27.4.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/17


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/231/PESK

tas-26 ta' April 2010

dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tirrevoka l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2002/960/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja (1) wara r-Riżoluzzjonijiet 733(1992), 1356 (2001) u 1425 (2002) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) relatati ma’ embargo fuq l-armi kontra s-Somalja.

(2)

Fis-16 ta’ Frar 2009, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK rigward miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2002/960/PESK (2), li timplimenta l-UNSCR 1844 (2008) li introduċiet miżuri restrittivi kontra dawk li jfittxu li jipprevjenu jew jibblukkaw proċess politiku paċifiku, jew dawk li jheddu l-Istituzzjonijiet Federali Tranżizzjonali (TFIs) tas-Somalja jew tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) permezz tal-forza, jew jieħdu azzjoni li timmina l-istabbiltà fis-Somalja jew fir-reġjun.

(3)

Fl-1 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/126/PESK li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (3) u timplimenta l-UNSCR 1907 (2009) li appellat lill-Istati kollha biex jispezzjonaw, bi ftehim mal-awtoritajiet nazzjonali u konformement mal-leġiżlazzjoni tagħhom u b’mod konsistenti mal-liġi internazzjonali, il-merkanzija kollha lejn u mis-Somalja, fit-territorju tagħhom, inklużi l-portijiet u l-ajruporti, jekk l-Istat ikkonċernat ikollu informazzjoni li tipprovdi bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-merkanzija tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti taħt l-embargo tal-armi ġenerali u komplet għas-Somalja skont il-paragrafu 5 tal-UNSCR 733 (1992) u elaborat u emendat b’riżoluzzjonijiet sussegwenti.

(4)

Fid-19 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (minn issa “il-Kunsill tas-Sigurtà”) adotta l-UNSCR 1916 (2010) li, inter alia, estendiet il-mandat tal-grupp ta’ monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 3 tal-UNSCR 1558 (2004) u ddeċieda li jnaqqas xi restrizzjonijiet u obbligi taħt ir-reġim tas-sanzjonijiet sabiex tkun tista’ ssir il-kunsinna ta’ fornimenti u assistenza teknika mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali u biex tkun żgurata l-kunsinna fil-ħin min-Nazzjonijiet Uniti (NU) tal-assistenza umanitarja li hi meħtieġa urġentement.

(5)

Fit-12 ta’ April 2010, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skont il-paragrafu 11 tal-UNSCR 751 (1992) rigward is-Somalja (minn issa “il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”) adotta l-lista tal-persuni u tal-entitatjiet li huma soġġetti għal miżuri restrittivi.

(6)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza, il-miżuri imposti mill-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/126/PESK u l-eżenzjonijiet previsti fil-UNSCR 1916 (2010) għandhom jiġu integrati fi strument legali wieħed.

(7)

Il-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK għandha għalhekk tiġi rrevokata.

(8)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4) u b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Din id-Deċiżjoni għandha tkun applikata f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji.

(9)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta bis-sħiħ ukoll l-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u n-natura legalment vinkolanti tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

(10)

Il-proċedura għall-emendar tal-Anness I għal din id-Deċiżjoni għandha tinkludi li tipprevedi li jingħataw lill-persuni u lill-entitajiet u korpi imsemmija, ir-raġunijiet għall-elenkar tagħhom kif ippreżentati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, sabiex tingħatalhom opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. Fejn jiġu mressqa osservazzjonijiet jew jiġu preżentati provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta’ dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata skont il-każ.

(11)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-forniment dirett jew indirett, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet tar-rikambju ta’ dawn imsemmija iktar ‘il fuq, lis-Somalja minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri għandu jkun projbit sew jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom u sew jekk le.

2.   Il-forniment dirett jew indirett lis-Somalja ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjara u assistenza oħra, u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, inkluż b’mod partikolari taħriġ tekniku jew għajnuna teknika relatati mal-provvista, manifattura, manutenzjoni jew użu tal-oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1, minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri, għandu jkun ipprojbit.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw:

(a)

għall-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha u għall-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika, assistenza finanzjarja u assistenza oħra u taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari maħsuba biss għall-appoġġ jew għall-użu tal- AMISOM kif stipulat fil-paragrafu 4 tal-UNSCR 1744 (2007) jew għall-użu biss ta’ Stati u organizzazzjonijiet reġjonali li jieħdu miżuri skont il-paragrafu 6 tal-UNSCR 1851 (2008) u l-paragrafu 10 tal-UNSCR 1846 (2008);

(b)

għall-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha u għall-forniment dirett jew indirett ta’ konsulenza teknika maħsuba unikament għall-iskop li jgħin l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà, konsistenti mal-proċess politiku stabbilit fil-paragrafi 1, 2, u 3 tal-UNSCR 1744 (2007) u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien ħamest ijiem ta’ ħidma mir-riċeviment tan-notifika rilevanti;

(ċ)

għall-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub unikament għal użu umanitarju jew protettiv, jew ta’ materjal maħsub għal programmi ta’ żvilupp ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni, jew tal-Istati Membri, inkluż fil-qasam tas-sigurtà, imwettqa fil-qafas tal-Proċess ta’ Paċi u Rikonċiljazzjoni, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, u għal ilbies protettiv, inkluż ġkieket tal-flak u elmi militari, esportati b’mod temporanju lejn is-Somalja minn persunal tan-NU, minn rappreżentanti tal-medja u minn ħaddiema umanitarji u tal-iżvilupp u minn persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss.

Artikolu 2

Miżuri restrittivi kif previsti fl-Artikoli 3, 5(1) u 6(1) u (2) għandhom ikunu imposti kontra persuni u entitajiet indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala li:

huma impenjati fi jew li jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tas-Somalja, inklużi atti li jheddu l-Ftehim ta’ Djibouti tat-18 ta’ Awwissu 2008 jew il-proċess politiku, jew jheddu t-TFIs jew l-AMISOM bil-forza;

aġixxew bi ksur tal-embargo fuq l-armi u miżuri relatati kif imsemmijin fl-Artikolu 1;

jostakolaw il-kunsinna ta’ assistenza umanitarja lis-Somalja, jew l-aċċess għal, jew id-distribuzzjoni ta’, assistenza umanitarja fis-Somalja.

Il-persuni u l-entitajiet rilevanti huma elenkati fl-Anness.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu l-forniment dirett u indirett, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u ta’ tagħmir militari u l-forniment dirett jew indirett ta’ assistenza teknika jew taħriġ, assistenza finanzjarja jew assistenza oħra inkluż investiment, servizzi ta’ intermedjazzjoni jew servizzi finanzjarji oħra, relatati ma’ attivitajiet militari jew mal-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment, il-manifattura, il-manutenzjoni jew l-użu ta’ armi u ta’ tagħmir militari, lil persuni jew entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 2.

Artikolu 4

1.   F’konformità mal-awtoritajiet nazzjonali u konformement mal-leġiżlazzjoni tagħhom u b’mod konsistenti mal-liġi internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jispezzjonaw il-merkanzija kollha lejn u mis-Somalja fit-territorju tagħhom, inkluż fl-ajruporti u fil-portijiet tagħhom, jekk għandhom informazzjoni li tipprovdi bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li l-merkanzija tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom hija pprojbita skont l-Artikolu 3.

2.   L-inġenji tal-ajru u l-bastimenti li jittrasportaw merkanzija lejn u mis-Somalja għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit ta’ informazzjoni addizzjonali ta’ qabel il-wasla jew it-tluq tal-merkanzija kollha li tiddaħħal fi Stat Membru jew toħroġ minnu.

3.   L-Istati Membri għandhom, kif jindunaw, jikkonfiskaw u jiddisponu minn oġġetti (jew billi jeqirduhom jew billi jagħmluhom inoperabbli) li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom hija pprojbita skont l-Artikolu 3.

Artikolu 5

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom jew it-tranżitu minnhom lil persuni msemmijin fl-Artikolu 2.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dħul fit-territorju tiegħu.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

(a)

jiddetermina fuq il-bażi ta’ każ b’każ li tali dħul jew tranżitu huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ ħtieġa umanitarja, inkluż l-obbligu reliġjuż,

(b)

jiddetermina fuq il-bażi ta’ każ b’każ li eżenzjoni tista’ twassal sabiex jitkomplew l-objettivi ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali fis-Somalja u l-istabbiltà fir-reġjun.

4.   F’każijiet fejn, skont il-paragrafu 3, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu jew it-transitu minnu, ta’ persuni indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih tkun ingħatat u għall-persuni kkonċernati minnha.

Artikolu 6

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà jew huma kkontrollati direttament jew indirettament mill-persuni jew mill-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 2 jew li huma fil-pussess ta’ entitajiet li huma l-proprjetà ta’ jew kkontrollati direttament jew indirettament minnhom jew minn kwalunkwe persuna jew entità li qiegħda taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, kif indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, għandhom jiġu ffriżati. Il-persuni u l-entitatjiet ikkonċernati huma identifikati fl-Anness.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni jew l-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1.

3.   L-Isati Membri jistgħu jippermettu eżenzjonijiet mill-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi li huma:

(a)

meħtieġa għal spejjeż bażiċi, inklużi ħlasijiet għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, poloz tal-assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

maħsubin esklussivament għall-ħlas ta’ drittijiet professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż li huma kollegati mal-forniment ta’ servizzi legali;

(ċ)

maħsubin esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji jew kontijiet għal servizz, skont il-liġi nazzjonali, għal servizzi ta’ rutina fiż-żamma jew il-manteniment ta’ fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi;

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u b’approvazzjoni minnu;

(e)

is-suġġett ta’ sentenza jew garanzija ġuridika, amministrattiva jew arbitrali, li f’tali każ il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jistgħu jintużaw biex jissodisfaw dik il-garanzija jew sentenza sakemm il-garanzija jew is-sentenza kienet iskritta qabel ma l-Kumitat tas-Sanzjonijiet indika lill-persuna jew l-entità kkonċernata, u mhijiex għall-benefiċċju ta’ persuna jew entità msemmijin fl-Artikolu 2, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

4.   L-eżenzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3(a), (b) u (c) jistgħu jsiru wara notifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mill-Istat Membru kkonċernat tal-intenzjoni tiegħu li jawtorizza, fejn adatt, aċċess għal tali fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi, u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien tlett ijiem ta’ ħidma minn tali notifika.

5.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

(a)

interessi jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

ħlasijiet dovuti skont kuntratti, ftehim jew obbligi li ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri restrittivi,

sakemm kull tali mgħax, qligħ ieħor u ħlasijiet jibqgħu jkunu soġġetti għall-paragrafu 1.

6.   Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx japplikaw għat-tagħmil disponibbli ta’ fondi, assi finanzjarji oħrajn jew riżorsi ekonomiċi meħtieġa biex tkun żgurata l-kunsinna fil-ħin ta’ assistenza umanitarja meħtieġa urġentement fis-Somalja, min-NU, l-aġenziji jew il-programmi speċjalizzati tagħha, l-organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta’ osservaturi mal-Assemblea Ġenerali tan-NU li jipprovdu assistenza umanitarja, jew l-imsieħba implimentattivi tagħhom.

Artikolu 7

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi il-lista li tinsab fl-Anness u jemendaha skont id-determinazzjonijiet magħmula jew mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

Artikolu 8

1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenkaw persuna jew entità u jkunu provdew dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-ħatra, il-Kunsill għandu jinkludi dik il-persuna, entità jew korp fl-Anness. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet lill-persuna jew entità kkonċernata, jew b’mod dirett, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, li jipprovdi lil tali persuna jew entità opportunità li jippreżenta osservazzjonijiet.

2.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew entità kkonċernata skont il-każ.

Artikolu 9

L-Anness għandu jinkludi, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li hija meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet inkluż laqmijiet, data u post tat-twelid, ċittadinanza, in-numru tal-passaport u tal-karta tal-identità, sess, indirizz, jekk magħruf, u funzjoni jew professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet, post u data tar-reġistrazzjoni, numru tar-reġistrazjoni u post tan-negozju. L-Anness għandu jinkludi wkoll id-data tal-ħatra mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta, emendata jew revokata kif adatt, f’konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà.

Artikolu 11

Il-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK hija b’dan irrevokata.

Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Lussemburgu, is-26 ta’ April 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 334, 11.12.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 46, 17.2.2009, p. 73.

(3)  ĠU L 51, 2.3.2010, p. 18.

(4)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.


ANNESS

LISTA TAL-PERSUNI U L-ENTITAJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2

I.   Persuni

1.

Yasin Ali Baynah (magħruf ukoll bħala a) Ali, Yasin Baynah, b) Ali, Yassin Mohamed, c) Baynah, Yasin, d) Baynah, Yassin, e) Baynax, Yasiin Cali, f) Beenah, Yasin, g) Beenah, Yassin, h) Beenax, Yasin, i) Beenax, Yassin, j) Benah, Yasin, k) Benah, Yassin, l) Benax, Yassin, m) Beynah, Yasin, n) Binah, Yassin, o) Cali, Yasiin Baynax) Data tat-twelid: madwar l-1966. Nazzjonalità: Somalja. Nazzjonalità alternattiva: Żvezja. Fejn jinsab: Rinkeby, Stokkolma, Żvezja; Mogadixu, Somalja.

2.

Hassan Dahir Aweys (magħruf ukoll bħala a) Ali, Sheikh Hassan Dahir Aweys, b) Awes, Hassan Dahir, c) Awes, Shaykh Hassan Dahir, d) Aweyes, Hassen Dahir, e) Aweys, Ahmed Dahir, f) Aweys, Sheikh, g) Aweys, Sheikh Hassan Dahir, h) Dahir, Aweys Hassan, i) Ibrahim, Mohammed Hassan, j) OAIS, Hassan Tahir, k) Uways, Hassan Tahir, l) “Hassan, Sheikh”) Data tat-twelid: 1935. Ċittadinanza: Somalja. Nazzjonalità: Somalja. Fejn jinsab: Somalja; Eritrea.

3.

Hassan Abdullah Hersi Al-Turki (magħruf ukoll bħala a) Al-Turki, Hassan, b) Turki, Hassan, c) Turki, Hassan Abdillahi Hersi, d) Turki, Sheikh Hassan, e) Xirsi, Xasan Cabdilaahi, f) Xirsi, Xasan Cabdulle) Data tat-twelid: madwar l-1944. Post tat-twelid: Reġjun Ogaden, Etjopja. Nazzjonalità: Somalja. Fejn jinsab: Somalja.

4.

Ahmed Abdi aw-Mohamed (magħruf ukoll bħala a) Abu Zubeyr, Muktar Abdirahman, b) Abuzubair, Muktar Abdulrahim, c) Aw Mohammed, Ahmed Abdi, d) Aw-Mohamud, Ahmed Abdi, e) “Godane”, f) “Godani”, g) “Mukhtar, Shaykh”, h) “Zubeyr, Abu”) Data tat-twelid: 10 ta’ Lulju 1977. Post tat-twelid: Hargeysa, Somalja. Nazzjonalità: Somalja.

5.

Fuad Mohamed Khalaf (magħruf ukoll bħala a) Fuad Mohamed Khalif, b) Fuad Mohamed Qalaf, c) Fuad Mohammed Kalaf, d) Fuad Mohamed Kalaf, e) Fuad Mohammed Khalif, f) Fuad Khalaf, g) Fuad Shongale, h) Fuad Shongole, i) Fuad Shangole, j) Fuad Songale, k) Fouad Shongale, l) Fuad Muhammad Khalaf Shongole) Nazzjonalità: Somalja. Fejn jinsab: Mogadixu, Somalja. Lokalità alternattiva: Somalja.

6.

Bashir Mohamed Mahamoud (magħruf ukoll bħala a) Bashir Mohamed Mahmoud, b) Bashir Mahmud Mohammed, c) Bashir Mohamed Mohamud, d) Bashir Mohamed Mohamoud, e) Bashir Yare, f) Bashir Qorgab, g) Gure Gap, h) “Abu Muscab”, i) “Qorgab”) Data tat-twelid: madwar 1979-1982. Data tat-twelid alternattiva: 1982. Nazzjonalità: Somalja. Fejn jinsab: Mogadixu, Somalja.

7.

Mohamed Sa’id (magħruf ukoll bħala a) “Atom”, b) Mohamed Sa’id Atom, c) Mohamed Siad Atom) Data tat-twelid: madwar l-1966. Post tat-twelid: Galgala, Somalja. Fejn jinsab: Galgala, Somalja. Lokalità alternattiva: Badhan, Somalja.

8.

Fares Mohammed Mana’a (magħruf ukoll bħala: a) Faris Mana’a, b) Fares Mohammed Manaa) Data tat-twelid: 8 ta’ Frar 1965. Post tat-twelid: Sadah, Jemen. Nru tal-Passaport: 00514146; post tal-ħruġ: Sanaa, Jemen. Nru tal-Karta tal-Identità: 1417576; post tal-ħruġ: Al-Amana, Jemen; data tal-ħruġ: 7 ta’ Jannar 1996.

II.   Entitajiet

AL-SHABAAB (magħrufa wkoll bħala a) Al-Shabab, b) Shabaab, c) The Youth, d) Mujahidin Al-Shabaab Movement, e) Mujahideen Youth Movement, f) Mujahidin Youth Movement, g) MYM, h) Harakat Shabab Al-Mujahidin, i) Hizbul Shabaab, j) Hisb’ul Shabaab, k) Al-Shabaab Al-Islamiya, l) Youth Wing, m) Al-Shabaab Al-Islaam, n) Al-Shabaab Al-Jihaad, o) The Unity Of Islamic Youth, p) Harakat Al-Shabaab Al-Mujaahidiin, q) Harakatul Shabaab Al Mujaahidiin, r) Mujaahidiin Youth Movement) Tinsab: Somalja.