30.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 285/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Ottubru 2010

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku

(2010/655/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 196 (2) u 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea hija Parti għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/550/KEE (2) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ’il-Ftehim ta’ Lisbona’).

(2)

Tilwima politika dwar il-konfini fis-Saħara tal-Punent żammet lil Spanja u lill-Marokk milli jirratifikaw il-Ftehim ta’ Lisbona. Din it-tilwima issa ġiet solvuta permezz tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Lisbona li jimmodifika l-Artikolu 3(c) tiegħu.

(3)

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku fit-12 ta’ Diċembru 2008, il-Protokoll Addizzjonali ġie ffirmat, f’isem il-Komunità, fil-25 ta’ Marzu 2009.

(4)

Il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Lisbona huwa miftuħ għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni mill-Partijiet.

(5)

Huwa għalhekk xieraq għall-Unjoni Ewropea li tikkonkludi l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Lisbona.

(6)

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri li huma parti għall-Ftehim ta’ Lisbona għandhom jagħmlu ħilithom biex jiddepożitaw simultanjament, sa fejn hu possibbli, l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali.

(7)

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea nnotifkat lill-Gvern tal-Portugall dwar il-fatt li l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u ssuċċediet il-Komunità Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Protokoll Addizzjonali huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna/i li tingħata/jingħataw is-setgħa li tipproċedi/jipproċedu biex, f’isem l-Unjoni, tiddepożita/jiddepożitaw l-istrument tal-approvazzjoni mal-Gvern tal-Portugall, li jassumi l-funzjoni ta’ Depożitarju, skont l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll Addizzjonali, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta b’dak il-Protokoll.

2.   L-Unjoni u l-Istati Membri li huma parti għall-Ftehim ta’ Lisbona għandhom jagħmlu ħilithom biex jiddepożitaw simultanjament, sa fejn hu possibbli, l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REYNDERS


(1)  Kunsens tad-9 ta’ Marzu 2010 (għadu mhuwiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 267, 28.10.1993, p. 20.


TRADUZZJONI

PROTOKOLL ADDIZZJONALI

għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku

Ir-Repubblika Portugiża, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Marokk u l-Komunità Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,

KONXJI tal-ħtieġa li jitħares l-ambjent ġenerali u partikolarment l-ambjent tal-baħar,

FILWAQT LI JAGĦRFU li t-tniġġis tal-Oċean Atlantiku tal-Grigal minn idrokarburi u sustanzi perikolużi oħra jistgħu jheddu l-ambjent tal-baħar u l-interessi ta’ Stati max-xtut,

WARA LI KKUNSIDRAW il-ħtieġa li jiffaċilitaw id-dħul fis-seħħ mill-aktar fis tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku, li sar f’Lisbona fis-17 ta’ Ottubru 1990, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ bħala “il-Ftehim ta’ Lisbona”,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Emenda għall-Ftehim ta’ Lisbona

L-Artikolu 3(c) tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku, li sar f’Lisbona fis-17 ta’ Ottubru 1990 (“il-Ftehim ta’ Lisbona”) huwa emendat kif ġej:

“c)

fin-Nofsinhar, sal-limitu tan-Nofsinhar tal-ibħra koperti mis-sovranità jew mill-ġurisdizzjoni ta’ kwalunkwe Parti.”

Artikolu 2

Relazzjoni bejn il-Ftehim ta’ Lisbona u l-Protokoll Addizzjonali

Dan il-Protokoll jemenda il-Ftehim ta’ Lisbona skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu preċedenti u, fir-rigward tal-Partijiet għall-Protokoll, il-Ftehim u l-Protokoll Addizzjonali għandhom jiġu interpretati u applikati bħala strument wieħed.

Artikolu 3

Kunsens għar-rabta u d-dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Protokoll għandu jitressaq lill-Partijiet għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, u l-istrumenti rispettivi għandhom jiġu depożitati mal-Gvern tar-Repubblika Portugiża.

2.   Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Gvern tar-Repubblika Portugiża jirċievi l-istrument finali ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.

3.   L-ebda Parti ma tista’ tindika l-kunsens tagħha li tkun marbuta b’dan il-Protokoll mingħajr ma tkun indikat qabel jew fl-istess waqt il-kunsens tagħha li tkun marbuta bil-Ftehim ta’ Lisbona skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22.

4.   Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, kwalunkwe adeżjoni mal-Ftehim ta’ Lisbona skont il-proċedura stipulata fl-Artikoli 23 u 24 għandha tindika wkoll il-kunsens għar-rbit b’dan il-Protokoll, billi l-Partijiet huma marbuta bil-Ftehim ta’ Lisbona kif emendat mill-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll.

B’xhieda ta’ dan, is-sottoskritti, awtorizzati kif jixraq għal dan l-effett, iffirmaw dan il-Protokoll.

Magħmul f’Lisbona fl-għoxrin ġurnata ta’ Mejju 2008, bl-Għarbi, bl-Ispanjol, bil-Franċiż u l-Portugiż, bit-test Franċiż ikun dak awtentiku f’każ ta’ diverġenza.

GĦAR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA

GĦAR-RENJU TA’ SPANJA

GĦAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA

GĦAR-RENJU TAL-MAROKK

GĦALL-KOMUNITÀ EWROPEA