10.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 90/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 298/2010

tad-9 ta’ April 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1451/2007 dwar l-estensjoni tal-perjodu ta' żmien ta' derogi li jippermettu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 rigward it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 tal-4 ta' Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bijoċidali (2) jelenka fl-Anness II, lista eżawrjenti tas-sustanzi attivi eżistenti li għandha tkun evalwata skont il-programm ta' ħidma għall-kunsiderazzjoni sistematika ta' sustanzi attivi li diġà jinsabu fis-suq, minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-“programm ta' reviżjoni” u jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali li jkun fihom sustanzi attivi mhux elenkati f'dak l-Anness jew fl-Anness I jew IA għad-Direttiva 98/8/KE.

(2)

Madanakollu, ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007 jippermetti li l-Kummissjoni tagħti deroga minn dik il-projbizzjoni f'każijiet meta Stat Membru jqis li sustanza attiva hija essenzjali għal raġunijiet ta' saħħa, sikurezza jew protezzjoni ta' wirt kulturali jew is-sustanza tkun kritika għall-iffunzjonar tas-soċjetà u meta ma jkunx hemm disponibbli alternattivi ekonomikament jew teknikament fattibbli li jkunu aċċettabbli mill-perspettiva ambjentali u ta' saħħa u jistipula li Stati Membri jistgħu jippermettu t-tqegħid fis-suq ta' sustanzi attivi li jikkonsistu biss f'ikel jew għalf maħsub għall-użu bħala ripellant jew attrantant tal-prodott tat-tip 19.

(3)

Dawk id-derogi jistgħu attwalment jintużaw sal-14 ta' Mejju 2010, peress li l-programm ta' reviżjoni kien inizjalment previst li jaħdem sa dik il-ġurnata.

(4)

Id-Direttiva 98/8/KE, kif emendata mid-Direttiva 2009/107/KE (3) estendiet il-programm ta' reviżjoni sal-14 ta' Mejju 2014.

(5)

Għal raġunijiet ta' konsistenza, il-perjodu taż-żmien tad-derogi stipulati fl-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007 għandu jkun allinjat mal-perjodu taż-żmien tal-programm ta' reviżjoni.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5(3) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   B'kunsiderazzjoni għall-kummenti li rċeviet, il-Kummissjoni tista' tagħti deroga mill-Artikolu 4(1) u tippermetti t-tqegħid fis-suq tas-sustanzi tal-Istat Membru li jkun qed jitlob dan mhux aktar tard mid-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE sakemm l-Istati Membri:

(a)

jiżguraw li l-issoktar tal-użu jkun possibbli biss jekk il-prodotti li jkun fihom is-sustanza jiġu approvati għall-użu essenzjali maħsub;

(b)

jikkonkludu li, meta titqies l-informazzjoni kollha disponibbli, ikun raġonevoli li wieħed jassumi li l-issoktar tal-użu ma jkollu l-ebda effett inaċċettabbli fuq saħħet il-bniedem jew l-annimali jew fuq l-ambjent;

(c)

jimponu fl-approvazzjoni l-miżuri kollha xierqa għat-tnaqqis tar-riskji;

(d)

jiżguraw li tali prodotti bijoċidali approvati li jkunu baqgħu fis-suq wara l-1 ta’ Settembru 2006 jiġu ttikkettati mill-ġdid biex jaqblu mal-kundizzjonijiet tal-użu stipulati mill-Istati Membri skont dan il-paragrafu; kif ukoll

(e)

jiżguraw, li fejn xieraq, id-detenturi tal-approvazzjonijiet jew l-Istati Membri kkonċernati qed ifittxu alternattivi għal użi bħal dawn jew qed jitħejja dossier għas-sottomissjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 98/8/KE mhux aktar tard minn sentejn qabel id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE.”

(2)

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“B'deroga mill-Artikolu 4(1), l-Istati Membri jistgħu jippermettu, sa mhux aktar tard mid-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE, it-tqegħid fis-suq ta' sustanzi attivi li jikkonsistu biss f'ikel jew għalf maħsub għall-użu bħala ripellant jew attrantant tal-prodott tat-tip 19.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ April 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3.

(3)  ĠU L 262, 6.10.2009, p. 40.