10.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 37/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 115/2010

tad-9 ta’ Frar 2010

li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-użu tal-alumina għat-tneħħija tal-fluworidu mill-ilmijiet minerali naturali u mill-ilmijiet tan-nixxigħat

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali, u b'mod partikulari l-Artikolu 4(1)(c) u l-Artikolu 12(d) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni Nru 2003/40/KE tas-16 ta’ Mejju 2003 (2) li tistabbilixxi l-lista, il-limiti ta’ konċentrazzjoni u l-ħtiġijiet ta’ tikkettjar għall-kostitwenti tal-ilmijiet minerali naturali u l-kondizzjonijiet għall-użu ta’ arja arrikkita bl-ożonu għat-trattament ta’ ilmijiet minerali naturali u ilmijiet min-nixxigħat tiffissa l-limitu massimu tal-fluworidu fl-ilmijiet minerali naturali. F'dak li għandu x'jaqsam mal-ilma tan-nixxigħat, dan il-limitu hu ffissat bid-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 (3) dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem.

(2)

Biex l-operaturi jkunu jistgħu jikkonformaw ma' dawk id-Direttivi, it-trattament biex jitneħħa l-fluworidu mill-ilmijiet minerali naturali u mill-ilmijiet tan-nixxigħat bl-użu ta' alumina attivata (minn hawn 'il quddiem “it-trattament tat-tneħħija tal-fluworidu”) għandu jkun awtorizzat.

(3)

It-trattament tat-tneħħija tal-fluworidu m'għandux iżid fdalijiet mal-ilma trattat f'konċentrazzjonijiet li jistgħu jippreżentaw riskju għas-saħħa pubblika.

(4)

It-trattament tat-tneħħija tal-fluworidu għandu jkun notifikat lill-awtoritajiet kompetenti biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jeżerċitaw il-kontrolli neċessarji biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tat-trattament.

(5)

L-użu tat-trattament tat-tneħħija tal-fluworidu għandu jkun indikat fuq it-tikketta tal-ilma ttrattat.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u lanqas il-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponihom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   It-trattament tal-ilmijiet minerali naturali u l-ilmijiet tan-nixxigħat bl-alumina attivat biex jitneħħa l-fluworidu, minn hawn 'il quddiem “it-trattament tat-tneħħija tal-fluworidu”, għandu jkun permess.

L-ilmijiet minerali naturali u l-ilmijiet tan-nixxiegħa flimkien nirreferu għalihom minn hawn 'il quddiem bħala “ilma”.

2.   It-trattament tat-tneħħija tal-fluworidu għandu jitwettaq skont il-ħtiġijiet tekniċi kif iffissat fl-Anness.

Artikolu 2

L-introduzzjoni tal-fdalijiet fl-ilma bħala riżultat tat-trattament tat-tneħħija tal-fluworidu għandha tkun baxxa kemm huwa teknikament vijabbli skont l-aħjar prattiċi u m'għandhiex tippreżenta riskju lis-saħħa pubblika. Biex ikun żgurat dan, l-operatur għandu jimplimenta u jissorvelja l-istadji kritiċi tal-proċess stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

1.   L-applikazzjoni ta' trattament tat-tneħħija tal-fluworidu għandha tkun notifikata lill-awtoritajiet kompetenti tliet xhur qabel l-użu.

2.   Bin-notifika, l-operatur għandu jikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti relevanti l-informazzjoni, id-dokumentazzjoni u r-riżultati analitiċi dwar it-trattament li juru li jikkonforma mal-Anness.

Artikolu 4

It-tikketta fuq l-ilma li kien suġġett għal trattament tat-tneħħija tal-fluworidu għandha tinkludi, qrib l-istqarrija tal-kompożizzjoni analitika, l-indikazzjoni “ilma li ġie suġġett għal teknika tal-assorbiment awtorizzat”.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-prodotti li kienu introdotti fis-suq sal-10 ta’ Awissu 2010 u li ma jikkonformawx mal-Artikolu 4, jistgħu jitħallew fis-suq sal-10 ta’ Awissu 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 164, 26.6.2009, p. 45.

(2)  ĠU L 126, 22.5.2003, p. 34.

(3)  ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32.


ANNESS

Ħtiġijiet tekniċi għall-użu tal-alumina attivata għat-tneħħija tal-fluworidu mill-ilmijiet minerali naturali u mill-ilmijiet tan-nixxigħat

L-istadji kritiċi tal-proċess li ġejjin għandhom ikunu implimentati u ssorveljati kif inhu xieraq:

1.

Qabel ma tintuża l-alumina attivata għat-trattament tal-ilma, għandha tkun soġġetta għal proċedura ta' inizjazzjoni li tinkludi l-użu ta' kimiċi aċidużi jew alkalini biex jitneħħew kwalunkwe fdalijiet u tlaħliħa biex jitneħħa frak żgħir ħafna.

2.

Għandha tkun applikata proċedura ta' riġenerazzjoni f'intervalli ta' minn ġimgħa għal erba' ġimgħat skont il-kwalità tal-ilma u l-ammont ipproċessat. Din għandha tinkludi l-użu ta' kimiċi xierqa li jneħħu l-joni assorbiti sabiex tkun restawrata l-kapaċità ta' assorbiment tal-alumina attivata, u biex jitneħħew kwalunkwe biofilms possibbli li jkunu ffurmaw. Din il-proċedura għandha titwettaq fit-tliet stadji li ġejjin:

Trattament bl-idrossidu tas-sodju biex ineħħi l-joni tal-fluworidu u jinbidlu bl-joni tal-idrossidu.

Trattament b'aċtu li jneħħi il-fdal tal-idrossidu tas-sodju u jattiva l-aġent.

It-tlaħliħ bl-ilma tax-xorb jew demineralizzat u l-ikkundizzjonar bl-ilma bħala l-aħħar stadju sabiex ikun żgurat li l-filtru m'għandux impatt fuq il-kontenut minerali ġenerali tal-ilma ttrattat.

3.

Il-kimiċi u r-reaġenti użati għall-proċeduri ta' inizjalizzazzjoni u r-riġenerazzjoni għandhom jikkonformaw mal-istandards Ewropej relevanti (1) jew l-istandards nazzjonali applikabbli għall-purità tar-reaġenti kimiċi użati fit-trattament tal-ilma intiż għall-konsum mill-bniedem.

4.

L-alumina attivata għandha tikkonforma mal-istandard Ewropew għat-testijiet tat-tlissija (EN 12902) (2) biex ikun żgurat li l-ebda fdal mhu introdott fl-ilma li jirriżulta f'konċentrazzjonijiet li jaqbżu il-limiti stabbiliti bid-Direttiva 2003/40/KE jew fl-assenza ta' limiti f'dik id-Direttiva, il-limiti stabbiliti bid-Direttiva 98/83/KE jew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. L-ammont totali tal-joni tal-aluminju fl-ilma ttrattat bħala riżultat wara ir-rilaxx tal-aluminju, il-komponent ewlieni tal-alumina attivata, m'għandux jaqbeż il-200 microg/L, kif stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE. L-ammont għandu jkun iċċekkjat regolarment skont id-Direttiva tal-Kunsill.

5.

L-istadji tal-proċess għandhom ikunu suġġetti għal prattiċi tajba ta' manifattura u l-prinċipji tal-HACCP stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (3).

6.

L-operatur għandu jistabbilixxi programm ta' sorveljanza sabiex ikun żgurat il-funzjonar proprju tal-istadji tal-proċess b'mod partikulari fir-rigward taż-żamma tal-karatteristiċi essenzjali tal-ilma u l-kontenut tal-fluworidu tiegħu.


(1)  Standards Ewropej żviluppati mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN).

(2)  Standard Ewropew EN 12902 (2004) Prodotti użati għat-trattament tal-ilma intiż għall-konsum tal-bniedem. Materjal ta' appoġġ u inorganiku ta' filtraġġ.

(3)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.