5.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 1/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Diċembru 2009

li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 10251)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/2/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10a(13) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata mid-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), tipprovdi li l-irkant għandu jkun il-prinċipju ta’ bażi għall-allokazzjoni tal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

(2)

L-Unjoni tappoġġa ftehim internazzjonali ambizzjuż dwar it-tibdil fil-klima li għandu l-għan li jillimita ż-żieda fit-temperatura globali għal 2 °C. Jekk pajjiżi żviluppati oħra u entitajiet oħrajn li huma sorsijiet kbar ta’ gassijiet serra ma jipparteċipawx f’dan il-ftehim internazzjonali, dan jista’ jwassal għal żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’pajjiżi terzi fejn l-industrija ma tkunx suġġetta għal restrizzjonijiet komparabbli tal-karbonju (“rilaxx tal-karbonju”), u jiżvaluta l-integrità ambjentali u l-benefiċċju tal-azzjonijiet li jsiru mill-Unjoni. Sabiex jiġi indirizzat ir-riskju tar-rilaxx tal-karbonju, id-Direttiva 2003/87/KE tipprovdi li, suġġett għar-riżultat tan-negozjati internazzjonali, l-Unjoni għandha talloka bla ħlas 100 % tal-kwoti determinati skont il-miżura msemmija fl-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE għal setturi jew subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju.

(3)

Sal-31 ta’ Diċembru 2009 u sussegwentement kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tiddetermina lista ta’ setturi jew subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju, minn issa ‘l quddiem “lista ta’ setturi u subsetturi”, fuq il-bażi ta’ kriterji msemmija fil-paragrafi 14 sa 17 tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE.

(4)

Skont l-Artikolu 10a(14) tad-Direttiva 2003/87/KE, sabiex jiġu ddeterminati s-setturi jew subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju, il-Kummissjoni għandha tevalwa, fuq il-livell tal-Unjoni, safejn huwa possibbli għas-settur jew subsettur ikkonċernat, fuq il-livell rilevanti ta’ diżaggregazzjoni, li dan jgħaddi l-ispiża diretta tal-kwoti meħtieġa u l-ispejjeż indiretti minħabba prezzijiet ogħla tal-elettriku li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE lill-prezzijiet tal-prodott mingħajr telf sinifikanti għas-sehem mis-suq tal-istallazzjonijiet anqas effiċjenti fl-użu ta-karbonju barra l-Unjoni. Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq prezz medju tal-karbonju skont l-istima tal-Kummissjoni dwar l-impatt li takkumpanja l-pakkett ta’ miżuri implimentattivi għall-għanijiet tal-Unjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija li tiġġedded għall-2020 u, jekk tkun disponibbli, skont dejta dwar il-kummerċ, il-produzzjoni u l-valur miżjud għall-iktar tliet snin reċenti għal kull settur jew subsettur.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 10a(15) tad-Direttiva 2003/87/KE, settur jew subsettur għandu jitqies li jkun espost għal riskju ta’ rilaxx tal-karbonju jekk it-total tal-ispejjeż addizzjonali diretti u indiretti minħabba l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva jwassal għal żieda sostanzjali fl-ispiża tal-produzzjoni, ikkalkulata bħala proporzjoni tal-valur gross miżjud, ta’ mill-inqas 5 %; kif ukoll l-intensità tal-kummerċ f’pajjiżi terzi, definita bħala l-proporzjon bejn il-valur totali tal-esportazzjonijiet għal pajjiżi terzi magħdud mal-valur tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u d-daqs totali tas-suq għall-Unjoni (il-fatturat annwali miżjud mal-importazzjoni totali minn pajjiżi terzi), tkun ogħla minn 10 %. F’konformità mal-Artikolu 10a(16) tad-Direttiva 2003/87/KE, settur jew subsettur jitqies ukoll li jkun espost għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju jekk it-total tal-ispejjeż addizzjonali diretti u indiretti minħabba l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE jwassal għal żieda partikolarment għolja fl-ispiża tal-produzzjoni, ikkalkulata bħala l-proporzjoni tal-valur gross miżjud, ta’ mill-inqas 30 %, jew jekk l-intensità tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, definita bħala l-proporzjon bejn il-valur totali tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi magħdud mal-valur tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u d-daqs totali tas-suq għall-Unjoni (il-fatturat annwali miżjud mal-importazzjoni totali minn pajjiżi terzi), tkun ogħla minn 30 %.

(6)

Sabiex tiġi stabbilita lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju, ir-riskju ta’ rilaxx tal-karbonju għandu jiġi vvalutat bħala punt tat-tluq, fuq livell ta’ 3 ċifri (livell NACE-3) jew, fejn ikun xieraq u fejn id-dejta hija disponibbli, fuq livell ta’ 4 ċifri (livell NACE-4). Is-setturi u s-subsetturi għandhom jiġu inklużi fuq il-lista ta’ setturi u subsetturi bl-użu tal-aktar deskrizzjoni NACE eżatta. Xi setturi li ma nstabx li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju fuq livell NACE-4 ġew diżaggregati u għadd ta’ subsetturi korrispondenti, li għalihom ċertu karatteristiċi wasslu għal impatt differenti b’mod sinifikanti mill-bqija tas-settur, ġew ivvalutati.

(7)

Inġabret informazzjoni meħtieġa sabiex issir id-determinazzjoni abbażi tal-kriterji msemmija fil-paragrafi 14 sa 17 tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE, kif kienet f’Diċembru 2008, minn Stati Membri, l-Eurostat, sorsi disponibbli kemm pubblikament kif ukoll kummerċjalment u assoċjazzjonijiet tal-industrija. L-informazzjoni li ma ngħatatx minn Stati Membri jew minn sorsi oħra uffiċjali ġiet verifikata. Ġiet użata wkoll dejta kunfidenzjali pproċessata mill-Eurostat.

(8)

Id-dejta misjuba fir-“Reġistru Komunitarju Indipendenti tat-Tranżazzjonijiet” (CITL), li l-attivitajiet tiegħu kienu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE qabel l-emenda mid-Direttiva 2009/29/KE, hija kkunsidrata l-aktar stima eżatta, affidabbli u trasparenti tal-emissjonjiet tas-CO2 għas-setturi, u għalhekk intużat bħala s-sors prinċipali sabiex tkun ikkalkulata l-ispiża diretta tal-allokazzjoni għal dawk is-setturi.

(9)

Fir-rigward tal-emissjonijiet tal-proċess ta’ attivitajiet ġodda u gassijiet serra inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata mid-Direttiva 2009/29/KE, għal xi setturi b’għadd sostanzjali ta’ stallazzjonijiet żgħar jew stallazzjonijiet li kienu esklużi fil-perjodi 2005-2007 u 2008-2012 mill-iskema tal-kummerċ tal-emissjonjiet, u li għalihom ma kien hemm l-ebda dejta disponibbli fis-CITL, jew fejn l-emissjonijiet ma setgħux jiġu attribwiti fuq livell NACE-4, id-dejta inġabret mill-Istati Membri u mill-inventajru tal-gassijiet serra tal-Unjoni għas-snin rilevanti. Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konsum tal-elettriku użat għall-kalkolu tal-ispiża indiretta minn prezzijiet ogħla tal-elettriku, ma hemmx dejta disponibbli mill-Eurostat u d-dejta miġbura direttament mill-Istati Membri tista’ tkun ikkunsidrata bħala l-aktar dejta affidabbli disponibbli. Rigward l-istima tal-valur miżjud gross, intużat dejta mill-Istatistiki Strutturali tan-Negozju tal-Eurostat peress li hija kkunsidrata bħala l-aktar sors preċiż. Id-dejta rappurtata minn Eurostat fid-database Comext dwar il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi hija kkunsidrata bħala l-aktar dejta affidabbli dwar il-valuri totali ta’ esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi u importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, kif ukoll dwar il-fatturat fl-Unjoni.

(10)

Il-valutazzjonijiet issejsu fuq il-prezz medju tal-karbonju skont l-istima tal-impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja l-pakkett ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni għall-għanijiet tal-Unjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija rinnovabbli għall-2020 (3). Il-prezz tal-karbonju li rriżulta mill-aktar sitwazzjoni rilevanti inkluż il-krediti tal-Mekkaniżmu ta’ Implimentazzjoni Konġunta u l-Iżvilupp Nadif huwa ta’ EUR 30 kull tunnellata ta’ CO2 ekwivalenti.

(11)

Sabiex ikunu vvalutati l-ispejjeż addizzjonali diretti minħabba l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE, huwa meħtieġ li jitqies l-ammont tal-allokazzjonijiet li s-settur ikun meħtieġ jixtri jekk ma jitqiesx li huwa espost għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju. F’konformità mal-Artikolu 10a(11) ta’ dik id-Direttiva l-ammont ta’ allokazzjonijiet mogħtija b’xejn lil setturi bħal dawn fl-2013 għandu jkun 80 % tal-kwantità determinata skont l-Artikolu 10a(1) u dan l-ammont għandu jonqos kull sena bl-istess ammonti bir-riżultat ta’ 30 % tal-allokazzjoni b’xejn fl-2020 bil-ħsieb li sal-2027 jintlaħaq 0 % tal-allokazzjoni b’xejn. Il-punt tat-tluq għall-punti ta’ riferiment determinati skont l-Artikolu 10a(1) huwa l-prestazzjoni medja ta’ 10 % tal-istallazzjonijiet l-aktar effiċjenti fis-settur jew subsettur fl-Unjoni fis-snin 2007-2008 u dawn għandhom iqisu l-aktar tekniki, sostituti u proċessi ta’ produzzjoni alternattivi effikaċi.

(12)

Il-punti ta’ riferiment li għandhom jiġu determinati f’konformità mal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jiġu adottati biss sal-aħħar tal-2010. Għalhekk, il-valutazzjoni tal-ispejjeż diretti abbażi ta’ dawk il-punti ta’ riferiment tista’ titqies biss fl-okkażjoni tar-reviżjoni tal-lista tas-setturi u s-subsetturi. Għalhekk huwa meħtieġ li ssir stima tal-ammont ta’ allokazzjonijet li hemm bżonn li jingħataw b’xejn sabiex tiġi determinata l-lista ta’ setturi u subsetturi. Dawn l-istimi għandhom isiru fuq il-livell tal-Unjoni u għas-snin 2013 u 2014. L-aqwa stima, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni u li tirrifletti r-rekwiżiti stretti għall-punti ta’ riferiment u l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ riduzzjoni lineari, hija li 75 % tal-allokazzjonijiet għal setturi li mhumiex esposti jeħtieġ li jinxtraw fl-2013 u fl-2014.

(13)

Il-valutazzjoni tal-ispiża indiretta ssejset fuq il-fattur medju ta’ emissjoni Komunitarju għall-elettriku ta’ 0,465 tunnellati ta’ CO2 kull MWh skont l-Analiżi bbażata fuq Mudell tal-Pakkett ta’ Politika tal-UE tal-2008 dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġiji Li Jiġġeddu (4) użati għall-valutazzjoni tal-impatt tal-Komunita li takkumpanja l-pakkett ta’ miżuri implimentattivi għall-għanijiet tal-Komunità dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija rinnovabbli għall-2020. L-użu ta’ valur medju Komunitarju huwa xieraq għax huwa konsistenti mar-rekwiżit li ssir valutazzjoni fuq livell Komunitarju u peress li jirrifletti l-emissjonijiet attwali marbuta mal-produzzjoni tal-elettriku fil-Komunità.

(14)

Skont l-Artikolu 10a(17) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-lista tista’ tiġi supplimentata wara li titlesta evalwazzjoni kwalitattiva, fejn id-dejta rilevanti tkun disponibbli filwaqt li jitqies safejn ikun possibbli għal stallazzjonijiet individwali fis-settur jew subsettur ikkonċernat biex jitnaqqsu l-livelli tal-emissjonijiet jew tal-konsum tal-elettriku, inkluża kif xieraq, iż-żieda fl-ispiża tal-produzzjoni li l-investiment relatat jista’ jinvolvi, pereżempju abbażi tal-aktar tekniki effikaċi; il-karatteristiċi attwali u proġettati tas-suq, anke meta l-espożizzjoni għall-kummerċ jew ir-rati ta’ żidiet fl-ispejjeż diretti jew indiretti huma qrib wieħed mil-limiti; u l-marġini tal-profitt bħala indikatur potenzjali ta’ investiment fuq żmien twil jew deċiżjonijiet ta’ rilokazzjoni.

(15)

Twettqet valutazzjoni kwalitattiva fuq għadd ta’ setturi u subsetturi li ma tqisux li huma esposti għar-rilaxx tal-karbonju abbażi tal-kriterji kwantitattivi stipulati fil-paragrafi 14 u 15 tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE. Il-valutazzjoni kwalitattiva kienet prinċipalment applikata għal setturi li ma kinux rappreżentati biżżejjed fil-valutazzjoni kwantitattiva, u għal setturi kkunsidrati bħala każijiet fit-tarf jew li għalihom ma kienx hemm statistika jew kienet ta’ kwalità ħażina, u li għalihom intalbet analiżi kwalitattiva mill-Istati Membri jew mir-rappreżentanti tal-industrija, abbażi ta’ raġunament plawżibbli u talbiet sostanzjati. Wara dik il-valutazzjoni, xi setturi analizzati għandhom jitqiesu li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju. Is-setturi u s-subsetturi addizzjonali li żdiedu mal-lista huma speċifikati separatament fit-tielet taqsima tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

(16)

Setturi u subsetturi oħra, li, bir-restrizzjonijiet ta’ żmien attwali, ma ġewx analizzati kompletament din id-darba jew li għalihom id-disponibbiltà u l-kwalità tad-dejta kienet limitata, bħall-manifattura ta’ briks u madum tas-saqaf, se jerġgħu jkunu evalwati mill-iktar fis possibli skont l-Artikolu 10a(13) tad-Direttiva u, soġġett għar-riżultat ta’ din l-analiżi, jiżdiedu mal-lista.

(17)

Twettqet valutazzjoni kwalitattiva dwar is-settur tal-“L-aħħar trattament fuq id-drappijiet” (kodiċi NACE 1730), primarjament minħabba l-fatt li ma hemm l-ebda dejta ta’ kummerċ uffiċjali disponibbli fuq livell Komunitarju sabiex tkun valutata l-intensità tal-kummerċ u minħabba li s-setturi tat-tessuti l-oħra kollha għandhom intensità għolja ta’ kummerċ. Il-valutazzjoni wriet żieda fil-pressjoni tal-kompetittività internazzjonali, tnaqqis sinifikanti fil-produzzjoni fil-Komunità f’dawn l-aħħar snin u marġini ta’ profitt negattivi jew modesti ħafna għas-snin evalwati, li jillimitaw il-kapaċità tal-istallazzjonijiet li jinvestu u jnaqqsu l-emissjonijiet. Abbażi tal-impatt flimkien ta’ dawk il-fatturi, is-settur għandu jitqies li huwa espost għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju.

(18)

Twettqet valutazzjoni kwalitattiva dwar is-settur ta’ “Manifattura ta’ folji miksija; manifattura ta’ plajwud (plywood), twavel laminati (laminboard), twavel magħmula mill-frak tal-injam (particleboard), fajberbord (fibreboard) u pannelli u twavel (board) oħra” (kodiċi NACE 2020). Il-valutazzjoni wriet ambitu limitat għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mingħajr żieda sinifikanti fl-ispejjeż, karatteristiċi tas-suq diffikultużi, bħas-sensitività għolja tal-prezz u x-xejra li qed tikber ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi b’manifattura bi spiża baxxa, u impatt sinifikanti ta’ spejjeż addizzjonali minħabba l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE fuq il-marġini tal-profit li jillimita l-kapaċità tal-istallazzjonijiet li jinvestu u jnaqqsu l-emissjonijiet. Abbażi tal-impatt flimkien ta’ dawk il-fatturi, is-settur għandu jitqies li huwa espost għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju.

(19)

Twettqet valutazzjoni kwalitattiva dwar is-settur ta’ “Manifattura ta’ plastik f’forom primarji” (Kodiċi NACE 2416). Fir-rigward tal-karatteristiċi attwali tas-suq, il-valutazzjoni wriet livell għoli ta’ integrazzjoni ma’ partijiet oħra tal-industrija tal-kimika, meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju; prezzijiet stipulati skont is-suq dinji li jfixklu ż-żieda ta’ prezzijiet b’mod unilaterali, u distorsjonijiet tas-suq dinji jew tal-Unjoni minħabba prattiki kummerċjali mhux ġusti minn produtturi f’ċerti pajjiżi terzi. Fir-rigward tal-karatteristiċi pproġettati tas-suq, filwaqt li diġà huma qrib il-limitu ta’ 30 % ta’ intensità tas-suq, is-settur jesperjenza żieda qawwija fl-importazzjonijiet li se jibqgħu primarjament minħabba l-investimenti kbar ġodda fil-Lvant Nofsani. Abbażi tal-impatt flimkien ta’ dawk il-fatturi, is-settur għandu jitqies li huwa espost għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju.

(20)

Twettqet valutazzjoni kwalitattiva dwar is-settur ta’ “Tiswir tal-ħadid” (kodiċi NACE 2751), primarjament minħabba l-fatt li ma hemm l-ebda dejta ta’ kummerċ uffiċjali disponibbli fuq il-livell tal-Unjoni sabiex tkun ivvalutata l-intensità tal-kummerċ peress li l-prodotti prinċipali tat-tiswir jinqasmu fi gruppi differenti fid-database tal-Eurostat Comext. Il-valutazzjoni wriet potenzjal limitat ta’ tnaqqis minħabba l-emissjonijiet li huma parzjalment inevitabbli relatati mal-proċess u l-kapaċità limitata li jkun hemm investiment f’teknoloġiji ta’ tnaqqis minħabba impatt tal-ispejjeż addizzjonali sinifikanti li ġejjin mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE fuq il-marġini tal-profit. Fir-rigward ta’ karatteristiċi tas-suq, il-konċentrazzjoni tas-suq hija baxxa, filwaqt li jeżisti livell għoli ta’ konċentrazzjoni fis-setturi klijenti. Dan jimplika potenzjal limitat għas-settur sabiex jgħaddi minn spejjeż addizzjonali. Dejta eżistenti tal-kummerċ minn sorsi alternattivi tindika wkoll li l-produzzjoni tat-tiswir hija dejjem aktar kummerċjalizzata internazzjonalment. Abbażi tal-impatt flimkien ta’ dawk il-fatturi, is-settur għandu jitqies li huwa espost għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju.

(21)

Twettqet valutazzjoni kwalitattiva dwar is-settur ta’ “Tiswir ta’ metalli ħfief” (kodiċi NACE 2753), primarjament minħabba l-fatt li ma hemm l-ebda dejta ta’ kummerċ uffiċjali disponibbli fuq il-livell tal-Unjoni sabiex tkun ivvalutata l-intensità tal-kummerċ, peress li l-prodotti prinċipali tal-fonderija jinqasmu fi gruppi differenti fid-database tal-Eurostat Comext. Rigward il-karatteristiċi tas-suq, il-valutazzjoni wriet konċentazzjoni baxxa tas-suq u dipendenza għolja fuq id-domanda minn settur klijent konċentrant wieħed. Dan jimplika potenzjal limitat għas-settur sabiex jgħaddi minn spejjeż addizzjonali. Barra minn hekk, is-settur ġarrab telfiet jew marġini verament modesti fis-snin evalwati, li affettwaw b’mod ħażin il-kapaċitajiet għal investiment f’teknoloġiji ta’ tnaqqis, u li jistgħu ikomplu jitħarrxu mill-ispejjeż addizzjonali. Dejta eżistenti tal-kummerċ minn sorsi alternattivi tindika wkoll li l-produzzjoni tat-tiswir hija dejjem aktar kummerċjalizzata internazzjonalment. Abbażi tal-impatt flimkien ta’ dawk il-fatturi, is-settur għandu jitqies li huwa espost għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju.

(22)

Meta tiġi determinata l-lista tas-setturi u s-subsetturi, għandu jitqies, fejn hemm dejta rilevanti disponibbli, safejn il-pajjiżi terzi, li jirrappreżentaw sehem deċiżiv tal-produzzjoni f’setturi u subsetturi meqjusa li huma f’riskju ta’ rilaxx tal-karbonju, jimpenjaw rwieħhom sew lejn it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’dawk is-setturi jew subsetturi li sa ċertu punt huma komparabbli ma’ dak tal-Unjoni u fl-istess qafas ta’ żmien, u l-miżura li sa fiha l-effikaċja tal-karbonju tal-istallazzjonijiet li jinsabu f’dawk il-pajjiżi hija komparabbli ma’ dik tal-Unjoni. Sal-istadju attwali, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Iżvizzera biss ħadu impenji bħal dawn, u huma flimkien ma jirrappreżentawx sehem deċiżiv tal-produzzjoni globali fis-setturi jew subsetturi meqjusa li huma f’riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju. Rigward l-effikaċja tal-karbonju, id-dejta rilevanti meħtieġa għall-valutazzjoni mhijiex disponibbli minħabba n-nuqqas ta’ komparabbiltà ta’ definizzjonijiet ta’ statistika u nuqqas ġenerali ta’ dejta globali fuq il-livell meħtieġ ta’ diżaggregazzjoni u dettall settorjali. Għalhekk, il-kriterji stipulati fl-Artikolu 10a(18) tad-Direttiva 2003/87/KE ma kellhom l-ebda effett fuq il-lista ta’ setturi u subsetturi.

(23)

Il-valutazzjoni li fuqha hija bbażata l-lista ta’ setturi u subsetturi kopriet il-kodiċijiet NACE kollha minn 1010 sa u inkluż 3720, u b’hekk kopriet is-setturi tal-minjieri, tal-barrieri u tal-manifattura. Ċerti setturi industrijali oħrajn, li jaqgħu barra l-medda tal-kodiċijiet NACE, imma li l-istallazzjonijiet stazzjonarji tagħhom huma potenzjalment koperti mid-dispożizzjonijiet ETS tal-UE dwar ir-rilaxx tal-karbonju, se jiġu analizzati mill-Kummissjoni matul l-2010. Jekk xi settur industrijali bħal dawn jissodisfa l-kriterji fil-paragrafi 14 sa 17 tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE, dan jiżdied mal-lista fl-aġġornament annwali.

(24)

Din il-lista tapplika għas-snin 2013-2014, suġġett għar-riżultat tan-negozjati internazzjonali.

(25)

Diversi partijiet interessati, inklużi Stati Membri, assoċjazzjonijiet tal-industrja, organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi u akkademiċi ġew ikkonsultati dwar il-lista ta’ setturi u subsetturi u t-tagħrif dwar il-proċess kien disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni (5).

(26)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-setturi u s-subsetturi mniżżla fl-Anness għandhom jitqiesu li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju.

Ċerti setturi industrijali oħrajn, li jaqgħu barra l-medda tal-kodiċijiet NACE, (minn 1010 sa u inkluż 3720), iżda huma potenzjalment koperti mid-dispożizzjonijiet ETS tal-UE dwar ir-rilaxx tal-karbonju, se jiġu analizzati mill-Kummissjoni matul l-2010. Jekk xi settur industrijali bħal dawn jissodisfa l-kriterji fil-paragrafi 14 sa 17 tal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE, dan jiżdied mal-lista fl-aġġornament annwali.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63.

(3)  http://ec.europa.eu/energy/climate_actions/doc/2008_res_ia_en.pdf

(4)  P. Capros et al. Analiżi bbażata fuq Mudell tal-Pakkett ta’ Politika tal-UE 2008 dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġiji Li Jiġġeddu, Mudell Primes - E3MLab/NTUA, Ġunju 2008

http://ec.europa.eu/environment/climat/pdf/climat_action/analysis.pdf

(5)  http://ec.europa.eu/environment/climat/emission/carbon_en.htm


ANNESS

Setturi u subsetturi li, skont l-Artikolu 10a(13) tad-Direttiva 2003/87/KE, meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju.

1.   FUQ LIVELL NACE-4

1.1.   ABBAŻI TAL-KRITERJI KWALITATTIVI STIPULATI FIL-PARAGRAFI 15 U 16 TAL-ARTIKOLU 10A TAD-DIRETTIVA 2003/87/KE

Kodiċi NACE

Deskrizzjoni

1010

Tħaffir u ġbir ta’ faħam iebes

1430

Tħaffir għall-minerali kimiċi u ta’ fertilizzant

1597

Manifattura tal-malt

1711

Preparazzjoni u nsiġ tal-fibri tal-qoton

1810

Manifattura tal-ħwejjeġ tal-ġilda

2310

Manifattura ta’ prodotti tal-forn tal-faħam tal-gass

2413

Manifattura ta’ kimiċi bażiċi inorganiċi oħra

2414

Manifattura ta’ kimiċi bażiċi organiċi oħra

2415

Manifattura ta’ fertilizzanti u komposti tan-nitroġenu

2417

Manifattura ta’ lastku sintetiku fil-forom primarji

2710

Manifattura ta’ ħadid u azzar bażiku u ta’ illigi tal-ħadid

2731

Tiksib bil-kesħa

2742

Produzzjoni tal-aluminju

2744

Produzzjoni tar-ram

2745

Produzzjoni oħra ta’ metall mhux tal-ħadid

2931

Manifattura ta’ muturi tal-ħart agrikoli

1.2.   ABBAŻI TAL-KRITERJI KWALITATTIVI STIPULATI FIL-PARAGRAFI 15 TAL-ARTIKOLU 10A TAD-DIRETTIVA 2003/87/KE

Kodiċi NACE

Deskrizzjoni

1562

Manifattura tal-lamtu u l-prodotti li fihom il-lamtu

1583

Manifattura taz-zokkor

1595

Manifattura ta’ xarbiet oħra non-distillati u ffermetati

1592

Produzzjoni tal-alkoħol mill-etanu minn materjali ta’ fermentazzjoni

2112

Manifattura ta’ karti u paperboard

2320

Manifattura ta’ prodotti rfinuti tal-petrolju

2611

Manifattura ta’ ħġieġ ċatt

2613

Manifattura ta’ ħġieġ vojt

2630

Manifattura ta’ madum taċ-ċeramika u ċangaturi

2721

Manifattura ta’ tubi tal-ħadid imdewweb

2743

Produzzjoni ta’ ċomb, żingu u landa

1.3.   ABBAŻI TAL-KRITERJI KWALITATTIVI STIPULATI FIL-PUNT (A) TAL-ARTIKOLU 10A(16) TAD-DIRETTIVA 2003/87/KE

Kodiċi NACE

Deskrizzjoni

2651

Manifattura ta’ siment

2652

Manifattura ta’ ġir

1.4.   ABBAŻI TAL-KRITERJI KWALITATTIVI STIPULATI FIL-PUNT (B) TAL-ARTIKOLU 10A(16) TAD-DIRETTIVA 2003/87/KE

Kodiċi NACE

Deskrizzjoni

1110

Estrazzjoni ta’ petrolju mhux maħdum u gass naturali

1310

Tħaffir għal minerali tal-ħadid

1320

Tħaffir għal materjali tal-metall li ma fihomx ħadid, ħlief tal-uranju u tat-torju

1411

Qtugħ minn barrieri ta’ ġebel ornamentali u ta’ ġebel użat għal bini

1422

Tħaffir għal tafal u kawlina

1450

Tħaffir ieħor u qtugħ minn barrieri ieħor n.e.c

1520

Ipproċessar u preservazzjoni ta’ ħut u prodotti tal-ħut

1541

Manifattura ta’ żejt u xaħmijiet mhux maħduma

1591

Manifattura ta’ xarbiet alkoħoliċi distillati u li tajbin għax-xorb

1593

Manifattura tal-inbid

1712

Preparazzjoni u nsiġ tal-fibri tas-suf

1713

Preparazzjoni u nsiġ tal-fibri ta’ ħajt tas-suf

1714

Preparazzjoni u nsiġ tal-fibri tat-tip tal-qanneb

1715

Tfigħ (Għażil) u preparazzjoni tal-ħarir, inkluż minn trufijiet, u tfigħ u nsiġ ta’ ħjut tal-filamenti sintetiċi jew artifiċjali

1716

Manifattura tal-ħjut tal-ħjata

1717

Preparazzjoni u nsiġ ta’ fibri oħra tat-tessuti

1721

Nsiġ tat-tip tal-qoton

1722

Nsiġ tat-tip tas-suf

1723

Nsiġ tat-tip tal-ħajt tas-suf

1724

Nsiġ tat-tip tal-ħarir

1725

Nsiġ ieħor tat-tessuti

1740

Manifattura ta’ materjali minsuġin, ħlief ħwejjeġ

1751

Manifattura ta’ twapet u gvieret

1752

Manifattura ta’ kurduni, ħbula, spag u xbieki

1753

Manifattura ta’ materjal mhux minsuġ u affarijiet magħmulin minn dan id-drapp, ħlief ħwejjeġ

1754

Manifattura ta’ tessuti oħra n.e.c.

1760

Manifattura tat-tessuti maħduma u tal-ganċ

1771

Manifattura ta’ kalzetti maħdumin bil-labar u bil-ganċ

1772

Manifattura ta’ pullovers, cardigans maħdumin bil-labar u bil-ġanċ u artikli simili

1821

Manifattura ta’ ħwejjeġ tax-xogħol

1822

Manifattura ta’ ħwejjeġ li jintlibsu fuq ħwejjeġ oħra

1823

Manifattura ta’ ħwejjeġ ta’ taħt

1824

Manifattura ta’ lbies u aċċessorji oħra li jintlibsu

1830

Tlibbis u żbigħ ta’ fer; manifattura ta’ oġġetti tal-fer

1910

Tiswid u ggumar tal-ġilda

1920

Manifattura ta’ bagalji, basktijiet tal-idejn u oġġetti simili, srieġ u xedd tal-annimali

1930

Manifattura ta’ lbies tas-saqajn

2010

Isserrar u llixxar tal-injam; trattament tal-injam

2052

Manifattura ta’ oġġetti tas-sufra, tat-tiben u tal-materjali tat-trizza

2111

Manifattura ta’ polpa tal-karti

2124

Manifattura ta’ karta għall-kisi tal-ħitan

2215

Pubblikazzjoni oħra

2330

Proċessar ta’ karburant nukleari

2412

Manifattura ta’ żebgħa u pigmenti

2420

Manifattura ta’ pestiċidi u prodotti agro-kimiċi oħra

2441

Manifattura ta’ prodotti bażiċi farmaċewtiċi

2442

Manifattura ta’ preparazzjonijiet farmaċewtiċi

2452

Manifattura ta’ fwejjaħ u preparazzjonijiet tat-twaletta

2463

Manifattura ta’ żjut essenzjali

2464

Manifattura ta’ materjal fotografiku kimiku

2465

Manifattura tal-medja preparata iżda mhux irrekordjata

2466

Manifattura ta’ prodotti oħra tal-kimika n.e.c.

2470

Manifattura ta’ fibri magħmulin mill-bniedem

2511

Manifattura ta’ tajers tal-lastku u tubi

2615

Manifattura u proċessar ta’ ħġieġ ieħor, inkluż fajjenza ta’ ħġieġ għall-użu tekniku

2621

Manifattura ta’ oġġetti tad-dar taċ-ċeramika u oġġetti ornamentali

2622

Manifattura ta’ affarijiet sanitarji taċ-ċeramika li jitwaħħlu

2623

Manifattura ta’ iżolaturi taċ-ċeramika u tagħmir ta’ iżolaturi

2624

Manifattura ta’ prodotti oħra tekniċi taċ-ċeramika

2625

Manifattura ta’ prodotti oħra taċ-ċeramika

2626

Manifattura ta’ prodotti taċ-ċeramika reffettarji

2681

Produzzjoni ta’ prodotti li fihom trab tal-brix

2722

Manifattura ta’ tubi tal-azzar

2741

Produzzjoni ta’ metalli prezzjużi

2861

Manifattura ta’ pożati

2862

Manifattura ta’ għodda

2874

Manifattura ta’ qafliet, prodotti tal-magni tal-viti, ktajjen u molol

2875

Manifattura ta’ prodotti oħra tal-metall immanifatturati n.e.c.

2911

Manifattura ta’ magni u turbini, minbarra inġenji tal-ajru, magni tal-vetturi u tal-muturi

2912

Manifattura ta’ pompi u kumpressuri

2913

Manifattura ta’ viti u valvi

2914

Manifattura ta’ fwies, gears, elementi ta’ gearing u tas-sewqan

2921

Manifattura ta’ fran u burners tal-fran

2923

Manifattura ta’ tagħmir mhux domestiku tal-kesħa u ventilazzjoni

2924

Manifattura ta’ makkinarju ieħor ta’ skopijiet ġenerali n.e.c.

2932

Manifattura ta’ makkinarju ieħor agrikolu u tal-forestrija

2941

Manifattura ta’ għodod tal-elettriku tal-idejn u li jistgħu jinġarru

2942

Manifattura ta’ għodod tal-magni oħra ta’ xogħol tal-metall

2943

Manifattura ta’ għodod oħra tal-magni n.e.c.

2951

Manifattura ta’ makkinarju għall-metallurġija

2952

Manifattura ta’ makkinarju għal qtiegħ ta’ faħam, qtugħ ta’ ġebel minn barrieri u kostruzzjoni

2953

Manifattura ta’ makkinarju għall-ipproċessar tal-ikel, ix-xorb u t-tabakk

2954

Manifattura ta’ makkinarju għat-tessili, l-ilbies u l-produzzjoni tal-ġilda

2955

Manifattura ta’ makkinarju għall-produzzjoni tal-karti u kartunċin

2956

Manifattura ta’ makkinarju li jkollu skop speċjali n.e.c.

2960

Manifattura ta’ armi u munizzjon

2971

Manifattura ta’ strumenti domestiċi elettriċi

3001

Manifattura ta’ makkinarju għall-uffiċċju

3002

Manifattura ta’ kompjuters u tagħmir ieħor għall-ipproċessar ta’ informazzjoni

3110

Manifattura ta’ muturi, ġeneraturi u trasformaturi elettriċi

3120

Manifattura ta’ apparat ta’ distribuzzjoni tal-elettriku u ta’ kontroll

3130

Manifattura ta’ wajers u kejbils iżolati

3140

Manifattura ta’ akkumulaturi, ċelloli primarji u batteriji primarji

3150

Manifattura ta’ tagħmir tad-dawl u lampi li jaħdmu bl-elettriku

3162

Manifattura ta’ tagħmir elettriku ieħor n.e.c.

3210

Manifattura ta’ valvi elettroniċi u tubi u komponenti oħra elettroniċi

3220

Manifattura tat-trażmettituri tat-televiżjoni u tar-radju u apparat għal-linji tat-telefonija u t-telegrafija

3230

Manifattura tar-riċevituri tat-televiżjoni u tar-radju, irrekordjar tal-ħoss u tal-video jew apparat li jirriproduċi u oġġetti assoċjati

3310

Manifattura ta’ tagħmir mediku u tal-kirurġija u strumenti ortopediċi

3320

Manifattura ta’ strumenti u apparat għall-kejl, ċċekkjar, testjar, navigar u użu ieħor ħlief tagħmir għall-kontroll tal-proċess industrijali

3340

Manifattura ta’ strumenti ottiċi u apparat tal-fotografija

3350

Manifattura ta’ arloġġi tal-idejn u arloġġi

3511

Bini u tiswija ta’ vapuri

3512

Bini u tiswija ta’ dgħajjes tal-pjaċir u tal-isport

3530

Manifattura ta’ vetturi tal-ajru u vetturi tal-ispazju

3541

Manifattura ta’ muturi

3542

Manifattura ta’ roti

3543

Manifattura ta’ karozzini għall-invalidi

3550

Manifattura ta’ tagħmir ieħor tat-trasport n.e.c.

3621

Stampar ta’ muniti

3622

Manifattura ta’ ġojjelli u affarjiet li għandhom x’jaqsmu n.e.c.

3630

Manifattura ta’ strumenti mużikali

3640

Manifattura ta’ affarjiet tal-isport

3650

Manifattura ta’ logħob u ġugarelli

3661

Manifattura ta’ ġojjelli tal-imitazzjoni

3662

Manifattura ta’ xkupi u xkupilji

3663

Manifattura oħra n.e.c.

2.   LIL HIN MIL-LIVELL NACE-4 ABBAŻI TAL-KRITERJI KWALITATTIVI STIPULATI FIL-PARAGRAFI 15 U 16 TAL-ARTIKOLU 10A TAD-DIRETTIVA 2003/87/KE

Kodiċi Prodcom

Deskrizzjoni

15331427

Polpa u pejst tad-tadam konċentrat

155120

Ħalib u krema f’forom solidi

155153

Każeina

155154

Lattożju u ġulepp tal-lattożju

15891333

Ħmira niexfa tal-furnara

24111150

Idroġenu (inkluża l-produzzjoni tal-idroġenu flimkien mas-syngas).

24111160

Nitroġenu

24111170

Ossiġenu

243021

Pigmenti ppreparati, opaċiferi u kuluri, enamel u lostru vitrijabbli, engobes, lostri likwidi u simili; frit tal-ħġieġ

24621030

Ġelatina u d-derivattivi tagħha; isinglass (esklużi l-kolla tal-każeina u l-kolla tal-għadam)

261411

Bċejjeċ żgħar, rovings, ħjut mibruma u ħjut imqatta’, tal-fibri tal-ħġieġ

26821400

Grafit artifiċjali, grafit kollojdjali u semikollojdjali u preparazzjonijiet

26821620

Vermikulat sfuljat, tafal li espanda, kagazza bir-ragħwa u materjali minerali simili li espandew u t-taħlit tagħhom

3.   FUQ LIVELL NACE-4 ABBAŻI TAL-KRITERJI KWALITATTIVI STIPULATI FIL-PARAGRAFI 17 TAL-ARTIKOLU 10A TAD-DIRETTIVA 2003/87/KE

Kodiċi NACE

Deskrizzjoni

1730

L-aħħar trattament fuq id-drappijiet

2020

Manifattura ta’ folji tal-injam tal-abjad; Manifattura ta’ plajwud (plywood), twavel laminati (laminboard), twavel magħmula mill-frak tal-injam (particleboard), fajberbord (fibreboard) u pannelli u twavel (board) oħra

2416

Manifattura ta’ plastik f’forom primarji

2751

Tiswir tal-ħadid

2753

Tiswir ta’ metalli ħfief