14.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/1


REGOLAMENT (KE) Nru 1069/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2009

li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 152(4)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem huma sors potenzjali ta’ riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali. Il-kriżijiet tal-imgħoddi marbuta ma’ tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer, it-tixrid ta’ enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli bħall-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) u l-okkorrenza ta’ dijossini fl-għalf urew il-konsegwenzi tal-użu mhux xieraq ta’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali fuq is-saħħa pubblika u tal-annimali, is-sikurezza tal-katina tal-ikel u l-għalf u l-fiduċja tal-konsumatur. Barra minn hekk, kriżijiet bħal dawn jista’ jkollhom ukoll impatt negattiv usa’ fuq is-soċjetà kollha, permezz tal-impatt tagħhom fuq il-qagħda soċjo-ekonomika tal-bdiewa u tas-settur industrijali kkonċernat u fuq il-fiduċja tal-konsumatur fis-sikurezza tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali. It-tifqigħat tal-mard jista’ jkollhom ukoll konsegwenzi negattivi fuq l-ambjent, mhux biss minħabba l-problemi ta’ rimi li jinħolqu, iżda wkoll fir-rigward tal-bijodiversità.

(2)

Il-prodotti sekondarji tal-annimali jinħolqu prinċipalment matul il-qtil tal-annimali għall-konsum mill-bniedem, matul il-produzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali bħall-prodotti tal-ħalib, u matul ir-rimi ta’ annimali mejtin u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll tal-mard. Irrispettivament mis-sors tagħhom, dawn joħolqu riskju potenzjali għas-saħħa pubblika u tal-annimali u għall-ambjent. Ir-riskju għandu jiġi kkontrollat b’mod adegwat, jew billi dawn il-prodotti jiġu ddirezzjonati lejn mezz sikur ta’ rimi jew billi jintużaw għal għanijiet differenti, sakemm jiġu applikati kondizzjonijiet stretti li jimminimizzaw ir-riskji għas-saħħa involuti.

(3)

Ir-rimi tal-prodotti sekondarji kollha tal-annimali mhuwiex għażla realistika, għax dan iwassal għal spejjeż mhux sostenibbli u riskji għall-ambjent. Min-naħa l-oħra, huwa fl-interess ċar taċ-ċittadini kollha li jsir użu sikur minn firxa wiesgħa ta’ prodotti sekondarji tal-annimali għal diversi applikazzjonijiet b’mod sostenibbli, sakemm jiġu mminimizzati r-riskji għas-saħħa. Firxa wiesgħa ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tintuża ta’ spiss f’setturi produttivi importanti, bħalma huma l-industriji farmaċewtika, tal-għalf u tal-ġlud.

(4)

It-teknoloġiji ġodda estendew l-użu possibbli ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew ta’ prodotti derivati għal għadd kbir ta’ setturi produttivi, b’mod partikolari għall-ġenerazzjoni tal-enerġija. Madankollu, l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji ġodda jista’ joħloq riskji għas-saħħa li għandhom jiġu wkoll imminimizzati.

(5)

Ir-regoli tas-saħħa Komunitarji għall-ġbir, it-trasport, l-immaniġġar, it-trattament, it-trasformazzjoni, l-ipproċessar, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq, id-distribuzzjoni, l-użu jew ir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jiġu stipulati f’qafas koerenti u komprensiv.

(6)

Dawn ir-regoli ġenerali għandhom ikunu proporzjonati għar-riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali li jinħoloq minn prodotti sekondarji tal-annimali meta jiġu indirizzati mill-operaturi fi stadji differenti tul il-katina mill-ġbir għall-użu jew ir-rimi tagħhom. Ir-regoli għandhom iqisu wkoll ir-riskji għall-ambjent maħluqa matul dawn l-operazzjonijiet. Il-qafas Komunitarju għandu jinkludi regoli tas-saħħa fuq it-tqegħid fis-suq, inklużi l-kummerċ intrakomunitarju u l-importazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, fejn xieraq.

(7)

Fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill (3) stabbilixxew regoli Komunitarji tas-saħħa li jikkonċernaw prodotti sekondarji tal-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem. Fuq il-bażi ta’ parir xjentifiku u bħala azzjoni li taqa’ taħt il-White Paper tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Jannar 2000 dwar is-Sikurezza tal-Ikel, dan ir-Regolament introduċa sett ta’ regoli mmirati lejn il-ħarsien tas-sikurezza tal-katina tal-ikel u l-għalf, li huwa komplementari għal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-ikel u l-għalf. Dawn ir-regoli tejbu b’mod sinfikanti l-livell ta’ ħarsien fil-Komunità kontra r-riskji maħluqa minn prodotti sekondarji tal-annimali.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 introduċa l-klassifikazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali fi tliet kategoriji skont il-grad ta’ riskju involut. Dan jeħtieġ li l-operaturi jżommu l-prodotti sekondarji tal-annimali ta’ kategoriji differenti separati minn xulxin jekk jixtiequ jużaw prodotti sekondarji tal-annimali li ma joħolqux riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika jew tal-annimali, b’mod partikolari jekk prodotti bħal dawn jinkisbu minn materjal tajjeb għall-konsum mill-bniedem. Dan ir-Regolament introduċa wkoll il-prinċipju li materjal ta’ riskju għoli ma għandux jingħalef lil annimali mrobbija fl-iriziezet, u li materjal derivat mill-annimali ma għandux jingħalef lil annimali tal-ispeċijiet li huwa derivat minnhom. Skont dan ir-Regolament, il-materjal minn annimali li jkunu għaddew minn ispezzjoni veterinarja biss jistgħu jidħlu fil-katina tal-għalf. Barra minn hekk, jistabbilixxi regoli għal standards ta’ proċessar li jiżguraw it-tnaqqis tar-riskji.

(9)

Skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposti leġiżlattivi. Ir-rapport ġie ppreżentat fil-21 ta’ Ottubru 2005 u enfasizza li l-prinċipji tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 għandhom jinżammu. Barra minn hekk, hu jindika l-oqsma fejn jitqiesu neċessarji l-emendi għal dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-kjarifiki rigward l-applikabbiltà tar-regoli għal prodotti lesti, ir-relazzjoni ma’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra u l-klassifikazzjoni ta’ ċertu materjal. Is-sejbiet ta’ sensiela ta’ missjonijiet esplorattivi mwettqa fl-Istati Membri mill-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju tal-Kummissjoni (UAV) fl-2004 u l-2005 jappoġġjaw dawn il-konklużjonijiet. Skont l-UAV, it-titjib huwa meħtieġ fir-rigward tat-traċċabbiltà tal-fluss ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u l-effettività u l-armonizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali.

(10)

Il-Kumitat Xjentifiku ta’ Tmexxija, li ġie sostitwit mill-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza fl-Ikel (AESI) fl-2002, adotta għadd ta’ opinjonijiet li jikkonċernaw il-prodotti sekondarji tal-annimali. Dawn l-opinjonijiet juru l-ħtieġa li jinżammu l-prinċipji ewlenin tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002; b’mod partikolari li l-prodotti sekondarji tal-annimali li ġejjin minn annimali li mhumiex meqjusa tajbin għal konsum mill-bniedem b’riżultat ta’ ispezzjoni tas-saħħa, ma għandhomx jidħlu fil-katina tal-għalf. Madankollu, dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali jistgħu jiġu rkuprati u użati għall-produzzjoni ta’ prodotti tekniċi jew industrjali taħt kondizzjonijiet speċifikati tas-saħħa.

(11)

Il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill fuq ir-rapport tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2005 li ġew adottati f’Diċembru 2005, u l-konsultazzjonijiet sussegwenti mwettqa mill-Kummissjoni enfasizzaw li r-regoli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 għandhom jitjiebu. L-għanijiet ewlenin tar-regoli dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali, jiġifieri l-kontroll tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali u l-ħarsien tas-sikurezza tal-katina tal-ikel u l-għalf għandhom jiġu stipulati b’mod ċar. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom iwasslu biex jinkisbu dawn l-għanijiet.

(12)

Ir-regoli dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali stipulati f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal prodotti li ma jistgħux jintużaw għal konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari fejn ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni dwar l-iġjene tal-ikel jew meta ma jitqiegħdux fis-suq bħala ikel minħabba li ma jkunux sikuri għax ikunu ħżiena għas-saħħa jew mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem (prodotti sekondarji tal-annimali “bil-liġi”). Dawn ir-regoli għandhom, madankollu, japplikaw ukoll għal prodotti li joriġinaw mill-annimali u li ma jikkonformawx ma’ ċerti regoli rigward l-użu possibbli tagħhom għal konsum mill-bniedem, jew li jintużaw bħala materja prima għall-produzzjoni ta’ prodotti maħsuba għal konsum mill-bniedem anki jekk huma eventwalment destinati għal għanijiet oħra (prodotti sekondarji tal-annimali “b' għażla”).

(13)

Barra minn hekk, biex jiġu evitati r-riskji li jinħolqu minn annimali selvaġġi, mill-iġsma jew mill-partijiet tal-iġsma ta’ dawn l-annimali ssuspettati li huma infettati b’marda li tittieħed għandhom ikunu suġġetti għar-regoli stipulati f’dan ir-Regolament. Din l-inklużjoni ma għandhiex timplika obbligu li jinġabru u jintremew l-iġsma ta’ annimali selvaġġi li mietu jew li ġew ikkaċċjati fl-ambjent naturali tagħhom. Jekk tiġi osservata prattika tajba tal-kaċċa, l-intestini u partijiet oħra tal-ġisem ta’ annimali tal-kaċċa selvaġġi jistgħu jintremew b’mod sikur fuq il-post. Dawn il-prattiki għall-mitigazzjoni tar-riskji huma stabbiliti sew fl-Istati Membri u f’xi każijiet huma bbażati fuq tradizzjonijiet kulturali jew leġiżlazzjoni nazzjonali li jirregolaw l-attivitajiet tal-kaċċaturi. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-iġjene għal ikel li ġej mill-annimali (4) tistipula regoli dwar l-immaniġġar tal-laħam u ta’ prodotti sekondarji tal-annimali mill-annimali tal-kaċċa selvaġġi. Barra minn hekk, dawn ir-regoli jpoġġu r-responsabbiltà għall-prevenzjoni tar-riskji fuq persuni mħarrġa bħall-kaċċaturi. Minħabba r-riskji potenzjali għall-katina tal-ikel, il-prodotti sekondarji tal-annimali minn annimali tal-kaċċa selvaġġi maqtula għandhom ikunu suġġetti biss għal dan ir-Regolament safejn il-leġiżlazzjoni dwar l-iġjene tal-ikel tapplika għat-tqegħid fis-suq ta’ dawn l-annimali tal-kaċċa u tinvolvi operazzjonijiet imwettqa minn stabbilimenti li jimmaniġġaw annimali tal-kaċċa. Barra minn hekk, il-prodotti sekondarji tal-annimali għall-preparazzjoni ta’ trofej tal-kaċċa għandhom ikunu koperti minn dan ir-Regolament sabiex jiġu evitati riskji, preżentati minn dawn il-prodotti sekondarji, għas-saħħa tal-annimali.

(14)

Ir-regoli stipulati f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-prodotti sekondarji tal-annimali li ġejjin minn annimali tal-ilma, ħlief materjal minn bastimenti li jkunu qed joperaw skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-iġjene tal-ikel. partikolari. Madankollu, għandhom jiġu adottati miżuri proporzjonati mar-riskju fir-rigward tal-immaniġġar u r-rimi tal-materjal li jirriżulta abbord il-bastimenti tas-sajd mit-tneħħija tal-imsaren u li jkun juri sinjali ta’ mard. Dawn il-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tar-riskju mwettqa mill-istituzzjoni xjentifika xierqa fid-dawl tal-evidenza disponibbli fir-rigward tal-effettività ta’ ċerti miżżuri kontra t-tixrid tal-mard li jittieħed mill-bnedmin, b’mod partikolari t-tixrid ta’ ċerti parassiti.

(15)

Minħabba r-riskji limitati li jirriżultaw mill-materjal li jintuża bħala ikel mhux ipproċessat għall-annimali domestiċi fl-irziezet jew li jiġi fornut lill-utenti finali min-negozji tal-ikel, ċerti attivitajiet relatati ma’ tali ikel mhux ipproċessat tal-annimali domestiċi m’għandux ikun kopert mir-regoli stipulati f’dan ir-Regolament.

(16)

Huwa xieraq li jiġi ċċarat f’dan ir-Regolament liema annimali għandhom jiġu kklassifikati bħala annimali domestiċi, biex il-prodotti sekondarji li ġejjin minn dawn l-annimali ma jintużawx fl-għalf għal annimali mrobbija fl-irziezet. B’mod partikolari, l-annimali miżmuma għal skopijiet oħra barra t-trobbija fl-irziezet, bħal annimali li jitqiesu ta’ kumpannija għall-bniedem għandhom jiġu kklassifikati bħala annimali domestiċi.

(17)

Biex tinżamm il-konsistenza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, ċerti definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (5) u fid-Direttivi 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart (6) għandhom jintużaw f’dan ir-Regolament. Għandha tiġi ċċarata r-referenza għad-Direttiva tal-Kunsill 86/609/KEE tal-24 ta’ Novembru 1986 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amminsitrattivi tal-Istati Membri dwar il-ħarsien ta’ annimali użati għal finijiet sperimentali u għanijiet xjentifiċi oħra (7).

(18)

Biex tinżamm il-konsistenza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, id-definizzjoni ta’ annimal tal-ilma kif stipulata fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għal annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard fl-annimali tal-ilma (8), għandha tintuża f’dan ir-Regolament. Fl-istess ħin, l-invertebrati akkwatiċi li mhumiex koperti minn dik id-definizzjoni u li ma joħolqu l-ebda riskju li jittieħed xi mard għandhom ikunu suġġetti għall-istess rekwiżiti bħall-annimali akkwatiċi.

(19)

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart fir-radam (landfill) (9) tispeċifika l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ permess għal radam. Dan ir-Regolament għandu jipprovdi għar-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali f’landfills li għalihom inħareġ dan il-permess.

(20)

Ir-responsabbiltà primarja għat-twettiq ta’ operazzjonijiet skont dan ir-Regolament għandha tkun f’idejn l-operaturi. Fl-istess waqt, l-interess pubbliku fil-prevenzjoni tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali jirrikjedi li jkun hemm fis-seħħ sistema ta’ ġbir u ta’ rimi biex tiżgura l-użu jew ir-rimi mingħajr periklu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li ma jistgħux jintużaw, jew li ma jintużawx għal raġunijiet ekonomiċi. L-ambitu tas-sistema ta’ ġbir u ta’ rimi għandu jqis l-ammont effettiv ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li jakkumula fl-Istat Membru partikolari. Għandu jirrifletti wkoll, fuq bażi prekawzjonali, il-ħtieġa għal kapaċitajiet ta’ rimi estiżi fil-każ ta’ tifqigħat ewlenin ta’ mard li jittieħed jew ta’ nuqqasijiet tekniċi temporanji f’faċilità ta’ rimi eżistenti. L-Istati Membri għandhom jitħallew jikkooperaw ma’ xulxin u ma’ pajjiżi terzi sakemm jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

(21)

Huwa importanti li jiġi ddeterminat il-punt ta’ tluq fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti sekondarji tal-annimali li minnu r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw. Ladarba prodott isir prodott sekondarju tal-annimali, m’għandux jerġa’ jidħol fil-katina tal-ikel. Ċirkostanzi speċjali japplikaw għall-immaniġġar ta’ ċerta materja prima, bħal ġlud, immaniġġati fi stabbilimenti jew impjanti li jiġu integrati fl-istess ħin fil-katina tal-ikel u fil-katina tal-prodotti sekondarji tal-annimali. F’dawn il-każijiet, għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji permezz tas-segregazzjoni għall-mitigazzjoni tar-riskji potenzjali għall-katina tal-ikel li jistgħu jinħolqu mit-transkontaminazzjoni. Fir-rigward ta’ stabbilimenti oħrajn, għandhom jiġu determinati kondizzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju biex tiġi evitata t-transkontaminazzjoni b’mod partikolari permezz tas-serparazzjoni bejn il-katina tal-prodotti sekondarji tal-annimali u l-katina tal-ikel.

(22)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u kontroll xieraq tar-riskji potenzjali, għandu jiġi determinat punt aħħari fil-katina tal-manifattura għal prodotti li m’għadx għandhom relevanza diretta għas-sikurezza tal-katina tal-għalf. Għal ċerti prodotti regolati skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, dan il-punt aħħari għandu jiġi ddeterminat fl-istadju tal-manifattura. Il-prodotti li jkunu laħqu dan il-punt aħħari għandhom ikunu eżentati minn kontrolli skont dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-prodotti li jkunu qabżu dan il-punt aħħari għandhom jitħallew jitqiegħdu fis-suq bla restrizzjoni skont dan ir-Regolament u jistgħu jiġu mmaniġġati u ttrasportati minn operaturi li ma jkunux approvati jew reġistrati f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(23)

Minkejja dan, għandu jkun possibbli lid dan il-punt aħħari jiġi mmodifikat, b’mod partikolari fil-każ ta’ riskji emerġenti ġodda. Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002, jeżenta ċerti prodotti, b’mod partikolari l-gwanu, ċerti ġlud li jkunu għaddew minn forom partikolari ta’ trattament bħall-ikkunzar, u ċerti trofej tal-kaċċa, mir-rekwiżiti tiegħu. Għandhom jiġu pprovduti eżenzjonijiet simili fil-miżuri ta’ implimentazzjoni li jridu jiġu adottati skont dan ir-Regolament għal prodotti bħall-prodotti oleokimiċi u l-prodotti aħħarin li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-bijodiżil, taħt kondizzjonijiet xierqa.

(24)

Biex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annimali, l-Istati Membri għandhom ikomplu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dispaċċ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali minn żoni jew stabbilimenti ristretti, b’mod partikolari fil-każ ta’ tifqigħa ta’ xi marda mniżżla fid-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri Komunitarji ġenerali għall-kontroll ta’ ċertu mard tal-annimali u miżuri speċifiċi marbuta mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (10).

(25)

L-operazzjonijiet relatati ma’ prodotti sekondarji tal-annimali li joħolqu livell konsiderevoli ta’ riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali għandhom jitwettqu biss fi stabbilimenti jew impjanti approvati minn qabel għal operazzjonijiet bħal dawn mill-awtorità kompetenti. Din il-kondizzjoni għandha tapplika b’mod partikolari għal stabbilimenti jew impjanti tal-ipproċessar u stabbilimenti jew impjanti oħrajn li jimmaniġġaw jew jaħżnu prodotti sekondarji tal-annimali b’relevanza diretta għas-sikurezza tal-katina tal-għalf. Għandu jkun permess li prodotti sekondarji tal-annimali ta’ aktar minn kategorija waħda jiġu mmaniġġati fl-istess stabbiliment sakemm tiġi evitata l-kontaminazzjoni minn naħa għal oħra. Għandu jkun permess ukoll li dawn il-kondizzjonijiet jiġu emendati jekk l-ammont ta’ materjal għar-rimi u l-ipproċessar jiżdied minħabba xi tifqigħa kbira ta’ marda, sakemm ikun żgurat li l-użu temporanju taħt kondizzjonijiet emendati bħal dawn ma jwassalx għal propagazzjoni ta’ riskji ta’ mard.

(26)

Minkejja dan, dawn l-approvazzjonijiet ma għandhomx ikunu meħtieġa għal stabbilimenti jew impjanti li jipproċessaw jew jimmaniġġaw ċerti materjali sikuri, bħal prodotti proċessati b’mod li ma jibqgħux ta’ riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali. Dawn l-istabbilimenti jew impjanti għandhom jiġu reġistrati biex ikun jista’ jsir kontroll uffiċjali fir-rigward tal-fluss ta’ materjal u tiġi żgurata t-traċċabbiltà. Dan għandu japplika wkoll għall-operaturi li jittrasportaw il-prodotti sekondarji tal-annimali jew il-prodotti derivati, sakemm ma jkunu għadhom suġġetti għall-ebda kontroll minħabba li jkun ġie ddeterminat punt aħħari fil-katina.

(27)

L-istabbilimenti jew l-impjanti għandhom jiġu approvati wara l-preżentazzjoni ta’ tagħrif lill-awtorità kompetenti u wara żjara li titwettaq fuq il-post li juru li r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għall-infrastruttura u t-tagħmir tal-istabbiliment jew l-impjant se jintlaħqu, biex kull riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali li jinħoloq mill-proċess użat ikun ikkontrollat b’mod adegwat. Għandu jkun possibbli li jingħataw approvazzjonijiet b’kondizzjoni sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jirranġaw in-nuqqasijiet qabel ma l-istabbiliment jew l-impjant jikseb approvazzjoni sħiħa.

(28)

L-istabbilmenti jew l-impjanti li l-operazzjonijiet tagħhom diġà ġew approvati skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-iġjene tal-ikel ma għandhomx bżonn ikunu approvati jew reġistrati skont dan ir-Regolament, billi l-approvazzjonijiet jew ir-reġistrazzjonijiet skont din il-leġiżlazzjoni Komunitarja diġà jqisu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Minkejja dan, l-istabbilimenti jew l-impjanti approvati jew reġistrati skont leġiżlazzjoni tal-iġjene għandu jkollhom l-obbligu li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u għandhom ikunu suġġetti għal kontrolli uffiċjali mwettqa bil-għan li tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(29)

Il-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati għandhom jiġu kklassifikati fi tliet kategoriji li jirriflettu l-grad ta’ riskju li huma joħolqu għas-saħħa pubblika u tal-annimali, fuq il-bażi ta’ evalwazzjonijiet tar-riskju. Filwaqt li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati li joħolqu riskju għoli għandhom jintużaw biss għal għanijiet barra mill-katina tal-għalf, l-użu tagħhom li joħloq riskju anqas għandu jkun permess taħt kondizzjonijiet sikuri.

(30)

Il-progress fix-xjenza u t-teknoloġija jista’ jwassal għall-iżvilupp ta’ proċessi li jeliminaw jew jimminimizzaw ir-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali. L-emendi għal-listi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali stipulati f’dan ir-Regolament għandhom ikunu possibbli, biex jitqies dan il-progress. Qabel ma jsiru emendi bħal dawn, u skont il-prinċipji ġenerali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mmirati biex jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annimali, għandha titwettaq evalwazzjoni tar-riskju mill-istituzzjoni xjentifika xierqa, bħall-AESI, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini jew mill-Kumitat Xjentifiku dwar il-Prodotti tal-Konsumatur, skont it-tip ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li għalihom tkun se ssir l-evalwazzjoni tar-riskji. Madankollu, għandu jkun ċar li ladarba jitħalltu prodotti sekondarji tal-annimali ta’ kategoriji differenti, it-taħlita għandha tiġi mmaniġġata skont l-istandards stipulati għall-proporzjon tat-taħlita li tappartjeni għall-kategorija tal-ogħla riskju.

(31)

Minħabba r-riskju għoli għas-saħħa pubblika, il-prodotti sekondarji tal-annimali li joħolqu riskju ta’ enċefalopatija sponġiformi trażmissibbli (TSE) ma għandux, b’mod partikolari, jintuża għall-għalf. Din ir-restrizzjoni għandha tapplika wkoll għal annimali selvaġġi li permezz tagħhom tista’ tittieħed marda trażmissibbli. Ir-restrizzjoni fuq it-tagħlif ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li joħloq riskju ta’ TSE għandha tkun mingħajr ħsara għar-regoli dwar l-għalf stipulati fir-Regolament (KE) Nru 999/2001.

(32)

Il-prodotti sekondarji tal-annimali minn annimali użati għal esperimenti kif definit fid-Direttiva 86/609/KEE għandhom ikunu esklużi wkoll mill-użu fl-għalf, minħabba r-riskji potenziali li jirriżultaw minn dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali. Minkejja dan, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali minn annimali li jkunu ntużaw għal esperimenti biex jiġu ttestjati addittivi tal-għalf ġodda, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (11).

(33)

L-użu ta’ ċerti sustanzi u prodotti huwa illegali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 tas-26 ta’ Ġunju 1990 li jistabbilixxi proċedura Komunitarja għall-iffissar ta’ limiti massimi ta’ residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji f’ikel li ġej mill-annimali (12) u d-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE tad-29 ta’ April 1996 li tikkonċerna l-projbizzjoni tal-użu fl-istockfarming ta’ ċerti sustanzi li jkollhom azzjoni ormonali jew tirostatika u ta’ beta-agonists (13). Barra minn hekk, id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar il-miżuri għall-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi u residwi tagħhom f’annimali ħajjin u fil-prodotti tagħhom (14) tistabbilixxi regoli ulterjuri dwar il-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi u residwi tagħhom f’annimali ħajjin u fil-prodotti tal-annimali. Id-Direttiva 96/23/KE tistabbilixxi wkoll regoli li japplikaw fejn tkun ġiet stabbilita l-preżenza ta’ residwi ta’ sustanzi jew kontaminanti awtorizzati li jaqbżu ċerti livelli permessi. Biex tkun żgurata l-koerenza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-prodotti li ġejjin mill-annimali li fihom ġew osservati sustanzi mhux permessi mir-Regolament (KEE) Nru 2377/90 u mid-Direttivi 96/22/KE u 96/23/KE għandhom jiġu klassifikati bħala materjal tal-Kategorija 1 jew Kategorija 2, kif xieraq, fid-dawl tar-riskju li joħolqu għall-katina tal-ikel u l-għalf.

(34)

Id-demel u l-kontenut tas-sistema diġestiva ma għandhomx ikollhom bżonn jintremew, sakemm it-trattament korrett jiżgura li l-mard ma jitteħidx waqt li jiġu applikati fuq l-art. Il-prodotti sekondarji tal-annimali minn annimali li jmutu fir-razzett u annimali maqtula biex jinqered il-mard ma għandhomx jintużaw fil-katina tal-għalf. Ir-restrizzjoni għandha tapplika wkoll għal prodotti sekondarji tal-annimali li huma permessi fil-Komunità, meta ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni Komunitarja waqt l-ispezzjoni fuq il-fruntiera tal-Komunità, u għal prodotti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti applikabbli matul il-kontrolli mwettqa fil-Komunità. In-nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 dwar l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (15) u mar-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf (16) m’għandux jirriżulta fl-esklużjoni mill-katina tal-għalf ta’ prodotti ppreżentati għal ispezzjoni fil-fruntiera.

(35)

Mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, il-klassifikazzjoni awtomatika ta’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali bħala materjal tal-Kategorija 2 tillimita serjament l-użi possibbli tagħhom, mingħajr ma tkun neċessarjament proporzjonata mar-riskji involuti. Għaldaqstant dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jiġu kklassifikati mill-ġdid bħala materjal tal-Kategorija 3 biex ikunu jistgħu jintużaw għal ċerti għanijiet ta’ għalf. Għal xi prodotti sekondarji tal-annimali oħrajn li mhumiex imniżżla taħt waħda mit-tliet kategoriji, il-kategorizzazzjoni awtomatika bħala materjal tal-Kategorija 2 għandha tinżamm għal raġunijiet prekawzjonali, b’mod partikolari biex tiġi msaħħa l-esklużjoni ġenerali ta’ materjal bħal dan mill-katina tal-għalf għal annimali mrobbija fl-irziezet, għajr għal annimali bil-pil.

(36)

Leġiżlazzjoni oħra li daħlet fis-seħħ wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji u r-rekwiżiti ġenerali tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sikurezza fl-ikel (17), jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel (18), ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 u r-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi rekwiżiti għall-iġjene tal-għalf (19), u li għalihom ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 huwa komplementari, tistabbilixxi li l-obbligu primarju ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, immirata biex tħares is-saħħa pubblika u tal-annimali, huwa tal-operaturi tan-negozji alimentari u tal-għalf. B’konformità ma’ din il-leġiżlazzjoni, l-operaturi li jwettqu attivitajiet skont dan ir-Regolament għandhom ikunu wkoll prinċipalment responsabbli li jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament. Dak l-obbligu għandu jiġi ċċarat u speċifikat aktar fir-rigward tal-mezzi li permezz tagħhom tiġi żgurata t-traċċabbiltà, bħalma huma l-ġbir u l-indirizzar separati ta’ prodotti sekondarji tal-annimali. Is-sistemi stabbiliti li jiżguraw it-traċċabbiltà għal prodotti li jiċċirkolaw eskolussivament fil-livell nazzjonali għandhom ikomplu joperaw, jekk jipprovdu tagħrif ekwivalenti. Għandu jsir kull sforz għall-promozzjoni tal-użu ta’ dokumentazzjoni elettronika jew ta’ meżżi ta’ dokumentazzjoni oħrajn li ma jinvolvux reġistrazzjoni fuq karta, sakemm dawn ikunu jiżguraw traċċabbiltà sħiħa.

(37)

Tinħtieġ sistema ta’ kontrolli interni biex tiżgura li fi ħdan stabbiliment jew impjant, ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jiġu ssodisfati. Matul il-kontrolli uffiċjali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu r-rendiment tal-kontrolli interni. F’ċerti stabbilimenti jew impjanti, il-kontrolli interni għandhom isiru permezz ta’ sistema bbażata fuq il-prinċipji ta’ analiżi tar-riskji u ta’ punti kritiċi ta’ kontroll (HACCP). Il-prinċipji tal-HACCP għandhom ikunu bbażati fuq l-esperjenza bl-implimentazzjoni tagħhom skont il-liġi Komunitarja dwar l-iġjene tal-ikel u tal-għalf. F’dan ir-rigward, il-gwidi nazzjonali għal prattika tajba jistgħu jservu bħala għodda utli biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni prattika tal-prinċipji tal-HACCP, u ta’ aspetti oħrajn ta’ dan ir-Regolament.

(38)

Il-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jintużaw biss jekk ir-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali jiġu mminimizzati fil-kors tal-ipproċessar tagħhom u tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati mmanifatturati fuq il-bażi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali. Jekk din l-għażla ma tkunx disponibbli, il-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jintremew taħt kondizzjonijiet sikuri. L-għażliet disponibbli għall-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategoriji differenti għandhom jiġu ċċarati b’koerenza ma’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra. B’mod ġenerali, l-għażliet għall-kategorija ta’ riskju ogħla għandhom ikunu disponibbli wkoll għall-kategoriji ta’ riskju iktar baxx, sakemm ma jkunux japplikaw konsiderazzjoni speċjali minħabba r-riskju marbut ma’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali.

(39)

Ir-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għandu jsir skont il-leġiżlazzjoni ambjentali rigward rimi fir-radam (landfilling) u inċinerazzjoni tal-iskart. Biex tiġi żgurata l-konsistenza, l-inċinerazzjoni għandha ssir skont id-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2000 dwar l-inċinerazzjoni tal-iskart (20). Il-ko-inċinerazzjoni tal-iskart – jew bħala operazzjoni ta’ rkupru jew ta’ rimi – hija suġġetta għal kondizzjonijiet simili fejn għandhom x’jaqsmu l-approvazzjoni u t-tħaddim għall-inċinerazzjoni tal-iskart, b’mod partikolari fir-rigward tal-valuri ta’ limitu għall-emissjonijiet tal-arja, id-drenaġġ u r-residwi, il-kontroll u l-monitoraġġ kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ kejl. Għaldaqstant, il-ko-inċinerazzjoni diretta, mingħajr ipproċessar minn qabel, tat-tliet kategoriji kollha ta’ materjali għandha tkun permessa. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għall-approvazzjoni ta’ impjanti ta’ inċenerazzjoni b’kapaċità baxxa u għolja.

(40)

L-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati bħala karburant fil-proċess ta’ kombustjoni għandu jiġi awtorizzat u m’għandux ikun meqjus bħala operazzjoni ta’ rimi tal-iskart. Madankollu, dan l-użu għandu jsir taħt kondizzjonijiet li jiżguraw il-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annimali, kif ukoll l-istandards ambjentali xierqa.

(41)

Ir-Regolament għandu jipprovdi għall-possibbiltà li jkunu stabbiliti parametri għal metodi ta’ pproċessar rigward il-ħin, it-temperatura u l-pressjoni għal prodotti sekondarji tal-annimali, b’mod partikolari għall-metodi li bħalissa qed jissejħu metodi 2 sa 7 skont ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

(42)

Il-qxur minn frott tal-baħar li minnu tneħħew it-tessuti rotob jew il-laħam, għandu jiġi eskluż mill-ambitu tar-Regolament. Minħabba d-diversi forom ta’ prattika fil-Komunità rigward it-tneħħija ta’ dawn it-tessuti rotob jew il-laħam mill-qxur, għandu jkun possibbli li jintuża qxur li minnu ma tneħħewx kompletament it-tessuti rotob jew il-laħam, sakemm dan l-użu ma jwassalx għal riskju li jinħoloq għas-saħħa pubblika u tal-annimali. Gwidi nazzjonali għal prattika tajba jistgħu jgħinu fit-tixrid tal-għarfien rigward il-kondizzjonijiet xierqa għall-użu ta’ dawn il-prodotti.

(43)

Fid-dawl tar-riskju limitat għas-saħħa pubblika u tal-annimali li jinħoloq minn dawn il-prodotti, l-awtorità kompetenti għandha tkun kapaċi tawtorizza l-preparazzjoni u l-applikazzjoni fuq l-art ta’ preparati bijodinamiċi, fuq il-bażi ta’ materjali tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3, kif imsemmi fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi (21).

(44)

It-teknoloġiji ġodda li qed jiġu żviluppati joffru metodi vantaġġużi biex tiġi ġġenerata l-enerġija fuq il-bażi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew biex jiġi pprovdut ir-rimi sikur ta’ prodotti bħal dawn. Ir-rimi sikur jista’ jseħħ permezz ta’ kombinazzjoni ta’ metodi għaż-żamma sikura ta’ prodotti sekondarji tal-annimali fuq il-post b’metodi ta’ rimi stabbiliti, u b’kombinazzjoni ta’ parametri ta’ pproċessar awtorizzati bi standards ġodda li jkollhom evalwazzjoni pożittiva. Biex jitqies il-progress relatat fix-xjenza u t-teknoloġija, teknoloġiji bħal dawn għandhom jiġu awtorizzati bħala metodi alternattivi għar-rimi jew l-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali fil-Komunità kollha. Jekk jiġi żviluppat proċess teknoloġiku minn individwu, l-applikazzjoni kkontrollata mill-awtorità kompetenti għandha tiġi eżaminata mill-AESI qabel ma tingħata din l-awtorizzazzjoni, biex jiġi żgurat it-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-potenzjal ta’ tnaqqis tar-riskju tal-proċess u biex jiġi żgurat li jinżammu d-drittijiet tal-individwi, fosthom il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummarċjali. Sabiex jiġi pprovdut parir lill-applikanti, għandu jiġi adottat format standard għall-applikazzjoni. Peress li dan id-dokument għandu biss skop indikattiv, għandu jiġi adottat permezz tal-proċedura konsultattiva f’kollaborazzjoni mal-AESI.

(45)

Huwa xieraq li jiġu ċċarati r-rekwiżiti applikabbli għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati maħsuba għal għanijiet ta’ għalf u ta’ fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija, biex jiġi żgurat il-ħarsien tal-katina tal-ikel u l-għalf. Il-materjal tal-Kategorija 3 biss għandu jintuża għal għanijiet ta’ għalf għall-annimali mrobbija fl-irziezet għajr l-annimali bil-pil. Il-fertilizzanti prodotti fuq il-bażi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jistgħu jaffettwaw is-sikurezza tal-katina tal-ikel u l-għalf. Meta jiġu mmanifatturati minn ikel ta’ laħam u għadam derivat minn materjal tal-Kategorija 2 jew minn proteini tal-annimali pproċessati, għandu jiġi miżjud komponent bħal sustanza inorganika jew mhux diġeribbli biex jiġi evitat l-użu dirett tagħhom għal għanijiet ta’ għalf. Dan it-taħlit m’għadux ikun meħtieġ jekk il-kompożizzjoni jew l-imballaġġ tal-prodotti, b’mod partikolari tal-prodotti ddestinati għall-użu mill-konsumatur finali, jimpedixxu l-użu ħażin tal-prodott għal finijiet ta’ tagħlif. Fid-determinazzjoni tal-komponenti, għandhom jitqiesu ċ-ċirkostanzi differenti rigward il-klima u l-ħamrija u l-objettiv għall-użu ta’ fertilizzanti partikolari.

(46)

Ir-Regolament (KE) Nru 1523/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni lejn, jew l-esportazzjoni mill-Komunità ta’ pil tal-qtates u tal-klieb u ta’ prodotti li fihom pil bħal dan (22) jistabbilixxi projbizzjoni ġenerali fuq it-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ pil tal-qtates u tal-klieb u prodotti li fihom pil bħal dan. Madankollu, din il-projbizzjoni ma għandhiex taffettwa l-obbligu skont dan ir-Regolament għar-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali minn qtates u klieb, inkluż il-pil.

(47)

Il-promozzjoni tax-xjenza u r-riċerka u ta’ attivitajiet artistiċi jeħtieġu l-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati tal-kategoriji kollha, xi kultant fi kwantitajiet inferjuri għall-iskala tal-iskambji kummerċjali. Biex jiġu ffaċilitati l-importazzjoni u l-użu ta’ dawn il-prodotti sekondarji tal-annimali jew il-prodotti derivati, l-awtorità kompetenti għandu jkollha l-possibbiltà li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal dawn l-operazzjonijiet każ b’każ. Għandhom jiġu stipulati kondizzjonijiet armonizzati fejn tkun meħtieġa azzjoni fil-livell Komunitarju.

(48)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 fih dispożizzjonijiet dettaljati li jippermettu, permezz ta’ deroga, li materjali tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3 jintużaw bħala għalf għal annimali żooloġiċi. F’dan ir-Regolament għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet simili u t-tagħlif ta’ ċertu materjal tal-Kategorija 1 għandu jkun permess u kkomplementati bil-possibbiltà li jiġu stabbiliti regoli dettaljati biex jikkontrollaw kull riskju possibbli li jinħoloq għas-saħħa pubblika u tal-annimali.

(49)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jippermetti li materjal tal-Kategorija 1 jintuża bħala għalf għal speċijiet fil-periklu jew protetti ta’ għasafar nekrofaġi u speċijiet oħrajn li jgħixu fl-ambjent naturali tagħhom, għall-promozzjoni tal-bijodiversità. Biex tiġi pprovduta għodda xierqa għall-preservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, din il-prassi ta’ għalf għandha tibqa’ permessa skont dan ir-Regolament, b’konformità mal-kondizzjonijiet stipulati biex jipprevjenu t-tixrid tal-mard. Fl-istess ħin għandhom jiġu stipulati kondizzjonijiet tas-saħħa fl-implimentazzjoni ta’ miżuri li jippermettu l-użu ta’ dan il-materjal tal-Kategorija 1 għal finijiet ta’ tagħlif f’sistemi ta’ mergħat estensivi u bħala tagħlif għal speċijiet karnivori oħrajn, bħall-orsijiet u l-ilpup. Huwa importanti li dawn il-kondizzjoniet tas-saħħa jqisu x-xejriet tal-konsum naturali tal-ispeċijiet ikkonċernati kif ukoll l-objettivi tal-Komunità għall-promozzjoni tal-bijodiversità kif imsemmi fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2006 intitolata “It-Twaqqif tat-Telf tal-Bijodiversità sal-2010 – u lil hinn”.

(50)

Id-dfin u l-ħruq ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, b’mod partikolari ta’ annimali mejtin jistgħu jiġu ġġustifikati f’sitwazzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari f’żoni remoti, jew f’sitwazzjonijiet ta’ kontroll ta’ mard li jeħtieġu r-rimi immedjat tal-annimali maqtula bħala miżura biex tkun ikkontrollata t-tifqigħa ta’ mard serju li jittieħed. B’mod partikolari, ir-rimi fuq il-post għandu jkun permess taħt ċirkostanzi speċjali, minħabba li l-kapaċità disponibbli ta’ pproċessar jew inċinerazzjoni f’reġjun jew fi Stat Membru tista’ tkun fattur li jillimita l-kontroll ta’ marda.

(51)

Id-deroga attwali dwar id-dfin u l-ħruq ta’ prodotti sekondarji tal-annimali għandha tiġi estiża għal oqsma fejn l-aċċess mhuwiex prattikament possibbli jew jippreżenta riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-persunal responsabbli għall-ġbir. L-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 u bid-diżstri naturali bħan-nirien tal-foresti u l-għargħar f’ċerti Stati Membri wriet li taħt ċirkustanzi eċċezzjonali bħal dawn, ir-rimi permezz ta’ dfin jew ħruq fuq il-post jista’ jkun iġġustifikat biex jiġi żgurat ir-rimi fil-pront tal-annimali u tiġi evitata l-propagazzjoni ta’ riskji ta’ mard. Id-daqs globali ta’ żoni remoti fi Stat Membru għandu jkun limitat, fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 biex jiġi żgurat li l-obbligu ġenerali li jkun hemm fis-seħħ sistema ta’ rimi xierqa li tikkonforma mar-regoli stipulati f’dan ir-Regolament huwa ssodisfat.

(52)

Ċerti stabbilimenti jew impjanti li jimmaniġġaw biss kwantitajiet żgħar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li ma joħolqux riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali għandhom jitħallew jarmu dawn il-prodotti sekondarji b’mezzi oħra għajr ir-rimi skont dan ir-Regolament, taħt superviżjoni uffiċjali. Madankollu, il-kriterji għal tali ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom jiġu stipulati fil-livell Komunitarju, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom, fuq il-bażi tas-sitwazzjoni reali ta’ ċerti setturi u d-disponibbiltà ta’ sistemi ta’ rimi oħrajn f’ċerti Stati Membri.

(53)

L-istrateġiji possibbli ta’ azzjoni li jistgħu jiġu adottati mill-awtorità kompetenti waqt li twettaq il-kontrolli uffiċjali għandhom jiġu speċifikati biex tkun żgurata ċ-ċertezza legali, b’mod partikolari rigward is-sospensjoni jew il-projbizzjoni permanenti tal-operazzjonijiet jew l-impożizzjoni ta’ kondizzjonijiet biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament. Il-kontrolli uffiċjali għandhom jitwettqu fil-qafas tal-pjanijiet ta’ kontroll multiannwali skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-benessri tal-annimali (23).

(54)

Biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jistgħu jikkontrollaw il-kwantità ta’ materjal li jiġi introdott għar-rimi fit-territorju tagħhom, l-awtorità kompetenti għandha tawtorizza r-riċezzjoni ta’ tali materjal fit-territorju tagħha.

(55)

Jistgħu jiġu imposti sterlizzazzjoni bi pressjoni u kondizzjonijiet awżiljarji ta’ trasport biex jiġi żgurat il-kontroll ta’ riskji possibbli. Biex jiġu żgurati t-traċċabbiltà u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jikkontrollaw id-dispaċċ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati, is-sistema Traces introdotta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE (24) għandha tintuża biex tipprovdi tagħrif dwar id-dispaċċ tal-materjali tal-Kategorija 1 u tal-Kategorija 2 u ikel ta’ laħam u għadam u xaħam tal-annimali derivati minn materjali tal-Kategorija 1 u tal-Kategorija 2, kif ukoll il-proteini tal-annimali pproċessati miksuba minn materjal tal-Kategorija 3. Fir-rigward ta’ materjali li normalment jintbagħtu fi kwantitajiet żgħar għal użu ta’ riċerka, edukazzjoni, arti jew dijanjożi għandhom jiġu stipulati kondizzjonijiet speċjali biex jiġi ffaċilitat il-moviment ta’ dan il-materjali fil-Komunità. F’ċirkostanzi speċjali, għandhom jiġu permessi arranġamenti bilaterali li jiffaċilitaw il-kontroll ta’ materjal li jiċċaqlaq bejn l-Istati Membri bi fruntiera komuni.

(56)

Biex jiġi ffaċilitat it-trasport ta’ kunsinni li jgħaddi minn pajjiżi terzi li jkunu ġirien ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, għandha tiġi introdotta sistema speċjali għad-dispaċċ ta’ kunsinni mit-territorju ta’ Stat Membru wieħed għal ieħor li jgħaddu mit-territorju ta’ pajjiż terz biex ikun żgurat, b’mod partikolari, li kunsinni li jerġgħu jidħlu fit-territorju tal-Komunità jkunu suġġetti għal kontrolli veterinarji skont id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontrolli veterinarji fil-kummerċ intrakomunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (25).

(57)

Għal raġunijiet ta’ koerenza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, hemm bżonn li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn ir-regoli stipulati f’dan ir-Regolament u l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-iskart. B’mod partikolari, il-konsistenza għandha tiġi żgurata permezz ta’ projbizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet tal-iskart stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (26). Biex jiġu evitati l-effetti li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, għandha tiġi pprojbita l-esportazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati ddestinati għar-rimi permezz ta’ inċinerazzjoni u landfill. L-esportazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għandha tiġi evitata wkoll meta l-objettiv ikun li jintużaw f’impjant tal-bijogass jew tal-kompost f’pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomiku u l-Iżvilupp (OECD), biex jiġu evitati l-impatti ambjentali potenzjalment negattivi u r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali. Meta tapplika d-dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-projbizzjoni tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni hi obbligata tirrispetta bis-sħiħ fid-deċiżjonijiet tagħha l-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-kontroll ta’ movimenti transkonfinali ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu, kif konkluż f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE (27), u l-emenda għal din il-Konvenzjoni stipulata fid-Deċiżjoni III/1 tal-Konferenza tal-Partijiet, kif approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjonij tal-Kunsill 97/640/KE (28), u implimentati bir-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

(58)

Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li prodotti sekondarji tal-annimali mħallta jew ikkontaminati bi skart perikoluż, kif elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar l-iskart perikoluż (29) jiġu importati, esportati jew mibgħuta biss bejn l-Istati Membri skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006. Jeħtieġ ukoll li jiġu stipulati regoli dwar id-dispaċċ ta’ materjal bħal dan fi Stat Membru.

(59)

Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ twettaq kontrolli fl-Istati Membri. Il-kontrolli tal-Komunità f’pajjiżi terzi għandhom jitwettqu skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004.

(60)

L-importazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati fil-Komunità u t-transitu ta’ materjal bħal dan għandhom isiru skont ir-regoli li huma stretti għall-inqas daqs dawk applikabbli fil-Komunità. Alternattivament, ir-regoli applikabbli għal prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati f’pajjiżi terzi jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għar-regoli stipulati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Minħabba r-riskju potenzjali marbut magħhom, għandu jkun applikabbli sett simplifikat ta’ regoli dwar l-importazzjoni għal prodotti li huma maħsuba għal użu barra mill-katina tal-għalf.

(61)

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-manifattura ta’ prodotti derivati maħsuba għal użu bħala prodotti kożmetiċi, prodotti mediċinali jew tagħmir mediku tinkludi qafas komprensiv għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bħal dawn: Id-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati ma’ prodotti kożmetiċi (30), id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi Komunitarju relatat ma’ prodotti mediċinali għal użu mill-bniedem (31), id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi Komunitarju relatat ma’ prodotti mediċinali veterinarji (32), id-Direttiva tal-Kunsill 90/385/KEE tal-20 ta’ Ġunju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati ma’ tagħmir mediku attiv li jiddaħħal f’xi parti tal-ġisem (33), id-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1993 dwar it-tagħmir mediku (34) u d-Direttiva 98/79/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 1998 dwar tagħmir mediku dijanjostiku in vitro (35) (“id-Direttivi speċifiċi”). Madankollu, id-Direttivi speċifiċi dwar il-prodotti kożmetiċi u t-tagħmir mediku ma jipprovdux għall-ħarsien kontra r-riskji għas-saħħa tal-annimali. F’każijiet bħal dawn, dan ir-Regolament għandu japplika għal dawn ir-riskji u għandu jkun possibbli l-użu ta’ miżuri ta’ salvagwardja skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002.

(62)

Il-prodotti sekondarji tal-annimali jew il-prodotti derivati li huma fornuti bħala materjal jew ingredjenti għall-manifattura ta’ dawn il-prodotti derivati għandhom ikunu suġġetti wkoll għar-rekwiżiti tad-Direttivi speċifiċi, safejn dawn jistabbilixxu regoli għall-kontroll tar-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali. Dawn id-Direttivi speċifiċi diġà jirregolaw il-materjal tal-bidu li ġej mill-annimali u li jista’ jintuża għall-manifattura ta’ prodotti derivati msemmija u jimponu ċerti kondizzjonijiet biex jiżguraw il-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annimali. B’mod partikolari, id-Direttiva 76/768/KEE teskludi l-materjali tal-Kategorija 1 u tal-Kategorija 2 bħala parti mill-kompożizzjoni ta’ prodott kożmetiku u tobbliga lill-manifatturi biex japplikaw prassi tajba ta’ manifattura. Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/32/KE (36) tintroduċi speċifikazzjonijiet dettaljati fir-rigward ta’ tagħmir mediku mmanifatturat bl-użu ta’ tessuti li ġejjin mill-annimali.

(63)

Madankollu, fejn dawn il-kondizzjonijiet ma jkunux għadhom ġew stipulati fid-Direttivi speċifiċi jew fejn ma jkoprux ċerti riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali, għandu japplika dan ir-Regolament u għandu jkun possibbli li jittieħdu miżuri ta’ salvagwardja f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

(64)

Ċerti prodotti derivati ma jidħlux fil-katina tal-għalf jew mhumiex applikati fuq raba’ fejn jirgħu l-annimali mrobbija fl-irziezet jew li minnu jinqatgħu ħxejjex erbaċej għall-għalf. Dawn il-prodotti derivati jinkludu prodotti għal użi tekniċi, bħal ġlud ittrattati għall-produzzjoni tal-ġilda, suf ipproċessat għall-industrija tat-tessuti, prodotti tal-għadam għall-kolla u materjal ipproċessat maħsub għall-ikel tal-annimali domestiċi. L-operaturi għandhom jitħallew iqiegħdu dawn il-prodotti fis-suq sakemm dawn ikunu jew derivati minn materja prima li ma teħtieġ l-ebda trattament jew it-trattament jew l-użu aħħari tal-materjal trattat ikun jiżgura kontroll xieraq tar-riskji.

(65)

Ċerti nuqqasijiet fil-konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 dehru f’għadd ta’ Stati Membri. Għal din ir-raġuni, barra mill-infurzar strett ta’ dawn ir-regoli, jinħtieġu sanzjonijiet kriminali u oħrajn ta’ tip ieħor kontra operaturi li ma jikkonformawx ma’ dawn ir-regoli. Għalhekk jeħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar penalitajiet applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament.

(66)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stipulati regoli dwar is-saħħa pubblika u dik tal-annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom sabiex jiġu evitati u mminimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġejjin minn dawn il-prodotti, u b’mod partikolari, biex titħares is-sikurezza tal-katina tal-ikel u tal-għalf, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(67)

Biex ikun hemm aktar ċertezza legali u fid-dawl tal-għan ġenerali tal-Kummissjoni li tissemplifika l-leġiżlazzjoni Komunitarja, għandu jiġi stabbilit qafas koerenti ta’ regoli f’dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu r-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1774/2002, kif ukoll l-esperjenza miksuba u l-progress magħmul mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 għandu jiġi revokat u sostitwit minn dan ir-Regolament.

(68)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (37).

(69)

Biex ikun hemm aktar koerenza u ċarezza fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, ir-regoli tekniċi dwar operazzjonijiet speċifiċi li jinvolvu prodotti sekondarji tal-annimali, li attwalment huma stabbiliti fl-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, kif ukoll fil-miżuri ta’ implimentazzjoni adotatti mill-Kummissjoni abbażi ta’ dak ir-Regolament (38), għandhom jiġu stabbiliti f’atti separati ta’ implimentazzjoni. Konsultazzjonijiet u tagħrif ta’ konsumaturi u ambjenti soċjo-professjonali li għandhom interess fi kwistjonijiet marbuta ma’ dan ir-Regolament għandhom isiru skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/613/KE tas-6 ta’ Awwissu 2004 dwar il-ħolqien ta’ grupp ta’ konsultazzjoni dwar il-katina tal-ikel u s-saħħa tal-annimali u l-pjanti (39).

(70)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta regoli għall-modifika tal-punt aħħari fil-katina tal-manifattura ta’ ċerti prodotti derivati u biex jiġi stabbilit dan il-punt aħħari għal ċerti prodotti derivati oħrajn fir-rigward ta’ mard serju li jittieħed u li fil-preżenza tiegħu d-dispaċċ tal-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati m’għandux ikun permess u/jew fir-rigward tal-kondizzjonijiet li jippermettu dan id-dispaċċ; miżuri li jbiddlu l-kategorizzazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati minnhom, miżuri fir-rigward ta’ restrizzjonijiet tal-użu u r-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, miżuri li jistipulaw kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ ċerti derogi dwar l-użu, il-ġbir u r-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati minnhom, kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati minnhom u miżuri għall-awtorizzazzjoni jew ir-rifjut ta’ metodu alternattiv partikolari għall-użu u r-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati minnhom.

(71)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta regoli iktar speċifiċi fir-rigward tal-ġbir u t-trasport tal-prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati minnhom, l-infrastruttura, it-tagħmir u r-rekwiżiti tal-iġjene għall-istabbilimenti u impjanti u l-istabbilimenti li jimmaniġġaw il-prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati minnhom, il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti tekniċi għall-immaniġġar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati minnhom, inkluża l-evidenza li għandha tiġi ppreżentata bl-iskop li jiġi vvalidat dan it-trattament, kondizzjonijiet għall-importazzjoni, it-transitu u l-esportazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati minnhom, arranġamenti dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali, inklużi regoli dwar il-metodi ta’ referenza għal analiżijiet mikrobijoloġiċi kif ukoll kondizzjonijiet għall-kontroll tad-dispaċċ ta’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati bejn l-Istati Membri. Billi dawn il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh b’elementi mhux essenzjali ġodda, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(72)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, il-limiti normali ta’ żmien għall-proċedura regolamentari bi skrutinju għandhom jitqassru għall-adozzjoni ta’ miżuri li jispeċifikaw il-kondizzjonijiet għad-dispaċċ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali minn azjendi, impjanti jew żoni ristretti. Minħabba raġunijiet ta’ urġenza, huwa neċessarju li tiġi applikata l-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artikolu 5(a) (6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri li jimmodifikaw il-punt aħħari fil-katina tal-manifattura ta’ ċerti prodotti,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet komuni

Taqsima 1

Suġġett, ambitu u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar is-saħħa pubblika u dik tal-annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom, biex jiġu milqugħa minn qabel u minimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġejjin minn dawn il-prodotti, u b’mod partikolari biex titħares is-sikurezza tal-katina tal-ikel u tal-għalf.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a)

prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom li huma esklużi mill-konsum mill-bniedem taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja; u

(b)

il-prodotti segwenti li skont deċiżjoni minn operatur, li għandha tkun irriversibbli, ikunu destinati għal għanijiet oħra għajr għall-konsum mill-bniedem:

(i)

prodotti li ġejjin mill-annimali li jistgħu jkunu destinati għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja;

(ii)

materja prima għall-produzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali.

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika sekondarji li ġejjin mill-annimali:

(a)

ġisem sħiħ jew partijiet ta’ annimali salvaġġi, għajr annimali tal-kaċċa selvaġġi, li ma hemmx suspett li jkunu infettati jew affettwati b’mard li jittieħed mill-bnedmin jew l-annimali, għajr għal annimali tal-ilma mistada għal għanijiet kummerċjali;

(b)

iġsma sħaħ jew partijiet ta’ annimali tal-kaċċa selvaġġi li ma jinġabrux wara li jinqatlu, skont prattika ta’ kaċċa tajba, bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(c)

prodotti sekondarji li ġejjin mill-kaċċa salvaġġa u mil-laħam tal-kaċċa salvaġġa msemmija fl-Artikolu 1(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(d)

ooċiti, embrijuni u semen maħsuba għall-għanijiet ta’ tgħammir;

(e)

ħalib mhux ipproċessat, kolostru u prodotti li ġejjin minnhom li jinkisbu, jinżammu, jintremew jew jintużaw fir-razzett ta’ oriġini;

(f)

qxur mill-frott tal-baħar bit-tessut artab tiegħu u laħmu mneħħi;

(g)

skart mill-catering, għajr jekk:

(i)

joriġina minn mezzi ta’ trasport li joperaw internazzjonalment;

(ii)

ikun maħsub għal għanijiet ta’ għalf;

(iii)

ikun maħsub għal proċessar permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressa jew għal proċessar permezz tal-metodi msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) jew għal trasformazzjoni f’bijogass jew f’kompost;

(h)

mingħajr ħsara għal-leġiżlazzjoni dwar l-ambjent tal-Komunità, materjal minn vapuri b’konformità mar-Regolamenti (KE) Nru 852/2004 u (KE) Nru 853/2004, li jkun irriżulta matul l-operazzjonijiet ta’ sajd tagħhom u li jintrema fil-baħar, għajr materjal li jkun ġej mit-tneħħija tal-imsaren tal-ħut abbord li juri sinjali ta’ mard li jittieħed mill-bnedmin, inklużi l-parassiti;

(i)

ikel mhux ipproċessat għall-annimali domestiċi minn ħwienet li jbiegħu bl-imnut, fejn jitqatta’ u jinħażen biss biex jiġi pprovdut direttament lill-konsumatur fuq il-post;

(j)

ikel mhux ipproċessat għall-annimali domestiċi minn annimali li jinqatlu fir-razzett ta’ oriġini għal konsum domestiku privat; u

(k)

ħmieġ korporali u awrina għajr id-demel u l-gwanu mhux mineralizzat.

3.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr ħsara għal-leġislazzjoni veterinarja tal-Komunità li għandha bħala l-għan tagħha l-kontroll u l-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“prodotti sekondarji mill-annimali” tfisser iġsma jew partijiet ta’ annimali, jew prodotti li ġejjin mill-annimali, li mhumiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem, inklużi ooċiti, embrijuni u semen;

(2)

“prodotti derivati” tfisser prodotti miksuba minn trattament, trasformazzjoni jew grad ta’ ipproċessar wieħed jew aktar ta’ prodotti sekondarji mill-annimali;

(3)

“prodotti li oriġinaw mill-annimali” tfisser prodotti li joriġinaw mill-annimali kif definit fil-punt 8.1. tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(4)

“karkassa” tfisser karkassa kif definita fil-punt 1(9) tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004;

(5)

“annimal” tfisser kull annimal invertebru jew vertebru;

(6)

“annimali tat-trobbija” tfisser:

(a)

kull annimal li huwa miżmum, imsemmen jew mgħammar mill-bnedmin u użat għall-produzzjoni ta’ ikel, suf, pil, rix, ġlud jew xi prodott ieħor miksub mill-annimali jew għal għanijiet ta’ trobbija oħrajn;

(b)

equidae;

(7)

“annimal salvaġġ” tfisser kull annimal mhux miżmum mill-bnedmin;

(8)

“annimal domestiku” tfisser kull annimal li jaqa’ taħt speċi li tiġi normalment mitmugħa u miżmuma imma mhux ikkunsmata, mill-bnedmin għal għanijiet li mhumiex dawk ta’ trobbija f’razzett;

(9)

“annimali akkwatiċi” tfisser annimali akkwatiċi kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2006/88/KE;

(10)

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru kompetenti fl-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jew kull awtorità li lilha tkun ġiet iddelegata din il-kompetenza; tinkludi wkoll, fejn xieraq, l-awtorità korrispondenti ta’ pajjiż terz;

(11)

“operatur” tfisser il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom taħt il-kontroll attwali tagħhom prodott sekondarju li ġej mill-annimali jew prodott derivat, inklużi t-trasportaturi, l-kummerċjanti u l-utenti;

(12)

“utent” tfisser il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jużaw il-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għal skopijiet ta’ tagħlif speċjali, għar-riċerka jew għal skopijiet speċifiċi oħrajn;

(13)

“stabbiliment” jew “impjant” tfisser kwalunkwe post fejn titwettaq operazzjoni li tinvolvi l-immaniġġar tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati għajr il-bastimenti tas-sajd;

(14)

“tqegħid fis-suq” tfisser kull operazzjoni li l-għan tagħha huwa li jinbiegħu prodotti mill-annimali jew prodotti derivati lil parti terza fil-Komunità jew kull forma oħra ta’ forniment bi ħlas jew mingħajru lil tali parti terza jew ħażna bil-ħsieb li tiġi fornuta din il-parti terza;

(15)

“transitu” tfisser moviment minn ġewwa l-Komunità mit-territorju ta’ pajjiż terz lejn it-territorju ta’ pajjiż terz ieħor, għajr bil-baħar jew bl-ajru;

(16)

“esportazzjoni” tfisser moviment mill-Komunità lejn pajjiż terz;

(17)

“enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (TSEs)” tfisser l-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli kollha kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001;

(18)

“materjal speċifiku ta’ riskju” tfisser materjal speċifiku ta’ riskju kif iddefinit fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001;

(19)

“sterilizzazzjoni bil-pressjoni” tfisser l-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji mill-annimali, wara tnaqqis fid-daqs tal-partiċella għal mhux iktar minn 50 mm, għal temperatura fil-qalba ta’ aktar minn 133 °C għal mhux inqas minn 20 minuta mingħajr waqfien bi pressjoni assoluta ta’ mhux inqas minn 3 bar;

(20)

“demel” tfisser kull ħmieġ u/jew urina ta’ annimali tat-trobbija, barra l-ħut tat-trobbija, flimkien mal-materjal li jintuża għall-mifrex jew mingħajru

(21)

“radam awtorizzat” tfisser radam li għalih nħareġ permess skont id-Direttiva 1999/31/KE;

(22)

“fertilizzant organiku” u “prodott li jtejjeb il-ħamrija” jfissru materjali li joriġinaw mill-annimali użati biex iżommu jew itejbu n-nutriment tal-pjanti u l-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi u l-attivitajiet bijoloġiċi tal-ħamrija, jew separatament jew flimkien; jistgħu jinkludu demel, gwanu mhux mineralizzat, kontenut tas-sistema diġestiva, kompost u residwi tad-diġestjoni;

(23)

“żona remota” tfisser żona fejn il-popolazzjoni tal-annimali tant hija żgħira, u fejn l-istabbilimenti jew l-impjanti ta’ rimi huma tant ‘il bogħod li l-arranġamenti meħtieġa għall-ġbir u t-trasport ta’ prodotti sekondarji mill-annimali jkunu onerużi b’mod mhux aċċettabbli meta mqabbla ma’ rimi lokali;

(24)

“ikel” jew “materjal li jista’ jintuża bħala ikel” tfisser ikel jew materjal li jista’ jintuża bħala ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(25)

“għalf” jew “materjal li jista’ jintuża bħala għalf” tfisser għalf jew materjal li jista’ jintuża bħala għalf kif iddefinit fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(26)

“ħama taċ-ċentrifugi jew tas-separaturi” tfisser materjal li jinkiseb bħala prodott sekondarju wara l-purifikazzjoni ta’ ħalib mhux ipproċessat u s-sparazzjoni tal-ħalib xkumat u l-krema mill-ħalib mhux ipproċessat;

(27)

“skart” tfisser skart kif definit fil-, punt 1 tal-Artikolu 3tad-Direttiva 2008/98/KE.

Taqsima 2

Obbligi

Artikolu 4

Punt tat-tluq fil-katina tal-manifattura u obbligi

1.   Malli l-operaturi jiġġeneraw prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, huma għandhom jidentifikawhom u jiżguraw li jindirizzawhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament. (il-punt tat-tluq).

2.   L-operaturi, waqt l-istadji kollha ta’ ġbir, transport, immaniġġar, trattament, trasformazzjoni, ipproċessar, ħażna, tqegħid fis-suq, distribuzzjoni, użu u rimi fin-negozji taħt il-kontroll tagħhom, għandhom jiżguraw li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament li huma relevanti għall-attivitajiet tagħhom.

3.   L-Istati Membri għandhom jissorveljaw u jivverifikaw li r-rekwiżiti relevanti ta’ dan ir-Regolament huma ssodisfati mill-operaturi flimkien mal-katina sħiħa tal-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati minnhom kif imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dan il-għan, għandhom iżommu sistema ta’ kontrolli uffiċjali f’konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja relevanti.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom sistema xierqa stabbilita fit-territorju tagħhom biex jiġi żgurat li l-prodotti sekondarji mill-annimali:

(a)

jinġabru, jiġu identifikati u ttrasportati mingħajr dewmien bla bżonn; u

(b)

jiġu ttrattati, użati jew mormija skont dan ir-Regolament.

5.   L-Istati Membri jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt il-paragrafu 4 f’koperazzjoni ma’ Stati Membri oħra jew ma’ pajjiżi terzi.

Artikolu 5

Il-punt aħħari fil-katina tal-manifattura

1.   Il-prodotti derivati msemmija fl-Artikolu 33 li jkunu laħqu l-istadju ta’ manifattura regolat bil-leġiżlazzjoni Komunitarja msemmija f’dak l-Artikolu għandhom jitqiesu li laħqu l-punt aħħari fil-katina tal-manifattura, li warajh ma jibqgħux suġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Sussegwentement, dawn il-prodotti derivati jistgħu jitqiegħdu fis-suq bla restrizzjonijiet skont dan ir-Regolament u m’għandhomx jibqgħu suġġetti għal kontrolli uffiċjali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Il-punt aħħari fil-katina tal-manifattura jista’ jiġi modifikat:

(a)

għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 33(a) sa (d), f’każ ta’ riskji għas-saħħa tal-annimali;

(b)

għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 33(e) sa (f), f’każ ta’ riskji għas-saħħa pubblika jew dik tal-annimali;

Dawn il-miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont il-proċeduri regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(6).

2.   Fir-rigward tal-prodotti derivati msemmija fl-Artikoli 35 u 36 li ma jkunux għadhom ta’ riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika jew dik tal-annimali, jista’ jiġi determinat punt aħħari fil-katina tal-manifattura, li warajh ma jibqgħux suġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Sussegwentement, dawn il-prodotti derivati jistgħu jitqiegħdu fis-suq bla restrizzjonijiet skont dan ir-Regolament u m’għandhomx jibqgħu suġġetti għal kontrolli uffiċjali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(5).

3.   Fil-każ ta’ riskji għas-saħħa pubblika jew dik tal-annimali, l-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 dwar miżuri ta’ emerġenza għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-prodotti derivati msemmija fl-Artikoli 33 u 36 ta’ dan ir-Regolament.

Taqsima 3

Restrizzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali

Artikolu 6

Restrizzjonijiet ġenerali dwar is-saħħa tal-annimali

1.   Il-prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati minn speċijiet suxxettibbli ma għandhomx jintbagħtu minn azjendi, stabbilimenti, impjanti jew żoni li huma suġġetti għal restrizzjonijiet

(a)

skont il-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità; jew

(b)

minħabba l-preżenza ta’ marda serja li tittieħed:

(i)

elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 92/119/KEE; jew

(ii)

stipulati f’konformità mat-tieni subparagrafu.

Il-miżuri msemmija fil-punt (b)(ii) tal-ewwel subparagrafu, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 52(4).

2.   Il-Paragrafu 1 ma għandux japplika fejn prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati jintbagħtu skont kondizzjonijiet imfassla biex jintlaqa’ minn qabel it-tixrid ta’ mard li jittieħed fost il-bnedmin jew l-annimali.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissuplimentawh għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(5).

Taqsima 4

Kategorizzazzjoni

Artikolu 7

Kategorizzazzjoni ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati

1.   Il-prodotti sekondarji mill-annimali għandhom jiġu kkategorizzati f’kategoriji speċifiċi li jirriflettu l-livell ta’ riskju għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġej minn dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali, skont il-listi stabbiliti fl-Artikoli 8, 9 u 10.

2.   Il-prodotti derivati għandhom ikun suġġetti għar-regoli għall-kategorija speċifika ta’ prodotti sekondarji mill-annimali li minnhom ikunu derivati, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dan ir-Regolament, jew previsti permezz ta’ miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jistgħu jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li taħthom il-prodotti derivati mhumiex suġġetti għal dawk ir-regoli adottati mill-Kummissjoni.

3.   L-Artikoli 8, 9 u 10 jistgħu jiġu emendati biex jitqies il-progress xjentifiku fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ riskju, sakemm dan il-progress ikun jista’ jiġi identifikat fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tar-riskju mwettqa mill-istituzzjoni xjentifika xierqa. Madankollu, l-ebda prodotti sekondarji tal-annimali elenkati f’dawk l-Artikoli ma jistgħu jitneħħew mil-lista, iżda jistgħu jsiru biss bidliet tal-kategorizzazzjoni jew addizzjonijiet.

4.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafi 2 u 3 mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 52(4).

Artikolu 8

Materjal tal-Kategorija 1

Il-materjal tal-Kategorija 1 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:

(a)

iġsma sħaħ u l-partijiet kollha tal-ġisem, inklużi l-ġlud, tal-animali li ġejjin:

(i)

annimali suspettati li huma infettati bit-TSE bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jew li fihom ġiet ikkonfermata uffiċjalment il-preżenza ta’ TSE;

(ii)

annimali maqtula fil-kuntest ta’ miżuri ta’ eradikazzjoni tat-TSE;

(iii)

annimali oħra li mhumiex imrobbija fl-irziezet u annimali salvaġġi, inklużi b’mod partikolari annimali domestiċi, annimali taż-żoo u annimali taċ-ċirku;

(iv)

annimali użati għal esperimenti kif iddefinit bl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 86/609/KEE bla ħsara għall-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003;

(v)

annimali salvaġġi, meta ssuspettati li huma infettati minn mard li jittieħed mill-bnedmin jew mill-annimali;

(b)

il-materjal li ġej:

(i)

materjal ta’ riskju speċifikat;

(ii)

iġsma sħaħ jew partijiet minn annimali mejtin li fihom materjal ta’ riskju speċifikat fil-ħin tar-rimi;

(c)

prodotti sekondarji tal-annimali derivati minn annimali li ġew sottomessi għal trattament illegali kif iddefinit fl-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva 96/22/KE jew l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 96/23/KE;

(d)

prodotti sekondarji tal-annimali li jkun fihom residwi ta’ sustanzi oħrajn u kontaminanti ambjentali elenkati fil-Grupp B(3) tal-Anness I tad-Direttiva 96/23/KE, jekk dawn ir-residwi jaqbżu l-livell permess stipulat bil-leġiżlazzjoni Komunitarja jew, fin-nuqqas ta’ dan, bil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(e)

prodotti sekondarji tal-annimali miġbura matul it-trattament tal-ilma tal-iskart kif meħtieġ bir-regoli implimentattivi adottati taħt il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27:

(i)

minn stabbilimenti jew impjanti li jipproċessaw materjal tal-Kategorija 1; jew

(ii)

minn stabbilimenti jew impjanti oħrajn fejn ikun qed jitneħħa materjal ta’ riskju speċifiku;

(f)

skart mill-catering minn mezzi ta’ trasport li joperaw internazzjonalment;

(g)

taħlita ta’ materjal tal-Kategorija 1 jew ma’ materjal tal-Kategorija 2 jew materjal tal-Kategorija 3 jew mat-tnejn li huma.

Artikolu 9

Materjal tal-Kategorija 2

Il-materjal tal-Kategorija 2 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:

(a)

demel, gwanu mhux mineralizzat u kontenut tas-sistema diġestiva;

(b)

prodotti sekondarji tal-annimali miġbura matul it-trattament tal-ilma tal-iskart kif meħtieġ bir-regoli implimentattivi adottati taħt il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27:

(i)

minn stabbilimenti jew impjanti li jipproċessaw materjal tal-Kategorija 2; jew

(ii)

minn biċċeriji għajr dawk koperti bl-Artikolu 8(e);

(c)

prodotti sekondarji tal-annimali li fihom residwi ta’ sustanzi jew kontaminanti awtorizzati li jaqbżu l-livelli permessi kif imsemmi fl-Artiikolu 15(3) tad-Direttiva 96/23/KE;

(d)

prodotti li ġejjin mill-annimali li ġew dikjarati mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem minħabba l-preżenza ta’ residwi fiżiċi f’dawn il-prodotti;

(e)

prodotti li ġejjin mill-annimali, li mhumiex materjal tal-Kategorija 1, li jkunu:

(i)

importati jew introdotti minn pajjiż terz u li ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Komunità għall-importazzjoni jew l-introduzzjoni tagħhom fil-Komunità għajr għal fejn il-leġiżlazzjoni Komunitarja tippermetti l-importazzjoni jew l-introduzzjoni tagħhom suġġetta għal restrizzjonijiet speċifiċi jew ir-ritorn tagħhom lejn il-pajjiż terz; jew

(ii)

intbagħtu lejn Stat Membru ieħor u li ma jkunux konformi mar-rekwiżiti stabbiliti jew awtorizzati bil-leġiżlazzjoni Komunitarja għajr meta jintbagħtu lura bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini.

(f)

annimali u partijiet ta’ annimali, għajr għal dawk imsemmija fl-Artikolu 8 jew fl-Artikolu 10,

(i)

li mietu għajr għal dawk maqtula għall-konsum mill-bniedem, inklużi annimali maqtula għal għanijiet ta’ kontroll ta’ mard;

(ii)

feti;

(iii)

ooċiti, embrijuni u semen mhux maħsuba għall-għanijiet ta’ tgħammir; u

(iv)

tjur mejjet fil-qoxra;

(g)

taħlitiet ta’ materjal tal-Kategorija 2 u materjal tal-Kategorija 3;

(h)

prodotti sekondarji mill-annimali għajr materjal tal-Kategorija 1 jew materjal tal-Kategorija 3.

Artikolu 10

Materjal tal-Kategorija 3

Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:

(a)

karkassi u partijiet minn annimali maqtula jew, fil-każ ta’ kaċċa, iġsma jew partijiet minn annimali maqtula, u li huma xierqa għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, iżda mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali;

(b)

karkassi u l-partijiet li ġejjin li joriġinaw jew minn annimali maqtula f’biċċerija u kkunsidrati xierqa għal-qtil għall-konsum mill-bniedem wara ispezzjoni ante-mortem jew iġsma u l-partijiet li ġejjin ta’ annimali minn kaċċa maqtula għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja:

(i)

karkassi jew iġsma u partijiet minn annimali li jitwarrbu bħala mhux xierqa għall-konsum mill-bniedem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja, iżda li ma wrewx xi sinjali ta’ mard li jittieħed mill-bnedmin jew l-annimali;

(ii)

irjus ta’ tjur tal-irziezet;

(iii)

ġlud, inklużi bċejjeċ minnhom, qrun u saqajn, inklużi l-għadan tal-karpu u l-metakarpu, l-għadam tal-falanġi, tat-tarsus u l-metatarsus, ta’:

annimali għajr dawk li jixtarru li jeħtieġu l-ittestjar għat-TSE; u

annimali li jixtarru li ġew ittestjati b’riżultat negattiv skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001;

(iv)

lanżit tal-ħanżir;

(v)

rix;

(c)

prodotti sekondarji mit-tjur u l-lagomorfi maqtula fl-irziezet kif imsemmi fl-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, li ma urew l-ebda sinjal ta’ mard li jittieħed mill-bniedem jew mill-annimali;

(d)

demm ta’ annimali li ma jkun wera ebda sinjal ta’ mard li jittieħed mid-demm minn bnedmin jew annimali miksub mill-annimali li ġejjin li nqatlu f’biċċerija wara li tqiesu xierqa għall-qtil għall-konsum mill-bniedem wara ispezzjoni ante-mortem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja:

(i)

annimali għajr dawk li jixtarru li jeħtieġu l-ittestjar għat-TSE; u

(ii)

annimali li jixtarru li ġew ittestjati b’riżultat negattiv skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001;

(e)

prodotti sekondarji li jirriżultaw mill-annimali derivati mill-produzzjoni ta’ prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem inkluż għadam bix-xaħam imneħħi, qasab tas-saqajn u ħama taċ-ċentrifugi jew tas-separaturi mill-ipproċessar tal-ħalib;

(f)

prodotti li joriġinaw mill-annimali, jew oġġetti tal-ikel li jkun fihom prodotti li joriġinaw mill-annimali, li m’għadhomx maħsuba għall-konsum mill-bniedem għal raġunijiet kummerċjali jew minħabba problemi ta’ difetti ta’ fabbrikazzjoni jew pakkeġġjar jew difetti oħra li ma jippreżentawx riskju għall-bnedmin jew l-annimali;

(g)

għalf tal-annimali domestiċi u materjal li jista’ jintuża bħala għalf li joriġinaw mill-annimali, jew materjal li jista’ jintuża bħala għalf li jkun fih prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati, li m’għadhomx maħsuba għall-għalf minħabba raġunijiet kummerċjali jew minħabba problemi ta’ difetti ta’ fabbrikazzjoni jew pakkeġġjar jew difetti oħra li ma joħolqux riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali;

(h)

demm, plaċenta, suf, rix, xagħar, qrun, biċċiet ta’ qawqab u ħalib mhux ipproċessat li ġej minn annimali ħajjin li ma urew ebda sinjal ta’ xi mard li jittieħed mill-bnedmin jew l-annimali permezz ta’ dan il-prodott;

(i)

annimali akkwatiċi, u partijiet minn dawn l-annimali, għajr għall-mammali tal-baħar, li ma urew ebda sinjal ta’ mard li jittieħed mill-bnedmin jew l-annimali;

(j)

prodotti sekondarji minn annimali akkwatiċi li joriġinaw minn stabbilimenti jew impjanti li jimmanifatturaw prodotti għall-konsum mill-bniedem;

(k)

il-materjal li ġej li joriġina mill-annimali li ma jkun wera ebda sinjal ta’ mard li jittieħed minn dan il-materjal minn bnedmin jew annimali:

(i)

qxur mill-frott tal-baħar b’laħam jew tessut artab;

(ii)

dawn li ġejjin li joriġinaw minn annimali tal-art:

prodotti sekondarji tal-maqfas,

bajd,

prodotti sekondarji tal-bajd, inkluż il-qxur tal-bajd,

(iii)

flieles ta’ ġurnata maqtula minħabba raġunijiet kummerċjali;

(l)

invertebrati akkwatiċi u tal-art għajr għal speċi patoġeniċi għal bnedmin jew annimali;

(m)

annimali u partijiet minnhom tal-ordnijiet żooloġiċi Rodentia u Lagomorpha, għajr materjal tal-Kategorija 1 kif imsemmi fl-Artikolu 8(a)(iii) sa (v) u materjal tal-Kategorija 2 kif imsemmi fl-Artikolu 9(a) sa (g);

(n)

ġlud, qawqab, rix, suf, qrun, xagħar u pil li joriġinaw minn annimali mejtin li ma wrewx sinjali ta’ xi marda li tittieħed permezz ta’ dan il-prodott mill-bnedmin jew mill-annimali, għajr dawk imsemmija fil-punt (b);

(o)

tessut xaħmi minn annimali li ma wrew l-ebda sinjal ta’ mard li jittieħed permezz ta’ dak il-materjal mill-bnedmin jew mill-annimali, li nqatlu f’biċċerija u li tqiesu xierqa għall-qtil għall-konsum mill-bniedem wara ispezzjoni ante-mortem skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja;

(p)

skart mill-catering għajr kif imsemmi fl-Artikolu 8(f).

KAPITOLU II

Rimi u użu ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati

Taqsima 1

Restrizzjonijiet dwar l-użu

Artikolu 11

Restrizzjonijiet dwar l-użu

1.   L-użi li ġejjin ta’ prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati għandhom ikunu pprojbiti:

(a)

it-tmigħ ta’ annimali terrestri ta’ speċi partikolari għajr l-annimali bil-pil bi proteina pproċessata mill-annimali derivata minn iġsma jew partijiet ta’ iġsma ta’ annimali tal-istess speċi;

(b)

it-tmigħ ta’ annimali tat-trobbija għajr għal annimali tal-pil bi skart mill-catering jew materjal tal-għalf li fih jew huwa derivat minn skart mill-catering;

(c)

it-tmigħ ta’ annimali tat-trobbija bi ħxejjex, jew direttament meta jirgħu jew bit-tmigħ ta’ ħxejjex maqtugħa, minn art li fuqha ġew applikati fertilizzanti organiċi jew sustanzi li jtejbu l-ħamrija, għajr għal demel, sakemm il-qtugħ jew ir-rigħi isir wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ stennija, li jiżgura kontrolli xierqa tar-riskji għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali u jkun mill-inqas ta’ 21 jum; u

(d)

it-tmigħ ta’ ħut tat-trobbija bi proteina pproċessata mill-annimali derivata mill-iġsma jew partijiet ta’ iġsma ta’ ħut tat-trobbija tal-istess speċi.

2.   Jistgħu jiġu stipulati miżuri relatati ma’ dan li ġej:

(a)

il-verifiki u l-kontrolli li jridu jitwettqu biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, inklużi metodi u testijiet li jridu jintużaw għall-ivverifikar tal-preżenza ta’ materjal li joriġina minn ċerti speċijiet u limiti massimi għal ammonti insinifikanti tal-proteini pproċessati tal-annimali msemmija fil-punti (a) u (d) tal-paragrafu 1 ikkawżati minn kontaminazzjoni fortuwita u teknikament inevitabbli,

(b)

il-kondizzjonijiet għat-tmigħ ta’ annimali bil-pil bi proteina pproċessata mill-annimali derivata minn iġsma jew partijiet ta’ iġsma ta’ annimali tal-istess speċi; u

(c)

il-kondizzjonijiet għat-tmigħ ta’ annimali tat-trobbija bi ħxejjex minn art li fuqha ġew applikati fertilizzanti organiċi jew sustanzi li jtejbu l-ħamrija, b’mod partikolari modifika tal-perjodu ta’ stennija kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1.

Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

Taqsima 2

Rimi u użu

Artikolu 12

Rimi u użu ta’ materjal tal-Kategorija 1

Il-materjal tal-Kategorija 1 għandu:

(a)

jintrema bħala skart permezz ta’ inċenerazzjoni:

(i)

direttament mingħajr ipproċessar minn qabel; jew

(ii)

wara pproċessar, permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni jekk l-awtorità kompetenti hekk teħtieġ, u mmarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta;

(b)

jintrema jew jiġi rkuprat permezz ta’ ko-inċenerazzjoni, jekk il-materjal tal-Kategorija 1 ikun skart:

(i)

direttament mingħajr ipproċessar minn qabel; jew

(ii)

wara pproċessar, permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni jekk l-awtorità kompetenti hekk teħtieġ, u mmarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta;

(c)

fil-każ ta’ materjal tal-Kategorija 1 għajr għal materjal imsemmi fl-Artikolu 8(a)(i) u (ii), jintrema bi proċess ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni, immarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta u rdim f’radam awtorizzat;

(d)

fil-każ ta’ materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 8(f), jintrema billi jiġi mirdum f’radam awtorizzat;

(e)

jintuża bħala karburant għall-kombustjoni b’ipproċessar minn qabel jew mingħajr dan; jew

(f)

jintuża għall-manifattura ta’ prodotti derivati msemmija fl-Artikoli 33, 34 u 36 u jitqiegħed fis-suq skont dawk l-Artikoli.

Artikolu 13

Rimi u użu ta’ materjal tal-Kategorija 2

Il-materjal tal-Kategorija 2 għandu:

(a)

jintrema bħala skart permezz ta’ inċenerazzjoni:

(i)

direttament mingħajr ipproċessar minn qabel; jew

(ii)

wara pproċessar, permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni jekk l-awtorità kompetenti hekk teħtieġ, u mmarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta;

(b)

jintrema jew jiġi rkuprat permezz ta’ ko-inċenerazzjoni, jekk il-materjal tal-Kategorija 2 ikun skart:

(i)

direttament mingħajr ipproċessar minn qabel; jew

(ii)

wara pproċessar, permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni jekk l-awtorità kompetenti hekk teħtieġ, u mmarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta;

(c)

jintrema f’radam awtorizzat, wara pproċessar permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni u mmarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta;

(d)

jintuża għall-manifattura ta’ fertilizzanti organiċi jew ta’ prodotti li jtejbu l-ħamrija maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq skont l-Artikolu 32 wara pproċessar permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni, meta dan ikun applikabbli, u mmarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta;

(e)

jiġi ttrasformat f’kompost jew f’bijogass:

(i)

wara pproċessar permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressjoni u mmarkar permanenti tal-materjal li jirriżulta; jew

(ii)

fil-każ ta’ demel, l-apparat ta’ diġestjoni u l-kontenut tiegħu, ħalib, prodotti mill-ħalib u kolostrum, bajd u prodotti tal-bajd li l-awtorità kompetenti ma tikkunsidrax li huma ta’ riskju għat-tixrid ta’ xi mard serju li jittieħed, wara l-ipproċessar jew mingħajr ipproċessar minn qabel;

(f)

jiġi applikat lill-art mingħajr ipproċessar, fil-każ ta’ demel, il-kontenut tal-apparat ta’ diġestjoni jinfired mill-apparat ta’ diġestjoni, ħalib, prodotti mill-ħalib u kolostrum, li l-awtorità kompetenti ma tikkunsidrax li huma ta’ riskju għat-tixrid ta’ xi mard serju li jittieħed;

(g)

fil-każ ta’ materjal li joriġina minn annimali akkwatiċi, jitqiegħed f’sili, minnu jsir il-kompost jew li jiġi ttrasformat f’bijogass;

(h)

jintuża bħala karburant għall-kombustjoni b’ipproċessar minn qabel jew minghajr dan; jew

(i)

jintuża għall-manifattura ta’ prodotti derivati msemmija fl-Artikoli 33, 34 u 36 u jitqiegħed fis-suq skont dawk l-Artikoli.

Artikolu 14

Rimi u użu ta’ materjal tal-Kategorija 3

Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu:

(a)

jintrema bħala skart permezz ta’ inċenerazzjoni, b’ipproċessar minn qabel jew mingħajr dan;

(b)

jintrema jew jiġi rkuprat permezz ta’ ko-inċenerazzjoni, b’ipproċessar minn qabel jew mingħajr dan, jekk il-materjal tal-Kategorija 1 ikun skart;

(c)

jintrema f’radam awtorizzat, wara li jiġi pproċessat;

(d)

jiġi pproċessat, ħlief fil-każ ta’ materjal tal-Kategorija 3 li jkun inbidel minħabba dekompożizzjoni jew taħsir b’mod li, permezz ta’ dak il-prodott, jippreżenta riskju mhux aċċettabbli għas-saħħa pubblika jew dik tal-annimali, u jintuża:

(i)

għall-manifattura ta’ għalf għal annimali tat-trobbija għajr għal annimali tal-pil, bil-ħsieb li jitqiegħed fis-suq skont l-Artikolu 31, ħlief fil-każ ta’ materjal imsemmi fl-Artikolu 10(n), (o) u (p);

(ii)

għall-manifattura ta’ għalf għal annimali bil-pil, bil–ħsieb li jitqiegħed fis-suq skont l-Artikolu 36;

(iii)

għall-manifattura ta’ għalf għal annimali domestiċi, bil–ħsieb li jitqiegħed fis-suq skont l-Artikolu 35; jew

(iv)

għall-manifattura ta’ fertilizzanti organiċi jew sustanzi li jtejbu l-ħamrija, maħsuba sabiex jitqiegħdu fis-suq taħt l-Artikolu 32.

(e)

għall-produzzjoni ta’ għalf mhux ipproċessat għal annimali domestiċi, bil–ħsieb li jitqiegħed fis-suq skont l-Artikolu 35;

(f)

biex jiġi ttrasformat f’kompost jew f’bijogass;

(g)

fil-każ ta’ materjal li joriġina minn annimali akkwatiċi, jitqiegħed f’sili, jiġi ttrasformat f’kompost jew jiġi ttrasformat f’bijogass;

(h)

fil-każ ta’ qxur mill-frott tal-baħar, għajr għal dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2)(f), u l-qxur tal-bajd, li jintuża skont kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti li jilqgħu minn qabel riskji għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali;

(i)

jintuża bħala karburant għall-kombustjoni b’ipproċessar minn qabel jew mingħajr dan;

(j)

jintuża għall-manifattura ta’ prodotti derivati msemmija fl-Artikoli 33, 34 u 36 u jitqiegħed fis-suq skont dawk l-Artikoli;

(k)

fil-każ tal-iskart mill-catering imsemmi fl-Artikolu 10(p), ipproċessat permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressa jew permezz tal-metodi ta’ proċessar imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) jew ittrasformat f’kompost jew f’bijogass;

(l)

jiġi applikat lill-art mingħajr ipproċessar, fil-każ ta’ ħalib mhux ipproċessat u prodotti derivati minnu, li l-awtorità kompetenti ma tikkunsidrax li huma ta’ riskju għat-tixrid ta’ kwalunkwe marda li tittieħed permezz ta’ dawk il-prodotti mill-bnedmin jew mill-annimali.

Artikolu 15

Miżuri ta’ implimentazzjoni

1.   Jistgħu jiġu stipulati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ din it-Taqsima marbuta ma’ dan li ġej:

(a)

kondizzjonijiet speċjali għall-immaniġġar u r-rimi abbord ta’ materjali li jkun ġej mit-tneħħija tal-imsaren tal-ħut abbord li juri sinjali ta’ mard li jittieħed mill-bnedmin, inklużi l-parassiti;

(b)

metodi ta’ pproċessar għal prodotti sekondarji tal-annimali ħlief l-isterilizzazzjoni tal-pressjoni fir-rigward tal-parametri li jridu jiġu applikati għal dawk il-metodi ta’ pproċessar, b’mod partikolari l-ħin, it-temperatura, il-pressjoni u d-daqs tal-partikoli;

(c)

parametri għat-trasformazzjoni ta’ prodotti sekondarji mill-annimali, inkluż l-iskart mill-catering, f’bijogass jew kompost;

(d)

kondizzjonijiet għall-inċenerazzjoni u l-koinċenerazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati;

(e)

il-kondizzjonijiet għall-kombustjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati;

(f)

kondizzjonijiet għall-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-Artikolu 10(c);

(g)

preservazzjoni ta’ materjal li joripina minn annimali akkwatiċi;

(h)

markament permanenti ta’ prodotti sekondarji tal-annimali;

(i)

l-applikazzjoni fuq l-art ta’ ċerti prodotti sekondarji tal-annimali, fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija;

(j)

l-użu ta’ ċerti prodotti sekondarji bħala għalf għall-annimali fl-irziezet; u

(k)

il-livell ta’ riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali fir-rigward ta’ ċertu materjal li tqies inaċċettabbli kif imsemmi fl-Artikolu 14(d).

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissuplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(4).

2.   Sa meta jiġu adottati r-regoli msemmija:

(a)

fil-punti (c), (f) u (g) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu r-regoli nazzjonali għal:

(i)

il-ġenerazzjoni u t-trattament ta’ prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-Artikolu 10(c);

(ii)

it-trasformazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-Artikolu 10(p);u

(iii)

il-preservazzjoni ta’ materjal li joriġina minn annimali akkwatiċi;

(b)

fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, il-prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fih jistgħu jintremew il-baħar, bla ħsara għal-leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarja.

Taqsima 3

Derogi

Artikolu 16

Derogi

B’deroga mill-Artikoli 12, 13 u 14, il-prodotti sekondarji tal-annimali jistgħu:

(a)

fil-każ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1), ikunu trattati u mormija b’konformità mal-kondizzjonijiet speċjali stabbiliti skont dak il-punt;

(b)

jintużaw għal riċerka u għanijiet speċifiċi oħra skont l-Artikolu 17;

(c)

fil-każ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-Artikolu 18, jintużaw għal għanijiet speċjali ta’ tagħlif skont dak l-Artikolu;

(d)

fil-każ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-Artikolu 19, jintremew skont dak l-Artikolu;

(e)

jintremew jew jintużaw b’konformità ma’ metodi alternattivi li ġew awtorizzati b’konformità mal-Artikolu 20, ibbażati fuq il-parametri li jistgħu jinkludu l-isterilizzazzjoni bil-pressa jew rekwiżiti oħra ta’ dan ir-Regolament jew il-miżuri implimentattivi tiegħu;

(f)

fil-każ ta’ materjali tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3 u jekk dan ikun awtorizzat mill-awtorità kompetenti, ikunu użati għall-preparazzjoni u l-applikazzjoni fuq l-art ta’ preparati bijodinamiċi kif imsemmi fl-Artikolu 12(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007;

(g)

fil-każ ta’ materjal tal-Kategorija 3 u, jekk dan ikun awtorizzat mill-awtorità kompetenti, ikunu użati għat-tagħlif ta’ annimali domestiċi;

(h)

fil-każ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, ħlief għal materjal tal-Kategorija 1, li joħorġu fil-kors ta’ interventi kirurġiċi fuq annimali ħajjin jew waqt it-twelid ta’ annimali fl-azjenda u, jekk awtorizzati mill-awtorità kompetenti, jintremew f’dik l-azjenda stess.

Artikolu 17

Riċerka u għanijiet speċifiċi oħra

1.   L-awtorità kompetenti tista’, permezz ta’ deroga mill-Artikoli 12, 13 u 14, tawtorizza l-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għall-eżibizzjonijiet, u għal finijiet dijanjostiċi, edukattivi u ta’ riċerka skont kondizzjonijiet li jiżguraw il-kontroll ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali.

Kondizzjonijiet bħal dawn għandhom jinkludu:

(a)

il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe użu sussegwenti ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati għal finijiet oħrajn; u

(b)

l-obbligu li prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati jintremew b’mod sikur jew jerġgħu jintbagħtu lejn il-post tal-oriġini tagħhom, jekk ikun il-każ.

2.   F’każ ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali li jitolbu l-adozzjoni ta’ miżuri għat-territorju kollu tal-Komunità, b’mod partikolari fil-każ ta’ riskji emerġenti ġodda, kondizzjonijiet armonizzati għall-importazzjoni u l-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu stabbiliti. Kondizzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu rekwiżiti rigward il-ħżin, l-imballaġġ, l-identifikazzjoni, it-trasport u r-rimi.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

Artikolu 18

Finijiet ta’ tagħlif speċjali

1.   L-awtorità kompetenti tista’, permezz ta’ deroga mill-Artikoli 13 u 14, tawtorizza, skont kondizzjonijiet li jiżguraw il-kontroll ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, il-ġbir u l-użu ta’ materjal tal-Kategorija 2, sakemm jiġi minn annimali li ma nqatlux jew ma mitux b’riżultat tal-preżenza jew preżenza suspettata ta’ marda li tittieħed mill-bnedmin jew l-annimali, u ta’ materjal tal-Kategorija 3 għat-tagħlif lil:

(a)

annimali żooloġiċi;

(b)

annimali taċ-ċirku;

(c)

rettili u tjur tal-priża għajr annimali żooloġiċi jew taċ-ċirku;

(d)

annimali tal-pil;

(e)

annimali selvaġġi;

(f)

klieb minn kanili rikonoxxuti jew klieb tal-kaċċa;

(g)

klieb u qtates f’kennijiet;

(h)

dud u ħniex għal-lixka għas-sajd.

2.   L-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza, b’deroga mill-Artikolu 12, u skont il-kondizzjonijiet stipulati taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu:

(a)

it-tagħlif tal-materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 8(b)(ii) u tal-materjal li ġej minn annimali żooloġiċi għat-tagħlif għal annimali żooloġiċi; u

(b)

it-tagħlif tal-materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 8(b)(ii) lill-ispeċijiet ta’ għasafar nekrofaġi li huma fil-periklu ta’ estinzjoni jew protetti u speċijiet oħra li jgħixu fil-ħabitat naturali tagħhom, għall-promozzjoni tal-bijodiversità.

3.   Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, marbuta ma’ dan li ġej:

(a)

il-kondizzjonijiet li bihom il-ġbir u l-użu kif imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi awtorizzat fir-rigward taċ-ċaqliq, il-ħżin u l-użu ta’ materjal tal-Kategorija 2 u materjal tal-Kategorija 3 għat-tagħlif, inkluż fil-każ ta’ riskji emerġenti ġodda; u

(b)

il-kondizzjonijiet li bihom, f’ċerti każijiet b’deroga mill-obbligu stipulat fl-Artikolu 21(1), it-tagħlif ta’ materjal tal-Kategorija 1 kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jista’ jkun awtorizzati, inkluż:

(i)

l-ispeċi fil-periklu ta’ estinzjoni jew protetti ta’ għasafar nekrofaġi u speċijiet oħra f’ċerti Stati Membri fejn materjal bħal dan jista’ jintema’;

(ii)

miżuri għall-prevenzjoni ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

Artikolu 19

Il-ġbir, it-trasport u r-rimi

1.   L-awtorità kompetenti tista’, permezz ta’ deroga mill-Artikoli 12, 13, 14 u 21, tawtorizza r-rimi:

(a)

billi jindifnu annimali domestiċi u equidae mejtin;

(b)

billi jinħarqu jew jindifnu fuq il-post jew b’mezzi oħrajn taħt superviżjoni uffiċjali li jevitaw it-tixrid ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali ta’ materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 8(a)(v) u 8(b)(ii), materjali tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3 f’żoni remoti;

(c)

billi jinħarqu jew jindifnu fuq il-post jew b’mezzi oħrajn taħt superviżjoni uffiċjali li jevitaw it-tixrid ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali ta’ materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 8(b)(ii), materjali tal-Kategorija 2, u tal-Kategorija 3 f’żoni fejn l-aċċess huwa prattikament impossibbli jew fejn l-aċċess ikun possibbli biss f’ċirkostanzi, relatati ma’ raġunijiet ġeografiċi jew klimatiċi jew minħabba diżastru naturali, li jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-persunal li jwettaq il-ġbir jew fejn l-aċċess jitlob l-użu ta’ mezzi sproporzjonati ta’ ġbir;

(d)

b’mezzi li jinkludu l-ħruq jew id-dfin fuq il-post, taħt superviżjoni uffiċjali, fil-każ ta’ materjal tal-Kategorija 2 u tal-Kategorija 3 li mhumiex ta’ riskju għas-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali, meta l-ammonti ta’ materjal ma jkunux iktar minn volum partikolari fil-ġimgħa, tali volum li jkun ikkalkulat f’relazzjoni man-natura tal-attivitajiet imwettqa u l-ispeċji tal-oriġini tal-prodotti sekondarji tal-annimali kkonċernati;

(e)

permezz tal-ħruq jew id-dfin fuq il-post, skont kondizzjonijiet li jevitaw it-tixrid tar-riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, ta’ prodotti sekondarji tal-annimali ħlief materjal tal-Kategorija 1 imsemmija fl-Artikolu 8(a)(i) fil-każ ta’ tifqigħa ta’ marda notifikabbli, jekk it-trasport lejn l-eqreb impjant approvat għall-ipproċessar jew ir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali jżid il-periklu ta’ propagazzjoni ta’ rikji tas-saħħa jew iwassal, f’każ ta’ tifqigħa mifruxa ta’ marda epiżootika, li jkun ifisser li l-kapaċitajiet ta’ rimi f’impjanti bħal dawn ikunu nqabżu; u

(f)

billi jinħarqu jew jindifnu fuq il-post, b’kondizzjonijiet li jevitaw it-tixrid tar-riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, tan-naħal u tal-prodotti sekondarji tal-apikultura.

2.   Il-popolazzjoni tal-annimali ta’ speċi partikolari fiż-żoni remoti msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 m’għandhiex taqbeż perċentwali massima tal-popolazzjoni tal-annimali ta’ dan l-ispeċi fl-Istat Membru kkonċernat.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni tagħrif dwar:

(a)

iż-żoni li jikkategorizzaw bħala żoni remoti għall-fini li japplikaw il-punt (b) tal-paragrafu 1 u r-raġunijiet għal dik il-kategorizzazzjoni, u tagħrif aġġornat li jikkonċerna kwalunkwe bidla għal kategorizzazzjoni bħal din; u

(b)

l-użu li jagħmlu mill-awtorizzazzjonijiet stipulati fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1 fir-rigward tal-materjal tal-Kategorija 1 u tal-Kategorija 2.

4.   Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, marbuta ma’ dan li ġej:

(a)

kondizzjonijiet immirati li jiżguraw il-kontroll ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali fil-każ ta’ ħruq u dfin fuq il-post;

(b)

il-perċentwali massima tal-popolazzjoni tal-annimali kif imsemmi fil-paragrafu 2;

(c)

il-volum ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, f’relazzjoni man-natura tal-attivitajiet u l-ispeċji tal-oriġini, kif imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1; u

(d)

il-lista ta’ mard imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

Taqsima 4

Metodi alternattivi

Artikolu 20

Awtorizzazzjoni ta’ metodi alternattivi

1.   Il-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ metodu alternattiv ta’ użu u rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati jistgħu jinbdew jew mill-Kummissjoni jew wara applikazzjoni minn Stat Membru jew minn parti interessata, li tista’ tirrappreżenta bosta partijiet interessati.

2.   Partijiet interessati għandhom jibagħtu l-applikazzjonijiet tagħhom lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu bi ħsiebhom jużaw il-metodu alternattiv.

L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta, fi żmien xahrejn wara li taslilha applikazzjoni mimlija, jekk l-applikazzjoni tkunx konformi mal-format standard għall-applikazzjonijiet imsemmi fil-paragrafu 10.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tikkomunika l-applikazzjonijiet tal-Istati Membri u partijiet interessati, flimkien ma’ rapport dwar il-valutazzjoni tagħha mal-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza fl-Ikel (AESI) u tinforma lill-Kummissjoni bihom.

4.   Meta l-Kummissjoni tibda l-proċedura għall-awtorizzazzjoni, għandha tibgħat rapport dwar l-evalwazzjoni tagħha lill-AESI.

5.   L-AESI għandha tevalwa, fi żmien sitt xhur minn meta taslilha applikazzjoni mimlija, jekk il-metodu mibgħut jiżgurax li r-riskji għas-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali

(a)

jiġux ikkontrollati b’mod li jevita l-proliferazzjoni tagħhom qabel ir-rimi, b’konformità ma’ dan ir-Regolament jew mal-miżuri implimentattivi tiegħu; jew

(b)

jitnaqqsux sa punt li huwa tal-inqas ekwivalenti, għall-kategorija rilevanti ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, għall-metodi ta’ pproċessar stipulati skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1).

L-AESI għandha toħroġ opinjoni dwar l-applikazzjoni li tkun intbagħtet.

6.   F’każijiet ġustifikati kif xieraq fejn l-AESI titlob tagħrif addizzjonali mill-applikanti, il-perjodu stipulat fil-paragrafu 5 jista’ jkun estiż.

Wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni jew mal-applikant, l-AESI għandha tiddeċiedi dwar perjodu li matulu dak it-tagħrif għandu jkun provdut lilha u tinforma lill-Kummissjoni u lill-applikant kif jixraq bil-perjodu addizzjonali meħtieġ.

7.   Meta l-applikanti jkunu jixtiequ jibagħtu tagħrif addizzjonali fuq inizjattiva personali tagħhom, għandhom jibagħtuh direttament lill-AESI.

F’dak il-każ il-perjodu stipulat fil-paragrafu 5 ma għandux jiġi estiż b’perjodu addizzjonali.

8.   L-AESI għandha tgħaddi l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni, lill-applikant u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

9.   Fi żmien tliet xhur mir-riċezzjoni tal-opinjoni tal-AESI u wara li tqis dik l-opinjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikant bil-miżura proposta li għandha tiġi adottata b’konformità mal-paragrafu 11.

10.   Għandu jiġi adottat format standard għall-applikazzjonijiet għal metodi alternattivi skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 52(2).

11.   Wara li l-AESI tirċievi l-opinjoni, għandu jiġi adottat dan li ġej:

(a)

jew miżura li tawtorizza metodu alternattiv ta’ użu jew rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati; jew

(b)

miżura li tiċħad l-awtorizzazzjoni ta’ metodu alternattiv bħal dan.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

TITOLU II

OBBLIGI TAL-OPERATURI

KAPITOLU I

Obbligi ġenerali

Taqsima 1

Il-ġbir, it-trasport u t-traċċabbiltà

Artikolu 21

Il-ġbir u l-identifikazzjoni fir-rigward tal-Kategorija u tat-trasport

1.   L-operaturi għandhom jiġbru, jidentifikaw u jġorru prodotti sekondarji tal-annimali mingħajr dewmien bla bżonn b’kondizzjonijiet li jilqgħu minn qabel kontra riskji għas-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali.

2.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati jkunu akkumpanjati matul it-trasport minn dokument kummerċjali jew, meta meħtieġ b’dan ir-Regolament jew b’miżura adotatta taħt il-paragrafu 6, minn ċertifikat ta’ saħħa.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza t-trasport ta’ demel bejn żewġ postijiet li jinsabu fl-istess azjenda jew bejn irziezet u utenti ta’ demel fl-istess Stat Membru mingħajr dokument kummerċjali jew ċertifikat ta’ saħħa.

3.   Dokumenti kummerċjali u ċertifikati ta’ saħħa li jakkumpanjaw prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati matul it-trasport għandhom għall-inqas jinkludu tagħrif dwar l-oriġini, id-destinazzjoni u l-kwantità ta’ dawn il-prodotti, u deskrizzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati u l-immarkar tagħhom, meta dan l-immarkar ikun meħtieġ b’dan ir-Regolament.

Madankollu, għall-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom li jinġarru fit-territorju ta’ Stat Membru, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tawtorizza t-tixrid tat-tagħrif imsemmi fl-ewwel subparagrafu permezz ta’ sistema alternattiva.

4.   L-operaturi għandhom jiġbru, iġorru u jarmu skart mill-catering tal-Kategorija 3, b’konformità mal-miżuri nazzjonali previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98/KE.

5.   Il-miżuri li ġejjin għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3):

(a)

mudelli għal dokumenti kummerċjali meħtieġa li jakkumpanjaw prodotti sekondarji tal-annimali matul it-trasport; u

(b)

mudelli għal ċertifikati ta’ saħħa u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih għandhom jakkumpanjaw il-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati matul it-trasport.

6.   Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, marbuta ma’ dan li ġej:

(a)

każijiet fejn ċertifikat ta’ saħħa huwa meħtieġ wara li jiġi kkunsidrat il-livell ta’ riskju għas-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali minn ċerti prodotti derivati;

(b)

każijiet fejn, b’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 u wara li tikkunsidra l-livell baxx ta’ riskju għas-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali minn ċerti prodotti sekondarji tal-annimali jew minn prodotti derivati, it-trasport ta’ prodotti derivati jista’ jseħħ mingħajr id-dokumenti jew iċ-ċertifikati msemmija f’dan il-paragrafu;

(c)

rekwiżiti għall-identifikazzjoni, l-ittikkettar inkluż, u għas-separazzjoni tal-kategoriji differenti ta’ prodotti sekondarji tal-annimali matul it-trasport; u

(d)

kondizzjonijiet biex tilqa’ minn qabel kontra riskji għas-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali matul il-ġbir u t-trasport ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, inklużi kondizzjonijiet għat-trasport bla periklu ta’ dawn il-prodotti fir-rigward ta’ kontenituri, vetturi u materjal ta’ ppakkjar.

Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

Artikolu 22

Traċċabbiltà

1.   Operaturi li jikkunsinnaw, iġorru jew jirċievu prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati għandhom iżommu reġistru tal-kunsinni u dokumenti kummerċjali jew ċertifikati ta’ saħħa rilevanti.

Iżda, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika meta awtorizzazzjoni għat-trasport ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati mingħajr dokumenti kummerċjali jew ċertifikati ta’ saħħa tkun ingħatat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(2) jew b’konformità mal-miżuri implimentattivi adottati skont l-Artikolu 21(6)(b).

2.   L-operaturi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jistabbilixxu sistemi u proċeduri biex jidentifikaw:

(a)

lill-operaturi l-oħrajn li jkunu ġew fornuti bil-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati tagħhom; u

(b)

l-operaturi li jkunu fornewhom.

Dan it-tagħrif għandu jkun disponibbli fuq talba mill-awtoritjiet kompetenti.

3.   Jistgħu jiġu adottati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3), b’mod partikolari dwar:

(a)

it-tagħrif li jrid ikun disponibbli għall-awtoritjiet kompetenti;

(b)

il-perjodu ta’ żmien li matulu trid tinżamm din l-informazzjoni.

Taqsima 2

Reġistrazzjoni u approvazzjoni

Artikolu 23

Reġistrazzjoni ta’ operaturi, stabbilimenti jew impjanti

1.   Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni, l-operaturi għandhom:

(a)

qabel jibdew joperaw, jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti b’xi stabbilimenti jew impjanti fil-kontroll tagħhom li jkunu attivi fi kwalunkwe fażi tal-ġenerazzjoni, it-trasport, it-trattament, l-ipproċessar, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq, id-distribuzzjoni, l-użu jew ir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati;

(b)

jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’tagħrif dwar:

(i)

il-kategorija ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati fil-kontroll tagħhom;

(ii)

in-natura tal-operazzjonijiet imwettqa bl-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati bħala materjal ta’ bidu.

2.   L-operaturi għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’tagħrif aġġornat dwar l-istabbilimenti jew l-impjanti fil-kontroll tagħhom kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1, fosthom kull tibdil sinifikanti fl-attivitajiet, bħall-għeluq ta’ stabbiliment jew impjant eżistenti.

3.   Jistgħu jiġu adottati regoli dettaljati rigward ir-reġistarzzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 b’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3).

4.   B’deroga mill-paragrafu 1, ma tkun meħtieġa l-ebda notifika rigward ir-reġistrazzjoni għal attivitajiet li għalihom l-istabbilimenti li jiġġeneraw il-prodotti sekondarji tal-annimali jkunu diġà ġew approvati jew reġistrati b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 852/2004 jew mar-Regolament (KE) Nru 853/2004; u għal attivitajiet li għalihom l-istabbilimenti jew l-impjanti jkunu diġà ġew approvati b’konformità mal-Artikolu 24 ta’ dan ir-Regolament.

L-istess deroga għandha tapplika għall-attivitajiet li jinvolvu l-ġenerazzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali fuq il-post biss, għal dawk li jsiru fl-irziezet jew f’postijiet oħrajn fejn l-annimali jinżammu, jitrabbew jew jittieħed ħsiebhom.

Artikolu 24

Approvazzjoni ta’ stabbilimenti jew impjanti

1.   L-operaturi għandhom jiggarantixxu li l-istabbilimenti jew l-impjanti fil-kontroll tagħhom ikunu approvati mill-awtorità kompetenti, fejn dawn l-istabbilimenti jew impjanti jwettqu xi waħda mill-attivitajiet li ġejjin jew aktar:

(a)

l-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali bl-isterilizzazzjoni bil-pressa, b’metodi tal-ipproċessar msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) jew b’metodi alternattivi awtorizzati b’konformità mal-Artikolu 20;

(b)

ir-rimi, bħala skart, bl-inċinerazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati, barra l-istabbilimenti jew l-impjanti li jkollhom permess li joperaw b’konformità mad-Direttiva 2000/76/KE;

(c)

ir-rimi jew l-irkupru ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati, jekk ikunu skart, bil-koinċinerazzjoni, barra l-istabbilimenti jew l-impjanti li jkollhom permess li joperaw b’konformità mad-Direttiva 2000/76/KE;

(d)

l-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati bħala fjuwil għall-kombustjoni;

(e)

il-manifattura ta’ ikel għall-annimali domestiċi;

(f)

il-manifattura ta’ fertilizzanti organiċi u sustanzi li jtejbu l-ħamrija;

(g)

it-trasformazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u/jew prodotti derivati f’bijogass jew kompost;

(h)

it-trattament ta’ prodotti sekondarji tal-annimali wara li jinġabru, permezz ta’ operazzjonijiet bħall-issortjar, il-qtugħ, it-tkessiħ, l-iffriżar, it-tmelliħ, it-tneħħija tal-ġlud jew ta’ materjal ta’ riskju speċifiku;

(i)

il-ħżin ta’ prodotti sekondarji tal-annimali;

(j)

il-ħżin ta’ prodotti derivati intiżi biex;

(i)

jintremew fil-landfills jew jinqerdu bl-inċinerazzjoni jew li jkunu intiżi biex jiġu rkuprati jew jinqerdu bil-koinċinerazzjoni;

(ii)

jintużaw bħala fjuwil għall-kombustjoni;

(iii)

jintużaw bħala għalf, barra minn stabbilimenti jew impjanti approvati jew reġistrati b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 183/2005;

(iv)

jintużaw bħala fertilizzanti organiċi u sustanzi li jtejbu l-ħamrija, barra mill-ħżin f’post ta’ applikazzjoni diretta.

2.   L-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika jekk l-istabbiliment jew l-impjant huwiex approvat għal operazzjonijiet bi prodotti sekondarji tal-annimali u/jew prodotti derivati ta’:

(a)

kategorija partikolari msemmija fl-Artikoli 8, 9 jew 10; jew

(b)

aktar minn kategorija waħda msemmija fl-Artikoli 8, 9 jew 10 u turi jekk dawn l-operazzjonijiet jitwettqux:

(i)

b’mod permanenti skont kondizzjonijiet ta’ firda stretta li jilqgħu minn qabel kontra xi riskji għas-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali; jew

(ii)

b’mod temporanju skont kondizzjonijiet li jilqgħu minn qabel kontra t-tniġġis, bi tweġiba għan-nuqqas ta’ kapaċità għal prodotti bħal dawn li tkun ġejja minn:

tifqigħa mxerrda ta’ marda epiżootika, jew

ċirkustanzi oħra mhux tas-soltu u mhux imbassra.

Artikolu 25

Rekwiżiti ta’ iġjene ġenerali

1.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-istabbilimenti jew l-impjanti fil-kontroll tagħhom li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 24(1)(a) u (h):

(a)

ikunu mibnija b’mod li jkunu jistgħu jitnaddfu u jiġu diżinfettati b’mod effikaċi u, fejn ikun xieraq, il-kostruzzjoni tal-art tiffaċilita d-drenaġġ tal-likwidi;

(b)

ikollhom aċċess għal faċilitajiet adegwati għall-iġjene personali, bħal tojlits, kmamar fejn wieħed ibiddel u friskaturi għall-persunal;

(c)

ikollhom arranġamenti xierqa għall-protezzjoni kontra ħlejjaq li jagħmlu l-ħsara, bħal ma huma insetti, annimali gerriema u għasafar;

(d)

iżommu l-apparat u t-tagħmir f’kondizzjoni tajba u jiżguraw li t-tagħmir tal-kejl jiġi kkalibrat regolarment; u

(e)

ikollhom arranġamenti xierqa għat-tindif u għad-diżinfettar tal-kontejners u l-vetturi fil-post biex jiġi evitat ir-riskju ta’ kontaminazzjoni;

2.   Kull persuna li taħdem fl-istabbilimenti jew fl-impjanti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun liebsa lbies xieraq, nadif u, fejn ikun meħtieġ, protettiv.

Fejn ikun il-każ, fi stabbilimenti jew impjanti partikolari:

(a)

persuni li jaħdmu fil-partijiet li ma jkunux nodfa m’għandhomx jidħlu fil-partijiet nodfa qabel ma jkunu biddlu l-ħwejjeġ tax-xogħol u ż-żraben tagħhom jew qabel ma jkunu ddiżinfettawhom;

(b)

it-tagħmir u l-makkinarju m’għandux jittieħed mill-parti mhux nadifa għall-parti nadifa jekk ma jitnaddafx jew jiġi ddiżinfettat qabel; kif ukoll

(c)

l-operatur għandu jistabbilixxi proċedura fir-rigward taċ-ċaqliq tal-persuni sabiex il-moviment tagħhom jiġi kkontrollat u biex jiġi spjegat l-użu tajjeb ta’ banjijiet għall-ħasil tal-bwiez u tar-roti.

3.   Fl-istabbilimenti jew fl-impjanti li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 24(1)(a):

(a)

il-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jiġu ttrattati b’mod li jiġi evitat ir-riskju tal-kontaminazzjoni;

(b)

il-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jiġu pproċessati mill-aktar fis. Wara l-ipproċessar, il-prodotti derivati għandhom jiġu ttrattati u maħżuna b’mod li jiġi evitat ir-riskju tal-kontaminazzjoni;

(c)

fejn ikun xieraq, waqt l-ipproċessar applikat għall-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati, kull parti tal-prodott sekondarju tal-annimali u tal-prodotti derivati għandha tiġi ttrattata b’temperatura stabbilita għal perjodu ta’ żmien biex jiġi evitat ir-riskju tal-kontaminazzjoni;

(d)

l-operaturi għandhom jiċċekkjaw regolarment il-parametri applikabbli, b’mod partikolari t-temperatura, il-pressa, il-ħin, id-daqs tal-partikoli, fejn ikun il-każ b’apparat awtomatiku;

(e)

għandhom jiġu stabbiliti u dokumentati l-proċeduri ta’ tindif għall-partijiet kollha tal-istabbiliment jew l-impjant.

Artikolu 26

It-trattament ta’ prodotti sekondarji tal-annimali fi stabbilimenti tal-ikel

1.   It-trattament, l-ipproċessar jew il-ħżin ta’ prodotti sekondarji tal-annimali fi stabbilimenti approvati jew reġistrati b’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 jew b’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 għandhom isiru bil-kondizzjonijiet li tiġi evitata t-transkontaminazzjoni u, skont il-każ, f’parti dedikata tal-istabbiliment jew tal-impjant.

2.   Materja prima għall-produzzjoni tal-ġelatina u l-kolaġen li ma tkunx intiża għall-konsum tal-bniedem tista’ tinħażen, tiġi ttrattata jew ipproċessata fl-istabbilimenti awtorizzati b’mod speċifiku b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 853/2004, Anness III, Taqsima XIV, Kapitolu I, punt 5, u Taqsima XV, Kapitolu I, punt 5, sakemm jiġi evitat ir-riskju li jittieħed xi mard billi din il-materja prima tinfired mill-materja prima għall-produzzjoni tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 japplikaw bla ħsara għal rekwiżiti aktar speċifiċi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni veterinarja Komunitarja.

Artikolu 27

Miżuri ta’ implimentazzjoni

Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-implimentazzjoni ta’ din it-Taqsima u tat-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu, marbuta ma’ dan li ġej:

(a)

rekwiżiti ta’ infrastruttura u tagħmir applikabbli fl-istabbilimenti jew fl-impjanti;

(b)

rekwiżiti tal-iġjene applikabbli għal kull xorta ta’ trattament ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati, fosthom miżuri li jimmodifikaw ir-rekwiżiti tal-iġjene għall-istabbilimenti jew impjanti msemmija fl-Artikolu 25(1);

(c)

kondizzjonijiet u rekwiżiti tekniċi għall-immaneġġjar, it-trattament, it-trasformazzjoni, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati u kondizzjonijiet għat-trattament tal-ilma tad-dranaġġ;

(d)

evidenza li għandha tiġi ppreżentata mill-operatur għall-iskop ta’ validazzjoni tat-trattament, it-trasformazzjoni u l-ipproċessar tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati, rigward il-kapaċità tagħhom li jevitaw riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali;

(e)

kondizzjonijiet għall-immaneġġjar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati ta’ aktar minn kategorija waħda msemmija fl-Artikoli 8, 9 jew 10 fl-istess stabbilimenti jew impjant:

(i)

fejn dawn l-operazzjonijiet jitwettqu separatament;

(ii)

fejn dawn l-operazzjonijiet jitwettqu temporanjament f’ċerti ċirkostanzi;

(f)

kondizzjonijiet biex tiġi evitata t-transkontaminazzjoni meta l-prodotti sekondarji tal-annimali jinħażnu, jiġu trattati jew ipproċessati f’parti għaliha tal-istabbiliment jew l-impjant imsemmija fl-Artikolu 26;

(g)

parametri ta’ trasformazzjoni standard għall-impjanti tal-bijogass u kompost;

(h)

ir-rekwiżiti applikabbli għall-inċinerazzjoni jew għall-koinċinerazzjoni f’impjanti ta’ kapaċità kbira u żgħira kif imsemmi fl-Artikolu 24(1)(b) u (c); u

(i)

ir-rekwiżiti applikabbli għall-kombustjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati kif imsemmi fl-Artikolu 24(1)(d).

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 52(4).

Taqsima 3

Kontrolli tal-operaturi stess u l-analiżi tal-periklu u l-punti kritiċi ta’ kontroll

Artikolu 28

Kontrolli tal-operaturi stess

L-operaturi għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jibqgħu jagħmlu l-kontrolli tagħhom stess fl-istabbilimenti jew l-impjanti tagħhom biex jivverifikaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament. Għandhom jiżguraw li prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati li jkunu ssuspettati jew misjuba li ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament ma joħorġu mill-istabbiliment jew l-impjant, sakemm ma jkunux destinati għar-rimi.

Artikolu 29

L-analiżi tal-periklu u l-punti kritiċi ta’ kontroll

1.   L-operaturi li jwettqu waħda mill-attivitajiet li ġejjin għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu proċedura jew proċeduri permanenti bil-miktub ibbażati fuq il-prinċipji tal-analiżi tal-periklu u l-punti kritiċi ta’ kontroll (HACCP) għal:

(a)

l-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali;

(b)

it-trasformazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali f’bijogass u kompost;

(c)

l-immaneġġjar u l-ħżin ta’ aktar minn kategorija waħda ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati fl-istess stabbiliment jew impjant;

(d)

il-manifattura ta’ ikel għall-annimali domestiċi.

2.   L-operaturi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom b’mod partikolari:

(a)

jidentifikaw kull periklu li għandu jiġi evitat, eliminat jew imnaqqas għal livelli aċċettabbli;

(b)

jidentifikaw il-punti kritiċi ta’ kontroll fil-mument jew mumenti li fih jew fihom il-kontroll huwa essenzjali biex ikun evitat jew eliminat periklu jew biex dan jitnaqqas għal livell aċċettabbli;

(c)

jistabbilixxu limiti kritiċi f’punti kritiċi ta’ kontroll li jisseparaw dak li hu aċċettabbli minn dak li mhux aċċettabbli għall-prevenzjoni, l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis ta’ perikli identifikati;

(d)

jistabbilixxu u jimplimentaw proċeduri effikaċi ta’ sorveljanza fil-punti kritiċi ta’ kontroll;

(e)

jistabbilixxu azzjonijiet korrettivi f’każ li s-sorveljanza turi li punt kritiku ta’ kontroll ma jkunx ikkontrollat;

(f)

jistabbilixxu proċeduri biex jivverifikaw jekk il-miżuri msemmija fil-punti (a) sa (e) humiex kompleti u jaħdmux b’mod effikaċi. Għandhom isiru proċeduri ta’ verifika regolarment;

(g)

jistabbilixxu dokumenti u reġistri proporzjonati għan-natura u d-daqs tan-negozji biex juru l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri stipulati fil-punti (a) sa (f).

3.   Meta ssir xi modifika fil-prodott, fil-proċess, jew fi kwalunkwe fażi tal-produzzjoni, tal-ipproċessar, tal-ħżin jew tad-distribuzzjoni, l-operaturi għandhom jirrivedu l-proċeduri u jagħmlu l-bidliet li jkunu meħtieġa.

4.   Jistgħu jiġu adottati miżuri li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3).

Artikolu 30

Gwidi nazzjonali għal prattika tajba

1.   Fejn meħtieġ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp, it-tixrid u l-użu volontarju ta’ gwidi nazzjonali għal prattika tajba, b’mod partikolari għall-applikazzjoni tal-prinċipji tal-HACCP, kif imsemmi fl-Artikolu 29. L-operaturi jistgħu jużaw dawn il-gwidi volontarjament.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tevalwa l-gwidi nazzjonali sabiex tiżgura:

(a)

li jkunu ġew żviluppati b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-partijiet li l-interessi tagħhom jistgħu jintlaqtu b’mod sostanzjali, u li jkunu nxterdu mis-setturi tal-operaturi; kif ukoll

(b)

li l-kontenuti tagħhom ikunu prattiċi għas-setturi li jirriferu għalihom.

KAPITOLU II

Tqegħid fis-suq

Taqsima 1

Prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għat-tagħlif ta’ annimali fl-irziezet minbarra annimali bil-pil

Artikolu 31

Tqegħid fis-suq

1.   Prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati destinati għat-tagħlif ta’ annimali fl-irziezet, minbarra annimali bil-pil, jistgħu jitqiegħdu fis-suq sakemm:

(a)

ikunu jew ikunu ġejjin minn materjal tal-Kategorija 3 ħlief materjal imsemmi fl-Artikolu 10(n), (o) u (p);

(b)

ikunu nġabru jew ġew ipproċessati, kif xieraq, skont il-kondizzjonijiet għall-isterilizzazzjoni bil-pressa jew kondizzjonijiet oħrajn biex jiġu pprevenuti riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali b’konformità mal-miżuri adottati skont l-Artikolu 15 umiżuri li ġew stipulati b’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu; kif ukoll

(c)

ikunu ġejjin minn stabbilimenti jew impjanti approvati jew reġistrati, kif xieraq għall-prodott sekondarju tal-annimali jew prodott derivat ikkonċernat.

2.   Miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu stabbiliti rigward il-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali għall-ġbir, l-ipproċessar u t-trattament ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati msemmija fil-paragrafu 1.

Dawn il-miżuri, mfasslamfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

Taqsima 2

Fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija

Artikolu 32

Tqegħid fis-suq u użu

1.   Fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm:

(a)

ikunu ġejjin minn materjal tal-Kategorija 2 jew tal-Kategorija 3;

(b)

ikunu ġew prodotti skont il-kondizzjonijiet għall-isterilizzazzjoni bil-pressa jew kondizzjonijiet oħrajn biex jiġu pprevenuti riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, b’konformità mar-rekwiżiti stipulati skont l-Artikolu 15 u miżuri li ġew stipulati b’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

ikunu ġejjin minn stabbilimenti jew impjanti approvati jew reġistrati, kif applikabbli; u

(d)

fil-każ ta’ ikel mil-laħam u l-għadam imfarrak li jkunu ġejjin minn materjal tal-Kategorija 2 u proteini pproċessati tal-annimali intiżi biex jintużaw bħala fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija jew fil-fertilizzanti, ikunu tħalltu b’komponent li jeskludi l-użu sussegwenti tat-taħlita għal finijiet ta’ tagħlif u ġew immarkati meta jkun meħtieġ mill-miżuri adottati taħt il-paragrafu 3.

Addizzjonalment, ir-residwi diġestivi mit-trasformazzjoni f’bijogass jew f’kompost jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jiġu użati bħala fertilizzanti organiċi jew bħala prodotti li jtejbu l-ħamrija.

L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli nazzjonali li jirrestrinġu jew jimponu kondizzjonjiet addizzjonali fuq l-użu ta’ fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija, sakemm regoli bħal dawn ikunu ġustifikati għal raġunijiet ta’ ħarsien tas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali.

2.   B’deroga mill-punt (d) tal-paragrafu 1, it-taħlit m’għandux ikun meħtieġ għal materjal li l-użu tiegħu għall-finijiet ta’ tagħlif ikun eskluż minħabba l-kompożizzjoni jew l-imballaġġ tiegħu.

3.   Jistgħu jiġu stipulati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu marbuta ma’ dan li ġej:

(a)

kondizzjonijiet ta’ saħħa tal-pubbliku u tal-annimali għall-produzzjoni u l-użu ta’ fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija;

(b)

komponenti jew sustanzi għall-immarkar ta’ fertilizzanti jew prodotti li jtejbu l-ħamrija;

(c)

komponenti li jridu jitħalltu ma’ fertilizzanti organiċi jew prodotti li jtejbu l-ħamrija;

(d)

kondizzjonijiet supplimentari, bħall-metodi li jridu jintużaw għall-immarkar u l-proporzjonijiet minimi li jridu jiġu osservati fit-tħejjija tat-taħlita, sabiex jiġi eskluż l-użu ta’ fertilizzanti jew prodotti li jtejbu l-ħamrija bħal dawn għal finijiet ta’ tagħlif; u

(e)

każijiet fejn il-kompożizzjoni jew l-imballaġġ jippermettu lill-materjal li jiġi eżentat mir-rekwiżit tat-taħlit.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 49(4).

Taqsima 3

Prodotti derivati regolati minn leġiżlazzjoni komunitarja oħra

Artikolu 33

Tqegħid fis-suq

L-operaturi jistgħu jqiegħdu fis-suq il-prodotti derivati li ġejjin:

(a)

prodotti kożmetiċi kif iddefiniti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 76/768/KEE;

(b)

tagħmir mediku attiv li jiġi impjantat kif iddefinit fl-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 90/385/KEE;

(c)

tagħmir mediku kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/42/KEE;

(d)

tagħmir in vitro mediku ta’ dijanjożi kif iddefinit fl-Artikolu 1(2)(b) tad-Direttiva 98/79/KE;

(e)

prodotti mediċinali veterinarji kif iddefiniti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/82/KE;

(f)

prodotti mediċinali kif iddefiniti fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2001/83/KE.

Artikolu 34

Manifattura

1.   L-importazzjoni, il-ġbir u l-moviment ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati destinati għall-istabbilimenti jew l-impjanti għall-manifattura tal-prodotti derivati msemmija fl-Artikolu 33 u l-manifattura ta’ dawk il-prodotti derivati għandhom jitwettqu skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja msemmija f’dak l-Artikolu.

Materjal li ma ntużax minn dawn l-istabbilimenti jew impjanti għandu jintrema skont dik il-leġiżlazzjoni.

2.   Madankollu, dan ir-Regolament għandu japplika fejn il-leġiżlazzjoni Komunitarja msemmija fl-Artikolu 33 ma tistipulax kondizzjonijiet li jikkontrollaw riskji potenzjali għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali skont l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

Taqsima 4

Prodotti derivati oħrajn

Artikolu 35

It-tqegħid fis-suq tal-ikel tal-annimali domestiċi

L-operaturi jistgħu jqiegħdu fis-suq ikel għall-annimali domestiċi sakemm:

(a)

il-prodotti jkunu ġejjin:

(i)

minn materjal tal-Kategorija 3, hlief materjal imsemmi fl-Artikolu 10(n), (o) u (p);

(ii)

fil-każ ta’ ikel għall-annimali domestiċi li jkun ġie impurtat jew ta’ ikel għall-annimali domestiċi magħmul minn materjal impurtat, mill-materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 8(c), suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40; jew

(iii)

fil-każ ta’ ikel nej għall-annimali domestiċi, minn materjal imsemmi fl-Artikolu 10(a) u (b)(i) u (ii); u

(b)

jiżguraw il-kontroll ta’ riskji lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali bi trattament sikur b’konformità mal-Artikolu 38, fejn is-sorsi sikuri skont l-Artikolu 37 ma jiżgurawx kontroll suffiċjenti.

Artikolu 36

It-tqegħid fis-suq ta’ prodotti derivati oħrajn

L-operaturi jistgħu jqiegħdu fis-suq prodotti derivati, ħlief il-prodotti msemmija fl-Artikoli 31, 32, 33 u 35, sakemm:

(a)

dawk il-prodotti:

(i)

ma jkunux maħsuba għal użu għat-tagħlif ta’ annimali fl-irziezet jew għall-applikazzjoni fuq art minn fejn se jieklu dawn l-annimali; jew

(ii)

ikunu maħsuba għal tagħlif għall-annimali tal-pil; u

(b)

jiżguraw il-kontroll ta’ riskji lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali billi:

(i)

jintużaw sorsi sikuri b’konformità mal-Artikolu 37;

(ii)

ikun hemm trattament sikur skont l-Artikolu 38, meta l-użu ta’ sorsi sikuri ma jiżgurax kontroll suffiċjenti; jew

(iii)

jiġi vverifikat li l-prodotti jintużaw biss għal użi finali sikuri skont l-Artikolu 39 meta trattament sikur ma jiżgurax kontroll suffiċjenti.

Artikolu 37

Użu ta’ sorsi sikuri

1.   L-użu ta’ sorsi sikuri għandu jinkludi l-użu ta’ materjal:

(a)

li ma joħloq l-ebda riskju inaċċettabbli lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali;

(b)

li jkun inġabar u nġarr mill-punt tal-ġbir għall-istabbiliment jew l-impjant tal-manifattura skont kondizzjonijiet li jeskludu riskji lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali; jew

(c)

li jkun ġie importat fil-Komunità u nġarr mill-punt tal-ewwel dħul għall-istabbiliment jew l-impjant tal-manifattura skont kondizzjonijiet li jeskludu riskji lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali;

2.   Għall-fini ta’ użu ta’ sorsi sikuri, l-operaturi għandhom jipprovdu d-dokumentazzjoni tar-rekwiżiti tal-paragrafu 1, inkluż, fejn hemm bżonn, prova tas-sigurtà tal-miżuri ta’ bijosikurezza meħuda sabiex jeskludu l-ħolqien ta’ riskji lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali mill-materjal tal-bidu.

Dokumentazzjoni bħal din għandha tinżamm disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti malli jitolbuha.

Fil-każ imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1, il-konsenji għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa li jikkorrispondi għal mudell adottat b’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3).

Artikolu 38

Trattament sikur

Trattament sikur għandu jinkludi applikazzjoni ta’ proċess ta’ manifattura għall-materjal użat li jnaqqas għal livell aċċettabbli r-riskji lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali li jinħolqu mill-materjal użat jew minn sustanzi oħrajn li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura.

Għandu jkun żgurat li l-prodott derivat ma joħloq l-ebda riskju inaċċettabbli lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, b’mod partikolari permezz tal-ittestjar tal-prodott finali.

Artikolu 39

Użi finali sikuri

Użi finali sikuri għandhom jinkludu l-użu ta’ prodotti derivati:

(a)

skont kondizzjonijiet li ma joħolqu l-ebda riskju inaċċettabbli lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali; jew

(b)

li jistgħu joħolqu riskju lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, għal finijiet speċifiċi sakemm użu bħal dan ikun iġġustifikat mill-għanijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari għall-ħarsien tas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali.

Artikolu 40

Miżuri ta’ implimentazzjoni

Jistgħu jiġu stipulati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ din it-Taqsima marbuta ma’ dan li ġej:

(a)

kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel għall-annimali domestiċi li jkun ġie impurtat jew ta’ ikel għall-annimali domestiċi magħmul minn materjal impurtat, mill-materjal tal-Kategorija 1 imsemmi fl-Artikolu 8(c);

(b)

kondizzjonijiet għall-użu sikur tas-sorsi u l-moviment tal-materjal li jrid jintuża skont kondizzjonijiet li jeskludu r-riskji fuq is-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali;

(c)

dokumentazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 37(2);

(d)

parametri għall-proċess ta’ manifattura kif imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 38, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ trattamenti fiżiċi u kimiċi għall-materjal użat;

(e)

rekwiżiti għall-ittestjar applikabbli għall-prodott finali; u

(f)

kondizzjonijiet għall-użu sikur ta’ prodotti derivati li joħolqu riskju lis-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

KAPITOLU III

Importazzjoni, transitu u esportazzjoni

Artikolu 41

Importazzjoni u transitu

1.   Prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għandhom ikunu importati fil-Komunità, jew mibgħuta fi transitu permezz tagħha, skont:

(a)

ir-rekwiżiti rilevanti ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri implimentattivi tiegħu għall-prodott sekondarju tal-annimali partikolari jew prodott derivat li huma tal-inqas stretti daqs dawk applikabbli għall-produzzjoni jew it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati bħal dawn fi ħdan il-Komunità;

(b)

kondizzjonijiet rikonoxxuti bħala tal-inqas ekwivalenti għar-rekwiżiti applikabbli għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati bħal dawn skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja; jew

(c)

fil-każ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati msemmija fl-Artikoli 33, 35 u 36, ir-rekwiżiti stabbiliti f’dawk l-Artikoli.

Il-miżuri msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-importazzjoni u t-transitu ta’:

(a)

materjal ta’ riskju speċifikat għandu jseħħ biss b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 999/2001;

(b)

prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati mħalltin jew kontaminati bi kwalunkwe skart elenkat bħala perikoluż fid-Deċiżjoni 2000/532/KE għandu jseħħ biss suġġett għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006;

(c)

materjal tal-Kategorija 1, materjal tal-Kategorija 2 u prodotti derivati minnhom li mhumiex maħsuba għall-manifattura ta’ prodotti derivati msemmija fl-Artikoli 33, 35 u 36 għandu jseħħ biss jekk ikunu ġew adottati r-regoli għall-importazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 42(2)(a);

(d)

prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati destinati għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1) għandhom iseħħu skont il-miżuri nazzjonali li jiżguraw il-kontroll ta’ riskji għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, sakemm jiġu adottati l-kondizzjonijiet armonizzati msemmija fl-Artikolu 17(2).

3.   Fil-każ ta’ importazzjoni u transitu ta’ materjal tal-Kategorija 3 u prodotti derivati minnhom, ir-rekwiżiti rilevanti kif imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom ikunu stabbiliti.

Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jispeċifikaw li l-konsenji:

(a)

iridu jiġu minn pajjiż terz jew parti minn pajjiż terz elenkat taħt il-paragrafu 4;

(b)

iridu jiġu minn stabbilimenti jew impjanti approvati jew reġistrati mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz tal-oriġini u elenkati minn dik l-awtorità għal dik il-fini; u

(c)

iridu jkunu akkumpanjati f’dak il-punt tad-dħul fil-Komunità fejn il-kontrolli veterinarji jsiru permezz tad-dokumentazzjoni bħal dokument kummerċjali jew ċertifikat tas-saħħa u fejn ikun xieraq permezz ta’ dikjarazzjoni, li tikkorrispondi għal mudell stabbilit skont il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(2).

Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

Sa meta r-rekwiżiti msemmija fil-punti (a) u (c) tat-tieni subparagrafu jiġu adottati, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw dawk ir-rekwiżiti f’miżuri nazzjonali.

4.   Listi ta’ pajjiżi terzi jew partijiet ta’ pajjiżi terzi minn fejn jistgħu jiġu importati prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati jistgħu jkunu importati jew fi transitu mill-Komunità skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3), filwaqt li b’mod partikolari jitqiesu:

(a)

il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż terz;

(b)

l-organizzazzjoni tal-awtorità kompetenti u s-servizzi tal-ispezzjoni tagħha fil-pajjiż terz, il-poteri ta’ dawk is-servizzi, is-sorveljanza li għaliha huma suġġetti, u l-awtorità tagħhom li jimmonitorjaw effettivament l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħhom;

(c)

il-kondizzjonijiet tas-saħħa effettivi applikati għall-produzzjoni, manifattura, immaniġġar, ħażna u dispaċċ ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-Komunità;

(d)

l-assigurazzjonijiet li l-pajjiż terz jista’ jagħti rigward konformità mal-kondizzjonijiet tas-saħħa rilevanti;

(e)

l-esperjenza ta’ tqegħid fis-suq tal-prodott mill-pajjiż terz u r-riżultati ta’ kontrolli ta’ importazzjonijiet imwettqa;

(f)

ir-riżultat ta’ ispezzjonijiet Komunitarji fil-pajjiż terz;

(g)

l-istat tas-saħħa tal-bhejjem ħajjin, annimali domestiċi u selvaġġi fil-pajjiż terz, b’kunsiderazzjoni partikolari għal mard eżotiku tal-annimali u aspetti tas-sitwazzjoni ġenerali tas-saħħa fil-pajjiż li jistgħu joħolqu riskju għas-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali fil-Komunità;

(h)

ir-regolarità u l-ħeffa li biha l-pajjiż terz iforni t-tagħrif dwar l-eżistenza ta’ mard tal-annimali infettuż fit-territorju tiegħu, b’mod partikolari l-mard elenkat fil-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri u l-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-Annimali;

(i)

ir-regolamenti dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard tal-annimali infettuż fis-seħħ fil-pajjiż terz u l-implimentazzjoni tagħhom, inklużi regoli dwar importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn.

Il-listi ta’ stabbilimenti jew impjanti msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 għandhom jinżammu aġġornati u komunikati lill-Kummissjoni u l-Istati Membri u jkunu disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 42

Miżuri ta’ implimentazzjoni

1.   Għandhom jiġu adottati miżuri għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 41 li jistgħu jeskludu prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati manifatturati f’ċerti stabbilimenti jew impjanti milli jiġu impurtati jew milli jgħaddu bi transitu sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali, b’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3).

2.   Għandhom jiġu stabbiliti miżuri oħra għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 41, marbuta ma’ dan li ġej:

(a)

kondizzjonijiet għall-importazzjoni u t-transitu ta’ materjali tal-Kategorija 1 u Kategorija 2 u għal prodotti derivati minnhom;

(b)

restrizzjonijiet rigward is-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali applikabbli għal materjal tal-Kategorija 3 jew prodotti derivati minnhom li jistgħu jkunu stipulati b’referenza għal listi Komunitarji ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minn pajjiżi terzi mfassla skont l-Artikolu 41(4) jew għal finijiet oħrajn ta’ saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali;

(c)

kondizzjonijiet għall-manifattura ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati fi stabbilimenti jew impjanti f’pajjiżi terzi; kondizzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu l-arranġamenti għall-kontrolli ta’ stabbilimenti jew impjanti bħal dawn mill-awtorità kompetenti kkonċernata u jistgħu jeżentaw ċerti tipi ta’ stabbilimenti jew impjanti li jimmaniġġaw il-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati minn approvazzjoni jew reġistrazzjoni kif imsemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(3); u

(d)

mudelli għaċ-ċertifikati tas-saħħa, għad-dokumenti u d-dikjarazzjonijiet kummerċjali li għandhom jakkumpanjaw il-konsenji, u li jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li bihom jistgħu jistqarru li l-prodotti sekondarji tal-annimali jew il-prodotti derivati kkonċernati nġabru jew ġew manifatturati skont ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

Artikolu 43

Esportazzjoni

1.   L-esportazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati destinati għall-inċinerazzjoni jew għal-landfill għandha tkun ipprojbita.

2.   L-esportazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati għal pajjiżi terzi li mhumiex membri tal-OECD għall-użu f’impjant tal-bijogass jew kompost għandha tkun ipprojbita.

3.   Materjal tal-Kategorija 1, materjal tal-Kategorija 2 u prodotti derivati minnhom għandhom ikunu esportati biss għal finijiet li mhumiex dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 bil-kondizzjoni li r-regoli għall-esportazzjoni tagħhom ikunu ġew stabbiliti.

Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

4.   L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 li jikkonċerna ikel u għalf esportat mill-Komunità għandu japplika mutatis mutandis għall-esportazzjoni ta’ materjal tal-Kategorija 3 jew prodotti derivati minnhom b’konformità ma’ dan ir-Regolament.

5.   B’deroga mill-paragrafi 3 u 4, l-esportazzjoni ta’:

(a)

materjal ta’ riskju speċifikat għandu jseħħ biss b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 999/2001;

(b)

prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati mħalltin jew kontaminati bi kwalunkwe skart elenkat bħala perikoluż fid-Deċiżjoni 2000/532/KE għandu jseħħ biss suġġett għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

TITOLU III

KONTROLLI UFFIĊJALI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

KAPITOLU I

Kontrolli uffiċjali

Artikolu 44

Proċedura għall-approvazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti għandha tapprova stabbilimenti jew impjanti biss wara li żjara fuq il-post, qabel il-bidu ta’ kwalunkwe attività, tkun uriet li jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 27.

2.   L-awtorità kompetenti tista’ tagħti l-approvazzjoni bil-kondizzjoni li jkun jidher li, wara ż-żjara fuq il-post, l-istabbilment jew l-impjant ikun jissodisfa r-rekwiżiti kollha fir-rigward tal-infrastruttura u t-tagħmir sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni tal-proċeduri operattivi b’konformità ma’ dan ir-Regolament. L-approvazzjoni sħiħa għandha tingħata biss jekk ikun jidher li, wara li tkun saret żjara oħra fuq il-post fi żmien tliet xhur wara l-għoti tal-approvazzjoni bil-kondizzjoni msemmija qabel, l-istabbilment jew l-impjant ikun jissodisfa r-rekwiżiti l-oħra msemmija fil-paragrafu 1. Jekk ikun sar progress biċ-ċar, iżda l-istabbiliment jew l-impjant ikun għadu ma ssodisfax dawn ir-rekwiżiti kollha, l-awtorità kompetenti tista’ ttawwal l-approvazzjoni b’kondizzjoni. Madankollu, l-approvazzjoni b’kondizzjoni m’għandhiex taqbeż is-sitt xhur.

3.   L-operaturi għandhom jiggarantixxu li stabbiliment jew impjant ma jibqax jopera jekk l-awtorità kompetenti tirtira l-approvazzjoni tagħha jew, fil-każ ta’ approvazzjoni b’kondizzjoni, tonqos li testendiha jew tagħti l-approvazzjoni sħiħa.

Artikolu 45

Kontrolli uffiċjali

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 5, l-awtorità kompetenti għandha b’intervalli regolari twettaq kontrolli u superviżjoni uffiċjali tal-immaniġġar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati li jidħlu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 għandu japplika mutatis mutandis għall-kontrolli uffiċjali mwettqa għall-verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament.

3.   L-awtorità kompetenti tista’ tqis l-aderenza ma’ gwidi ta’ prattika tajba, waqt li twettaq il-kontrolli uffiċjali tagħha.

4.   Arranġamenti dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi regoli li jikkonċernaw il-metodi ta’ referenza għall-analiżi mikrobijoloġiċi, jistgħu jiġu stabbiliti.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

Artikolu 46

Sospensjonijiet, irtiri u projbizzjonijiet fuq l-operazzjonijiet

1.   Jekk il-kontrolli u s-superviżjoni uffiċjali mwettqa mill-awtorità kompetenti jiżvelaw li wieħed jew aktar mir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament mhumiex sodisfatti, hija għandha tieħu azzjoni xierqa.

L-awtorità kompetenti għandha b’mod partikolari, skont il-każ tan-natura u l-gravità tad-defiċjenzi u skont ir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali:

(a)

tissospendi l-approvazzjonijiet ta’ stabbilimenti jew impjanti approvati skont dan ir-Regolament, jekk:

(i)

il-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni jew l-operazzjoni tal-istabbiliment jew impjant ma baqgħux jiġu sodisfatti;

(ii)

l-operatur jista’ jkun mistenni jirrimedja d-defiċjenzi f’perjodu ta’ żmien raġonevoli; u

(iii)

ir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali ma jirrikjedux azzjoni skont il-punt (b);

(b)

tirtira l-approvazzjonijiet ta’ stabbilimenti jew impjanti approvati skont dan ir-Regolament, jekk:

(i)

il-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni jew l-operazzjoni tal-istabbiliment jew impjant ma baqgħux jiġu sodisfatti; u

(ii)

l-operatur ma jistax ikun mistenni jirrimedja d-defiċjenzi f’perjodu ta’ żmien raġonevoli;

għal raġunijiet marbuta mal-infrastruttura tal-istabbiliment jew l-impjant;

għal raġunijiet relatati mal-kapaċità personali tal-operatur jew il-persunal taħt is-superviżjoni tiegħu, jew

minħabba riskji serji lis-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali li tirrikjedi aġġustamenti kbar għall-operazzjoni tal-istabbiliment jew impjant qabel ma l-operatur ikun jista’ japplika għal approvazzjoni mill-ġdid;

(c)

timponi kondizzjonijiet speċifiċi fuq stabbilimenti jew impjanti sabiex jissewwew defiċjenzi eżistenti.

2.   L-awtorità kompetenti għandha, skont il-każ tan-natura u l-gravità tad-defiċjenzi u skont ir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-pubbliku u tal-annimali, tipprojbixxi temporanjament jew permanentement operaturi msemmija fl-Artikolu 23(1) u (3) u fl-Artikolu 24(1), milli jwettqu operazzjonijiet skont dan ir-Regolament, kif xieraq, wara r-riċezzjoni ta’ tagħrif li jindika:

(a)

li r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mhumiex sodisfatti; u

(b)

riskji potenzjali għas-saħħa tal-pubbliku jew tal-annimali li jiġu minn operazzjonijiet bħal dawn.

Artikolu 47

Listi

1.   Kull Stat Membru għandu jfassal lista ta’ stabbilimenti, impjanti u operaturi li ġew approvati jew reġistrati skont dan ir-Regolament fi ħdan it-territorju tiegħu.

Huwa għandu jassenja numru uffiċjali lil kull stabbiliment, impjant jew operatur approvat jew reġistrat, li jidentifika l-istabbiliment, l-impjant jew l-operatur fir-rigward tan-natura tal-attivitajiet tiegħu.

L-Istati Membri għandhom jindikaw, jekk ikun applikabbli, numru uffiċjali li ngħata lill-istabbiliment, impjant jew operatur skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-listi ta’ stabbilimenti, impjanti u operaturi approvati jew reġistrati disponibbli għall-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħrajn.

L-Istati Membri għandhom iżommu l-listi ta’ stabbilimenti, impjanti u operaturi approvati jewreġistrati aġġornati u jagħmluhom disponibbli għal Stati Membri oħrajn u għall-pubbliku.

2.   Jistgħu jiġu stipulati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3), b’mod partikolari dwar:

(a)

il-format għal-listi msemmija fil-paragrafu 1; u

(b)

il-proċedura biex il-listi msemmija fil-paragrafu 1 isiru disponibbli.

Artikolu 48

Kontrolli għad-dispaċċ lejn Stati Membri oħrajn

1.   Meta operatur ikun bi ħsiebu jibgħat materjal tal-Kategorija 1, materjal tal-Kategorija 2 u ikel ta’ laħam u għadam jew xaħam tal-annimali li jkun ġej minn materjali tal-Kategorija 1 u Kategorija 2 lejn Stat Membru ieħor, għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandu jiddeċiedi mal-applikazzjoni mill-operatur, f’perjodu speċifiku ta’ żmien:

(a)

li jirrifjuta l-wasla tal-konsenja;

(b)

li jaċċetta l-konsenja bla kondizzjoni; jew

(c)

li jirrikonoxxi r-riċezzjoni tal-konsenja tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

jekk il-prodotti derivati ma jkunux għaddew minn sterilizzazzjoni bil-pressa, ikollhom jgħaddu minn dan it-trattament; jew

(ii)

il-prodotti sekondarji tal-annimali jew il-prodotti derivati jridu jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għad-dispaċċ tal-konsenja li jkunu ġġustifikati għall-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annimali sabiex jiġi żgurat li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati jkunu maniġġati b’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Għandhom jiġu adottati formati għall-applikazzjonijiet minn operaturi msemmija fil-paragrafu 1 b’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3).

3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni, permezz tas-sistema Traces b’konformità mad-Deċiżjoni 2004/292/KE, tad-dispaċċ ta’ kull konsenja mibgħuta lill-Istat Membru tad-destinazzjoni, ta’

(a)

prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

proteini tal-annimali pproċessati ġejjin minn materjal tal-Kategorija 3.

Meta tiġi infurmata bid-dispaċċ, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini bil-wasla ta’ kull konsenja permezz tas-sistema Traces.

4.   Il-materjali tal-Kategorija 1 u Kategorija 2, ikel ta’ laħam u għadam u xaħam tal-annimali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu trasportati direttament lejn lill-impjant ta’ destinazzjoni, li kellu jkun reġistrat jew approvat skont l-Artikoli 23, 24 u 44 jew, fil-każ ta’ demel, lir-razzett ta’ destinazzjoni.

5.   Meta prodotti sekondarji jew prodotti derivati jintbagħtu lil Stati Membri oħrajn permezz tat-territorju ta’ pajjiż terz, huma għandhom jintbagħtu b’konsinja li ġew issiġillati fl-Istat Membru tal-oriġini u għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa.

Il-konsenji ssiġillati għandhom jerġgħu jidħlu fil-Komunità biss permezz ta’ post tal-ispezzjoni fuq il-fruntiera, b’konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/662/KEE.

6.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 sa 5, il-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati msemmija fihom li tħalltu jew ġew ikkontaminati ma’ kwalunkwe skart elenkat bħala perikoluż fid-Deċiżjoni 2000/532/KE għandhom jintbagħtu lejn Stati Membri oħrajn suġġetti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006.

7.   Għandhom jiġu adottati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu marbuta ma’ dan li ġej:

(a)

perjodu ta’ żmien speċifiku għad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti kif imsemmi fil-paragrafu 1;

(b)

kondizzjonijiet supplimentari għad-dispaċċ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati msemmija fil-paragrafu 4;

(c)

mudelli għaċ-ċertifikati tas-saħħa li jridu jakkumpanjaw il-konsenji mibgħuta taħt il-paragrafu 5; u

(d)

kondizzjonijiet li bihom il-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati maħsuba biex jintużaw f’wirjiet, attivitajiet artistiċi, u għal skopijiet dijanjostiċi, edukattivi jew ta’ riċerka jistgħu jintbagħtu lil Stati Membri oħra, permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 sa5 ta’ dan l-Artikolu.

Dawn il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

8.   Il-miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu jistgħu jispeċifikaw il-kondizzjonijiet li bihom, permezz tad-deroga mill-paragrafi 1 sa 4, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu:

(a)

id-dispaċċ ta’ demel trasportat bejn żewġ postijiet li jinsabu fl-istess razzett jew bejn irziezet li jinsabu f’reġjuni fil-fruntiera ta’ Stati Membri li jaqsmu fruntiera bejniethom;

(b)

id-dispaċċ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali oħrajn trasportati bejn stabbilimenti jew impjanti li jinsabu f’reġjuni fil-fruntiera ta’ Stati Membri li jaqsmu fruntiera bejniethom; u

(c)

it-trasport ta’ annimal domestiku mejjet għall-inċinerazzjoni lejn stabbiliment jew impjant li jinsab f’reġjun fil-fruntiera ma’ Stat Membru ieħor li jaqsam fruntiera komuni.

Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 52(4).

Artikolu 49

Il-kontrolli Komunitarji fl-Istati Membri

1.   Esperti mill-Kummissjoni jistgħu jagħmlu ispezzjonijiet fuq il-post, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, safejn huwa meħtieġ għall-applikazzjoni uniformi ta’ dan ir-Regolament.

L-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu jitwettqu ispezzjonijiet għandu jipprovdi lill-esperti bl-għajnuna kollha meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti bir-riżultati tat-testijiet li jkunu saru.

2.   Jistgħu jiġu adottati miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3), b’mod partikolari dwar il-proċedura għall-kooperazzjoni ma’ awtortitajiet nazzjonali.

Artikolu 50

L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 għall-finijiet ta’ ċerti kontrolli

1.   L-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 għandu japplika mutatis mutandis għall-kontrolli Komunitarji f’pajjiżi terzi mwettqa għall-verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   L-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 għandu japplika mutatis mutandis għall-introduzzjoni gradwali tar-rekwiżiti tal-Artikolu 41(3) ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 għandu japplika mutatis mutandis għall-kontrolli minn pajjiżi terzi fi Stati Membri relatati ma’ operazzjonijiet taħt dan ir-Regolament.

KAPITOLU VII

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 51

Dispożizzjonijiet nazzjonali

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw taħt il-kompetenza tagħhom li tikkonċerna direttament l-implimentazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 52

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali stabbilit mill-Artikolu 58(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tiegħu.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tiegħu.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

4.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

5.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u (5)(b) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

L-iskadenzi stipulati fl-Artikoli 5a(3)(c), (4)(b) u (4)(e) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikunu ta’ xahrejn, xahar u xahrejn rispettivament.

6.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1), (2), (4) u (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 53

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implementati. Il-penalitajiet stipulati jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet sal-4 ta’ Ġunju 2011 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tkun taffettwahom.

Artikolu 54

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 huwa b’dan imħassar b’effett mill-4 ta’ Marzu 2011.

Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella ta’ korrelazzjoni stipulata fl-Anness.

Artikolu 55

Miżura transitorja

L-istabbilimenti, impjanti u utenti approvati jew reġistrati skont ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 qabel l-4 ta’ Marzu 2011 għandhom jitqiesu bħala approvati jew reġistrati, kif meħtieġ, skont dan ir-Regolament.

Artikolu 56

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-tal-pubblikuzzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-4 ta’ Marzu 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  ĠU C 100, 30.4.2009, p. 133.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2009.

(3)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(5)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(6)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(7)  ĠU L 358, 18.12.1986, p. 1.

(8)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(9)  ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.

(10)  ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69.

(11)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(12)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 1.

(13)  ĠU L 125, 23.5.1996, p. 3.

(14)  ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10.

(15)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(16)  ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1.

(17)  ĠU L 31, 1.2.2002. p. 1.

(18)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(19)  ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1.

(20)  ĠU L 332, 28.12.2000, p. 91.

(21)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(22)  ĠU L 343, 27.12.2007, p. 1.

(23)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(24)  ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63.

(25)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(26)  ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.

(27)  ĠU L 39, 16.2.1993, p. 1.

(28)  ĠU L 272, 4.10.1997, p. 45.

(29)  ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3.

(30)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 169.

(31)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

(32)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1.

(33)  ĠU L 189, 20.7.1990, p. 17.

(34)  ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1.

(35)  ĠU L 331, 7.12.1998, p. 1.

(36)  ĠU L 105, 26.4.2003, p. 18.

(37)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(38)  Regolament (KE) Nru 811/2003 dwar il-projbizzjoni ta’ riċiklaġġ tal-intra-speċje għall-ħut, id-dfin u l-ħruq ta’ prodotti sekondarji tal-annimali (ĠU L 117, 13.5.2003, p. 14); Deċiżjoni 2003/322/KE dwar it-tmigħ ta’ ċerti għasafar nekrofagi b’ċertu materjali tal-Kategorija 1 (ĠU L 117, 13.5.2003, p. 32; Deċiżjoni 2003/324/KE dwar deroga mill-projbizzjoni tar-riċiklaġġ intra-speċi għal annimali bil-pil (ĠU L 117, 13.5.2003, p. 37; Regolament (KE) Nru 92/2005 dwar mezzi ta’ rimi jew użi (ĠU L 19, 21.1.2005, p. 27; Regolament (KE) Nru 181/2006 dwar fertilizzanti organiċi u prodotti li jtejbu l-ħamrija li mhumiex demel (ĠU L 29, 2.2.2006, p. 31); Regolament (KE) Nru 1192/2006 dwar listi ta’ pjanti approvati (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 10); Regolament Nru 2007/2006 dwar l-importazzjoni u t-tranżitu ta’ ċerti prodotti intermedjarji derivati mill-materjal tal-Kategorija 3 (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 98).

(39)  ĠU L 275, 25.8.2004, p. 17.


ANNESS

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1 u 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3(1)

Artikolu 4(1) u (2)

Artikolu 3(2)

Artikolu 41(3), ir-raba’ subparagrafu

Artikolu 3(3)

Artikolu 4(3), (4) u (5)

Artikolu 4(1)

Artikolu 8

Artikolu 4(2)

Artikoli 12, 15 u 16

Artikolu 4(3)

Artikolu 24(h), (i) u (j)

Artikolu 4(4)

Artikolu 41(2)(c), Artikolu 43(3) u (5)(a)

Artikolu 5(1)

Artikolu 9

Artikolu 5(2)

Artikoli 13, 15 u 16

Artikolu 5(3)

Artikolu 24(h), (i) u (j)

Artikolu 5(4)

Artikolu 41(2)(c) u Artikolu 43(3)

Artikolu 6(1)

Artikolu 10

Artikolu 6(2)

Artikoli 14, 15 u 16

Artikolu 6(3)

Artikolu 24(h), (i) u (j)

Artikolu 7

Artikolu 21

Artikolu 8

Artikolu 48

Artikolu 9

Artikolu 22

Artikoli 10 sa 15, 17 u 18

Artikoli 23, 24, 27 u44

Artikolu 16

Artikolu 6

Artikolu 19

Artikolu 31

Artikolu 20(1)

Artikoli 35 u 36

Artikolu 20(2)

Artikolu 32

Artikolu 20(3)

Artikolu 36

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 11

Artikolu 23

Artikoli 17 u 18

Artikolu 24

Artikolu 19

Artikolu 25

Artikoli 28 u 29

Artikolu 26

Artikoli 45, 46 u 47

Artikolu 27

Artikolu 49

Artikolu 28

Artikolu 35(a)(ii) u Artikolu 41(1)

Artikolu 29

Artikoli 41 u 42

Artikolu 30

Artikoli 41(1)(b)

Artikolu 31

Artikolu 50(1)

Artikolu 32

Artikolu 33

Artikolu 52

Artikolu 34

Artikolu 35

Artikolu 15(2) u Artikolu 51

Artikolu 36

Artikolu 37

Artikolu 54

Artikolu 38

Artikolu 56