26.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/1


DIRETTIVA 2010/64/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ottubru 2010

dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Franċiża, tar-Repubblika Taljana, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika Portugiża, tar-Rumanija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja (1),

Wara li l-abbozz ta’ att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni stabbilixxiet għaliha stess l-għan li żżomm u tiżviluppa spażju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Skont il-konklużjonjiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f’Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, u b’mod partikolari il-punt 33 tagħhom, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji għandu jsir il-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali ġewwa l-Unjoni, minħabba li r-rikonoxximent reċiproku mtejjeb u l-approssimazzjoni neċessarja tal-leġislazzjoni jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali.

(2)

Fid-29 ta’ Novembru 2000, f’konformità mal-konklużjonijiet ta’ Tampere, il-Kunsill adotta programm ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali (3). L-introduzzjoni għall-programm tiddikjara li r-rikonoxximent reċiproku huwa maħsub biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri iżda wkoll biex itejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet individwali.

(3)

L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali tippresupponi li l-Istati Membri għandhom fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin. Il-punt safejn jasal ir-rikonoxximent reċiproku jiddipendi ħafna fuq numru ta’ parametri, li jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ persuni suspettati jew akkużati u standards minimi komuni meħtieġa biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

(4)

Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet f’materji kriminali jista’ jaħdem b’mod effettiv biss fi spirtu ta’ fiduċja li fi ħdanu, mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda l-atturi kollha fil-proċess kriminali jikkunsidraw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra bħala ekwivalenti għal tagħhom, li jimplika mhux biss fiduċja fl-adegwatezza tar-regoli ta’ Stati Membri oħra, iżda wkoll fiduċja li dawk ir-regoli huma applikati korrettament.

(5)

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (“il-KEDB”) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) jistabbilixxu d-dritt għal proċess ġust. L-Artikolu 48(2) tal-Karta jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tad-difiża. Din id-Direttiva tirrispetta dawk id-drittijiet u għandha tiġi implimentata kif meħtieġ.

(6)

Minkejja li l-Istati Membri kollha huma parti għall-KEDB, l-esperjenza wriet li dik waħedha mhux dejjem tipprovdi livell suffiċjenti ta’ fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ Stati Membri oħra.

(7)

It-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka jirrikjedi implimentazzjoni iktar konsistenti tad-drittijiet u l-garanziji stipulati fl-Artikolu 6 tal-KEDB. Dan jirrikjedi wkoll, permezz ta’ din id-Direttiva u ta’ miżuri oħra, żvilupp ulterjuri fi ħdan l-Unjoni tal-istandards minimi stipulati fil-KEDB u fil-Karta.

(8)

L-Artikolu 82(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi l-istabbiliment ta’ regoli minimi applikabbli fl-Istati Membri sabiex ikunu faċilitati r-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li jkollhom dimensjoni transkonfinali. Il-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(2) jirriferi għad-“drittijiet tal-individwi fil-proċedura kriminali” bħala wieħed mill-oqsma li fihom jistgħu jiġu stabbiliti regoli minimi.

(9)

Regoli minimi komuni għandhom iwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri kollha, li bħala riżultat għandha twassal għal kooperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti fi klima ta’ fiduċja reċiproka. Regoli komuni minimi bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti fl-oqsma tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali.

(10)

Fit-30 ta’ Novebmru 2009, il-Kunsill adotta riżoluzzjoni dwar Pjan Direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali (4). Filwaqt li jieħu approċċ ta’ pass b’pass, il-Pjan Direzzjonali talab li jiġu adottati miżuri dwar id-drittijiet għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni (miżura A), id-dritt għal informazzjoni dwar drittijiet u informazzjoni dwar l-ispejjeż (miżura B), id-dritt għal parir legali u għal għajnuna legali (miżura C), id-dritt għal komunikazzjoni mal-qraba, min jimpjega u l-awtoritajiet konsulari (miżura D), u salvagwardji speċjali għall-persuni suspettati jew akkużati li jkunu vulnerabbli (miżura E).

(11)

Fil-Programm ta’ Stokkolma, adottat fl-10 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill Ewropew laqa’ b’interess il-Pjan Direzzjonali u għamlu parti mill-Programm ta’ Stokkolma (il-punt 2.4). Il-Kunsill Ewropew issottolinja n-natura mhux eżawrjenti tal-Pjan Direzzjonali, billi stieden lill-Kummissjoni biex teżamina elementi addizzjonali ta’ drittijiet proċedurali minimi għall-persuni suspettati u akkużati, u biex tevalwa jekk hemmx bżonn li jiġu indirizzati kwistjonijiet oħra, pereżempju l-preżunzjoni ta’ innoċenza, biex tkun promossa kooperazzjoni aħjar f’dak il-qasam.

(12)

Din id-Direttiva tirrigwarda l-miżura A tal-Pjan Direzzjonali. Din tistabbilixxi standards minimi komuni li għandhom jiġu applikati fl-oqsma tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni fil-proċedimenti kriminali bil-għan li tittejjeb il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri.

(13)

Din id-Direttiva hija mfassla fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali tat-8 ta’ Lulju 2009 u fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali tad-9 ta’ Marzu 2010.

(14)

Id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni għal dawk li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti huma stabbiliti fl-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretati fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din id-Direttiva tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dawk id-drittijiet fil-prattika. Għal dak l-għan, il-mira ta’ din id-Direttiva hija li tiżgura d-drittijiet ta’ persuni suspettati jew akkużati għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali bil-ħsieb li tiżgura d-dritt tagħhom għal proċess ġust.

(15)

Id-drittijiet previsti f’din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll, bħala miżuri meħtieġa ta’ akkumpanjament, għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (5) fil-limiti previsti minn din id-Direttiva. L-Istati Membri ta’ eżekuzzjoni għandhom jipprovdu, u jassumu l-ispejjeż tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għall-benefiċċju tal-persuni mitluba li ma jifhmux jew ma jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti.

(16)

F’xi Stati Membri awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali għandha kompetenza biex timponi sanzjonijiet fir-rigward ta’ reati relattivament żgħar. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fir-rigward ta’ reati tat-traffiku li jitwettqu fuq skala kbira u li jistgħu jiġu stabbiliti wara kontroll tat-traffiku. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, ma jkunx raġonevoli li l-awtorità kompetenti tkun rikjesta tiżgura d-drittijiet kollha skont din id-Direttiva. Meta l-liġi ta’ Stat Membru tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni fir-rigward ta’ reati żgħar minn tali awtorità u jkun hemm dritt ta’ appell lil qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, din id-Direttiva għandha għaldaqstant tapplika biss għall-proċedimenti quddiem dik il-qorti wara tali appell.

(17)

Din id-Direttiva għandha tiżgura li jkun hemm assistenza lingwistika bla ħlas u adegwata, li tagħmilha possibbli għall-persuni suspettati jew akkużati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tad-difiża u li tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

(18)

Għandha tkun provduta interpretazzjoni għall-benefiċċju tal-persuni suspettati jew akkużati mingħajr dewmien. Madankollu, meta jgħaddi ċertu perijodu ta’ żmien qabel ma tiġi provduta l-interpretazzjoni, dan m’għandhux jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżit li l-interpretazzjoni għandha tkun provduta mingħajr dewmien, sakemm dak il-perijodu ta’ żmien ikun raġonevoli fiċ-ċirkostanzi.

(19)

Il-komunikazzjoni bejn il-persuni suspettati jew akkużati u l-avukat tagħhom għandha tiġi interpretata f’ konformita’ ma’ din id-Direttiva. Il-persuni suspettati jew akkużati għandhom ikunu kapaċi, inter alia, jispjegaw lill-avukat tagħhom il-verżjoni tagħhom tal-fatti, jindikaw kwalunkwe dikjarazzjoni li ma jaqblux magħha u jagħmlu lill-avukat konxju dwar kwalunkwe fatt li għandu jiġi ppreżentat għad-difiża tagħhom.

(20)

Bl-għan li tiġi ppreparata d-difiża, il-komunikazzjoni bejn il-persuni suspettati jew akkużati u l-avukat tagħhom b’konnessjoni diretta ma’ kwalunkwe mistoqsija jew smigħ matul il-proċedimenti, jew mat-tressiq ta’ appell jew applikazzjonijiet proċedurali oħra, bħall-ħelsien mill-arrest taħt garanzija, għandha tiġi interpretata meta dan ikun meħtieġ sabiex tiġi ssalvagwardata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

(21)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm proċedura jew mekkaniżmu fis-seħħ biex jiddeterminaw jekk il-persuni suspettati jew akkużati jifhmux u jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali u jeħtieġux l-assistenza ta’ interpretu. Tali proċedura jew mekkaniżmu jimplika li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw bi kwalunkwe mod adatt, inkluż billi jiġu kkonsultati l-persuni suspettati jew akkużati, jekk dawn jifhmux u jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali u jekk tinħtieġx l-assistenza ta’ interpretu.

(22)

L-interpretazzjoni u t-traduzzoni skont din id-Direttiva għandhom ikunu pprovduti bil-lingwa nattiva tal-persuni suspettati jew akkużati jew bi kwalunkwe lingwa oħra li dawn jitkellmu jew jifhmu sabiex ikun possibbli għalihom li jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża, u sabiex tiġi ssalvagwardata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

(23)

Ir-rispett tad-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni li jinsabu f’din id-Direttiva m’għandhom jikkompromettu l-ebda dritt proċedurali ieħor provdut skont il-liġi nazzjonali.

(24)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi eżerċitat kontroll fuq l-adegwatezza tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni pprovduti meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu ġew avżati b’każ partikolari.

(25)

Il-persuni suspettati jew akkużati jew il-persuni soġġetti għal proċedimenti għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkollhom id-dritt li jikkontestaw il-konklużjoni li m’hemm l-ebda ħtieġa għal interpretazzjoni, skont proċeduri fil-liġi nazzjonali. Dak id-dritt ma jinvolvix l-obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu għal mekkaniżmu separat jew għal proċedura ta’ lment li fiha tista’ tiġi kkontestata konklużjoni bħal din u m’għandux jippreġudika l-limiti ta’ żmien applikabbli għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

(26)

Meta l-kwalità tal-interpretazzjoni tkun meqjusa insuffiċjenti biex tiżgura d-dritt għal proċess ġust, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jissostitwixxu l-interpretu maħtur.

(27)

Id-dover ta’ kura lejn il-persuni suspettati jew akkużati li huma f’pożizzjoni potenzjalment dgħajfa, b’mod partikolari minħabba kwalunkwe indeboliment fiżiku li jaffettwa l-abbiltà tagħhom li jikkomunikaw b’mod effettiv, huwa l-bażi ta’ amministrazzjoni retta tal-ġustizzja. Il-prosekuzzjoni, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji għandhom għalhekk jiżguraw li tali persuni jkunu kapaċi jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet previsti f’din id-Direttiva, per eżempju billi titqies kwalunkwe vulnerabbiltà potenzjali li taffettwa l-abbiltà tagħhom li jsegwu l-proċedimenti u li jiġu mifhuma u billi jieħdu l-passi adatti biex jiżguraw dawk id-drittijiet.

(28)

Meta tintuża l-konferenza bil-vidjo bil-għan tal-interpretazzjoni remota, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jużaw l-għodod li qed jiġu żviluppati fil-kuntest tal-Ġustizzja Elettronika Ewropea (per eżempju informazzjoni dwar il-qrati b’tagħmir jew manwali għall-konferenzi bil-vidjo).

(29)

Din id-Direttiva għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-esperjenza prattika miksuba. Jekk ikun xieraq, għandha tiġi emendata sabiex ittejjeb is-salvagwardji li tistabbilixxi.

(30)

Is-salvagwardja tal-ġustizzja fil-proċedimenti teħtieġ li d-dokumenti essenzjali, jew tal-anqas il-partijiet rilevanti ta’ tali dokumenti, għandhom jiġu tradotti għall-benefiċċju tal-persuni suspettati jew akkużati b’konformità ma’ din id-Direttiva. Ċerti dokumenti għandhom dejjem jitqiesu bħala dokumenti essenzjali għal dak il-għan u għalhekk għandhom jiġu tradotti, bħal kwalunkwe deċiżjoni li ċċaħħad lill-persuna mil-libertà tagħha, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża, u kwalunkwe sentenza. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiddeċiedu, fuq mozzjoni tagħhom stess jew fuq talba tal-persuni suspettati jew akkużati jew tal-avukat tagħhom, liema dokumenti oħra huma essenzjali għas-salvagwardja tal-ġustizzja tal-proċedimenti u li għandhom għalhekk jiġu tradotti wkoll.

(31)

L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-bażijiet ta’ data nazzjonali għat-tradutturi jew interpreti legali meta tali bażijiet ta’ data jkunu jeżistu. F’dak il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-għan li jiġi provdut l-aċċess għall-bażijiet eżistenti ta’ data permezz tal-portal E-Justice, kif ippjanat fil-pjan ta’ azzjoni pluriennali dwar l-e-Justice Ewropea tas-27 ta’ Novembru 2008 (6).

(32)

Din id-Direttiva għandha tistipula regoli minimi. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni wkoll f’sitwazzjonijiet li mhumiex ittrattati b’mod espliċitu f’din id-Direttiva. Il-livell ta’ protezzjoni qatt m’għandu jaqa’ taħt l-istandards previsti mill-KEDB jew mill-Karta, kif interpretati fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jew tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(33)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, li jikkorrispondu għal drittijiet garantiti mill-KEDB u mill-Karta, għandhom jiġu interpretati u implimentati b’mod konsistenti ma’ dawk id-drittijiet, kif interpretati fil-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(34)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jinkisbu standards komuni minimi, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(35)

F’konformita’ mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(36)

F’konformita’ mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

2.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw għal persuni minn meta jkunu ġew infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, permezz ta’ nofitika uffiċjali jew notifika oħra, li huma suspettati jew akkużati li wettqu reat kriminali sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti, li huwa mifhum li jfisser il-konklużjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk huma wettqux ir-reat, inkluż, meta applikabbli, l-għoti ta’ sentenzi u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.

3.   Meta l-liġi ta’ Stat Membru tipprovdi għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni fir-rigward ta’ reati żgħar minn awtorità li ma tkunx qorti li jkollha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet kriminali, u l-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni tkun tista’ tiġi appellata f’qorti bħal din, din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-proċedimenti quddiem dik il-qorti wara tali appell.

4.   Din id-Direttiva ma taffettwax il-liġi nazzjonali dwar il-preżenza ta’ avukat matul kwalunkwe stadju tal-proċedimenti kriminali, u lanqas ma taffettwa l-liġi nazzjonali dwar id-dritt għal aċċess tal-persuna suspettata jew akkużata għal dokumenti fil-proċedimenti kriminali.

Artikolu 2

Dritt għall-interpretazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni suspettati jew akkużati li ma jifhmux jew ma jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati, jiġu pprovduti b’interpretazzjoni mingħajr dewmien matul proċedimenti kriminali quddiem l-awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji, inkluż waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, is-seduti tal-qorti kollha u kwalunkwe seduti interim meħtieġa.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta neċessarju bil-għan li tkun issalvagwardjata l-ġustizzja fil-proċedimenti, l-interpretazzjoni tkun disponibbli għall-komunikazzjoni bejn il-persuni suspettati jew akkużati u l-avukat tagħhom b’konnessjoni diretta ma’ kwalunkwe mistoqsija jew smigħ matul il-proċedimenti jew mat-tressiq ta’ appell jew applikazzjonijiet proċedurali oħra.

3.   Id-dritt għall-interpretazzjoni skont il-paragrafi 1 u 2 jinkludi l-assistenza xierqa għal persuni bi problemi ta’ smigħ jew taħdit.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm proċedura jew mekkaniżmu fis-seħħ biex jiddeterminaw jekk il-persuni suspettati jew akkużati jifhmux u jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali u jeħtieġux l-assistenza ta’ interpretu.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont proċeduri fil-liġi nazzjonali, il-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jikkontestaw deċiżjoni li tikkonkludi li m’hemmx il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni u, meta tiġi provduta l-interpretazzjoni, il-possibbiltà li jilmentaw li l-kwalità tal-interpretazzjoni mhix suffiċjenti biex tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti.

6.   Fejn xieraq, tista’ tintuża teknoloġija tal-komunikazzjoni bħall-konferenzi bil-vidjo jew komunikazzjoni bit-telefon jew Internet, sakemm il-preżenza fiżika tal-interpretu ma tkunx rikjesta sabiex tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

7.   Fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jipprovdu lill-persuni li huma soġġetti għal tali proċedimenti li ma jifhmux jew ma jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti, b’interpretazzjoni skont dan l-Artikolu.

8.   L-interpretazzjoni provduta skont dan l-Artikolu għandha tkun ta’ kwalità suffiċjenti biex tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti, b’mod partikolari billi tiżgura li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom l-għarfien tal-każ kontrihom u jkunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Artikolu 3

Dritt għat-traduzzjoni ta’ dokumenti essenzjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, persuni suspettati jew akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati jiġu, f’perijodu raġonevoli ta’ żmien, pprovduti bi traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti kollha li huma essenzjali biex ikun żgurat li dawn ikunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u biex tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

2.   Id-dokumenti essenzjali għandhom jinkludu kwalunkwe deċiżjoni li jċaħħdu lil persuna mil-libertà tagħha, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża, u kwalunkwe sentenza.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fi kwalunkwe każ partikolari, jiddeċiedu jekk huwiex essenzjali kwalunkwe dokument ieħor. Il-persuni suspettati jew akkużati, jew l-avukat tagħhom, jistgħu jippreżentaw talba motivata għal dak il-għan.

4.   M’għandhux ikun hemm ħtieġa li jiġu tradotti partijiet minn dokumenti essenzjali li mhumiex rilevanti sabiex il-persuni suspettati jew akkużati jkollhom l-għarfien tal-każ kontrihom.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont proċeduri fil-liġi nazzjonali, il-persuni suspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jikkontestaw deċiżjoni li tikkonkludi li m’hemmx il-ħtieġa tat-traduzzjoni ta’ dokumenti jew partijiet minnhom u, meta tiġi provduta traduzzjoni, il-possibbiltà li jilmentaw li l-kwalità tad-traduzzjoni mhix suffiċjenti biex tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti.

6.   Fi proċedimenti għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu jipprovdu lil kwalunkwe persuna li hi suġġetta għal tali proċedimenti li ma tifhimx il-lingwa li biha tfassal il-mandat ta’ arrest Ewropew, jew li ġie tradott għaliha mill-Istat Membru tal-ħruġ, bi traduzzjoni bil-miktub ta’ dak id-dokument.

7.   Bħala eċċezzjoni għar-regoli ġenerali stabbiliti fil-paragrafi 1, 2, 3 u 6, traduzzjoni orali jew sommarju orali tad-dokumenti essenzjali msemmija f’dan l-Artikolu jistgħu jiġu pprovduti minflok traduzzjoni bil-miktub bil-kondizzjoni li tali traduzzjoni jew sommarju ma jippreġudikawx il-ġustizzja tal-proċedimenti.

8.   Kwalunkwe rinunzja għad-dritt għal traduzzjoni ta’ dokumenti msemmija f’dan l-Artikolu għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti li l-persuni suspettati jew akkużati jkunu irċevew parir legali minn qabel jew ikunu kisbu b’mod ieħor għarfien sħiħ tal-konsegwenzi ta’ din ir-rinunzja tad-dritt, u li r-rinunzja kienet inekwivokabbli u ngħatat volontarjament.

9.   It-traduzzjoni provduta skont dan l-Artikolu għandha tkun ta’ kwalità suffiċjenti biex tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti, b’mod partikolari billi tiżgura li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom l-għarfien tal-każ kontrihom u jkunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Artikolu 4

Spejjeż tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni

L-Istati Membri għandhom jilħqu l-ispejjeż tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikoli 2 u 3, irrispettivament mill-eżitu tal-proċedimenti.

Artikolu 5

Kwalità tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri konkreti biex jiżguraw li l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni pprovduti jissodisfaw il-kwalità rikjesta skont l-Artikolu 2(8) u l-Artikolu 3(9).

2.   Sabiex jippromovu l-adegwatezza tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni u aċċess effiċenti għalihom, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu reġistru jew reġistri ta’ tradutturi u interpreti indipendenti li huma kwalifikati b’mod xieraq. Tali reġistru jew reġistri, meta jiġu stabbiliti, għandhom, fejn xieraq, isiru disponibbli għall-avukati jew għall-awtoritajiet rilevanti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-interpreti u t-tradutturi jintalbu li josservaw il-kunfidenzjalità dwar l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni pprovduti skont din id-Direttiva.

Artikolu 6

Taħriġ

Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura tul l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu minn dawk responsabbli mit-taħriġ tal-imħallfin, il-prosekuturi jew il-persunal ġudizzjarju involuti fi proċedimenti kriminali biex jagħtu attenzjoni speċjali lill-elementi partikolari tal-komunikazzjoni bl-assisentenza ta’ interpretu sabiex tkun żgurata komunikazzjoni effiċenti u effettiva.

Artikolu 7

Żamma ta’ rekords

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta persuna suspettata jew akkużata tkun ġiet soġġetta għal mistoqsija jew smigħ minn awtorità investigattiva jew ġudizzjarja bl-għajnuna ta’ interpretu skont l-Artikolu 2, meta tkun ġiet ipprovduta traduzzjoni orali jew sommarju orali tad-dokumenti essenzjali fil-preżenza ta’ tali awtorità skont l-Artikolu 3(7), jew persuna tkun irrinunzjat id-dritt għat-traduzzjoni skont l-Artikolu 3(8), għandu jinżamm rekord, billi tintuża l-proċedura ta’ rrekordjar f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 8

Nonrigressjoni

Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jiġi miftiehem bħala li jillimita lil jew jidderoga minn kwalunkwe dritt u salvagwardja proċedurali li huma żgurati skont il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-liġi internazzjonali jew il-liġi ta’ kwalunkwe Stat Membru li tipprovdi livell ta’ protezzjoni ogħla.

Artikolu 9

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-27 ta’ Ottubru 2013.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu t-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom ikunu stipulati mill-Istati Membri.

Аrtikolu 10

Rapport

Il-Kummisjoni għandha, sas-27 ta’ Ottubru 2014, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta l-punt safejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva flimkien, jekk meħtieġ, ma’ proposti leġislattivi.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  ĠU C 69, 18.3.2010, p. 1.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2010.

(3)  ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

(4)  ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1.

(5)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).

(6)  ĠU C 75, 31.3.2009, p. 1.