10.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 37/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 116/2010

tad-9 ta’ Frar 2010

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-lista tal-affermazzjonijiet nutrittivi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u partikolarment l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jiddikjara li l-affermazzjonijiet nutrittivi magħmula dwar l-ikel għandhom jitħallew isiru biss jekk dawn ikunu elenkati fl-Anness tiegħu, li jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula wkoll li l-emendi għall-Anness għandhom jiġu adottati fejn meħtieġ, wara konsultazzjoni mal-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari (EFSA), minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Awtorità.

(3)

Qabel l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, il-Kummissjoni talbet l-opinjoni tal-Awtorità dwar l-affermazzjonijiet nutrittivi u l-kundizzjonijiet ta’ użu tagħhom li jikkonċernaw l-aċidi tax-xaħam omega-3, ix-xaħam mono mhux saturizzat, ix-xaħam poli mhux saturizzat u x-xaħam mhux saturizzat.

(4)

Fl-opinjoni tagħha adottata fis-6 ta’ Lulju 2005 (2), l-Awtorità tikkonkludi li l-aċidi tax-xaħam omega-3, ix-xaħam mono mhux saturizzat, ix-xaħam poli mhux saturizzat u x-xaħam mhux saturizzat għandhom sehem importanti fid-dieta. Xi xaħmijiet mhux saturizzati, bħal ma huma l-aċidi tax-xaħam omega-3 kultant jiġu kkunsmati f'livell li jkun anqas minn dak irrakkomandat. Għalhekk, l-affermazzjonijiet nutrittivi li jidentifikaw l-ikel bħala sors ta’ dawn in-nutrijenti, li hu rikk f’dawn in-nutrijenti jistgħu jgħinu lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet aktar tajba għal saħħithom. Madankollu, dawk l-affermazzjonijiet nutrittivi ma kinux inklużi fil-lista stabbilita fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, kif adottat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, billi l-kundizzjonijiet ta' użu tagħhom ma kinux għadhom jistgħu jiġu ddefiniti b’mod ċar.

(5)

Wara li ġew ikkjarifikati dawk il-kundizzjonijiet ta' użu, wara li tqieset ukoll l-opinjoni tal-Awtorità dwar l-ittikettjar tal-valuri ta’ referenza għall-konsum ta’ aċidi tax-xaħam omega-3 u omega-6 adottata fit-30 ta’ Ġunju 2009 (3), il-parir għalhekk hu li jiġu inklużi l-affermazzjonijiet ikkonċernati fil-lista.

(6)

F’dak li jikkonċerna l-affermazzjonijiet dwar “Sors tal-aċidi tax-xaħam omega-3” u “aċidi tax-xaħam b’livell għoli ta’ omega-3”, il-kundizzjonijiet ta’ użu għandhom jiddistingwu bejn iż-żewġ tipi ta’ aċidi tax-xaħam omega-3, li għandhom sehem fiżjoloġiku differenti u li għalihom huma rrakkomandati livelli differenti ta’ konsum. Barra minn hekk, dawk il-kundizzjonijiet ta’ użu għandhom jistabbilixxu kwantità minima mitluba għal kull 100g u 100kcal tal-prodott sabiex jiġi żgurat li ikel biss li jipprovdi ammont sinifikanti ta’ aċidi tax-xaħam omega-3 fil-livell tagħhom ta’ konsum jista’ jingħata dawn l-affermazzjonijiet.

(7)

F’dak li jikkonċerna l-affermazzjonijiet “B’livell għoli ta’ xaħam mono mhux saturizzat”, “B’livell għoli ta’ xaħam poli mhux saturizzat”, il-kundizzjonijiet ta’ użu għandhom jinħtieġu kontenut minimu ta’ xaħam mhux saturizzat fl-ikel, u, konsegwentement, jiżguraw li l-ammont affermat dejjem jikkorrispondi ma' ammont sinifikanti fil-livell ta’ konsum tagħhom milħuq permezz ta’ dieta bbilanċjata.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(2)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2005) 253, 1-29.

(3)  Il-Ġurnal tal-EFSA (2009) 1176, 1-11.


ANNESS

Fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, qed jiżdied it-test li ġej:

“SORS TAL-AĊIDI TAX-XAĦAM OMEGA-3

Affermazzjoni li l-ikel hu sors ta’ aċidi tax-xaħam omega-3, u kull affermazzjoni li probabbilment jista’ jkollha l-istess tifsira għall-konsumatur, tista’ ssir biss meta l-prodott ikun fih mill-inqas 0,3 g ta’ aċidi alpha-linolenic għal kull 100 g u għal kull 100 kcal, jew mill-inqas 40 mg tat-total tal-aċidu eicosapentaenoic u tal-aċidu docosahexaenoic flimkien għal kull 100 g u għal kull 100 kcal.

ĦAFNA AĊIDI TAX-XAĦAM OMEGA-3

Affermazzjoni li l-ikel għandu ħafna aċidi tax-xaħam omega-3, u kull affermazzjoni li probabbilment jista’ jkollha l-istess tifsira għall-konsumatur, tista’ ssir biss meta l-prodott ikun fih mill-inqas 0,6 g ta’ aċidi alpha-linolenic għal kull 100 g u għal kull 100 kcal, jew mill-inqas 80 mg tat-total tal-aċidu eicosapentaenoic u tal-aċidu docosahexaenoic flimkien għal kull 100 g u għal kull 100 kcal.

ĦAFNA XAĦAM MONO MHUX SATURIZZAT

Affermazzjoni li ikel għandu ħafna xaħam mono mhux saturizzat, u kull affermazzjoni li probabbilment għandha l-istess tifsira għall-konsumatur, tista' ssir biss meta tal-anqas 45 % tal-aċidi grassi li jkunu preżenti fil-prodott jittieħdu minn xaħam mhux saturizzat bil-kundizzjoni li xaħam mono mhux saturizzat jipprovdi aktar minn 20 % tal-enerġija tal-prodott.

ĦAFNA XAĦAM POLI MHUX SATURIZZAT

Affermazzjoni li ikel għandu ħafna xaħam poli mhux saturizzat, u kull affermazzjoni li probabbilment għandha l-istess tifsira għall-konsumatur, tista' ssir biss meta tal-anqas 45 % tal-aċidi grassi li jkunu preżenti fil-prodott jittieħdu minn xaħam poli mhux saturizzat bil-kundizzjoni li xaħam poli mhux saturizzat jipprovdi aktar minn 20 % tal-enerġija tal-prodott.

ĦAFNA XAĦAM MHUX SATURIZZAT

Affermazzjoni li ikel għandu ħafna xaħam mhux saturizzat u kull affermazzjoni li probabbilment għandha l-istess tifsira għall-konsumatur tista' ssir biss meta 70 % tal-aċidi tax-xaħam fil-prodott jiġu mix-xaħam mhux saturizzat bil-kundizzjoni li xaħam mhux saturizzat jipprovdi aktar minn 20 % tal-enerġija tal-prodott.”