22.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/1


DIRETTIVA 2010/45/UE TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2010

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) tistabbilixxi l-kondizzjonijiet u r-regoli dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem il-“VAT”) fir-rigward ta’ fatturi, sabiex tiżgura l-iffunzjonar adatt tas-suq intern. Skont l-Artikolu 237 ta’ dik id-Direttiva, il-Kummissjoni ppreżentat rapport li jidentifika, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, ċerti diffikultajiet dwar il-fatturazzjoni elettronika u li, barra minn hekk, jidentifika wkoll ċerti oqsma oħra li fihom ir-regoli tal-VAT għandhom ikunu simplifikati biex itejbu l-iffunzjonar tas-suq intern.

(2)

Peress li jeħtieġ li ż-żamma tad-dokumenti tkun suffiċjenti biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw il-merkanzija li tgħaddi temporanjament minn Stat Membru għall-ieħor, irid ikun ċar li ż-żamma tad-dokumenti għandha tinkludi d-dettalji tal-valutazzjonijiet tal-merkanzija li tgħaddi temporanjament bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, għal finijiet ta’ valutazzjoni, it-trasferiment ta’ merkanzija lejn Stat Membru ieħor m’għandux jitqies bħala provvista ta’ merkanzija għall-finijiet ta’ VAT.

(3)

Ir-regoli dwar il-ħlas tal-VAT fuq provvisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija u fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija għandhom ikunu kkjarifikati sabiex jiżguraw l-uniformità tal-informazzjoni li tiġi sottomessa fid-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi kif ukoll il-perijodu ta’ żmien għall-iskambju ta’ informazzjoni permezz ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet. Barra minn hekk huwa opportun li l-provvista kontinwa ta’ merkanzija minn Stat Membru għall-ieħor matul perijodu ta’ iktar minn xahar kalendarju wieħed għandha titqies bħala kompluta fi tmiem kull xahar kalendarju.

(4)

Biex ikunu megħjuna l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex iħallsu l-VAT lill-awtorità kompetenti qabel ma jkunu rċevew il-ħlas mill-klijenti tagħhom, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla biex jippermettu li l-VAT tinħadem permezz ta’ sistema bbażata fuq ħlasijiet, li tippermetti lill-fornitur biex iħallas il-VAT lill-awtorità kompetenti wara li dan jirċievi l-ħlas għal provvista u li tistabbilixxi d-dritt tiegħu għat-tnaqqis meta jħallas għal provvista. Dan għandu jippermetti lill-Istati Membri biex jintroduċu sistema bbażata fuq ħlasijiet fakultattivi li ma jkollhiex effett negattiv fuq il-bilanċ ta’ dħul ta’ flus relatat mal-irċevuti tal-VAT tagħhom.

(5)

Biex in-negozji jkollhom iċ-ċertezza legali rigward l-obbligi tagħhom għall-fatturazzjoni, l-Istat Membru li tiegħu japplikaw ir-regoli dwar il-fatturazzjoni għandu jkun iddikjarat b’mod ċar.

(6)

Bil-ħsieb tat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern, jeħtieġ li jiġi impost limitu ta’ żmien armonizzat għall-ħruġ ta’ fattura fir-rigward ta’ ċerti provvisti transkonfinali.

(7)

Ċerti rekwiżiti dwar l-informazzjoni li trid tiġi fornuta dwar il-fatturi għandhom ikunu emendati ħalli jippermettu kontroll fiskali aħjar, biex joħolqu trattament aktar uniformi bejn provvisti transkonfinali u lokali u biex jgħinu wkoll fil-promozzjoni tal-fatturazzjoni elettronika.

(8)

Peress li l-użu ta’ fatturazzjoni elettronika jista’ jgħin lin-negozji biex inaqqsu l-ispejjeż u jkunu aktar kompetittivi, ir-rekwiżiti attwali tal-VAT fuq il-fatturazzjoni elettronika għandhom jiġu riveduti biex jitneħħew il-piżijiet u l-ostakoli għall-użu. Il-fatturi fuq karta u l-fatturi elettroniċi għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali u l-piż amministrattiv għall-fatturazzjoni fuq karta m’għandux jiżdied.

(9)

Għandu japplika wkoll trattament ugwali fir-rigward tal-kompetenzi tal-awtoritajiet fiskali. Il-kompetenzi ta’ kontroll tagħhom u d-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni taxxabbli għandhom japplikaw b’mod ugwali sew jekk persuna taxxabbli tagħżel li toħroġ fatturi fuq karta sew jekk tagħżel li toħroġ fatturi elettroniċi.

(10)

Jeħtieġ li l-fatturi jirriflettu provvisti attwali u l-awtentiċità, l-integrità u l-leġġibilità tagħhom għalhekk għandhom jiġu żgurati. Il-kontrolli tan-negozju jistgħu jintużaw biex jiġu stabbiliti rekords affidabbli tal-verifika li jorbtu l-fatturi mal-provvisti, biex b’hekk jiġi żgurat li kwalunkwe fattura (sew jekk fil-forma ta’ karta sew jekk elettronika) tikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti.

(11)

L-awtentiċità u l-integrità ta’ fatturi elettroniċi jistgħu jiġu żgurati wkoll bl-użu ta’ ċerti teknoloġiji eżistenti, bħall-Iskambju Elettroniku ta’ Data (EDI) u firem elettroniċi avvanzati. Madankollu, peress li jeżistu teknoloġiji oħrajn, il-persuni taxxabbli m’għandhomx ikunu meħtieġa jużaw xi teknoloġija partikolari ta’ fatturazzjoni elettronika.

(12)

Għandu jkun iċċarat li meta persuna taxxabbli taħżen fatturi online li hija tkun ħarġet jew irċeviet, l-Istat Membru li fih tkun dovuta t-taxxa, barra mill-Istat Membru fejn il-persuna taxxabbli tkun stabbilita, għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess għal dawk il-fatturi għal finijiet ta’ kontroll.

(13)

Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva rigward is-simplifikazzjoni, l-immodernizzar u l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-fatturazzjoni tal-VAT ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, għalhekk, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi.

(14)

Skont il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (2), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess, li, sa fejn huwa possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(15)

Għalhekk id-Direttiva 2006/112/KE għandha tkun emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE

Id-Direttiva 2006/112/KE qed tiġi emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 17(2), il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

il-provvista ta’ servizz li jsir lil persuna taxxabbli u li jikkonsisti f’valutazzjonijiet ta’, jew xogħol fuq, il-merkanzija kkonċernata li jsir fiżikament fit-territorju tal-Istat Membru li fih jintemm id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija, sakemm il-merkanzija, wara li tkun ġiet ivvalutata jew ikun sar ix-xogħol fuqha, terġa’ tintbagħat lil dik il-persuna taxxabbli fl-Istat Membru li minnu din kienet intbagħtet jew ġiet ittrasportata oriġinarjament;”;

(2)

Fl-Artikolu 64, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-provvisti kontinwi ta’ merkanzija matul perijodu ta’ aktar minn xahar kalendarju li jintbagħtu jew jiġu ttrasportati lejn Stat Membru li mhux dak li fih jibda d-dispaċċ jew it-trasport ta’ dik il-merkanzija u li jiġu fornuti bħala eżentati mill-VAT jew li jiġu ttrasferiti bħala eżentati mill-VAT lejn Stat Membru ieħor minn persuna taxxabbli għall-finijiet tan-negozju tiegħu, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 138, għandhom jitqiesu bħala kompluti meta jiskadi kull xahar kalendarju sakemm il-provvista tasal fit-tmiem.

Il-provvisti ta’ servizzi li għalihom trid titħallas il-VAT mill-klijent skont l-Artikolu 196, li jiġu fornuti kontinwament matul perijodu ta’ aktar minn sena u li ma jwasslux għal dikjarazzjonijiet ta’ kont jew għal ħlasijiet matul dak il-perijodu, għandhom jitqiesu bħala kompluti meta tiskadi kull sena kalendarja sakemm tintemm il-provvista tas-servizzi.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, f’ċerti każijiet minbarra dawk imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-provvista kontinwa ta’ merkanzija jew servizzi matul perijodu ta’ żmien għandha titqies bħala kompluta ta’ mill-inqas f’intervalli ta’ sena.”;

(3)

Fl-Artikolu 66, l-ewwel paragrafu, il-punt (c) u t-tieni paragrafu huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

fejn fattura ma tinħariġx, jew tinħareġ tard, fi żmien speċifikat mkux aktar tard mill-iskadenza tal-limitu ta’ żmien għall-ħruġ ta’ fatturi imposti mill-Istati Membri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 222 jew fejn ma jkun ġie impost l-ebda limitu ta’ żmien bħal dan mill-Istat Membru, f’perijodu speċifikat mid-data tal-avveniment li jagħti lok għall-ħlas.

Madankollu, id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu għandha tapplika għall-provvisti ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom il-VAT hija pagabbli mill-klijent skont l-Artikolu 196 u għall-provvisti jew it-trasferimenti ta’ merkanzija msemmija fl-Artikolu 67.”;

(4)

L-Artikolu 67 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 67

Fejn, f’konformità mal-kondizzjonijiet imniżżlin fl-Artikolu 138, merkanzija li tintbagħat jew tiġi ttrasportata lejn Stat Membru li mhuwiex dak li fih jibda d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija hija fornuta bħala eżentata mill-VAT jew fejn merkanzija hija ttrasferita bħala eżentata mill-VAT lejn Stat Membru ieħor minn persuna taxxabbli għall-finijiet tan-negozju tagħha, il-VAT għandha ssir dovuta mal-ħruġ tal-fattura, jew mal-iskadenza tal-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 222 jekk ma tkun inħarġet l-ebda fattura sa dak il-waqt.

L-Artikolu 64(1), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 64(2) u l-Artikolu 65 m’għandhomx japplikaw fir-rigward tal-provvisti u t-trasferimenti ta’ merkanzija msemmijin fl-ewwel paragrafu.”;

(5)

L-Artikolu 69 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 69

Fil-każ tal-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, il-VAT għandha ssir dovuta mal-ħruġ tal-fattura, jew mal-iskadenza tal-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 222 jekk ma tkun inħarġet l-ebda fattura sa dik il-waqt.”;

(6)

Fl-Artikolu 91(2), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Minflok, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw l-użu tal-aħħar rata tal-kambju ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-waqt li fih issir dovuta t-taxxa. Il-konverżjoni bejn il-muniti barra mill-Euro għandha ssir bl-użu tar-rata tal-kambju mal-euro ta’ kull munita. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jiġu nnotifikati dwar l-eżerċizzju ta’ din l-għażla mill-persuna taxxabbli.

Madakollu, għal xi transazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jew għal ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli, l-Istati Membri jistgħu jużaw ir-rata tal-kambju stabbilita f’konformità mad-dispożizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ li jirregolaw il-kalkolu tal-valur għal skopijiet ta’ dwana.”;

(7)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 167a

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu fi skema fakultattiva li d-dritt għat-tnaqqis ta’ persuna taxxabbli li l-VAT tagħha ssir dovuta unikament f’konformità mal-Artikolu 66 (b) għandu jiġi pospost sakemm il-VAT fuq il-merkanzija jew is-servizzi pprovduti titħallas lill-fornitur tagħha.

L-Istati Membri li japplikaw l-iskema fakultattiva msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jistabbilixxu limitu massimu għall-persuni taxxabbli li jużaw l-iskema fit-territorju tagħhom, abbażi tal-fatturazzjoni annwali tal-persuna taxxabbli, skont l-Artikolu 288. Dak il-limitu massimu m’għandux ikun aktar minn EUR 500 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jżidu dak il-limitu massimu sa EUR 2 000 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali wara li jikkonsultaw lill-Kumitat tal-VAT. Madankollu, din il-konsultazzjoni mal-Kumitat tal-VAT m’għandhiex tkun meħtieġa għall-Istati Membri li applikaw limitu massimu ogħla minn EUR 500 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali fil-31 ta’ Diċembru 2012.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kumitat tal-VAT dwar il-miżuri leġislattivi nazzjonali adottati skont l-ewwel paragrafu.”;

(8)

L-Artikolu 178 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

għall-finijiet ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, dan irid ikollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI;”;

(b)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

għall-finijiet ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 168(c), fir-rigward ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, dan irid jinkludi fil-formola tal-VAT prevista fl-Artikolu 250 l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-ammont ta’ VAT dovut li jrid jiġi kkalkulat għall-akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija u għandu jkollu fattura magħmula skont it-Taqsimiet 3 sa 5 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI;”;

(9)

L-Artikolu 181 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 181

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw persuna taxxabbli li m’għandhiex fattura mfassla skont it-Taqsimiet 3, sa 5 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI li tagħmel it-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 168(c) fir-rigward tal-akkwisti intra-Komunitarji tagħha ta’ merkanzija.”;

(10)

Fl-Artikolu 197(1), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-fattura maħruġa mill-persuna taxxabbli li mhix stabbilita fl-Istat Membru tal-persuna li lilha tiġi fornuta l-merkanzija għandha ssir skont it-Taqsimiet 3 sa 5 tal-Kapitolu 3.”;

(11)

L-Artikolu 217 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 217

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘fattura elettronika’ tfisser fattura li jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa f’din id-Direttiva, u li tkun ħarġet u ġiet riċevuta fi kwalunkwe format elettroniku.”;

(12)

Fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XI, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 219a

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 244 sa 248, għandu japplika dan li ġej:

1.

Il-fatturazzjoni għandha tkun soġġetta għar-regoli li japplikaw fl-Istat Membru fejn ikun meqjus li tkun saret il-provvista tal-merkanzija jew is-servizzi, skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V.

2.

Permezz ta’ deroga mill-punt (1), il-fatturazzjoni għandha tkun soġġetta għar-regoli li japplikaw fl-Istat Membru li fih il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss li minnu ssir il-provvista jew, fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, l-Istat Membru fejn il-fornitur ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew li s-soltu jkun residenti fih, fejn:

a)

il-fornitur ma jkunx stabbilit fl-Istat Membru li fih il-provvista tal-merkanzija jew is-servizzi hija meqjusa li tkun saret, skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V, jew l-istabbiliment tiegħu f’dak l-Istat Membru ma jintervjenix fil-provvista fis-sens tal-Artikolu 192a, u l-persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT tkun il-persuna li lilha jkunu ġew fornuti l-merkanzija jew is-servizzi.

Madankollu fejn il-klijent joħroġ il-fattura (awtofatturazzjoni), għandu japplika l-punt (1).

b)

il-provvista tal-merkanzija jew servizzi ma tkunx meqjusa li saret ġewwa l-Komunità, skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V.”;

(13)

L-Artikolu 220 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 220

1.   Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li, fir-rigward ta’ dan li ġej, tinħareġ fattura, jew minnha nfisha jew mill-klijent tagħha jew, f’isimha u għan-nom tagħha, minn parti terza:

(1)

provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li hi tkun għamlet lil persuna taxxabbli oħra jew lil persuna ġuridika li mhix taxxabbli;

(2)

provvisti ta’ merkanzija kif imsemmija fl-Artikolu 33;

(3)

provvisti ta’ merkanzija mwettqa skont il-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 138;

(4)

kwalunkwe ħlas akkont magħmul lilha qabel ma tkun saret waħda mill-provvisti tal-merkanzija msemmija fil-punti (1) u (2);

(5)

kwalunkwe ħlas akkont magħmul lilha minn persuna taxxabbli oħra jew persuna ġuridika li mhix taxxabbli qabel ma tkun tlestiet il-provvista ta’ servizzi.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 221(2), il-ħruġ ta’ fattura m’għandux ikun meħtieġ fir-rigward ta’ provvisti ta’ servizzi eżentati skont il-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 135(1).”;

(14)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 220a

1.   L-Istati Membri għandhom jippermettu li persuni taxxabbli joħorġu fattura simplifikata fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn l-ammont tal-fattura ma jkunx aktar minn EUR 100 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali;

(b)

fejn il-fattura maħruġa tkun dokument jew messaġġ meqjus bħala fattura skont l-Artikolu 219.

2.   L-Istati Membri m’għandhomx jippermettu lill-persuni taxxabbli joħorġu fattura simplifikata fejn ikun jeħtieġ li l-fatturi jinħarġu skont il-punti (2) u (3) tal-Artikolu 220(1) jew fejn il-provvista taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi ssir minn persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilita fl-Istat Membru li fih hija dovuta l-VAT, jew li l-istabbiliment tagħha f’dak l-Istat Membru ma jintervjenix fil-provvista fis-sens tal-Artikolu 192a, u l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT tkun dik il-persuna li lilha jiġu fornuti l-merkanzija jew is-servizzi.”;

(15)

L-Artikoli 221, 222, 223, 224 u 225 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 221

1.   L-Istati Membri jistgħu jimponu fuq persuni taxxabbli obbligu li joħorġu fattura skont id-dettalji meħtieġa taħt l-Artikoli 226 jew 226b fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 220(1).

2.   L-Istati Membri jistgħu jimponu fuq persuni taxxabbli li stabbilew in-negozju tagħhom fit-territorju tagħhom jew li għandhom stabbiliment fiss fit-territorju tagħhom li minnu ssir il-provvista, obbligu li joħorġu fattura skont id-dettalji meħtieġa fl-Artikoli 226 jew 226b fir-rigward ta’ provvisti ta’ servizzi eżentati taħt il-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 135(1) li dawk il-persuni taxxabbli jkunu għamlu fit-territorju tagħhom jew barra mill-Komunità.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeħilsu persuni taxxabbli mill-obbligu stabbilit fl-Artikolu 220(1) jew fl-Artikolu 220a li joħorġu fattura fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li jkunu għamlu fit-territorju tagħhom u li jkunu eżentati, bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti jew mingħajrha, skont l-Artikoli 110 u 111, l-Artikolu 125(1), l-Artikolu 127, l-Artikolu 128(1), l-Artikoli 132, il-punti (h) sa (l) tal-Artikolu135(1), l-Artikoli 136, 371, 375, 376 u 377, l-Artikolu 378(2), l-Artikolu 379(2) u l-Artikoli 380 sa 390b.

Artikolu 222

Għal provvisti ta’ merkanzija mwettqa skont il-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 138 jew għal provvisti ta’ servizzi li għalihom il-VAT titħallas mill-klijent skont l-Artikolu 196, għandha tinħareġ fattura sa mhux aktar tard mill-ħmistax-il jum tax-xahar wara dak li fih iseħħ l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas.

Għal provvisti oħrajn ta’ merkanzija jew servizzi l-Istati Membri jistgħu jimponu limiti ta’ żmien fuq persuni taxxabbli għall-ħruġ ta’ fatturi.

Artikolu 223

L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni taxxabbli biex joħorġu fatturi fil-qosor li jiddettaljaw diversi provvisti separati ta’ merkanzija jew servizzi dment li l-VAT fuq il-provvisti msemmijin fil-fattura fil-qosor issir dovuta matul l-istess xahar kalendarju.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 222, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li fatturi fil-qosor jinkludu provvisti li fuqhom tkun saret dovuta l-VAT matul perijodu ta’ żmien itwal minn xahar kalendarju.

Artikolu 224

Jistgħu jitfasslu fatturi mill-klijent fir-rigward tal-provvista li ssirlu, minn persuna taxxabbli, ta’ merkanzija jew servizzi, fejn ikun hemm ftehim minn qabel bejn iż-żewġ partijiet u dment li tkun teżisti proċedura għall-aċċettazzjoni ta’ kull fattura mill-persuna taxxabbli li tkun qed tipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi. Stat Membru jista’ jirrikjedi li tali fatturi jinħarġu f’isem u għan-nom tal-persuna taxxabbli.

Artikolu 225

L-Istati Membri jistgħu jimponu kondizzjonijiet speċifiċi fuq persuni taxxabbli f’każijiet fejn il-parti terza, jew il-klijent, li toħroġ il-fatturi tkun stabbilita f’pajjiż li miegħu ma jkun jeżisti l-ebda strument legali relatat ma’ assistenza reċiproka simili fl-iskop għal dak previst fid-Direttiva 2010/24/UE (*) u r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 (**).

(*)  Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1)."

(**)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 tas-7 ta’ Ottubru 2003 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 264, 15.10.2003, p. 1).”;"

(16)

L-Artikolu 226 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(7a)

fejn il-VAT issir dovuta fil-waqt meta l-ħlas jiġi riċevut f’konformità mal-Artikolu 66 (b), u d-dritt għat-tnaqqis jirriżulta meta t-taxxa ssir dovuta, ir-referenza ‘Kontabbiltà bbażata fuq ħlasijiet’;”;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(10a)

fejn il-klijent li jirċievi provvista joħroġ il-fattura minflok il-fornitur, ir-referenza ‘Awtofatturazzjoni’;”;

(c)

il-punt (11) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(11)

fil-każ ta’ eżenzjoni, referenza għad-dispożizzjoni applikabbli ta’ din id-Direttiva, jew għad-disposizzjoni nazzjonali korrispondenti, jew għal kwalnukwe referenza oħra li tindika li l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi hija eżentata;”;

(d)

qed jiddaħħal il-punt li ġej:

“(11a)

fejn il-klijent huwa responsabbli li jħallas il-VAT, ir-referenza ‘Inverżjoni tal-ħlas’;”;

(e)

il-punti (13) u (14) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(13)

fejn tiġi applikata l-iskema ta’ marġni għall-aġenti tal-ivvjaġġar, ir-referenza ‘Skema ta’ marġni - Aġenti tal-ivvjaġġar’;

(14)

fejn wieħed mill-arranġamenti speċjali applikabbli għal merkanzija użata, xogħlijiet tal-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet tiġi applikata, ir-referenza ‘Skema ta’ marġini - Merkanzija użata’; ‘Skema ta’ marġini - xogħlijiet tal-arti’ jew ‘Skema ta’ marġini - oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet’ rispettivament;”;

(17)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 226a

Fejn il-fattura tinħareġ minn persuna taxxabbli, li mhix stabbilita fl-Istat Membru fejn it-taxxa hi dovuta jew li l-istabbiliment tagħha f’dak l-Istat Membru ma jintervjenix fil-provvista fis-sens tal-Artikolu 192a, u li tkun qed twettaq provvista ta’merkanzija jew servizzi lil klijent li hu obbligat iħallas il-VAT, il-persuna taxxabbli tista’ tħalli barra d-dettalji msemmijin fil-punti (8), (9) u (10) tal-Artikolu 226 u minflok tindika, b’referenza għall-kwantità u l-limitu tal-merkanzija jew tas-servizzi pprovduti u n-natura tagħhom, l-ammont taxxabbli ta’ dik il-merkanzija jew servizzi.

Artikolu 226b

Fir-rigward ta’ fatturi simplifikati maħruġin skont l-Artikoli 220a u 221(1) u (2), l-Istati Membri għandhom mill-inqas jeħtieġu d-dettalji li ġejjin:

(a)

id-data tal-ħruġ;

(b)

l-identifikazzjoni tal-persuna taxxabbli li tipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi;

(c)

l-identifikazzjoni tat-tip ta’ merkanzija jew servizzi pprovduti;

(d)

l-ammont ta’ VAT dovut jew l-informazzjoni meħtieġa biex dan jiġi kkalkulat;

(e)

fejn il-fattura maħruġa tkun dokument jew messaġġ meqjus bħala fattura skont l-Artikolu 219, referenza speċifika u mhux ambigwa għal dik il-fattura inizjali u d-dettalji speċifiċi li jkunu qed jiġu emendati.

Huma ma jistgħux jeħtieġu dettalji dwar il-fatturi ħlief dawk imsemmijin fl-Artikoli 226, 227 u 230.”;

(18)

L-Artikolu 228 huwa mħassar;

(19)

L-Artikolu 230 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 230

L-ammonti li jidhru fuq il-fattura jistgħu jkunu espressi f’kwalunkwe munita, dment li l-ammont ta’ VAT li jrid jitħallas jew li jrid jiġi aġġustat ikun espress fil-munita nazzjonali tal-Istat Membru, bl-użu tal-mekkaniżmu ta’ rata ta’ konverżjoni previst fl-Artikolu 91.”;

(20)

L-Artikolu 231 huwa mħassar;

(21)

L-intestatura tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu XIhija sostitwita b’dan li ġej:

Fatturi fuq karta u fatturi b’mezzi elettroniċi ”;

(22)

L-Artikoli 232 u 233 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 232

L-użu ta’ fattura elettronika għandu jkun soġġett għall-aċċettazzjoni mir-riċevitur.

Artikolu 233

1.   L-awtentiċità tal-oriġini, l-integrità tal-kontenut u l-leġġibilità ta’ fattura, sew jekk fuq karta sew jekk elettronika, għandhom jiġu żgurati mill-mument tal-ħruġ sat-tmiem tal-perijodu għall-ħżin tal-fattura.

Kull persuna taxxabbli għandha tiddetermina l-mod biex tiġi żgurata l-awtentiċità tal-oriġini, l-integrità tal-kontenut u l-leġġibilità tal-fattura. Dan jista’ jinkiseb bi kwalunkwe kontroll tan-negozju li joħloq rekord affidabbli tal-verifika bejn fattura u provvista ta’ merkanzija jew servizzi.

“Awtentiċità tal-oriġini” tfisser l-assigurazzjoni tal-identità tal-fornitur jew l-emittent tal-fattura.

“Integrità tal-kontenut” tfisser li l-kontenut meħtieġ skont din id-Direttiva ma nbidilx.

2.   Barra minn permezz tat-tip ta’ kontrolli tan-negozju deskritti fil-paragrafu 1, dawn li ġejjin huma eżempji tat-teknoloġiji li jiżguraw l-awtentiċità tal-oriġini u l-integrità tal-kontenut ta’ fattura elettronika:

(a)

firma elettronika avvanzata fit-tifsira tal-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (***), ibbażata fuq ċertifikat kwalifikat u maħluqa permezz ta’ apparat sigur għall-ħolqien ta’ firem, fit-tifsira tal-punti (6) u (10) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/93/KE;

(b)

skambju elettroniku tad-data (EDI), kif definit fl-Artikolu 2 tal-Anness 1 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 1994/820/KE tad-19 ta’ Ottubru 1994 dwar l-aspetti legali tal-iskambju elettroniku tad-data (****), fejn il-ftehim relatat mal-iskambju jipprevedi l-użu ta’ proċeduri li jiggarantixxu l-awtentiċità tal-oriġini u l-integrità tad-data.

(***)  ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12."

(****)  ĠU L 338, 28.12.1994, p. 98.”;"

(23)

L-Artikolu 234 huwa mħassar;

(24)

L-Artikoli 235, 236 u 237 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 235

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet speċifiċi għal fatturi maħruġa b’mezzi elettroniċi fir-rigward ta’ merkanzija jew servizzi pprovduti fit-territorju tagħhom minn pajjiż li miegħu ma jeżisti l-ebda strument legali relatat ma’ għajnuna reċiproka simili fl-ambitu għal dak previst fid-Direttiva 2010/24/UE u fir-Regolament (KE) Nru 1798/2003.

Artikolu 236

Fejn lottijiet li jkun fihom diversi fatturi jintbagħtu jew isiru disponibbli għall-istess riċevitur, id-dettalji li jkunu komuni għall-fatturi individwali jistgħu jkunu msemmija darba biss fejn, għal kull fattura, l-informazzjoni kollha tkun aċċessibbli.

Artikolu 237

Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ valutazzjoni ġenerali, abbażi ta’ studju ekonomiku indipendenti, dwar l-impatt tar-regoli applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2013 dwar il-fatturazzjoni u b’mod partikolari dwar sa fejn effettivament waslu biex inaqqsu l-piżijiet amminsitrattivi għan-negozji, flimkien ma’, fejn meħtieġ, proposta adatta biex jiġu emendati r-regoli rilevanti.”;

(25)

L-Artikolu 238 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Wara li jikkonsultaw lill-Kumitat tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu, skont il-kondizzjonijiet li huma jistgħu jistabbilixxu, jiddisponu li fil-każijiet li ġejjin l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 226b għandha tiġi inkluża fil-fatturi li jirrigwardaw provvisti ta’ merkanzija jew servizzi:

(a)

fejn l-ammont tal-fattura jkun aktar minn EUR 100 iżda mhux aktar minn EUR 400, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali;

(b)

fejn il-prattika kummerċjali jew amministrattiva fis-settur tan-negozju kkonċernat jew fejn il-kondizzjonijiet tekniċi li taħthom jinħarġu l-fatturi jagħmluha partikolarment diffiċli biex ikun hemm konformità mal-obbligi kollha msemmijin fl-Artikoli 226 jew 230.”;

(b)

il-paragrafu 2 jitħassar;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-arranġamenti simplifikati previsti fil-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw fejn il-fatturi jkollhom jinħarġu skont il-punti (2) u (3) tal-Artikolu 220(1) jew fejn il-provvista taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi ssir minn persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilita fl-Istat Membru li fih hija dovuta l-VAT jew li l-istabbiliment tagħha f’dak l-Istat Membru ma jintervjenix fil-provvista fis-sens tal-Artikolu 192a u l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT tkun il-persuna li lilha jiġu fornuti l-merkanzija jew is-servizzi.”;

(26)

L-Artikolu 243 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 243

1.   Kull persuna taxxabbli għandha żżomm reġistru tal-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata minnha, jew f’isimha, lejn destinazzjoni barra t-territorju tal-Istat Membru tat-tluq iżda fil-Komunità għall-finijiet ta’ transazzjonijiet li jikkonsistu f’valutazzjonijiet ta’ dik il-merkanzija jew xogħol fuqha jew fl-użu temporanju tagħha kif imsemmi fil-punti (f), (g) u (h) tal-Artikolu 17(2).

2.   Kull persuna taxxabbli għandha żżomm kontijiet dettaljati biżżejjed biex tkun tista’ tiġi identifikata l-merkanzija mibgħuta lilha minn Stat Membru ieħor, minn jew f’isem persuna taxxabbli identifikata għal finijiet ta’ VAT f’dak l-Istat Membru l-ieħor, u użati għal servizzi li jikkonsistu f’valutazzjonijiet ta’ dik il-merkanzija jew xogħol fuq dik il-merkanzija.”;

(27)

L-Artikolu 246 huwa mħassar;

(28)

Fl-Artikolu 247, il-paragrafi 2 u 3 huma mibdulin b’dan li ġej:

“2.   Sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 233 jkunu sodisfatti, l-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jeħtieġ li l-fatturi jinħażnu fil-forma oriġinali li fiha jkunu ntbagħtu jew saru disponibbli, sew jekk tkun karta sew jekk elettronika. Barra minn hekk, fil-każ ta’ fatturi li jinħażnu b’mezzi elettroniċi, l-Istat Membru jista’ jeħtieġ li d-data li tiggarantixxi l-awtentiċità tal-oriġini tal-fatturi u l-integrità tal-kontenut tagħhom, kif previst fl-Artikolu 233, tinħażen ukoll b’mezzi elettroniċi.

3.   L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jistabbilixxi kondizzjonijiet speċifiċi li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-ħażna ta’ fatturi f’pajjiż li miegħu ma jkun jeżisti l-ebda strument legali relatat ma’ għajnuna reċiproka simili fl-ambitu għal dak previst fid-Direttiva 2010/24/UE u fir–Regolament (KE) Nru 1798/2003, jew għad-dritt imsemmi fl-Artikolu 249 ta’ aċċess b’mezzi elettroniċi, ta’ download u ta’ użu.”;

(29)

Fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu 4 tat-Titolu XI, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 248a

Għal finijiet ta’ kontroll, u fir-rigward ta’ fatturi ta’ provvisti ta’ merkanzija jew servizzi forniti fit-territorju tagħhom u fatturi riċevuti minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri jistgħu, għal ċerti persuni taxxabbli jew ċerti każijiet, jitolbu traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu rekwiżit ġenerali li l-fatturi jiġu tradotti.”;

(30)

L-Artikolu 249 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 249

Għall-finijiet ta’ kontroll, meta persuna taxxabbli taħżen, b’mezzi elettroniċi li jiggarantixxu l-aċċess online għad-data kkonċernata, il-fatturi li toħroġ jew tirċievi, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih din tkun stabbilita u, fejn il-VAT tkun dovuta fi Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess, ta’ download u ta’ użu ta’ dawk il-fatturi.”;

(31)

Fl-Artikolu 272(1), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri m’għandhomx jeżentaw lill-persuni taxxabbli msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu mill-obbligi tal-fatturazzjoni stabbiliti fit-Taqsimiet 3 sa 6 tal-Kapitolu 3 u t-Taqsima 3 tal-Kapitolu 4.”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2013.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REYNDERS


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.