21.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/46


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-19 ta’ Jannar 2010

dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv fis-Slovenja

(2010/289/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 126(6) flimkien mal-Artikolu 126(13) u l-Artikolu 136 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet magħmula mis-Slovenja,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-gvern.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli qawwi li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)

Il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (PŻE) taħt l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ikkjarifikat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (1) (li jagħmel parti mill-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir), tipprovdi għal deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv. Ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 ukoll jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 104 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula dispożizzjonijiet ulterjuri relatati mal-implimentazzjoni tal-PŻE. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (2) jistipula definizzjonijiet u regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak il-Protokoll.

(4)

Ir-riforma tal-2005 tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fittxet li ssaħħaħ l-effettività u l-bażi ekonomika tiegħu kif ukoll li tħares is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Din immirat li tiżgura li b’mod partikolari, l-isfond ekonomiku u baġitarju jiġi kkunsidrat bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-PŻE. B’dan il-mod, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jipprovdi l-qafas li jsostni l-politiki tal-gvern għal ritorn ta’ malajr lejn qagħdiet baġitarji mingħajr problemi billi titqies il-qagħda ekonomika.

(5)

L-Artikolu 104(5) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kien jobbliga lill-Kummissjoni li tindirizza opinjoni lill-Kunsill jekk il-Kummissjoni kienet tqis li kien jeżisti jew li seta’ nqala’ żbilanċ eċċessiv fi Stat Membru. Il-Kummissjoni, wara li qieset ir-rapport tagħha skont l-Artikolu 104(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li sar l-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju skont l-Artikolu 104(4) tat-Trattat, li sar l-Artikolu 126(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ikkonkludiet li kien jeżisti żbilanċ eċċessiv fis-Slovenja. Il-Kummissjoni għalhekk indirizzat opinjoni bħal din lill-Kunsill fir-rigward tas-Slovenja fil-11 ta’ Novembru 2009 (3).

(6)

L-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-Kunsill għandu jikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun jixtieq jagħmel qabel ma jiddeċiedi, wara evalwazzjoni ġenerali, jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv. Fil-każ tas-Slovenja, din l-evalwazzjoni ġenerali twassal għall-konklużjonijiet disposti f’din id-Deċiżjoni.

(7)

Skont id-dejta nnotifikata mill-awtoritajiet tas-Slovenja f’Ottubru 2009, l-iżbilanċ tal-gvern ġenerali fis-Slovenja huwa mistenni li jilħaq il-5,9 % tal-PGD fl-2009, b’mod li jaqbeż u ma jkunx qrib il-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD. L-eċċess mistenni fuq il-valur ta’ referenza jista’ jiġi kkwalifikat bħala eċċezzjonali skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. B’mod partikolari, dan jirriżulta, fost affarijiet oħra, minn tnaqqis kbir fir-ritmu ekonomiku skont it-tifsira tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. It-tkabbir reali tal-PGD, li niżel bin-nofs bejn l-2007 u l-2008, hu previst li jkun negattiv bil-kbir fis-sena 2009 (– 7,4 %) skont it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2009. Minkejja li r-riżultati baġitarji tas-Slovenja kienu tajbin fil-passat reċenti meta l-kundizzjonijiet kienu għadhom favorevoli, bis-saħħa tat-tkabbir fid-dħul akbar milli kien ibbaġitjat, l-eżekuzzjoni baġitarja kienet karatterizzata minn infiq żejjed. Barra minn hekk, l-eċċess mistenni fuq il-valur ta’ referenza ma jistax ikun ikkunsidrat bħala temporanju minħabba li, skont it-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2009, l-iżbilanċ għandu jikber minn 6,3 % tal-PGD fl-2009 għal madwar 7 % tal-PGD fl-2011 fuq is-suppożizzjoni li ma ssir ebda bidla fil-politika, filwaqt li l-PGD reali huwa previst li jirkupra għal tkabbir pożittiv moderat. Din is-suppożizzjoni tikkunsidra li, skont il-pjanijiet tal-gvern, ħafna mill-miżuri ta’ natura straordinarja konnessi mal-kriżi konformi mal-PERE, li jammontaw għal kważi 1¼ % tal-PGD fl-2009, gradwalment għandhom jitwaqqfu fl-2010 u 2011. Il-kriterju tal-iżbilanċ fit-Trattat mhuwiex sodisfatt.

(8)

Skont id-dejta nnotifikata mill-awtoritajiet Sloveni f’Ottubru 2009, id-dejn gross tal-gvern ġenerali jibqa’ sew taħt il-valur ta’ referenza ta’ 60 % tal-PGD u hu mistenni jieqaf fil-livell ta’ 34,2 % tal-PGD fl-2009. Skont il-previżjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2009, u kemm-il darba ma jsir ebda tibdil fil-politika, il-proporzjon tad-dejn se jikber aktar, għal madwar 48 % tal-PGD sal-2011.

(9)

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, il-“fatturi rilevanti” jistgħu jitqiesu biss fl-istadji li jwasslu għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv skont l-Artikolu 126(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jekk il-kundizzjoni doppja - li l-iżbilanċ jibqa’ qrib il-valur ta’ referenza u li l-eċċess fuq il-valur ta’ referenza huwa temporanju – tkun osservata bis-sħiħ. Fil-każ tas-Slovenja, din il-kundizzjoni doppja mhijiex osservata. Għalhekk, il-fatturi rilevanti mhumiex qed jitqiesu fl-istadji li jwasslu għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn evalwazzjoni ġenerali jirriżulta li jeżisti żbilanċ eċċessiv fis-Slovenja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.

Magħmula fi Brussell, id-19 ta’ Jannar 2010

Għall-Kunsill

Il-President

E. SALGADO


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(2)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(3)  Id-dokumenti kollha relatati mal-PŻE mibgħuta lis-Slovenja jinsabu fuq il-websajt: http://ec.europa.eu/economy_finance/netstartsearch/pdfsearch/pdf.cfm?mode = _m2