24.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 106/52


DEĊIŻJONI Nru S4

tat-2 ta’ Ottubru 2009

dwar proċeduri ta’ rifużjoni għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 35 u 41 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim KE/Żvizzera)

2010/C 106/17

IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali (1), li taħtu l-Kummissjoni Amministrattiva hija responsabbli li tittratta l-mistoqsijiet amministrattivi kollha jew il-mistoqsijiet kollha ta’ interpretazzjoni li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (2),

Wara li kkunsidrat l-Artikoli 35 u 41 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

Wara li kkunsidrat l-Artikoli 66 u 68 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009,

Billi:

(1)

L-ispiża tal-benefiċċji mhux fi flus mogħtija mill-istituzzjoni ta’ Stat Membru wieħed f’isem l-istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor, għandha titħallas kollha lura.

(2)

Ir-rifużjonijiet bejn l-istituzzjonijiet, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, għandhom jitwettqu b’mod rapidu u effiċjenti biex tiġi evitata akkumulazzjoni ta’ pretensjonijiet li jibqgħu pendenti għal perjodi itwal ta’ żmien.

(3)

L-akkumulazzjoni ta’ pretensjonijiet tista’ tipperikola l-funzjonament effiċjenti tas-sistema Komunitarja u thedded id-dritt tal-individwi.

(4)

Il-Kummissjoni Amministrattiva fid-Deċiżjoni Nru S1 (3) iddeċidiet li l-istituzzjoni tal-post ta’ żjara għandha tiġi rimborżata għall-ispiża tal-kura tas-saħħa pprovduta fuq il-bażi ta’ Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Ewropea valida.

(5)

Ftehim komuni dwar l-aħjar prassi jikkontribwixxi għal ħlas ta’ rifużjonijiet b’mod rapidu u effiċjenti bejn l-istituzzjonijiet.

Taġixxi skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

A.   Rimborż fuq il-bażi tal-infiq attwali (l-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009)

1.

L-istituzzjoni li titlob rifużjoni bbażata fuq l-infiq attwali għandha tintroduċi t-talba sa mhux aktar tard mil-limitu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 67(1) Regolament (KE) Nru 987/2009 (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ: “ir-Regolament tal-Implimentazzjoni”). L-istituzzjoni li tirċievi t-talba għandha tiżgura l-ħlas tat-talba fiż-żmien previst fl-Artikolu 67(5) tar-Regolament tal-Implimentazzjoni, iżda qabel dan il-limitu taż-żmien hekk kif tkun f’pożizzjoni li tagħmel dan.

2.

Talbiet għal rifużjoni ta’ benefiċċji, li jkunu ġew provduti fuq il-bażi tal-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Ewropea (EHIC), dokument li jissostitwixxi l-EHIC jew kwalunkwe dokument ieħor li jagħti d-dritt, jistgħu jiġu miċħuda u t-talba mibgħuta lura lill-istituzzjoni kreditriċi fil-każ li t-talba, pereżempju:

ma tkunx kompluta u/jew tkun imtliet b’mod ħażin,

tkun tikkonċerna benefiċċji li ma jkunux ingħataw fil-perjodu ta’ validità tal-EHIC jew tad-dokument li jagħti d-dritt użat mir-riċevitur tal-benefiċċji.

Talba ma tistax tiġi miċħuda fuq il-bażi li l-persuna ma tkunx għadha assikurata mal-istituzzjoni, li tkun ħarġet l-EHIC jew id-dokument li jagħti d-dritt, sakemm il-benefiċċji kienu mogħtija lill-benefiċjarju fil-perjodu ta’ validità tad-dokument użat.

Istituzzjoni li hija obbligata li tħallas lura l-ispejjeż ta’ benefiċċji pprovduti fuq il-bażi tal-EHIC tista’ titlob li l-istituzzjoni li magħha l-persuna kienet ġustament irreġistrata fil-ħin tal-għoti tal-benefiċċji għandha tirrifondi l-ispejjeż ta’ dawk il-benefiċċji lill-ewwel istituzzjoni, jew jekk il-persuna ma kinitx intitolata li tuża l-EHIC, issolvi l-kwistjoni mal-persuna kkonċernata.

3.

Talba ma tistax tiġi riveduta mill-istituzzjoni debitriċi fir-rigward tal-konformità tagħha mal-Artikoli 19 u 27(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jissuspetta xi abbuż kif iċċarat skont il-ġurisprudenza mill-Komunità Ewropea Qorti tal-Ġustizzja (4). L-istituzzjoni debitriċi hija għaldaqstant obbligata li taċċetta l-informazzjoni li fuqha hija bbażata t-talba u li tħallas lura t-talba. Fil-każ li jkun hemm suspett ta’ abbuż l-istituzzjoni debitriċi tista’ għal raġunijiet rilevanti tiċħad it-talba kif previst skont l-Artikolu 67(5) tar-Regolament tal-Implimentazzjoni.

4.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punti 2 u 3, jekk l-istituzzjoni debitriċi tesprimi dubji dwar il-korrettezza tal-fatti, li fuqhom it-talba li hija bbażata, hija l-istituzzjoni kreditriċi li terġa’ tikkunsidra jekk it-talba kinetx maħruġa kif suppost u, jekk xieraq, tirtira jew terġa’ tikkunsidra t-talba.

5.

Talba, li tiġi introdotta wara l-limitu taż-żmien speċifikat fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament tal-Implimentazzjoni, m’għandhiex tiġi kkunsidrata.

B.   Rimborż fuq il-bażi ta’ ammonti fissi (l-Artikolu 63 tar-Regolament tal-Implimentazzjoni)

6.

L-inventarju provdut fl-Artikolu 64(4) tar-Regolament tal-Implimentazzjoni għandu jiġi ppreżentat lill-korp ta’ kollegament tal-Istat Membru debitur sal-aħħar tas-sena wara s-sena ta’ referenza, u l-pretensjonijiet ibbażati fuq dan l-inventarju għandhom jiġu introdotti fl-istess entità kemm jista’ jkun malajr wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-ammonti fissi annwali għal kull persuna, iżda fil-limitu ta’ żmien previst fl-Artikolu 67(2) tar-Regolament tal-Implimentazzjoni.

7.

L-istituzzjoni kreditriċi għandha, kull meta jkun possibbli, tippreżenta t-talbiet li jikkonċernaw is-sena kalendari partikolari fl-istess okkażjoni lill-istituzzjoni debitriċi.

8.

L-istituzzjoni debitriċi li tirċievi talba għal rifużjoni fuq il-bażi ta’ ammonti fissi għandha tiżgura l-ħlas tat-talba fiż-żmien previst mill-Artikolu 67(5) tar-Regolament tal-Implimentazzjoni, iżda qabel dan il-limitu taż-żmien malli din tkun f’pożizzjoni li tagħmel dan.

9.

Talba, li tiġi introdotta wara l-limitu taż-żmien speċifikat fl-Artikolu 67(2) tar-Regolament tal-Implimentazzjoni, ma għandhiex tiġi kkunsidrata.

10.

Talba għal rifużjoni fuq il-bażi ta’ ammonti fissi tista’ tiġi miċħuda u mibgħuta lura lill-istituzzjoni kreditriċi fil-każ li t-talba, pereżempju:

ma tkunx kompluta u/jew tkun imtliet b’mod ħażin,

tirreferi għal perjodu ta’ żmien li ma jkunx kopert mir-reġistrazzjoni fuq il-bażi ta’ dokument validu li jagħti d-dritt.

11.

Jekk l-istituzzjoni debitriċi tesprimi dubji dwar il-korettezza tal-fatti li fuqhom it-talba hija bbażata, hija l-istituzzjoni kreditriċi li terġa’ tikkunsidra jekk il-fattura kinetx maħruġa kif suppost u, jekk xieraq, tirtira jew terġa’ tikkunsidra t-talba.

C.   Ħlas parzjali skont l-Artikolu 68 tar-Regolament tal-Implimentazzjoni

12.

Fil-każ li jsir ħlas parzjali skont l-Artikolu 68 tar-Regolament tal-Implimentazzjoni, l-ammont li għandu jitħallas għandu jkun iddeterminat separatament għal talbiet ibbażati fuq l-infiq attwali (Artikolu 67(1) tar-Regolament tal-Implimentazzjoni) u talbiet ibbażati fuq ammonti fissi (Artikolu 67(2) tar-Regolament tal-Implimentazzjoni).

D.   Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni

13.

L-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw kooperazzjoni tajba bejniethom u jaġixxu biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess.

E.   Dħul fis-seħħ

14.

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

Lena MALMBERG


(1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.

(3)  Ara paġna 23 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  Is-Sentenza tat-12 ta’ April 2005 fil-każ C-145/03 Heirs of Annette Keller v Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) and Instituto Nacional de Gestión Sanitaria (Ingesa) REK 2005 p. I-02529.