11.9.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 240/6 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-1 ta’ Settembru 2010
dwar l-adegwatezza tal-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja u tal-Istati Uniti tal-Amerika skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 5676)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2010/485/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (1), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 47(3) tagħha,
Wara li kkonsultat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikoli 47(1) u 53 tad-Direttiva 2006/43/KE, sa mid-29 ta’ Ġunju 2008, f'każ ta’ spezzjonijiet jew investigazzjonijiet ta’ awdituri statutorji jew ta’ ditti tal-awditjar, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jippermettu t-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħrajn li jinżammu minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz fil-każ biss meta dawn l-awtoritajiet ikunu ġew iddikjarati adegwati mill-Kummissjoni u jkunu jeżistu arranġamenti reċiproki għal ħidma bejniethom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. Għalhekk jeħtieġ li jiġi determinat liema awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi huma adegwati għall-iskop ta’ trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar lill-awtorijiet kompetenti ta’ pajjiż terz. |
(2) |
Trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz jirrifletti interess pubbliku sostanzjali relatat mat-twettiq ta’ sorveljanza pubblika indipendenti. Skont dan, kwanlunkwe trasferiment bħal dan mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, għandu jseħħ biss għall-iskopijiet tal-eżerċitar tal-kompetenzi tas-sorveljanza pubblika, l-iżgurar estern tal-kwalità u l-investigazzjonijiet ta’ awdituri u ditti tal-awditjar mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ta’ ħidma bilaterali li jippermettu t-trasferiment tad-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew mid-ditti tal-awditjar bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja u tal-Istati Uniti tal-Amerika jkollhom is-salvagwardji adattati fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali kif ukoll tal-protezzjoni tas-sigrieti professjonali u l-informazzjoni kummerċjali sensittiva marbuta mal-kumpaniji li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom jiġu awditjati kif ukoll l-awdituri ta’ dawn il-kumpaniji inklużi f'dawn id-dokumenti. Il-persuni impjegati jew li kienu impjegati qabel mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz li jirċievu informazzjoni ikunu soġġetti għall-obbligi tas-segretezza professjonali. |
(3) |
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 47(4) tad-Direttiva 2006/43/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-iskop ta’ sorveljanza pubblika, l-assikurazzjoni tal-kwalità u l-investigazzjonijiet tal-awdituri u d-ditti tal-awditjar, il-kuntatti bejn l-awdituri jew id-ditti tal-awditjar tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja u l-Istati Uniti tal-Amerika jseħħu permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. |
(4) |
L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li jaċċettaw spezzjonijiet konġunti f'ċirkustanzi eċċezzjonali fejn dan huwa meħtieġ biex jiżguraw superviżjoni effettiva. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li sseħħ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja u tal-Istati Uniti tal-Amerika fil-forma ta’ spezzjonijiet konġunti jew permezz ta’ osservaturi mingħajr poteri ta’ spezzjoni jew poteri investigattivi u mingħajr aċċess għad-dokumenti ta’ ħidma kunfidenzjali tal-awditjar jew għal dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew mid-ditti tal-awditjar. Din il-kooperazzjoni għandha dejjem isseħħ skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 47(2) tad-Direttiva 2006/43/KE u f'din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu rrispettati s-sovranità, il-kunfidenzjalità u r-reċiproċità. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe spezzjoni konġunta li ssir mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja u l-Istati Uniti tal-Amerika fit-territorju tal-Istati Membri skont l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE, għandha tkun taħt it-tmexxija tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. |
(5) |
Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (2) tapplika għall-ipproċessar ta’ dejta personali li jsir skont dik id-Direttiva. Għalhekk, meta trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar lill-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja jew tal-Istati Uniti tal-Amerika jinvolvi d-divulgazzjoni ta’ dejta personali, għandu dejjem jitwettaq skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE. L-Istati Membri għandhom jiżguraw salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali ttrasferita, partikolarment, permezz ta’ ftehimiet vinkolanti skont il-Kapitolu IV tad-Direttiva 95/46/KE bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja u tal-Istati Uniti tal-Amerika u li tal-aħħar ma jiddivulgawx aktar id-dejta personali li tkun tinsab fid-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar ittrasferiti jew f'dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar mingħajr il-qbil minn qabel mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. |
(6) |
L-adegwatezza ta’ awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż terz għandha tiġi vvalutata fid-dawl tar-rekwiżiti tal-kooperazzjoni skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2006/43/KE jew riżultati funzjonali essenzjalment ekwivalenti. B’mod partikolari, l-adegwatezza għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-kompetenzi li jeżerċitaw l-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja u tal-Istati Uniti tal-Amerika, is-salvagwardji kontra l-ksur tar-regoli tas-segretezza u l-kunfidenzjalità professjonali implimentati minnhom u s-setgħa tagħhom skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom biex jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. |
(7) |
Billi l-awdituri u d-ditti tal-awditjar ta’ kumpaniji mill-Unjoni li ħarġu titoli fl-Awstralja jew fl-Istati Uniti tal-Amerika, jew li jagħmlu parti minn grupp li jippubblika kontijiet konsolidati statutorji f’dawk il-pajjiżi, huma rregolati skont il-liġijiet domestiċi ta’ dawk il-pajjiżi, għandu jiġi deċiż jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħux jittrasferixxu dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk il-pajjiżi għall-iskopijiet uniċi tal-eżerċitar tal-kompetenzi tagħhom ta’ sorveljanza pubblika, l-iżgurar estern tal-kwalità u l-investigazzjonijiet ta’ awdituri u ditti tal-awditjar. |
(8) |
Twettqu l-valutazzjonijiet tal-adegwatezza għall-iskopijiet tal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja u tal-Istati Uniti tal-Amerika. Deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza għandhom jittieħdu abbażi ta’ dawn il-valutazzjonijiet fir-rigward ta’ dawk l-awtoritajiet. |
(9) |
L-“Australian Securities and Investments Commission” għandha l-kompetenza fis-sorveljanza pubblika, fl-iżgurar estern tal-kwalità u fl-investigazzjonijiet ta’ awdituri u ditti tal-awditjar. Timplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta’ qabel lil kwalunkwe persuna terza jew awtorità. L-awtorità tuża d-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar trasferiti jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar għall-iskopijiet uniċi relatati mas-sorveljanza pubblika, l-iżgurar estern tal-kwalità u l-investigazzjonijiet ta’ awdituri u ditti tal-awditjar. Skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Awstralja, l-awtorità tista’ tittrasferixxi dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra li jinżammu mill-awdituri jew ditti tal-awditjar Awstraljani lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru. Abbażi ta’ dan, l-“Australian Securities and Investments Commission” għandha tiġi ddikjarata adegwata għall-iskop tal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. |
(10) |
Is-“Securities and Exchange Commission” tal-Istati Uniti tal-Amerika għandha kompetenza tinvestiga awdituri u ditti tal-awditjar; din id-Deċiżjoni għandha tkopri biss il-kompetenzi tas-“Securities and Exchange Commission” tal-Istati Uniti tal-Amerika biex tinvestiga awdituri u ditti tal-awdituri. Is-“Securities and Exchange Commission” tal-Istati Uniti tal-Amerika timplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali jew ta’ qabel tagħha lil kwalunkwe persuna terza jew awtorità. Hija se tuża d-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew id-dokumenti l-oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar ittrasferiti biss għal skopijiet relatati ma’ investigazzjonijiet ta’ awdituri u ta’ ditti tal-awditjar. Skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Uniti tal-Amerika, is-“Securities and Exchange Commission” għandha s-setgħa tittrasferixxi dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri jew ditti tal-awditjar mill-Istati Uniti marbuta ma’ investigazzjonijiet li tista’ twettaq fuq dawn l-awdituri u ditti tal-awditjar lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru. Abbażi ta’ dan, is-“Securities and Exchange Commission” tal-Istati Uniti tal-Amerika għandha tiġi ddikjarata adegwata għall-iskop tal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. |
(11) |
Il-“Public Company Accounting Oversight Board” tal-Istati Uniti tal-Amerika għandu kompetenza fis-sorveljanza pubblika, fl-iżgurar estern tal-kwalità u fl-investigazzjoni ta’ awdituri u ditti tal-awditjar. Jimplimenta salvagwardji adegwati li jipprojbixxu u jissanzjonaw id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali mill-impjegati attwali u ta’ qabel lil kwalunkwe persuna terza jew awtorità. Juża d-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar trasferiti jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar unikament għal skopijiet relatati mas-sorveljanza pubblika, l-iżgurar estern tal-kwalità u l-investigazzjonijiet ta’ awdituri u ditti tal-awditjar. Skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Uniti tal-Amerika, jista’ jipprovdi aċċess dirett lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru għad-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri jew ditti tal-awditjar mill-Istati Uniti, iżda skont il-liġi tal-Istati Uniti ma jistax jittrasferixxi dawn id-dokumenti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membri. |
(12) |
Madanakollu, is-“Securities and Exchange Commission” tal-Istati Uniti tal-Amerika tista’ tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru bir-rapporti maħruġa mill-“Public Company Accounting Oversight Board” tal-Istati Uniti tal-Amerika fir-rigward ta’ awdituri u ditti tal-awditjar mill-Istati Uniti u fuq talba u ġustifikazzjoni minn qabel tar-raġunijiet ta’ din it-talba bid-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri jew ditti tal-awditjar mill-Istati Uniti rilevanti għal dawn l-ispezzjonijiet. Għalhekk, il-kooperazzjoni fl-ispezzjonijiet ta’ awdituri jew ta’ ditti tal-awditjar bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-“Public Company Accounting Oversight Board” tal-Istati Uniti tal-Amerika twassal għal riżultati essenzjalment ekwivalenti għall-iskambju dirett ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar kif previst fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2006/43/KE. Abbażi ta’ dan, il-“Public Company Accounting Oversight Board” tal-Istati Uniti tal-Amerika għandha tiġi ddikjarata adegwata għall-iskop tal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE. |
(13) |
It-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar għandu jinkludi l-aċċess għal jew it-trażmissjoni, lill-awtoritajiet iddikjarati adegwati skont din id-Deċiżjoni, ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar, skont ftehim minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u l-aċċess għal jew it-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri lil dawk l-awtoritajiet. Bħala riżultat, f'każ ta’ spezzjonijiet jew investigazzjonijiet, awdituri statutorji u ditti tal-awditjar ma għandhomx jitħallew jipprovdu aċċess, jew jittrażmettu dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar lil dawk l-awtoritajiet taħt kundizzjonijiet oħra barra dawk stipulati f'din id-Deċiżjoni u fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE, pereżempju abbażi tal-kunsens tal-awditur statutorju, id-ditti tal-awditjar jew il-kumpanija klijenta. |
(14) |
Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti ta’ kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(4) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (3). |
(15) |
Billi din id-Deċiżjoni qed tittieħed fil-kuntest tal-perjodu tranżizzjonali mogħti lil ċerti awdituri u ditti tal-awditjar minn pajjiżi terzi bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/627/KE tad-29 ta’ Lulju 2008 li tikkonċerna perjodu ta’ tranżizzjoni għal attivitajiet ta’ awditjar ta’ ċerti awdituri u entitajiet ta’ awditjar ta’ pajjiżi terzi (4), din id-Deċiżjoni ma għandhiex teskludi minn qabel il-possibbiltà ta’ kwalunkwe deċiżjoni finali ta’ ekwivalenza li l-Kummissjoni tista’ tadotta skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2006/43/KE. |
(16) |
Din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tiffaċilita l-kooperazzjoni effikaċi bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u dawk tal-Awstralja u l-Istati Uniti tal-Amerika, sabiex jitħallew jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ sorveljanza pubblika, l-iżgurar estern tal-kwalità u investigazzjonijiet u, fl-istess ħin, li tħares id-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, l-arranġamenti ta’ ħidma konklużi ma’ dawk l-awtoritajiet sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk il-kooperazzjoni sseħħx f’konformità mal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE. |
(17) |
L-għan aħħari tal-kooperazzjoni mal-Awstralja u mal-Istati Uniti tal-Amerika fis-sorveljanza tal-awditjar huwa li tinkiseb fiduċja reċiproka fis-sistemi ta’ sorveljanza ta’ kull wieħed, u b’hekk it-trasferimenti ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar ikunu l-eċċezzjoni. Il-fiduċja reċiproka għandha tkun ibbażata fuq l-ekwivalenza tas-sistemi ta’ sorveljanza tal-awdituri tal-Unjoni u ta’ dawk il-pajjiżi. |
(18) |
Il-“Public Company Accounting Oversight Board” tal-Istati Uniti tal-Amerika jixtieq jevalwa aktar fid-dettall is-sistemi ta’ sorveljanza tal-awditjar tal-Istati Membri qabel ma jiddeċiedi li jiddependi fuq is-sorveljanza li ssir mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Għalhekk, il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-“Public Company Accounting Oversight Board” tal-Istati Uniti tal-Amerika u s-“Securities and Exchange Commission” tal-Istati Uniti tal-Amerika għandu jiġi rivedut sabiex issir valutazzjoni tal-progress li sar lejn il-kisba ta’ dipendenza reċiproka fuq xulxin. Għal dawn ir-raġunijiet, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-31 ta’ Lulju 2013 fir-rigward tal-“Public Company Accounting Oversight Board” tal-Istati Uniti tal-Amerika u s-“Securities and Exchange Commission” tal-Istati Uniti tal-Amerika. |
(19) |
Il-miżuri provduti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2006/43/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li ġejjin għandhom jitqiesu adegwati għall-iskop tal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2006/43/KE:
(1) |
L-“Australian Securities and Investments Commission”; |
(2) |
Il-“Public Company Accounting Oversight Board” tal-Istati Uniti tal-Amerika; |
(3) |
Is-“Securities and Exchange Commission” tal-Istati Uniti tal-Amerika. |
Artikolu 2
1. Skont l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/43/KE, mid-29 ta’ Ġunju 2008, f'każ ta’ spezzjonijiet jew investigazzjonijiet ta’ awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar, kwalunkwe trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar għandu jkun soġġett jew għal approvazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, jew għandu jitwettaq mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.
2. It-trasferiment ta’ dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar ma għandu jkollu l-ebda skop ieħor ħlief is-sorveljanza pubblika, l-iżgurar estern tal-kwalità jew l-investigazzjonijiet ta’ awdituri u ditti tal-awditjar.
3. Meta dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew ditti tal-awditjar jinżammu esklussivament minn awditur statutorju jew ditta tal-awdituri rreġistrata fi Stat Membru ieħor barra l-Istat Membru fejn huwa rreġistrat il-grupp ta’ awdituri u li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun irċeviet talba għal trasferiment minn kwalunkwe awtorità msemmija fl-Artikolu 1, dawn il-karti jew dokumenti għandhom jiġu ttrasferiti lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat f'każ biss li l-awtorità kompetenti tal-ewwel Stat Membru tkun qablet espliċitament mat-trasferiment.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ta’ ħidma bilaterali li jippermettu t-trasferiment tad-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew ta’ dokumenti oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja u tal-Istati Uniti tal-Amerika jkollhom is-salvagwardji adattati fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali kif ukoll tal-protezzjoni tas-sigrieti professjonali u tal-informazzjoni kummerċjali sensittiva marbuta mal-kumpaniji li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom jiġu awditjati kif ukoll l-awdituri ta’ dawn il-kumpaniji inklużi f'dawn id-dokumenti.
5. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 47(4) tad-Direttiva 2006/43/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-iskop tas-sorveljanza pubblika, l-iżgurar tal-kwalità u l-investigazzjonijiet tal-awdituri u tad-ditti tal-awditjar, l-arranġamenti ta’ ħidma bilaterali li jippermettu t-trasferiment tad-dokumenti ta’ ħidma tal-awditjar jew tad-dokumenti l-oħra miżmuma minn awdituri statutorji jew minn ditti tal-awditjar bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja u tal-Istati Uniti tal-Amerika jipprovdu li l-kuntatti bejn l-awdituri jew id-ditti tal-awdituri tal-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja u tal-Istati Uniti tal-Amerika jseħħu permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.
6. L-Istati Membri jistgħu jaqblu fuq spezzjonijiet konġunti fejn meħtieġ biss. Huma għandhom jiżguraw li kwalunkwe spezzjoni konġunta li ssir mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja u l-Istati Uniti tal-Amerika fit-territorju tal-Istati Membri skont l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/43/KE għandha, bħala regola ġenerali, tkun taħt it-tmexxija tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.
7. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe arranġamenti ta’ ħidma bilaterali bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti tal-Awstralja u l-Istati Uniti tal-Amerika, ikunu konformi mal-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni stipulati f'din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
Fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 1 punti 2 u 3, din id-Deċiżjoni se tieqaf tapplika fil-31 ta’ Lulju 2013.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Settembru 2010.
Għall-Kummissjoni
Michel BARNIER
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.
(2) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(3) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.
(4) ĠU L 202, 31.7.2008, p. 70.