14.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/51


REGOLAMENT (KE) Nru 1071/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2009

li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 71(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-implimentazzjoni sħiħa ta’ suq intern tat-trasport bit-triq b’kondizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni titlob l-applikazzjoni uniformi ta’ regoli komuni għall-awtorizzazzjoni għad-dħul għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq tal-merkanzija jew tal-passiġġieri, (“il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq”). Dawn ir-regoli komuni ser jikkontribwixxu għall-kisba ta’ kwalità għolja ta’ kwalifika professjonali għall-operaturi tat-trasport, lejn ir-razzjonalizzazzjoni tas-suq, lejn it-titjib tal-kwalità tas-servizz, fl-interess tal-operaturi tat-trasport bit-triq, tal-klijenti tagħhom u tal-ekonomija kollha kemm hi, kif ukoll lejn aktar sigurtà fit-toroq. Dawn ir-regoli għandhom jiffaċilitaw ukoll l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment ta’ operaturi tat-trasport bit-triq.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar dħul għall-impjieg ta’ operatur ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq u operatur ta’ trasport ta’ passiġġieri bit-triq u r-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u evidenza oħra ta’ kwalifiki formali intenzjonati li jiffaċilitaw għal dawn l-operaturi d-dritt tal-libertà li jistabbilixxu ħidmiet ta’ trasport nazzjonali jew internazzjonali (4), tistabbilixxi l-kondizzjonijiet minimi li jirregolaw id-dħul għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq, kif ukoll l-għarfien reċiproku tad-dokumenti meħtieġa għal dan il-għan. Madankollu, l-esperjenza, il-valutazzjoni tal-impatt u diversi studji juru li din id-Direttiva qiegħda tiġi applikata mill-Istati Membri b’mod inkonsistenti. Diverġenzi bħal dawn għandhom diversi konsegwenzi negattivi, partikolarment tfixkil lill-kompetizzjoni u nuqqas ta’ trasparenza tas-suq u ta’ monitoraġġ uniformi, kif ukoll ir-riskju li l-impriżi li jimpjegaw persunal b’livell baxx ta’ kwalifika professjonali jkunu negliġenti jew inqas konformi mar-regoli ta’ sigurtà fit-toroq u l-benesseri soċjali, sitwazzjoni li tista’ tkun ta’ ħsara għad-dehra tas-settur.

(3)

Dawn il-konsegwenzi jsiru saħansitra aktar negattivi għax jistgħu jiddisturbaw il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern tat-trasport bit-triq, peress illi s-suq tat-trasport tal-merkanzija internazzjonali u ta’ ċerti operazzjonijiet ta’ kabotaġġ huwa aċċessibbli għall-impriżi kollha tal-Komunità. L-unika kondizzjoni imposta fuq dawn l-impriżi hija li jkollhom liċenza Komunitarja, li tista’ tinkiseb ladarba jissodisfaw il-kondizzjonijiet li jirregolaw d-dħul għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (5) u r-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi bil-kowċ u x-xarabank (6).

(4)

Għaldaqstant, jeħtieġ li r-regoli eżistenti għad-dħul għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq jiġu modernizzati sabiex jiġi żgurat li dawk ir-regoli jiġu applikati b’mod aktar uniformi u effettiv. Peress li l-konformità ma’ dawk ir-regoli tikkostitwixxi l-kondizzjoni prinċipali biex wieħed jidħol fis-suq Komunitarju, u peress li fil-qasam tal-aċċess għas-suq, l-istrumenti Komunitarji applikabbli huma Regolamenti, jidher li Regolament huwa l-aktar strument xieraq biex jirregola d-dħul għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq.

(5)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadattaw il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operaturi tat-trasport bit-triq fir-reġjuni l-aktar periferiċi msemmija fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ u r-restrizzjonijiet f’dawk ir-reġjuni. Madankollu, l-impriżi stabbiliti f’dawk ir-reġjuni li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operaturi tat-trasport bit-triq biss bħala riżultat ta’ dan l-adattament m’għandhomx ikunu jistgħu jakkwistaw liċenza Komunitarja. L-adattament tal-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq m’għandux ifixkel lill-impriżi li kieku kienu jiġu ammessi għall-professjoni ta’ operaturi tat-trasport bit-triq u li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti f’dan ir-Regolament, milli jwettqu operazzjonijiet ta’ trasport fir-reġjuni l-aktar imbiegħda.

(6)

Fl-interess tal-kompetizzjoni ġusta, ir-regoli komuni li jirregolaw l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq għandhom japplikaw b’mod kemm jista’ jkun wiesa’ għall-impriżi kollha. Madankollu, m’huwiex meħtieġ li jkunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament l-impriżi li jwettqu operazzjonijiet ta’ trasport b’impatt żgħir ħafna fuq is-suq tat-trasport.

(7)

L-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża għandu jkun responsabbli li jivverifika li l-impriża tissodisfa f’kull ħin il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, sabiex l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru ikunu jistgħu, jekk meħtieġ, jiddeċiedu li jissospendu jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet li jippermettu li l-impriża topera fis-suq. Il-konformità effettiva ma’, u l-monitoraġġ kif suppost, tal-kondizzjonijiet għad-dħul għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq jitolbu li l-impriżi jkollhom stabbiliment effettiv u stabbli.

(8)

Jeħtieġ li persuni fiżiċi b’reputazzjoni tajba u b’kompetenza professjonali meħtieġa jiġu identifikati biċ-ċar u kkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti. Dawn il-persuni (“maniġers tat-trasport”) għandhom ikunu residenti fi Stat Membru u b’mod kontinwu u effettiv imexxu l-attivitajiet ta’ trasport tal-impriżi tat-trasport bit-triq. Jaqbel għalhekk li jkunu speċifikati l-kondizzjonijiet li taħthom persuna titqies li b’mod kontinwu u effettiv tmexxi l-operazzjonijiet ta’ trasport ta’ impriża.

(9)

Ir-reputazzjoni tajba ta’ maniġer tat-trasport tiddependi minn jekk dan ikunx instab ħati ta’ reat kriminali serju jew li ma jkunx qala’ piena serja, għal, partikolarment ksur serju tar-regoli Komunitarji dwar it-trasport bit-triq. Kundanna jew piena li tingħata lil maniġer ta’ trasport jew impriża ta’ trasport bit-triq fi Stat Membru wieħed jew aktar għall-iżjed ksur serju ta’ regoli Komunitarji għandu jirriżulta fit-telf tar-reputazzjoni tajba kemm-il darba l-awtorità kompetenti tkun aċċertat ruħha li tkun saret proċedura ta’ investigazzjoni debitament imwettqa u dokumentata, liema proċedura tkun tagħti drittijiet proċedurali essenzjali qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni finali tagħha u li d-drittijiet xierqa ta’ appell ikunu ġew rispettati.

(10)

Huwa neċessarju li impriżi tat-trasport bit-triq ikollhom livell minimu ta’ kapaċità finanzjarja li tkun tassigura l-istabbiliment u l-amministrazzjoni tajba tagħhom. Garanzija bankarja jew assigurazzjoni għar-responsabbiltà professjonali jistgħu jikkostitwixxu metodu sempliċi u effiċjenti meta mqabbla man-nefqa għall-impriżi ta’ kif tintwera l-kapaċità finanzjarja tal-impriżi.

(11)

Livell għoli ta’ kwalifika professjonali għandu jsaħħaħ l-effiċjenza soċjo-ekonomika tas-settur tat-trasport bit-triq. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-applikanti għall-pożizzjoni ta’ maniġer tat-trasport ikollhom tagħrif professjonali ta’ kwalità għolja. Sabiex tiġi żgurata uniformità akbar tal-eżamijiet u jiġi promoss it-taħriġ ta’ livell għoli, jaqbel li jkun provdut li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ċentri ta’ taħriġ u ta’ eżaminazzjoni skont kriterji li għandhom jiddefinixxu huma. Il-persuni li jmexxu attivitajiet ta’ trasport għandu jkollhom l-għarfien meħtieġ biex imexxu operazzjonijiet ta’ trasport kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak internazzjonali. Il-lista tas-suġġetti li tagħrif dwarhom huwa neċessarju biex ikunu jistgħu jiksbu ċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonali u l-proċeduri għall-organizzazzjoni tal-eżamijiet, jistgħu jevolvu skont il-progress teknoloġiku, u għalhekk għandha ssir disposizzjoni għall-aġġornament tagħhom. Għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jeżentaw mill-eżami persuni li jistgħu jipprovdu prova ta’ esperjenza kontinwa fit-tmexxija ta’ attivitajiet ta’ trasport.

(12)

Il-kompetizzjoni ġusta, u t-trasport bit-triq li jirrispetta bis-sħiħ ir-regoli, jitolbu li jkun hemm livell uniformi ta’ monitoraġġ fost l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-monitoraġġ tal-impriżi u għall-validità tal-awtorizzazzjoni tagħhom għandhom rwol fundamentali xi jwettqu u huwa xieraq li jiġi żgurat li jieħdu l-miżuri xierqa meta meħtieġ, partikolarment fl-aktar każijiet serji billi jissospendu jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet, jew billi jiddikjaraw bħala inkompetenti l-maniġers tat-trasport li jkunu negliġenti jew li jaġixxu in mala fede. Dan għandu jsir wara li l-miżura titqies kif jistħoqq fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Madankollu, impriża għandha tkun imwissija bil-quddiem, u għandha tingħata perjodu raġonevoli ta’ żmien biex tirranġa s-sitwazzjoni qabel ma ġġarrab tali pieni.

(13)

Kooperazzjoni amministrattiva aktar organizzata fost l-Istati Membri għandha ssaħħaħ l-effettività tal-monitoraġġ tal-impriżi li joperaw f’diversi Stati Membri, kif ukoll tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi fil-futur. Reġistri elettroniċi tal-impriżi interkonnessi madwar il-Komunità, li jikkonformaw mar-regoli Komunitarji dwar il-protezzjoni tad-data personali, għandhom jiffaċilitaw tali kooperazzjoni u jnaqqsu l-ispejjeż marbutin mal-kontrolli, kemm għall-impriżi kif ukoll għall-amministrazzjonijiet. Reġistri elettroniċi nazzjonali diġà jeżistu f’diversi Stati Membri. L-infrastruttura ġiet ukoll stabbilita bil-ħsieb li tiġi promossal-interkonnessjoni fost l-Istati Membri. Għaldaqstant, użu aktar sistematiku ta’ reġistri elettroniċi jista’ għalhekk jikkontribwixxi biex jitnaqqsu b’mod sinjifikanti l-ispejjeż amministrattivi tal-kontrolli, u biex tittejjeb l-effikaċja tagħhom.

(14)

Parti mid-data li hemm fir-reġistri elettroniċi nazzjonali li tirrigwarda il-ksur u l-pieni hija personali. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (7), partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-monitoraġġ tat-trattament ta’ data personali mill-awtoritajiet pubbliċi u mad-drittijiet tal-persuni kkonċernati għall-aċċess għall-informazzjoni u għall-oppożizzjoni. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, tinħass il-ħtieġa li din id-data tinżamm mill-anqas għal sentejn, biex jiġi żgurat li l-impriżi skwalifikati ma jistabbilixxux ruħhom fi Stati Membri oħra.

(15)

Biex tittejjeb it-trasparenza u biex il-klijent ta’ impriża tat-trasport ikun jista’ jivverifika jekk dik l-impriża għandhiex l-awtorizzazzjoni xierqa, ċerta data li tinsab fir-reġistru elettroniku nazzjonali għandha tkun aċċessibbli mill-pubbliku, sakemm id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-ħarsien tad-data jkunu osservati.

(16)

L-interkonnessjoni gradwali tar-reġistri elettroniċi nazzjonali hija tal-akbar importanza biex tippermetti skambju ta’ informazzjoni rapidu u effettiv fost l-Istati Membri, u biex tiggarantixxi li l-operaturi tat-trasport bit-triq ma jaqgħux fit-tentazzjoni jew ma jirriskjawx li jwettqu ksur serju fi Stati Membri li ma jkunx l-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti. Din l-interkonnessjoni titlob li jiġu ddefiniti b’mod konġunt il-format preċiż tad-data kif ukoll il-proċeduri tekniċi għall-iskambju ta’ dik id-data.

(17)

Sabiex l-iskambju tal-informazzjoni fost l-Istati Membri jkun effiċjenti, għandhom jiġu nominati punti ta’ kuntatt nazzjonali, u għandhom jiġu speċifikati ċerti proċeduri komuni, mill-inqas, f’dak li għandu x’jaqsam mal-iskadenzi u n-natura tal-informazzjoni li tiġi mgħoddija.

(18)

Sabiex tiġi faċilitata l-libertà ta’ stabbiliment, il-produzzjoni ta’ dokumenti xierqa maħruġin minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-operatur kien jgħix qabel għandha tiġi aċċettata, bħala prova suffiċjenti tar-reputazzjoni tajba għall-ammissjoni għall-okkupazzjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq fl-Istat Membru tal-istabbiliment, sakemm il-persuni kkonċernati ma jkunux ġew dikjarati inkompetenti biex jeżerċitaw dik il-professjoni fl-Istati Membri l-oħra.

(19)

Rigward il-kompetenza professjonali, sabiex tiġi faċilitata l-libertà ta’ stabbiliment, mudell uniku ta’ ċertifikat maħruġ skont dan ir-Regolament għandu jkun rikonoxxut bħala prova suffiċjenti mill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża.

(20)

Jeħtieġ monitoraġġ aktar mill-qrib tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fuq il-livell Komunitarju. Dan jitlob it-trasmissjoni lill-Kummissjoni ta’ rapporti regolari, stabbiliti abbażi tar-reġistri nazzjonali, dwar ir-reputazzjoni tajba, il-kapaċità finanzjarja u l-kompetenza professjonali tal-impriżi fis-settur tat-trasport bit-triq.

(21)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(22)

Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-immodernizzar tar-regoli dwar id-dħul għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq biex jiġi żgurat li dawk ir-regoli jiġu applikati b’mod aktar uniformi u effettiv fl-Istati Membri, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jista’ jinkiseb aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ taddotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak il-għan.

(23)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (8).

(24)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tistabbilixxi lista ta’ kategoriji, tipi u livelli tas-serjetà tal-ksur li jwassal għat-telfa tar-reputazzjoni tajba tal-operaturi tat-trasport bit-triq, li tadatta, skont il-progress teknoloġiku, l-Annessi I, II u III ta’ dan ir-Regolament, dwar l-għarfien li tiegħu għandu jittieħed kont mill-Istati Membri għal finijiet tar-rikonoxximent tal-kompetenza professjonali u l-mudell ta’ ċertifikat ta’ kompetenza professjonali, u biex tistabbilixxi lista tal-ksur li flimkien ma’ dawk stabbiliti fl-Anness IV għal dan ir-Regolament jistgħu jwasslu għat-telf tar-reputazzjoni tajba. Peress li dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissuplimentawh b’elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5(a) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(25)

Id-Direttiva 96/26/KEE għandha titħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

(1)   Dan ir-Regolament jirregola d-dħul għal, u l-eżerċizzju, tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq.

(2)   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-impriżi kollha stabbiliti fil-Komunità li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq. Huwa għandu japplika wkoll għall-impriżi li għandhom il-ħsieb li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operaturi tat-trasport bit-triq. Riferenzi għall-impriżi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operaturi tat-trasport bit-triq għandhom, kif adatt, jiġu kkunsidrati li jinkludu riferenza għall-impriżi li għandhom il-ħsieb li jeżerċitaw tali professjoni.

(3)   Fir-rigward tar-reġjuni msemmija fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat, l-Istati Membri konċernati jistgħu jadattaw l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati sabiex tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ operaturi tat-trasport bit-triq, safejn l-attivitajiet jitwettqu fl-intier tagħhom f’dawk ir-reġjuni mill-impriżi stabbiliti hemmhekk.

(4)   B’deroga mill-paragrafu 2, dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx diversament previst fil-liġi nazzjonali, m’għandux japplika fil-konfront tas-segwenti:

(a)

impriżi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq tal-merkanzija bit-triq, permezz biss ta’ vetturi bil-mutur jew gruppi ta’ vetturi li l-massa awtorizzata tagħhom meta mgħobbija ma tisboqx 3,5 tunnellati. L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, ibaxxu dan il-limitu għal xi wħud minn jew għall-kategoriji kollha tal-operazzjonijet tat-trasport bit-triq;

(b)

impriżi li jagħtu esklusivament servizzi ta’ trasport bit-triq tal-passiġġieri għal finijiet mhux kummerċjali, jew li għandhom professjoni prinċipali differenti minn dik ta’ operatur tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri;

(c)

impriżi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq, permezz biss ta’ vetturi bil-mutur b’veloċità massima awtorizzata li ma teċċedixl-40 kilometru fis-siegħa.

(5)   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament jew ta’ xi wħud minnhom dawk l-operaturi biss tat-trasport bit-triq li jeżerċitaw esklussivament attivitajiet ta’ trasport nazzjonali li għandhom biss impatt minuri fuq is-suq tat-trasport minħabba:

(a)

in-natura tal-oġġetti li jinġarru; jew

(b)

id-distanzi qosra involuti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

“il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq tal-merkanziji” tfisser l-attività ta’ kull impriża li twettaq trasport tal-merkanzija għal terzi persuni, jew permezz ta’ vetturi bil-mutur, jew permezz ta’ gruppi ta’ vetturi;

(2)

“professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri” tfisser l-attività ta’ kull impriża li tagħti servizzi, permezz ta’ vetturi bil-mutur mibnija u attrezzati b’tali mod li jkunu adatti biex iġorru aktar minn disa’ persuni, inkluż ix-xufier, u intenzjonati għal dak l-iskop, ta’ trasport tal-passiġġieri għall-pubbliku jew għal kategoriji speċifiċi ta’ utenti, bi ħlas mill-persuna ttrasportata jew mill-organizzatur tat-trasport;

(3)

“professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq” tfisser il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri jew il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq tal-merkanzija;

(4)

“impriża” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, kemm jekk bi skop ta’ profitt kif ukoll jekk le, jew kull assoċjazzjoni jew grupp ta’ persuni mingħajr personalità ġuridika, kemm bi skop ta’ profitt kif ukoll jekk le, jew kwalunkwe korp uffiċjali, kemm jekk bil-personalità ġuridika proprja jew dipendenti fuq awtorità b’tali personalità, involuta fit-trasport tal-passiġġieri jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika involuta fit-trasport tal-merkanzija b’għan kummerċjali;

(5)

“maniġer tat-trasport” tfisser persuna fiżika impjegata minn impriża jew, fil-każ li din l-impriża tkun persuna fiżika, din l-istess persuna jew, fejn applikabbli, persuna fiżika oħra maħtura minn dik l-impriża permezz ta’ kuntratt, u li tmexxi b’mod effettiv u kontinwu l-attivitajiet ta’ trasport ta’ din l-impriża;

(6)

“awtorizzazzjoni għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq” tfisser deċiżjoni amministrattiva li tawtorizza lil impriża li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament biex teżerċita l-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq;

(7)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali fi Stat Membru, li bil-għan li tawtorizza l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq, tivverifika li impriża tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament, u li għandha s-setgħa li toħroġ, tissospendi jew tirtira awtorizzazzjoni tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq;

(8)

“Stat Membru ta’ stabbiliment” tfisser l-Istat Membru li fih impriża tkun stabbilita, irrispettivament minn jekk il-maniġer tat-trasport jiġix minn pajjiż differenti jew le.

Artikolu 3

Rekwiżiti meħtieġa għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur ta’ trasport bit-triq

(1)   L-impriżi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ operaturi tat-trasport bit-triq għandhom:

(a)

ikollhom stabbiliment effettiv u stabbli fi Stat Membru;

(b)

ikunu ta’ reputazzjoni tajba;

(c)

ikollhom pożizzjoni finanzjarja adatta; u

(d)

ikollhom il-kompetenza professjonali meħtieġa.

(2)   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimponu rekwiżiti addizzjonali, li għandhom ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji, li l-impriżi għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq.

Artikolu 4

Il-maniġer tat-trasport

(1)   Impriża li teżerċita l-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq għandha taħtar tal-anqas persuna fiżika waħda, il-maniġer tat-trasport, li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(b) u (d) u li:

(a)

tmexxi l-attivitajiet ta’ trasport tal-impriża b’mod effettiv u kontinwu;

(b)

ikollha rabta ġenwina mal-impriża, bħal per eżempju tkun impjegata, direttriċi, sid jew azzjonista, jew tkun qed tamministraha, jew, jekk l-impriża hija persuna fiżika, li tkun dik il-persuna; u

(c)

tkun residenti fil-Komunità.

(2)   Jekk l-impriża ma tissodisfax ir-rekwiżit tal-kompetenza professjonali stabbilit fl-Artikolu 3(1)(d), l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizzaha biex teżerċita l-professjoni ta’ operatur tat-trasport, mingħajr maniġer tat-trasport maħtur skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dment li:

(a)

l-impriża taħtar persuna fiżika oħra residenti fil-Komunità li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(b) u (d), u li tkun intitolata taħt kuntratt sabiex taqdi dmirijiet bħala maniġer tat-trasport f’isem l-impriża;

(b)

l-kuntratt li jorbot l-impriża mal-persuna msemmija fil-punt (a) jispeċifika l-kompiti li għandhom jitwettqu fuq bażi effettiva u kontinwa minn dik il-persuna, u jindika r-responsabbiltajiet tagħha bħala maniġer tat-trasport. Il-kompiti li għandhom jiġu speċifikati għandhom jinkludu partikolarment dawk marbutin mal-ġestjoni tal-manutenzjoni tal-vetturi, mal-verifika tal-kuntratti u tad-dokumenti tat-trasport, mal-kontabbiltà bażika, mal-assenjazzjoni ta’ kunsinni jew servizzi lix-xufiera u lill-vetturi, u mal-verifika tal-proċeduri ta’ sikurezza;

(c)

fil-kapaċità tiegħu jew tagħha ta’ maniġer tat-trasport, il-persuna msemmija fil-punt (a) tista’ tmexxi l-attivitajiet ta’ trasport ta’ mhux aktar minn erba’ impriżi differenti, bi flotta totali ta’ mhux aktar minn 50 vettura. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu n-numru ta’ impriżi u/jew id-daqs tal-flotta totali ta’ vetturi li dik il-persuna tista’ tmexxi, u

(d)

il-persuna msemmija fil-punt (a) twettaq il-kompiti speċifikati fl-interessi tal-impriża biss u r-responsabbiltajiet tagħha huma eżerċitati indipendentement minn kwalunkwe impriżi li għalihom l-impriża twettaq operazzjonijiet tat-trasport.

(3)   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li maniġer tat-trasport maħtur skont il-paragrafu 1 ma jistax addizzjonalment jiġi maħtur skont il-paragrafu 2, jew jista’ jkun hekk maħtur biss fir-rigward ta’ numru limitat ta’ impriżi jew flotta ta’ vetturi li tkun iżgħar minn dik imsemmija fil-paragrafu 2(c).

(4)   L-impriża għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar il-maniġer(s) tat-trasport maħtur (a).

KAPITOLU II

IL-KONDIZZJONIJIET LI JRIDU JINTLAĦQU SABIEX JIĠU SODISFATTI R-REKWIŻITI STABBILITI FL-ARTIKOLU 3

Artikolu 5

Il-kondizzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżit tal-istabbiliment

Sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(1)(a), l-impriża għandha, fl-Istat Membru konċernat:

(a)

ikollha stabbiliment f’dak l-Istat Membru b’sede fejn iżżomm id-dokumenti tan-negozju ewlieni tagħha, partikolarment id-dokumenti ta’ kontabbiltà tagħha, dwar il-ġestjoni tal-persunal, id-dokumenti li jkun fihom data relatata mal-ħin tas-sewqan u l-mistrieħ u kwalunkwe dokument ieħor li għalih l-awtorità kompetenti għandu jkollha aċċess biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-istabbilimenti fit-territorju tagħhom ikollhom ukoll dokumenti oħra disponibbli fis-sede tagħhom fi kwalunkwe ħin;

(b)

ladarba tingħata awtorizzazzjoni, l-impriża jkollha għad-disposizzjoni tagħha vettura waħda jew aktar li jkunu rreġistrati jew b’mod ieħor imqegħdin fiċ-ċirkolazzjoni f’konformità mal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, kemm jekk dawk il-vetturi ikunu totalment proprjetà tagħha jew, per eżempju, detenuti taħt ftehim ta’ kiri bil-possibiltà ta’ xiri jew kuntratti ta’ kiri jew leasing;

(c)

twettaq b’mod effettiv u kontinwu bit-tagħmir amministrattiv meħtieġ l-operazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-vetturi msemmija fil-punt (b) u bit-tagħmir u l-faċilitajiet tekniċi xierqa, f’ċentru operattiv li jkun jinsab f’dak l-Istat Membru.

Artikolu 6

Il-kondizzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba

(1)   Soġġett għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kondizzjonijiet li impriża u maniġer ta’ trasport għandhom jissodisfaw sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit ta’ reputazzjoni tajba previst fl-Artikolu 3(1)(b).

Fid-determinazzjoni dwar jekk impriża tissodisfax jew le dak ir-rekwiżit, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-kondotta tal-impriża, il-maniġers tat-trasport tagħha u kwalunkwe persuna rilevanti oħra kif jista’ jkun determinat mill-Istat Membru. Kull riferenza f’dan l-Artikolu għal kundanni, pieni jew ksur għandha tinkludi kundanni, pieni jew ksur tal-impriża nfisha, tal-maniġers tat-trasport tagħha u ta’ kull persuna rilevanti oħra kif jista’ jkun determinat mill-Istat Membru.

Il-kondizzjonijiet imsemmija fl-ewwel sub-paragrafu għandhom jinkludu tal-anqas:

(a)

li ma jkunx hemm raġunijiet impellanti biex wieħed jiddubita r-reputazzjoni tajba tal-maniġer tat-trasport jew tal-impriża tat-trasport, bħal kundanni jew pieni għal kull ksur serju ta’ regoli nazzjonali fis-seħħ fl-oqsma ta’:

(i)

il-liġi kummerċjali;

(ii)

il-liġi dwar il-fallimenti;

(iii)

il-kondizzjonijiet ta’ paga u impjieg fil-professjoni;

(iv)

it-traffiku bit-triq;

(v)

ir-responsabbiltà professjonali;

(vi)

it-traffikar tal-bnedmin jew tad-droga.

(b)

li l-maniġer tat-trasport jew l-impriża tat-trasport ma ġewx, fi Stat Membru wieħed jew aktar, ikkundannati għal offiża kriminali serja jew ingħataw piena għal ksur serju ta’ regoli Komunitarji li jikkonċernaw b’mod partikolari:

(i)

il-ħinijiet tas-sewqan u l-perjodu ta’ mistrieħ għax-xufiera, il-ħinijiet tax-xogħol, u l-istallazzjoni u l-użu tat-tagħmir tar-reġistrazzjoni;

(ii)

il-piżijiet massimi u d-dimensjonijiet tal-vetturi kummerċjali użati għat-trasport internazzjonali;

(iii)

il-kwalifiki inizjali u t-taħriġ kontinwu tax-xufiera;

(iv)

l-istat ta’ kemm vetturi kummerċjali huma tajbin għat-triq inkluża l-ispezzjoni teknika annwali obbligatorja tal-vetturi bil-mutur;

(v)

l-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq jew, fejn xieraq, l-aċċess għas-suq tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri;

(vi)

is-sikurezza fit-trasport bit-triq tal-merkanzija perikoluża;

(vii)

l-istallazzjoni u l-użu ta’ tagħmir għall-kontroll tal-veloċità fuq ċerti kategoriji ta’ vetturi;

(viii)

il-liċenzji tas-sewqan;

(ix)

id-dħul għall-professjoni;

(x)

it-trasport ta’ annimali.

(2)   Għall-finijiet tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1:

(a)

meta l-maniġer ta’ trasport jew l-impriża ta’ trasport ikunu, fi Stat Membru wieħed jew iżjed, ġew ikkundannati għal reati kriminali serji jew ġew mogħtija piena għal wieħed mill-aktar ksur serji ta’ regoli Komunitarji kif stabbiliti fl-Anness IV, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għandha twettaq f’manjiera adatta u f’waqtha id-debita proċedura amministrattiva kompleta, li għandha tinkludi, jekk adatt, kontroll tas-sedi tal-impriża konċernata.

Il-proċedura għandha tiddetermina jekk, minħabba ċirkostanzi speċifiċi, it-telf ta’ reputazzjoni tajba jikkositwixxix rispons disproporzjonat fil-każ individwali. Kull sejba bħal din għandha tkun debitament raġunata u ġustifikata.

Jekk l-awtorità kompetenti ssib li t-telf ta’ reputazzjoni tajba jikkostitwixxi rispons disproporzjonat, hija tista’ tiddeċiedi li r-reputazzjoni tajba ma tkunx affettwata. F’tali każ, ir-raġunijiet għandhom jiġu reġistrati fir-reġistru nazzjonali. In-numru ta’ deċiżjonijiet bħal dawk għandu jiġi indikat fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 26(1).

Jekk l-awtorità kompetenti ma ssibx li t-telf ta’ reputazzjoni tajba jikkostitwixxi rispons disproporzjonat, il-kundanna jew il-piena għandhom iwasslu għat-telf tar-reputazzjoni tajba.

(b)

il-Kummissjoni għandha tħejji lista ta’ kategoriji, tipi u gradi ta’ serjetà ta’ ksur serju ta’ regoli Komunitarji li, b’żieda ma’ dawk stabbiliti fl-Anness IV, jistgħu jwasslu għat-telf ta’ reputazzjoni tajba. L-Istati Membri għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar dak il-ksur, inkluż informazzjoni mingħand Stati Membri oħra, meta jistabbilixxu l-prijoritajiet għal verifiki skont l-Artikolu 12(1).

Dawk il-miżuri, maħsuba sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh u li jkollhom x’jaqsmu ma’ din il-lista, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3).

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha:

(i)

tistabbilixxi l-kategoriji u t-tipi ta’ ksur li jokkorru l-iżjed frekwentament;

(ii)

tiddefinixxi l-grad ta’ serjetà tal-ksur skont il-potenzjal tagħhom li joħolqu riskju ta’ fatalitajiet jew korrimenti gravi; u

(iii)

tipprovdi l-frekwenza ta’ okkorrenzi li lil hinn minnhom ksur ripetut għandu jitqies bħala iżjed serju, billi jittieħed f’kunsiderazzjoni n-numru ta’ xufiera użati għall-attivitajiet ta’ trasport mmexxija mill-maniġer tat-trasport.

(3)   Ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(1)(b) jibqa’ mhux sodisfatt sakemm issir miżura ta’ rijabilitazzjoni jew kull miżura oħra li jkollha effett ekwivalenti, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.

Artikolu 7

Il-kondizzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżit tal-pożizzjoni finanzjarja

(1)   Sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(1)(c), impriża għandha f’kull ħin tkun kapaċi tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha matul is-sena finanzjarja annwali. Għal dan il-għan, l-impriża għandha turi, abbażi tal-kontijiet annwali ċċertifikati minn awditur jew minn persuna akkreditata kif xieraq, li, kull sena, hija jkollha għad-disposizzjoni tagħha kapital u riżervi li jammontaw għal mill-anqas EUR 9 000 meta tintuża biss vettura waħda u EUR 5 000 għal kull vettura addizzjonali użata.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-valur tal-euro fil-muniti nazzjonali tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja għandu jkun iffissat kull sena. Ir-rati li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu dawk miksuba fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ottubru u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja li jmiss.

L-elementi tal-kontijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu mifhuma bħala dawk definiti fir-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 bbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (9).

(2)   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista’ taqbel jew teħtieġ li impriża turi l-pożizzjoni finanzjarja tagħha permezz ta’ ċertifikat bħal garanzija bankarja jew assigurazzjoni, inkluża assigurazzjoni fuq ir-responsabbiltà professjonali minn bank wieħed jew aktar jew istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn inklużi kumpanniji ta’ assigurazzjoni li jipprovdu garanzija in solidum għall-impriża fir-rigward tal-ammonti speċifikati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

(3)   Il-kontijiet annwali msemmija fil-paragrafu 1, u l-garanzija msemmija fil-paragrafu 2, li għandhom jiġu verifikati, huma dawk ta’ dik l-entità ekonomika stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru li fih tkun saret applikazzjoni għal awtorizzazzjoni u mhux dawk ta’ kwalunkwe entità oħra stabbilita fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor.

Artikolu 8

Il-kondizzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżit tal-kompetenza professjonali

(1)   Sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(1)(d), il-persuna jew persuni konċernati għandhom ikollhom għarfien li jikkorrispondi għal-livell ta’ taħriġ previst fil-Parti I tal-Anness I fis-suġġetti elenkati fih. Dak l-għarfien għandu jintwera permezz ta’ eżami obbligatorju bil-miktub li, jekk Stat Membru hekk jiddeċiedi, jista’ jiġi supplimentat b’eżami orali. Dawk l-eżamijiet għandhom jiġu organizzati skont il-Parti II tal-Anness I. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimponu taħriġ qabel l-eżami.

(2)   Il-persuni kkonċernati jagħmlu l-eżami fl-Istat Membru fejn ikollhom ir-residenza normali tagħhom jew fl-Istat Membru fejn jaħdmu.

“Residenza normali” tfisser il-post fejn persuna tgħix is-soltu, jiġifieri għal mhux inqas minn 185 jum f’ kull sena kalendarja, minħabba rabtiet personali li juru konnessjonijiet mill-qrib bejn dik il-persuna u l-post fejn qed tgħix.

Madankollu, ir-residenza normali ta’ persuna li r-rabtiet professjonali tagħha jinsabu f’post differenti mill-post tar-rabtiet personali u li, għalhekk, tgħix daqqa f’post, daqqa f’ieħor, f’postijiet li jkunu jinsabu f’żewġ Stati Membri, jew aktar għandha titqies li tkun fil-post tar-rabtiet personali tagħha, kemm-il darba dik il-persuna tirritorna f’dak il-post b’mod regolari. Din l-aħħar kondizzjoni ma tkunx tapplika meta persuna tkun tgħix fi Stat Membru biex tagħmel xogħol partikulari ta’ tul definit. Attendenza f’università jew skola ma’ timplikax trasferiment ta’ residenza normali.

(3)   L-awtoritajiet jew il-korpi akkreditati għal dan il-għan minn Stat Membru, skont il-kriterji definiti minnu biss, jistgħu jorganizzaw eżamijiet bil-miktub jew orali msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw regolarment li l-kondizzjonijiet li taħthom dawk l-awtoritajiet jew korpi jorganizzaw l-eżamijiet ikunu skont l-Anness I.

(4)   L-Istati Membri jistgħu debitament jakkreditaw, skont il-kriterji li huma stess jiddefenixxu, korpi sabiex jipprovdu taħriġ ta’ kwalità għolja lill-applikanti biex iħejjuhom għall-eżamijiet u lill-maniġers tat-trasport b’taħriġ kontinwu sabiex jaġġornaw l-għarfien tagħhom jekk dawn jagħżlu li jagħmlu dan. Dawn l-Istati Membri għandhom jivverifikaw b’mod regolari li dawn il-korpi dejjem jissodisfaw il-kriterji li fuq il-bażi tagħhom ġew awtorizzati.

(5)   l-Istati Membri jistgħu jippromwovu taħriġ perjodiku dwar is-suġġetti elenkati fl-Anness I f’intervalli ta’ 10 snin biex jiżguraw li l-maniġers tat-trasport ikunu konxji mill-iżviluppi fis-settur.

(6)   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuni li jkollhom ċertifikat ta’ kompetenza professjonali imma li ma mmaniġġawx impriża ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq jew impriża ta’ trasport ta’ passiġġieri bit-triq f’dawn l-aħħar 5 snin, jagħmlu taħriġ mill-ġdid sabiex jaġġornaw l-għarfien tagħhom rigward l-iżviluppi attwali fil-leġiżlazzjoni msemmija fil-Parti 1 tal-Anness I.

(7)   Stat Membru jista’ jeżenta lid-detenturi ta’ ċerti diplomi avvanzati jew diplomi tekniċi maħruġa f’dak l-Istat Membru, li jkunu sepċifikatament iddiżinjati għal dan il-għan u u li jkunu jinkludu l-għarfien fis-suġġetti kollha elenkati fl-Anness I mill-eżami fis-suġġetti koperti minn dawk il-kwalifiki. L-eżenzjoni għandha tkopri biss dawk il-partijiet tal-Anness I li għalihom il-kwalifika tkopri s-suġġetti kollha elenkati taħt l-intestatura ta’ kull sezzjoni.

Stat Membru jista’ jeżenta minn partijiet speċifiċi tal-eżamijiet detenturi ta’ ċertifikati ta’ kompetenza professjonali validi għal operazzjonijiet ta’ trasport nazzjonali f’dak l-Istat Membru.

(8)   Ċertifikat maħruġ mill-awtorità jew korp imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jingħata bħala prova ta’ kompetenza professjonali. Dak iċ-ċertifikat ma jkunx trasferibbli lil persuna oħra. Għandu jitfassal skont il-karatteristiċi tas-sigurtà u l-mudell ta’ ċertifikat stabbiliti fl-Annessi II u III u għandu juri s-siġill stampat mill-awtorità jew korp li jkun ħarġu.

(9)   Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-Annessi I, II u III skont il-progress teknoloġiku. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3).

(10)   Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tiffaċilita l-iskambji ta’ esperjenza u informazzjoni bejn l-Istati Membri, jew permezz ta’ kull korp li hija tista tinnomina, dwar taħriġ, eżamijiet u awtorizzazzjonijiet.

Artikolu 9

Eżenzjoni mill-eżami

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw mill-eżami msemmi fl-Artikolu 8(1) persuni li jipprovdu prova li huma kontinwament mexxew impriża tat-trasport bit-triq tal-merkanzija jew impriża tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri fi Stat Membru wieħed jew aktar għall-perijodu ta’ 10 snin qabel l-4 ta’ Diċembru 2009.

KAPITOLU III

AWTORIZZAZZJONI U MONITORAĠĠ

Artikolu 10

L-awtoritajiet kompetenti

(1)   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħa li:

(a)

jeżaminaw l-applikazzjonijiet mill-impriżi;

(b)

jawtorizzaw l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq, u s-sospensjoni jew l-irtirar ta’ tali awtorizzazzjonijiet;

(c)

jiddikjaraw li persuna fiżika mhix kapaċi tmexxi l-attivitajiet tat-trasport ta’ impriża fil-kariga ta’ maniġer tat-trasport;

(d)

iwettqu l-verifiki meħtieġa biex jivverifikaw jekk impriża tissodisfax r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3.

(2)   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw il-kondizzjonijiet kollha stipulati skont dan ir-Regolament, kull disposizzjoni nazzjonali oħra, il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-applikanti interessati u l-ispjegazzjonijiet korrispondenti.

Artikolu 11

L-eżami u r-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet

(1)   Impriża ta’ trasport li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3 għandha, wara li tapplika, tkun awtorizzata teżerċita l-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq. L-awtorità kompetenti għandha taċċerta li impriża li tippreżenta applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak l-Artikolu.

(2)   L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra fir-reġistru elettroniku tagħha msemmi fl-Artikolu 16 id-data relatata mal-impriżi li huma jawtorizzaw u li huma fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2).

(3)   Il-perijodu ta’ żmien għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni minn awtorità kompetenti għandu jkun qasir kemm jista jkun u m’għandux jeċċedi it-tliet xhur mid-data li fiha l-awtorità kompetenti tirċievi d-dokumenti kollha meħtieġa biex tivvaluta l-applikazzjoni. L-awtorità kompetenti tista’ testendi l-limitu ta’ żmien għal xahar addizzjonali f’każi debitament ġustifikati.

(4)   Sal-31 ta’ Diċembru 2012, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika fil-każ ta’ kwalunkwe dubju, meta tivvaluta r-reputazzjoni tajba ta’ impriża, jekk fil-mument li ssir l-applikazzjoni il-maniġer jew il-maniġers tat-trasport maħtura humiex iddikjarati, f’wieħed mill-Istati Membri, inkapaċi li jmexxi/u l-attivitajiet tat-trasport ta’ impriża skont l-Artikolu 14.

Mill-1 ta’ Jannar 2013, waqt li tivvaluta r-reputazzjoni tajba tal-impriża, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika, billi tuża d-data msemmija fil-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(2), jew permezz ta’ aċċess dirett sigur għall-parti rilevanti tar-reġistri nazzjonali jew b’talba, jekk fil-mument li ssir l-applikazzjoni l-maniġer jew maniġers tat-trasport maħtura humiex iddikjarati, f’wieħed mill-Istati Membri, inkapaċi li jmexxi/u l-attivitajiet tat-trasport ta’ impriża skont l-Artikolu 14

Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament u relatati mal-posponiment ta’ mhux aktar minn tliet snin tad-dati msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3).

(5)   Impriżi b’awtorizzazzjoni biex jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport għandhom, fi żmien 28 jum jew anqas, kif determinat mill-Istat Membru tal-istabbiliment, jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti li tat l-awtorizzazzjoni bil-bidliet għad-data msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 12

Il-kontrolli

(1)   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk l-impriżi li huma awtorizzaw biex jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq ikomplux jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3. Għal dak l-iskop, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli mmirati għall-impriżi li huma klassifikati bħala ta’ riskju akbar. Għal dak l-iskop, l-Istati Membri għandhom jestendu s-sistema ta’ klassifikazzjoni tar-riskju stabbilita minnhom skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq (10) biex tkopri l-ksur speċifikat fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.

(2)   Sal-31 ta’ Diċembru 2014, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli minn tal-inqas kull ħames snin biex jivverifikaw li l-impriżi jissodisfaw kull wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3.

Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament u relatati ma’ posponiment tad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3).

(3)   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli individwali biex jivverifikaw jekk impriża tissodisfax il-kondizzjonijiet li jirregolaw id-dħul għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq kull meta titlobha l-Kummissjoni f’każi debitament motivati. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni bir-riżultati ta’ tali kontrolli u tal-miżuri jekk ikun stabbilit li l-impriża m’għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Proċedura għas-sospensjoni u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet

(1)   Fejn l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li impriża qiegħda fir-riskju li ma tissodisfax aktar ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3, hija għandha tinnotifika lill-impriża b’dan. Fejn l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li wieħed jew aktar minn dawk ir-rekwiżiti m’għadux aktar sodisfatt, hija tista’ tiffissa wieħed mill-iskadenzi li ġejjin għall-impriża biex tirretifika s-sitwazzjoni:

(a)

limitu ta’ żmien li ma jeċċedix is-sitt xhur, li jista’ jiġi estiż bi tliet xhur fl-eventwalità ta’ mewt jew diżabbiltà fiżika tal-maniġer tat-trasport, għar-reklutaġġ ta’ sostitut għall-maniġer tat-trasport meta l-maniġer tat-trasport ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ reputazzjoni jew kompetenza professjonali;

(b)

limitu ta’ żmien li ma jeċċedix is-sitt xhur fejn l-impriża għandha tirrimedja s-sitwazzjoni billi turi li għandha stabbiliment effettiv u stabbli;

(c)

limitu ta’ żmien li ma jeċċedix is-sitt xhur meta r-rekwiżit tal-pożizzjoni finanzjarja ma jkunx sodisfatt, sabiex turi, li r-rekwiżit ser jerġa’ jkun sodisfatt fuq bażi permanenti.

(2)   L-awtorità kompetenti tista’ teħtieġ li l-impriża li l-awtorizzazzjoni tagħha tkun ġiet sospiża jew irtirata tiżgura li l-maniġers tat-trasport tagħha jkunu għaddew mill-eżamijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) qabel ma tittieħed kull miżura ta’ rijabilitazzjoni.

(3)   Jekk l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li l-impriża m’għadhiex tissodisfa wieħed jew aktar mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3, hija għandha tissospendi jew tirtira l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-impriża għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq fil-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 14

Id-dikjarazzjoni tal-inkompetenza tal-maniġer tat-trasport

(1)   Meta maniġer tat-trasport jitlef ir-reputazzjoni tajba skont l-Artikolu 6, l-awtorità kompetenti għandha tiddikjara lill-maniġer tat-trasport inkapaċi li jmexxi jew tmexxi l-attivitajiet tat-trasport ta’ impriża.

(2)   Sakemm tittieħed miżura għar-rijabilitazzjoni skont dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, iċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonali imsemmi fl-Artikolu 8(5) tal-maniġer tat-trasport iddikjarat inkapaċi, m’għandux jibqa’ validu fl-ebda Stat Membru.

Artikolu 15

Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti u l-appelli

(1)   Deċiżjonijiet negattivi meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri skont dan ir-Regolament, inkluż ir-rifjut ta’ applikazzjoni, is-sospensjoni jew l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni eżistenti u dikjarazzjoni ta’ inkapaċità ta’ maniġer tat-trasport għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati.

Dawn id-deċiżjonijiet għandhom iqisu l-informazzjoni disponibbli dwar il-ksur imwettaq mill-impriża jew wieħed mill-maniġers tat-trasport li jkunu tali li jippreġudikaw ir-reputazzjoni tajba tal-impriża u ta’ kull informazzjoni oħra disponibbli għall-awtorità kompetenti. Huma għandhom jispeċifikaw il-miżuri ta’ rijabilitazzjoni applikabbli fil-każ tas-sospensjoni ta’ awtorizzazzjoni jew dikjarazzjoni ta’ inkapaċità.

(2)   L-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li l-impriżi u l-persuni konċernati ikollhom il-possibbiltà li jappellaw mid-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, mill-inqas quddiem korp indipendenti u imparzjali wieħed jew qorti tal-ġustizzja.

KAPITOLU IV

IS-SIMPLIFIKAZZJONI U L-KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 16

Reġistri elettroniċi nazzjonali

(1)   Għall-finijijet tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 11 sa 14 u l-Artikolu 26 tiegħu, kull Stat Membru għandu jżomm reġistru elettroniku nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq li jkunu ġew awtorizzati minn awtorità kompetenti maħtura minnu biex jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq. It-trattament tad-data li jkun hemm f’dan ir-reġistru għandu jsir taħt is-sorveljanza tal-awtorità pubblika li tkun inħatret għal dan il-għan. Id-data rilevanti li tinsab fir-reġistru elettroniku nazzjonali għandha tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kollha kompetenti ta’ dak l-Istat Membru.

Sal-31 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni għandha tadotta Deċiżjoni dwar ir-rekwiżiti minimi għad-data li li għandha tiddaħħal fir-reġistru elettroniku nazzjonali mid-data tal-ħolqien tiegħu sabiex tiġi ffaċilitata l-interkonnessjoni futura tar-reġistri. Hija tista’ tirrakkomanda l-inklużjoni tal-marki ta’ reġistrazzjoni tal-vettura addizzjonalment mad-data li hemm riferenza għaliha fil-paragrafu 2.

(2)   Ir-Reġistri elettroniċi nazzjonali għandhom, tal-inqas, jinkludu d-data li ġejja:

(a)

l-isem u l-forma ġuridika tal-impriża;

(b)

l-indirizz tal-istabbiliment tagħha;

(c)

isem il-maniġers tat-trasport maħtura biex jissodisfaw il-kondizzjonijiet tar-reputazzjoni tajba u tal-kompetenza professjonali jew, fejn applikabbli, l-isem ta’ rappreżentant ġuridiku;

(d)

it-tip tal-awtorizzazzjoni, l-għadd tal-vetturi li tkopri u, fejn applikabbli, in-numru tas-serje tal-liċenzja Komunitarja u tal-kopji attestati;

(e)

in-numru, il-kategorija u t-tip tal-ksur serju, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1)(b), li rriżultaw f’kundanna jew piena waqt l-aħħar sentejn;

(f)

l-isem ta’ kull persuna ddikjarata inkompetenti biex tmexxi l-attivitajiet ta’ trasport ta’ impriża, sakemm ma tkunx ġiet stabbilita mill-ġdid ir-reputazzjoni tajba ta’ dik il-persuna skont l-Artikolu 6(3) u l-miżuri ta’ rijabilitazzjoni applikabbli.

Għall-iskopijiet tal-punt (e), l-Istati Membri jistgħu, sal-31 ta’ Diċembru 2015, jagħżlu li jinkludu fir-reġistru elettroniku nazzjonali il-ksur l-aktar serju biss stabbiliti fl-Anness IV.

Stati Membri jistgħu jagħżlu li jżommu d-data li hemm riferenza għaliha fil-punti (e) u (f) tal-ewwel sub-paragrafu f’reġistri separati. F’dan il-każ, id-data rilevanti għandha tkun disponibbli fuq talba jew direttament aċċessibbli lill-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istat Membru konċernat. L-informazzjoni mitluba għandha tkun ipprovduta fi żmien 30 jum ta’ ħidma minn meta tasal it- talba. Id-data msemmija fil-punti (a) sa (d) għandha tkun aċċessibbli mill-pubbliku skont id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-ħarsien tad-data personali.

Fi kwalunkwe każ, id-data li hemm referenza għaliha fil-punti (e) u (f) tal-ewwel sub-paragrafu għandha tkun aċċessibbli biss għall-awtoritajiet minbarra l-awtoritajiet kompetenti jekk huma jkunu debitament vestiti b’setgħat relatati mas-superviżjoni u l-impożizzjoni ta’ pieni fis-setturi tat-trasport bit-triq u l-uffiċjali tagħhom ikunu ħadu ġurament jew huma b’xi mod ieħor taħt obbligu formali ta’ segretezza.

(3)   Data li tikkonċerna impriża li l-awtorizzazzjoni tagħha kienet sospiża jew irtirata għandha tibqa’ fir-reġistru elettroniku nazzjonali għal sentejn mill-iskadenza tas-sospensjoni jew l-irtirar tal-liċenza, u għandha minn hemm ‘il quddiem titneħħa minnufih.

Data li tikkonċerna persuna ddikjarata inkompetenti għall-impjieg ta’ operatur tat-trasport bit-triq għandha tibqa’ fir-reġistru elettroniku nazzjonali sakemm ir-reputazzjoni tajba ta’ dik il-persuna ma tkunx ġiet stabbilita mill-ġdid skont l-Artikolu 6(3). Meta tittieħed tali miżura ta’ rijabilitazzjoni jew kull miżura li jkollha effett ekwivalenti, id-data għandha titneħħa immedjatament.

Id-data li hemm riferenza għaliha fl-ewwel u fit-tieni sub-paragrafu għandha tispeċifika r-raġunijiet għas-sospensjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet jew id-dikjarazzjoni ta’ inkompetenza, skont il-każ, u t-tul ta’ żmien korrispondenti.

(4)   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-data kollha miżmuma fir-reġistru elettroniku nazzjonali tinżamm aġġornata u eżatta, partikolarment id-data imsemmija fil-punti (e) u (f) tal-ewwel sub-paragrafu tal-paragrafu 2.

(5)   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li r-reġistri elettroniċi nazzjonali huma interkonnessi u aċċessibbli fil-Komunità permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali kif definit fl-Artikolu 18. Aċċessibbiltà permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali u l-interkonnessjoni għandhom jiġu implimentati b’tali mod li awtorità kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru tkun tista’ tikkonsulta r-reġistri elettroniċi nazzjonali ta’ kull Stat Membru.

(6)   Regoli komuni li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-paragrafu 5, bħall-format tad-data skambjata, il-proċeduri tekniċi għal konsultazzjoni teknika tar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra u l-promozzjoni tal-interoperabbiltà ta’ dawn ir-reġistri ma’ data bases rilevanti oħra għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(2) u għall-ewwel darba qabel il-31 ta’ Diċembru 2010. Dawk ir-regoli komuni għandhom jiddeterminaw liema awtorità hija responsabbli għall-aċċess għad-data u, l-użu ulterjuri u l-aġġornar ta’ data wara l-aċċess u, għal dan il-għan, għandhom jinkludu regoli dwar id-dħul tad-data u l-monitoraġġ tad-data.

(7)   Il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament u relatati mal-posponiment tal-limiti taż-żmien imsemmija fil-paragrafi 1 u 5 għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3).

Artikolu 17

Il-protezzjoni tad-data personali

F’dak li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mod partikolari:

(a)

li kull persuna tkun infurmata meta tkun irreġistrata xi data marbuta magħha, jew ikun hemm pjan biex din tkun ittrasferita lil partijiet terzi. L-informazzjoni għandha tispeċifika l-awtorità responsabbli għat-trattament tad-data, it-tip tad-data u r-raġunijiet għal tali azzjoni;

(b)

li kull persuna jkollha dritt għall-aċċess tad-data marbuta magħha miżmuma mill-awtorità responsabbli għat-trattament ta’ dik id-data. Dak id-dritt għandu jkun eżegwibbli mingħajr ostakli, f’intervalli raġonevoli u mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi għall-applikant;

(c)

li kull persuna li d-data marbuta magħha tkun inkompleta jew mhux korretta jkollha d-dritt li dik id-data tiġi irrimedjata, imħassra jew ibblokkata;

(d)

li kull persuna jkollha d-dritt li topponi ruħha għat-trattament tad-data marbuta magħha, għal raġunijiet leġittimi impellanti. F’każ ta’ oġġezzjoni ġustifikata, dik id-data ma tistax tkun ittrattata.

(e)

l-impriżi jikkonformaw, fejn ikun applikabbli, mad-dispożizzjonijiet rispettivi dwar il-protezzjoni tad-data personali.

Artikolu 18

Il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri

(1)   L-Istati Membri għandhom jinnominaw punt ta’ kuntatt nazzjonali responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-isem u l-indirizz tal-punt ta’ kuntatt nazzjonali tagħhom sal-4 ta’ Diċembru 2011. Il-Kummissjoni għandha tfassal lista tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali kollha, u tibgħatha lill-Istati Membri.

(2)   L-Istati Membri li jiskambjaw informazzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament għandhom jużaw il-punti ta’ kuntatt nazzjonali nnominati kif imsemmija fil-paragrafu 1.

(3)   L-Istati Membri li jiskambjaw informazzjoni dwar it-tipi ta’ ksur imsemmija fl-Artikolu 6(2) jew dwar maniġers tat-trasport iddikjarati inkapaċi għandhom jikkonformaw mal-proċedura u l-limiti ta’ żmien imsemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 jew, fejn xieraq, l-Artikolu 23(1) tar- Regolament (KE) Nru 1073/2009. Stat Membru li jirċievi notifika ta’ ksur serju li rriżulta f’kundanna jew penali fi Stat Membru ieħor għandu jirreġistra dak il-ksur fir-reġistru elettroniku nazzjonali.

KAPITOLU V

GĦARFIEN REĊIPROKU TA’ ĊERTIFIKATI U DOKUMENTI OĦRA

Artikolu 19

Ċertifikati ta’ reputazzjoni tajba u dokumenti ekwivalenti

(1)   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(4), l-Istat Membru ta’ stabbiliment għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti ta’ reputazzjoni tajba għad-dħul għall-professjoni ta’ operatur ta’ trasport bit-triq, il-produzzjoni ta’ estratt minn rekord ġudizzjarju jew, fin-nuqqas ta’ dan, dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti tal-Istat Membru fejn kien jirrisjedi l-maniġer tat-trasport jew kawalunkwe persuna rilevanti oħra.

(2)   Meta Stat Membru jimponi fuq iċ-ċittadini tiegħu ċerti kondizzjonijiet marbuta ma’ reputazzjoni tajba, iżda l-prova li dawn il-kondizzjonijiet ġew sodisfatti ma jistax jipprovdiha d-dokument imsemmi fil-paragrafu 1, dan l-Istat Membru għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti, għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti ġudizzjarja jew amministrattiva fl-Istat(i) Membru/i fejn kien jirrisjedi l-maniġer tat-trasport jew kawalunkwe persuna rilevanti oħra, li tistqarr li dawn il-kondizzjonijiet ġew sodisfatti. Dan iċ-ċertifikat għandu jirriferi għall-informazzjoni speċifika li tkun ġiet meqjusa fl-Istat Membru ta’ stabbiliment.

(3)   Jekk id-dokument li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 1 jew iċ-ċertifikat li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 2 ma jkunux inħarġu mill-Istat(i) Membru(i) fejn kien jirrisjedi l-maniġer tat-trasport jew kawalunkwe persuna rilevanti oħra, dak id-dokument jew ċertifikat jista’ jiġi sostitwit minn dikjarazzjoni ġuramentata jew dikjarazzjoni solenni mill-maniġer tat-trasport jew kawalunkwe persuna rilevanti oħra quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti, jew fejn xieraq, quddiem nutar fl-Istat Membru fejn kien jirrisjedi l-maniġer tat-trasport jew kawalunkwe persuna rilevanti oħra. Tali awtorità jew nutar għandhom joħorġu ċertifikat li jattesta l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni ġuramentata jew id-dikjarazzjoni solenni.

(4)   Id-dokument li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 1 jew iċ-ċertifkat li hemm riferenza għalih fil-paragrafu 2 m’għandhomx jiġu aċċettati jekk jitressqu aktar minn tliet xhur wara li jkunu nħarġu. Din il-kondizzjoni għandha tapplika wkoll għad-dikjarazzjonijiet magħmula skont il-paragrafu 3.

Artikolu 20

Ċertifikati dwar il-pożizzjoni finanzjarja

Meta Stat Membru jimponi fuq iċ-ċittadini tiegħu ċerti kondizzjonijiet marbutin mal-kapaċità finanzjarja minbarra dawk stabbiliti fl-Artikolu 7, dak l-Istat Membru għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti, għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti tal-Istat(i) Membru(i) fejn kien jirrisjedi l-maniġer tat-trasport jew kawalunkwe persuna rilevanti oħra, li turi li dawn il-kondizzjonijiet ikunu ġew sodisfatti. Dan iċ-ċertifikat għandu jirriferi għall-informazzjoni speċifika meqjusa fl-Istat Membru l-ġdid ta’ stabbiliment.

Artikolu 21

Ċertifikati tal-kompetenza professjonali

(1)   L-Istati Membri għandhom jaċċettaw, bħala prova suffiċjenti tal-kompetenza professjonali, ċertifikat li jkun konformi mal-mudell ta’ ċertifikat stabbilit fl-Anness III u li jkun maħruġ mill-awtorità jew mill-korp maħtur għal dan il-għan.

(2)   Ċertifikat li jkun inħareġ qabel l-4 ta’ Diċembru 2011, bħala prova tal-kompetenza professjonali skont id-dispożizzjonijiet li sa dik id-data kienu fis-seħħ, jitqiesu bħala ekwivalenti għal ċertifikat li jikkonforma mal-mudell ta’ ċertifikat stabbilit fl-Anness III, u għandu jkun aċċettat bħala prova tal-kompetenza professjonali fl-Istati Membri kollha. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li detenturi ta’ ċertifikati ta’ kompetenza professjonali validi biss għal operazzjonijiet ta’ trasport nazzjonali joqogħdu għall-eżami, jew partijiet mill-eżamijiet, li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 8(1).

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Penali

(1)   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad- dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Diċembru 2011 u jinnotifikaw mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-miżuri kollha jiġu applikati mingħajr diskriminazzjoni għaċ-ċittadinanza jew għall-post ta’ stabbiliment tal-impriża.

(2)   Il-penali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu, b’mod partikolari, sospensjoni provviżorja jew parzjali tal-awtorizzazzjoni għad-dħul għall-impjieg ta’ operatur tat-trasport bit-triq, l-irtirar tal-awtorizzazzjoni, u d-dikjarazzjoni ta’ inkompetenza tal-maniġers tat-trasport.

Artikolu 23

Dispożizzjonijiet tranżitorji

L-impriżi li qabel l-4 ta’ Diċembru 2009 id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament ikunu jgawdu minn awtorizzazzjoni biex jeżerċitaw il-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq għandhom isiru konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament sal-4 ta’ Diċembru 2011.

Artikolu 24

L-assistenza reċiproka

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkollaboraw mill-qrib, u jipprovdu assistenza reċiproka għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Huma għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar kundanni u pieni għal kull ksur serju, u informazzjoni speċifika oħra li jista’ jkollhom konsegwenzjali fl-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq, skont id-disposizzjonjiet li japplikaw fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali.

Artikolu 25

Proċedura ta’ kumitat

(1)   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (11).

(2)   Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, billi jittieħdu f’kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

(3)   Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, billi jittieħdu f’kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 26

Rappurtar

(1)   Kull sentejn, l-Istati Membri għandhom ifasslu rapport dwar l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti u jibagħtuh lill-Kummissjoni. Dan ir-rapport għandu jinkludi:

(a)

analiżi tas-settur f’dak li għandu x’jaqsam mar-reputazzjoni tajba, il-kapaċità finanzjarja u l-kompetenza professjonali;

(b)

in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet li ngħataw skont is-sena u t-tip, dawk li ġew sospiżi, dawk li ġew irtirati, in-numru ta’ dikjarazzjonijiet ta’ inkompetenza u r-raġunijiet li fuqhom kienu bbażati dawk id-deċiżjonijiet;

(c)

in-numru ta’ ċertifikati ta’ kompetenza professjonali li nħarġu kull sena;

(d)

statistika prinċipali dwar ir-reġistri elettroniċi nazzjonali u l-użu tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti; u

(e)

analiżi tal-skambji ta’ informazzjoni ma’ Stati Membri l-oħra skont l-Artikolu 18(2), li tinkludi partikolarment in-numru annwali ta’ każi ta’ ksur li ġew innotifikati lil Stat Membru ieħor u t-tweġibiet mibgħuta lura, u n-numru annwali tat-talbiet u tat-tweġibiet mibgħuta lura skont l-Artikolu 18(3).

(2)   Abbażi ta’ dawn ir-rapporti li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, kull sentejn, tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq. Dak ir-rapport għandu jinkludi, partikolarment, evalwazzjoni tal-funzjonament tal-bdil ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u reviżjoni tal-funzjonament u d-data li jinsabu fir-reġistri elettroniċi nazzjonali. Dak ir-rapport għandu jiġi pubblikat fl-istess ħin mar-rapport imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (12).

Artikolu 27

Il-lista tal-awtoritajiet kompetenti

Kull Stat Membru għandu jgħaddi lill-Kummissjoni sal-4 ta’ Diċembru 2011 lista tal-awtoritajiet kompetenti li jkun ħatar biex jawtorizzaw l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq, kif ukoll il-lista tal-awtoritajiet jew tal-entitajiet awtorizzati biex jorganizzaw l-eżamijiet li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 8(1) u joħorġu ċ-ċertifikati. Il-lista kkonsolidata ta’ dawn l-awtoritajiet jew entitajiet tal-Komunità kollha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28

Il-komunika tal-miżuri nazzjonali

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-liġijiet, regolamenti u d- dispożizzjonijiet amministrattivi li huma jadottaw fil-qasam irregolat b’dan ir-Regolament mhux iżjed minn 30 jum wara d-data tal-adozzjoni u għall-ewwel darba sal-4 ta’ Diċembru 2011.

Artikolu 29

Tħassir

Id-Direttiva 96/26/KE hija b’dan imħassra.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jkollu effett mill-4 ta’ Diċembru 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Ottubru 2009.

Gћall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  ĠU C 151, 17.6.2008, p. 16.

(2)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 1.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Mejju 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-9 ta’ Jannar 2009 (ĠU C 62 E, 17.3.2009, p. 1.), Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2009.

(4)  ĠU L 124, 23.5.1996, p. 1.

(5)  Ara paġna 72 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  Ara paġna 88 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(7)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(8)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(9)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

(10)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35.

(11)  ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8.

(12)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.


ANNESS I

I.   LISTA TAS-SUĠĠETTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 8

L-għarfien li għandu jitqies għar-rikonoxximent uffiċjali mill-Istati Membri tal-kompetenza professjonali għandu jkopri mill-inqas is-suġġetti elenkati hawn isfel għat-trasport bit-triq tal-merkanzija u t-trasport bit-triq tal-passiġġieri rispettivament. Fir-rigward ta’ dawn is-suġġetti, l-operaturi tat-trasport bit-triq tal-merkanzija u tal-passiġġieri applikanti għandhom jilħqu l-livell meħtieġ ta’ għarfien u ta’ kapaċità prattika għat-tmexxija ta’ impriża tat-trasport.

Il-livell minimu ta’ għarfien, kif indikat hawn isfel, ma jistax ikun taħt il-livell 3 skont l-istruttura ta’ klassifikazzjoni ta’ taħriġ stabbilita fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/368/KEE (1), jiġifieri l-livell ta’ għarfien li jkun inkiseb fit-taħriġ matul l-edukazzjoni obbligatorja li jkun supplimentat b’taħriġ vokazzjonali jew b’taħriġ tekniku supplimentari jew bl-edukazzjoni sekondarja jew b’xi taħriġ tekniku ieħor.

A.   Il-liġi ċivili

B’mod partikolari, l-applikant għandu, fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-merkanzija u t-trasport bit-triq tal-passiġġieri:

(1)

ikun familjari mat-tipi prinċipali ta’ kuntratti użati fit-trasport bit-triq u mad-drittijiet u l-obbligi naxxenti minnhom;

(2)

ikun kapaċi li jinnegozja kuntratt tat-trasport legalment validu, b’mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-ġarr;

f’relazzjoni mat-trasport bit-triq tal-merkanzija:

(3)

ikun kapaċi jqis pretenzjoni mill-prinċipal tiegħu fir-rigward ta’ kumpens għat-telf ta’, jew ħsara lill-oġġetti matul it-trasportazzjoni jew għall-kunsinna tardiva tagħhom, u kapaċi jifhem kif tali pretenzjoni tolqot ir-responsabbiltà kuntrattwali tiegħu;

(4)

ikun familjari mar-regoli u l-obbligi naxxenti mill-Konvenzjoni CMR dwar il-Kuntratt għat-Trasport bit-Triq Internazzjonali ta’ Merkanzija;

f’relazzjoni mat-trasport bit-triq tal-passiġġieri:

(5)

ikun kapaċi jqis pretenzjoni mill-prinċipal tiegħu jew tagħha fir-rigward ta’ kumpens għal korriment ta’ passiġġieri jew għal ħsara lill-bagalji tagħhom ikkawżati minn inċident matul it-trasportazzjoni, jew fir-rigward ta’ kumpens għal dewmien, u kapaċi jifhem kif tali pretenzjoni tolqot ir-responsabbiltà kuntrattwali tiegħu.

B.   Il-liġi kummerċjali

B’mod partikolari, l-applikant għandu, fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-merkanzija u t-trasport bit-triq tal-passiġġieri:

(1)

ikun familjari mal-kondizzjonijiet u l-formalitajiet stabbiliti biex jitħaddem il-kummerċ, l-obbligi li jinkombu fuq operaturi tat-trasport (ir-reġistrazzjoni, iż-żamma ta’ dokumenti, eċċ.) u l-konsegwenzi ta’ falliment;

(2)

ikollu għarfien xieraq tad-diversi tipi ta’ soċjetajiet kummerċjali u r-regoli li jirregolaw il-kostituzzjoni u l-operat tagħhom.

C.   Il-liġi soċjali

B’mod partikolari, l-applikant għandu, fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-merkanzija u t-trasport bit-triq tal-passiġġieri, ikun familjari mas-segwenti:

(1)

mar-rwol u l-funzjoni tal-istituzzjonijiet soċjali li għandhom x’jaqsmu mat-trasport bit-triq (it-tredjunjons, il-kunsilli tax-xogħol, ir-rappreżentanti tal-persunal, l-ispetturi tax-xogħol, eċċ.);

(2)

mal-obbligi tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem;

(3)

mar-regoli li jirregolaw il-kuntratti tax-xogħol għall-kategoriji varji ta’ ħaddiema impjegati tal-impriżi tat-trasport bit-triq (il-forom ta’ kuntratti, l-obbligazzjonijiet tal-partijiet, il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-ħinijiet tax-xogħol, il-leave imħallas, ir-remunerazzjoni, il-ksur tal-kuntratt, eċċ.);

(4)

mar-regoli applikabbli għall-ħinijiet tas-sewqan, il-ħinijiet tal-mistrieħ u l-ħinijiet tax-xogħol u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85, ir-Regolament (KE) Nru 561/2006, id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u d-Direttiva 2006/22/KE, u l-miżuri prattiċi għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet; u

(5)

mar-regoli applikabbli għall-kwalifiki inizjali u t-taħriġ kontinwu tax-xufiera, u b’mod partikolari dawk naxxenti mid-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

D.   Il-liġi fiskali

B’mod partikolari, l-applikant għandu, fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u t-trasport bit-triq tal-passiġġieri, ikun familjari mar-regoli li jirregolaw:

(1)

it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq is-servizzi tat-trasport;

(2)

it-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur;

(3)

it-taxxi fuq ċerti vetturi għat-trasport bit-triq tal-merkanzija u ħlasijiet għall-użu tat-toroq u għall-utenti tal-infrastruttura;

(4)

it-taxxa fuq id-dħul.

E.   Il-ġestjoni kummerċjali u finanzjarja tal-impriża

B’mod partikolari, l-applikant għandu, fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-merkanzija u t-trasport bit-triq tal-passiġġieri:

(1)

ikun familjari mal-liġijiet u l-prattika fir-rigward tal-użu taċ-ċekkijiet, kambjali, ċedoli, karti ta’ kreditu u mezzi jew metodi oħrajn ta’ ħlas;

(2)

ikun familjari mal-forom varji ta’ kreditu (kreditu tal-bank, kreditu dokumentarju, depożiti ta’ garanzija, ipoteki, twellija, kiri, factoring eċċ.) u mal-imposti u l-obbligi naxxenti minnhom;

(3)

ikun jaf x’inhi karta ta’ bilanċ, kif inhi mqassma u kif għandha tkun interpretata;

(4)

ikun kapaċi jaqra u jinterpreta kont ta’ qligħ u telf;

(5)

ikun kapaċi jagħmel stima tal-profitt u l-pożizzjoni finanzjarja, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ proporzjonijiet finanzjarji;

(6)

ikun kapaċi jipprepara baġit;

(7)

ikun familjari mal-elementi ta’ spejjeż tal-impriża (spejjeż fissi, spejjeż varjabbli, kapital tax-xogħol, deprezzament eċċ.), u jkun kapaċi jikkalkola l-ispejjeż ta’ kull vettura, ta’ kull kilometru, ta’ kull vjaġġ jew ta’ kull tunnellata;

(8)

ikun kapaċi jfassal organigramma dwar il-persunal tal-impriża fit-totalità tagħha u jorganizza pjani ta’ xogħol, eċċ.;

(9)

ikun familjari mal-prinċipji tal-marketing, tar-reklamar u tar-relazzjonijiet pubbliċi, inklużi s-servizzi tat-trasport, il-promozzjoni tal-bejgħ u t-tħejjija ta’ fajls tal-klijenti, eċċ.;

(10)

ikun familjari mat-tipi differenti ta’ assigurazzjoni ta’ trasport bit-triq (assigurazzjoni għar-responsabbiltà, għal-korriment minn inċidenti, assigurazzjoni fuq il-ħajja u mhux fuq il-ħajja u assigurazzjoni fuq bagalji) u mal-garanziji u l-obbligi naxxenti minnhom;

(11)

ikun familjari mal-applikazzjonijiet ta’ trasmissjoni ta’ data elettronika fit-trasport bit-triq;

fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-merkanzija:

(12)

ikun kapaċi japplika r-regoli dwar il-ħruġ ta’ fatturi għal servizzi ta’ trasport bit-triq ta’ merkanzija u jkun jaf it-tifsira u l-implikazzjonijiet tal-Incoterms;

(13)

ikun familjari mal-kategoriji differenti ta’ awżiljari tat-trasport, ir-rwol tagħhom, il-funzjoni tagħhom u, fejn xieraq, l-istatus tagħhom;

fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri:

(14)

ikun kapaċi japplika r-regoli dwar it-tariffi u prezzijiet fit-trasport pubbliku u privat tal-passiġġieri;

(15)

ikun kapaċi japplika r-regoli dwar il-ħruġ ta’ fatturi għas-servizzi ta’ trasport bit-triq tal-passiġġieri.

F.   L-aċċess għas-suq

B’mod partikolari, l-applikant għandu, fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-merkanzija u t-trasport bit-triq tal-passiġġieri, ikun familjari mas-segwenti:

(1)

mar-regolamenti tax-xogħol li jirregolaw it-trasport bit-triq b’kiri jew bi profitt, mal-kiri ta’ vetturi industrijali u l-għoti ta’ sottokuntratti, u b’mod partikolari mar-regoli dwar l-organizzazzjoni uffiċjali tal-professjoni, id-dħul għall-professjoni, l-awtorizzazzjonijiet ta’ operazzjonijiet ta’ trasport bit-triq intra- jew extra-Komunitarju, spezzjonijiet u pieni;

(2)

mar-regoli għall-istabbiliment ta’ impriża tat-trasport bit-triq;

(3)

mad-dokumenti varji meħtieġa għall-operazzjoni tas-servizzi tat-trasport bit-triq u l-intorduzzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll li jiżguraw li d-dokumenti approvati dwar kull operazzjoni tat-trasport, u b’mod partikolari dawk dwar il-vettura, ix-xufier, l-oġġetti u l-bagalji jinżammu kemm fil-vettura u kemm fil-bini tal-impriża;

fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-merkanzija:

(4)

mar-regoli dwar l-organizzazzjoni tas-suq tat-trasport bit-triq tal-merkanzija, kif ukoll, mar-regoli dwar il-ġestjoni u l-loġistika tat-trasport tal-merkanzija;

(5)

mal-formalitajiet tal-fruntiera, ir-rwol u l-ambitu tad-dokumenti T u carnets TIR, u l-obbligi u r-responsabbiltajiet naxxenti mill-użu tagħhom;

f’relazzjoni mat-trasport bit-triq tal-passiġġieri:

(6)

mar-regoli dwar l-organizzazzjoni tas-suq fit-trasport tal-passiġġieri;

(7)

mar-regoli għall-introduzzjoni ta’ servizzi tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri u jkun kapaċi jfassal pjani għat-trasport.

Ġ.   L-istandards tekniċi u aspetti tekniċi tal-operazzjoni

B’mod partikolari, l-applikant għandu, fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-merkanzija u t-trasport bit-triq tal-passiġġieri:

(1)

ikun familjari mar-regoli dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet tal-vetturi fl-Istati Membri u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti fil-każ ta’ tagħbijiet eċċezzjonali li jikkostitwixxu deroga għal dawn ir-regoli;

(2)

ikun kapaċi jagħżel vetturi u l-komponenti tagħhom (ix-xażi, il-magna, is-sistema ta’ trasmissjoni, is-sistema ta’ brejkijiet, eċċ.) skont il-bżonnijiet tal-impriża;

(3)

ikun familjari mal-formalitajiet dwar it-tip ta’ approvazzjoni, reġistrazzjoni u spezzjoni teknika ta’ dawn il-vetturi;

(4)

ikun jifhem x’miżuri għandhom jittieħdu għat-tnaqqis tat-tniġġis akustiku u għall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja mid-dħaħen tal-exhaust ta’ vetturi bil-mutur;

(5)

ikun kapaċi jfassal pjani ta’ manutenzjoni perjodika għall-vetturi u t-tagħmir tagħhom;

fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-merkanzija:

(6)

ikun familjari mat-tipi differenti ta’ tmexxija ta’ tagħbija u ta’ għodda ta’ tagħbija (tailboards, kontenituri, paletti, eċċ.) u jkun kapaċi jintroduċi proċeduri u joħroġ struzzjonijiet għat-tagħbija u l-ħatt ta’ merkanzija (tqassim tat-tagħbija, stacking, stivar, blocking u chocking, eċċ.);

(7)

ikun familjari ma’ tekniċi varji ta’ “piggy-back (fuq id-dahar/spallejn)” u trasport ikkombinat ta’ roll-on roll-off;

(8)

ikun kapaċi jimplimenta proċeduri biex wieħed ikun konformi mar-regoli tal-ġarr ta’ merkanzija u skart perikolużi, partikolarment dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/68/KE (4) u mir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (5);

(9)

ikun kapaċi jimplimenta proċeduri biex wieħed ikun konformi mar-regoli tal-ġarr ta’ oġġetti tal-ikel li jitħassru, partikolarment dawk li joħorġu mill-Ftehim dwar il-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti tal-Ikel li Jitħassru u dwar it-Tagħmir Speċjali li għandu jintuża għall-trasport bħal dan (ATP);

(10)

ikun kapaċi jimplimenta proċeduri biex wieħed jikkonforma mar-regoli tat-trasport ta’ annimali ħajjin.

H.   Is-sigurtà fit-toroq

B’mod partikolari, l-applikant għandu, fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-merkanzija u t-trasport bit-triq tal-passiġġieri:

(1)

ikun jaf xi kwalifiki huma meħtieġa għax-xufiera (liċenza tas-sewqan, ċertifikati mediċi, ċertifikati ta’ kondizzjoni ta’ saħħa tajba, eċċ.);

(2)

ikun kapaċi li jieħu l-passi meħtieġa biex ikun żgurat li x-xufiera jikkonformaw mar-regoli tat-traffiku, projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fis-seħħ fi Stati Membri differenti (limiti ta’ velocità, prijoritajiet, restrizzjonijiet ta’ stennija u pparkjar, użu tad-dwal, sinjali tat-triq, eċċ.);

(3)

ikun kapaċi jfassal struzzjonijiet lix-xufiera għall-kontroll tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta’ sikurezza dwar il-kondizzjoni tal-vetturi, it-tagħmir tagħhom u t-tagħbija, u dwar miżuri preventivi li għandhom jittieħdu;

(4)

ikun kapaċi jistabbilixxi proċeduri li għandhom jiġu segwiti fil-każ ta’ inċident u biex jiġu implimentati proċeduri xierqa li jimpedixxu ir-rikorrenza ta’ inċidenti jew ksur serju tat-traffiku;

(5)

ikun kapaċi jimplimenta proċeduri għall-irbit tajjeb tal-merkanzija u jkun familjari mat-teknika korrispondenti.

fir-rigward tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri:

(6)

ikollu għarfien bażiku tal-pjan tan-netwerk tat-toroq fl-Istati Membri.

II.   L-ORGANIZZAZZJONI TAL-EŻAMI

(1)

L-Istati Membri għandhom jorganizzaw eżami bil-miktub obbligatorju li huma jistgħu jissupplementaw b’eżami orali fakultattiv biex jistabbilixxu jekk applikanti għal operatur ta’ trasport bit-triq jkunux kisbu l-livell ta’ għarfien fis-suġġetti elenkati fil-parti I, b’mod partikolari, il-kapaċità tagħhom li jużaw strumenti u tekniċi li għandhom x’jaqsmu ma’ dawk is-suġġetti u li jissodisfaw id-dmirijiet korrispondenti eżekuttivi u ta’ koordinament.

(a)

L-eżami obbligatorju bil-miktub għandu jinvolvi żewġ testijiet, li huma:

(i)

mistoqsijiet bil-miktub li jikkonsistu jew minn mistoqsijiet multipli (kull waħda b’erba’ tweġibiet possibbli), mistoqsijiet li jirrekjedu tweġibiet diretti jew taħlita taż-żewġ sistemi;

(ii)

eżerċizzji bil-miktub/studji ta’ każi.

It-tul ta’ żmien minimu ta’ kull eżami ikun ta’ sagħtejn.

(b)

F’każ li jiġi organizzat eżami orali, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-parteċipazzjoni tkun suġġetta għat-tlestija b’suċċess tal-eżami bil-miktub.

(2)

Meta l-Istati Membri jorganizzaw ukoll eżami orali, huma għandhom jipprovdu, fir-rigward ta’ kull wieħed mit-tliet eżamijiet, għal piż ta’ punti ta’ minimu ta’ 25 % u massimu ta’ 40 % tan-numru totali tal-punti li jkunu se jingħataw.

Fejn l-Istati Membri jorganizzaw biss eżami bil-miktub huma għandhom jipprovdu, fir-rigward ta’ kull eżami, għal piż ta’ punti ta’ minimu ta’ 40 % u massimu ta’ 60 % tan-numru totali tal-punti li jkunu se jingħataw.

(3)

Fir-rigward tal-eżamijiet kollha, l-applikanti għandhom jiksbu medja ta’ mill-inqas 60 % tan-numru totali tal-punti li jkunu se jingħataw, filwaqt li jiksbu f’kull test speċifiku mhux inqas minn 50 % tan-numru totali ta’ punti possibbli. F’eżami wieħed biss, Stat Membru jista’ jnaqqas dak il-punt minn 50 % għal 40 %.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/368/KEE tas-16 ta’ Lulju 1985 dwar it-tqabbil tal-kwalifiki tat-taħriġ professjonali bejn l-Istati Membri u l-Komunità Ewropea (ĠU L 199, 31.7.1985, p. 56).

(2)  Id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta’ ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35).

(3)  Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għat-trasport ta’ prodotti jew passiggieri (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).

(4)  Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).

(5)  Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).


ANNESS II

Karatteristiċi tas-sigurtà taċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonali bit-triq

Iċ-ċertifikat għandu jkollu almenu tnejn mill-karatteristiċi ta’ sigurtà li ġejjin:

ologramma,

fibri speċjali fil-karta li jsiru viżibbli taħt dawl UV,

almenu linja waħda ta’ mikrostampa (stampar viżibbli biss b’lenti u mhux riprodott b’magni ta’ fotokopjar),

figuri, simboli jew disinji li jinħassu,

numerazzjoni doppja: numru tas-serje jew liċenza/kopja ċċertifikata u numru tal-ħruġ,

sfond b’disinn ta’ sigurtà b’disinji guilloche fini u stampar qawsalla.


ANNESS III

Mudell taċ-ċertifkat ta’ kompetenza professjonali

KOMUNITÀ EWROPEA

(Kulur Pantone stout fawn – Format DIN A4 karta ċelluloża 100 g/m2 jew iżjed)

(Test fil-lingwa/i uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li joħroġ iċ-ċertifikat)

Sinjal distintiv tal-Istat Membru konċernat (1)

Isem tal-awtoritajiet jew tal-korp awtorizzat (2)

ĊERTIFIKAT TA’ KOMPETENZA PROFESSJONALI FIT-TRASPORT BIT-TRIQ TAL-MERKANZIJA/TAL- PASSIĠĠIERI (3)

Nru …

Aħna …

b’dan niċċertifikaw li (4)

Imwieled fi …, fi …

għadda b’suċċess it-testijiet għall-eżami (sena: …; sessjoni: …) (5) meħtieġa għall-għoti taċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonali fit-trasport bit-triq tal-merkanzija/tal-passiġġieri (3) skont ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 21 ta’ Ottubru 2009 li jistabilixxi regoli komuni dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġi rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ trasportatur bit-triq (6).

Dan iċ-ċertifikat jikkostitwixxi prova suffiċjenti ta’ kompetenza professjonali li jirriferi għaliha l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009.

Maħruġ fi …, Illum … (7)


(1)  Is-sinjali distintivi tal-Istati Membri huma: (B) il-Belġju, (BG) il-Bulgarija, (CZ) ir-Repubblika Ċeka, (DK) id-Danimarka, (D) il-Ġermanja, (EST) l-Estonja, (IRL) l-Irlanda, (GR) il-Greċja, (E) Spanja, (F) Franza, (IRL) l-Irlanda, (I) l-Italja, (CY) Ċipru, (LV) il-Latvja, (LT) il-Litwanja, (L) il-Lussemburgu, (H) l-Ungerija, (M) Malta, (NL) l-Olanda, (A) l-Awstrija, (PL) il-Polonja, (P) il-Portugall, (RO) ir-Rumanija, (SLO) is-Slovenja, (SK) is-Slovakkja, (FIN) il-Finlandja, (S) l-Isvezja, (UK) ir-Renju Unit.

(2)  Awtorità jew korp innominat minn qabel għal dan il-għan minn kull wieħed mill-Istati Membri tal-Komunità Ewropea biex toħroġ/joħroġ dan iċ-ċertifikat.

(3)  Ħassar kif xieraq.

(4)  Kunjom u isem; il-post u d-data tat-twelid.

(5)  Identifikazzjoni tal-eżami.

(6)  ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51.

(7)  Timbru u firma tal-awtorità jew tal-korp akkreditat responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikat.


ANNESS IV

Il-ksur l-aktar serju għall-finijiet tal-Artikolu 6(2)(a):

(1)

(a)

Meta jinqabeż il-limitu massimu tal-ħin ta’ sewqan, ta’ kull sitt ijiem jew ta’ kull ġimagħtejn, b’marġini ta’ 25 % jew aktar.

(b)

Meta jinqabeż il-limitu massimu tal-ħin ta’ sewqan ta’ kuljum, matul perijodu ta’ ħidma ta’ kuljum, b’marġini ta’ 50 % jew iżjed mingħajr waqfien jew mingħajr perijodu ta’ serħan bla interruzzjoni ta’ mill-inqas 4,5 sigħat.

(2)

In-nuqqas ta’ twaħħil ta’ takografu u/jew tagħmir li jillimita l-veloċità jew l-użu ta’ tagħmir frodulenti li jkun kapaċi jimmodifika r-reġistrazzjonijiet tat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni u/jew tat-tagħmir li jillimita l-veloċità jew jiffalsifik l-folji ta’ reġistrazzjoni jew tad-data trasferita mit-takografu u/jew tal-kard tax-xuffier.

(3)

Sewqan mingħajr ċertifikat validu li jiżgura li l-vettura hija tajba għat-triq jekk tali dokument huwa meħtieġ taħt il-liġi Komunitarja u/jew sewqan b’defiċjenza serja, inter alia, fis-sistema ta’ bbrejkjar, is-sistema tal-istering, ir-roti/it-tajers, is-sospensjoni jew xażi li joħolqu tali riskju immedjat għas-sigurtà fit-triq li jwassal għal deċiżjoni għall-immobilizzazzjoni tal-vettura.

(4)

Trasportazzjoni ta’ merkanzija perikoluża li hija pprojbita għat-trasport jew trasportazzjoni ta’ din il-merkanzija f’kontenitur ipprojbit jew mhux approvat jew mingħajr ma tiġi identifikata fuq il-vettura bħala merkanzija perikoluża b’riżultat ta’ periklu għall-ħajja jew l-ambjent sa tali punt li dan iwassal għal deċiżjoni li tiġi immobilizzata l-vettura.

(5)

Ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti mingħajr liċenza tas-sewqan valida jew il-ġarr minn xi impriża mingħajr liċenza Komunitarja valida.

(6)

Sewaqn b’kard ta’ xufier li ġiet iffalsifikata, jew b’kard li tagħha x-xufier m’huwiex id-detentur jew li ġiet akkwistata abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz u/jew dokumenti falsifikati.

(7)

Il-ġarr ta’ merkanzija li teċċedi l-massa massima bit-tagħbija permessa b’20 % jew iżjed għal vetturi li l-piż tagħhom bit-tagħbija jaqbeż it-12-il tunnellata, u b’25 % jew iżjed għal vetturi li l-piż tagħhom bit-tagħbija ma jaqbiżx it-12-il tunnellata.