2.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 260/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-1 ta’ Ottubru 2010

li tawtorizza lil laboratorju fir-Russja jwettaq testijiet seroloġiċi biex jissorvelja l-effettività tat-tilqim tar-rabbja

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 6684)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/591/UE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/258/KE tal-20 ta’ Marzu 2000 li taħtar istituzzjoni speċifika sabiex tkun responsabbli biex tistabbilixxi l-kriterji neċessarji għall-istandardizzazzjoni ta’ testijiet seroloġiċi biex issegwi l-effettività tat-tilqim kontra l-idrofobija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni 2000/258/KE ħatret lil-laboratorju tal-Agence française de sécurité sanitaire des aliments de Nancy (“AFSSA, Nancy”), bħala l-istituzzjoni speċifika responsabbli biex tistabbilixxi l-kriterji meħtieġa għall-istandardizzazzjoni tat-testijiet seroloġiċi biex tissorvelja l-effettività tat-tilqim tar-rabbja. Dik id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll id-dmirijiet ta’ dak il-laboratorju.

(2)

B’mod partikolari, AFSSA, Nancy għandha tivvaluta l-laboratorji fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni tagħhom biex iwettqu testijiet seroloġiċi biex jissorveljaw l-effettività tat-tilqim tar-rabbja.

(3)

L-awtorità kompetenti tar-Russja ppreżentat applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ laboratorju wieħed f’dan il-pajjiż terz biex iwettaq dawn it-testijiet seroloġiċi.

(4)

AFSSA, Nancy wettqet valutazzjoni ta’ dak il-laboratorju u pprovdiet rapport favorevoli ta’ dik il-valutazzjoni lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Frar 2010.

(5)

Għaldaqstant, dak il-laboratorju għandu jkun awtorizzat li jwettaq testijiet seroloġiċi biex jissorvelja l-effettività tat-tilqim tar-rabbja fil-klieb, il-qtates u l-inmsa.

(6)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-laboratorju li ġej hu awtorizzat li jwettaq testijiet seroloġiċi biex jissorvelja l-effettività tat-tilqim tar-rabbja fil-klieb, il-qtates u l-inmsa, kif stipulat fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni 2000/258/KE:

“Federal Centre for Animal Health (FGI ‘ARRIAH’), 600901 Vladimir, Urjvets, ir-Russja”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-15 ta’ Ottubru 2010.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 79, 30.3.2000, p. 40.