE, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, tiddikjara li, fejn netwerks paralleli ta’ restrizzjonijiet vertikali simili jkunu jkopru aktar minn 50% ta’ suq rilevanti, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal akkordji vertikali li jkunu jinkludu restrizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ dak is-suq.
Artikolu 7
Applikazzjoni tal-limitu tas-sehem mis-suq
Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-limiti tas-sehem mis-suq previsti fl-Artikolu 3, għandhom japplikaw r-regoli li ġejjin:
(a) |
is-sehem mis-suq tal-fornitur għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta’ dejta dwar il-valur tal-bejgħ fis-suq u s-sehem mis-suq tax-xerrej għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta’ dejta dwar il-valur tax-xiri fis-suq. Jekk ma tkunx disponibbli dejta dwar il-valur tal-bejgħ fis-suq jew dwar il-valur tax-xiri fis-suq, jistgħu jintużaw stimi bbażati fuq informazzjoni tas-suq oħra li tkun affidabbli, inklużi l-volumi tal-bejgħ u tax-xiri fis-suq, sabiex jiġi stabbilit is-sehem mis-suq tal-impriża kkonċernata; |
(b) |
l-ishma mis-suq għandhom ikunu kkalkulati abbażi ta' dejta relatata mas-sena kalendarja ta' qabel; |
(c) |
is-sehem mis-suq tal-fornitur għandu jinkludi kull oġġett jew servizz fornut lil distributuri integrati vertikalment għall-iskopijiet ta' bejgħ; |
(d) |
jekk is-sehem mis-suq fil-bidu ma jkunx aktar minn 30% iżda sussegwentement jitla’ għal aktar minn dak il-livell mingħajr ma jaqbeż il-35%, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta' sentejn kalendarji konsekuttivi wara s-sena li fiha jkun inqabeż għall-ewwel darba l-limitu tas-sehem mis-suq ta' 30%; |
(e) |
jekk is-sehem mis-suq fil-bidu ma jkunx aktar minn 30% iżda sussegwentement jitla’ għal aktar minn 35%, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tkompli tapplika għal sena kalendarja wara s-sena li fiha jkun inqabeż għall-ewwel darba il-livell ta' 35%; |
(f) |
il-benefiċċji tal-punti (d) u (e) ma jistgħux jingħaqdu sabiex jiġi ssuperat perjodu ta' sentejn kalendarji; |
(g) |
is-sehem mis-suq tal-impriżi msemmijin fil-punt (e) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) għandu jitqassam b'mod ugwali lil kull impriża li jkollha d-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2). |
Artikolu 8
Applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat
1. Biex jiġi kkalkulat il-fatturat annwali totali skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2), il-fatturat miksub matul is-sena finanzjarja preċedenti mill-parti rilevanti fl-akkordju vertikali u l-fatturat miksub mill-impriżi konnessi tagħha fir-rigward tal-oġġetti u s-servizzi kollha, esklużi t-taxxi u d-dazji l-oħra kollha, għandhom jingħaddu flimkien. Għal dan il-għan, m’għandhomx jitqiesu tranżazzjonijiet bejn il-parti fl-akkordju vertikali u l-impriżi konnessi tagħha jew bejn l-impriżi konnessi tagħha.
2. L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tibqa’ tapplika fejn, għal kwalunkwe perjodu ta' sentejn finanzjarji konsekuttivi, il-limitu tal-fatturat annwali totali jinqabeż b'mhux aktar minn 10%.
Artikolu 9
Perjodu tranżitorju
Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandhiex tapplika matul il-perjodu mill-1 ta' Ġunju 2010 sal-31 ta' Mejju 2011 fir-rigward ta’ akkordji li jkunu diġà fis-seħħ fil-31 ta' Mejju 2010 u li ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti f'dan ir-Regolament iżda li, fil-31 ta' Mejju 2010, ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 2790/1999.
Artikolu 10
Perjodu ta' validità
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2010.
Għandu jiskadi fil-31 ta' Mejju 2022.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ April 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(*) B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 81 tat-Trattat KE sar l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Iż-żewġ Artikoli huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, referenzi għall-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom, fejn xieraq, jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikolu 81 tat-Trattat KE.
(2) ĠU L 336, 29.12.1999, p. 21.