14.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/15


REGOLAMENT (KE) 714/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2009

dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003

(Test b’rilevanza ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Is-suq intern fl-elettriku, li ilu jiġi implimentat progressivament mill-1999, għandu l-mira li jipprovdi għażla reali lill-konsumaturi kollha fil-Komunità, kemm jekk huma ċittadini jew negozji, kif ukoll opportunitajiet ġodda ta’ negozju u aktar kummerċ transkonfinali sabiex jiġu żgurati gwadanji f’termini ta’ effiċjenza, prezzijiet kompetittivi u standards ogħla ta’ servizz, kif ukoll sabiex jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u għas-sostenibbiltà.

(2)

Id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (4) u r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1228/2003 tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (5) għamlu kontributi sinifikanti lejn il-ħolqien ta’ suq intern tal-elettriku.

(3)

Madankollu, fil-preżent, jeżistu ostakoli għall-bejgħ tal-elettriku fuq termini ugwali, mingħajr diskriminazzjoni jew żvantaġġ fil-Komunità. B’mod partikolari, aċċess mhux diskriminatorju għan-network, u livell ugwalment effettiv ta’ superviżjoni regolatorja f’kull Stat Membru, għadhom ma jeżistux filwaqt li għadhom jeżistu swieq iżolati.

(4)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2007 intitolata “Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa” saħqet fuq l-importanza li s-suq intern tal-elettriku jitkompla kif ukoll li jkun hemm ambjent ekwu għall-impriżi kollha tal-elettriku fil-Komunità. Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2007 intitolati “Prospetti għas-suq intern tal-gass u l-elettriku” u “Inkjesta skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar is-setturi Ewropej tal-gass u l-elettriku (Rapport Finali)” urew li r-regoli u l-miżuri ta’ bħalissa la jipprovdu l-qafas meħtieġ u lanqas jipprovdu għall-ħolqien ta’ kapaċitajiet interkonnessi biex jintlaħaq l-għan ta’ suq intern li jaħdem tajjeb, effiċjenti u miftuħ.

(5)

Barra li jimplimenta kompletament il-qafas regolatorju eżistenti, il-qafas regolatorju tas-suq intern tal-elettriku stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 għandu jiġi adattat konformement ma’ dawk il-komunikazzjonijiet.

(6)

B’mod partikolari, jeħtieġ li jkun hemm aktar koperazzjoni u koordinazzjoni fost l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni biex jinħolqu kodiċijiet tan-network biex jingħata u jkun immaniġġjat aċċess effettiv u trasparenti għan-networks ta’ trażmissjoni transkonfinali, u biex jiżguraw ippjanar ikkoordinat li jkollu viżjoni u evoluzzjoni teknika soda tas-sistema ta’ trażmissjoni fil-Komunità, inkluż il-ħolqien ta’ kapaċitajiet ta’ interkonnessjni, b’attenzjoni xierqa għall-ambjent. Dawk il-kodiċijiet tan-network għandhom ikunu konformi ma’ linjigwida ta’ qafas li fin-natura tagħhom ma jkunux obbligatorji (linjigwida qafas) u li jkunu żviluppati mill-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 13 ta’ Lulju 2009 li jistabilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (6) (l-Aġenżija). L-Aġenzija għandu jkollha rwol fir-reviżjoni, fuq bażi ta’ fatti, tal-abbozz ta’ kodiċijiet tan-network, inkluża l-konformità tagħhom mal-linjigwida ta’ qafas, u għandha tkun tista’ tirrakkomandahom għall-adozzjoni mill-Kummissjoni. L-Aġenzija għandha tivvaluta l-emendi proposti għall-kodiċijiet tan-network u hija għandha tkun tista’ tirrakkomandahom għall-adozzjoni mill-Kummissjoni. L-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni għandhom iħaddmu n-networks tagħhom konformement ma’ dawk il-kodiċijiet tan-network.

(7)

Sabiex tkun żgurata l-aħjar tmexxija tan-network tat-trasmissjoni tal-elettriku u jkun permess kummerċ u forniment ta’ elettriku transkonfinali fil-Komunità għandu jiġi stabbilit Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trasmissjoni tal-Elettriku (“l- ENTSO tal-Elettriku”). Il-kompiti tal-ENTSO tal-elettriku għandhom jitwettqu konformement mar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni li jibqgħu applikabbli għad-deċiżjonijiet tal-ENTSO tal-Elettriku. Il-kompiti tal-ENTSO tal-Elettriku għandhom ikunu definiti tajjeb u l-metodu ta’ ħidma tiegħu għandu jiżgura l-effiċjenza, it-trasparenza u n-natura rappreżentattiva tal-ENTSO tal-Elettriku. Il-kodiċijiet tan-network imħejjija mill-ENTSO mhumiex intenzjonati biex jissostitwixxu l-kodiċijiet tan-network meħtieġa nazzjonali għal kwistjonijiet mhux transkonfinali. Peress li l-approċċ fil-livell reġjonali jista’ jwassal għal progress aktar effettiv, l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jistabbilixxu strutturi reġjonali fi ħdan l-istruttura kumplessiva ta’ koperazzjoni, filwaqt li jiżguraw li r-riżultati fil-livell reġjonali jkunu kompatibbli ma’ kodiċijiet tan-networks u ma’ pjanijiet mhux obbligatorji ta’ żvilupp tan-network fuq firxa ta’ għaxar snin fil-livell Komunitarju. L-Istati Membri għandhom jippromovu l-koperazzjoni u jissorveljaw l-effettivitá tan-network f’livell reġjonali. Il-koperazzjoni f’livell reġjonali għandha tkun kompatibbli mal-progress li jwassal għal suq intern kompetittiv u effiċjenti tal-elettriku.

(8)

Il-parteċipanti kollha fis-suq għandhom interess fil-ħidma mistennija mill-ENTSO tal-Elettriku. Proċess ta’ konsultazzjoni effettiv huwa għalhekk essenzjali u l-istrutturi eżistenti li jitwaqqfu biex jiffaċilitaw u jissimplifikaw il-proċess ta’ konsultazzjoni, bħall-Unjoni għall-Koordinazzjoni tat-Trasmissjoni tal-Elettriku, ir-regolaturi nazzjonali jew l-Aġenzija għandhom ikollhom rwol importanti.

(9)

Sabiex tkun żgurata aktar trasparenza dwar in-network kollu ta’ trażmissjoni tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea, l-ENTSO tal-elettriku għandu jfassal, jippubblika u jaġġorna b’mod regolari pjan li ma jorbotx ta’ żvilupp tan-network għal għaxar snin għall-Komunità kollha (Pjan ta’ żvilupp tan-network għall-Komunità kollha). Netwerks tat-trażmissjoni tal-elettriku vijabbli u interkonnessjonijiet reġjonali neċessarji li huma relevanti minn perspettiva kummerċjali jew minn perspettiva ta’ sigurtà tal-forniment, għandhom ikunu inklużi fin-netwerk tal-pjan għall-iżvilupp.

(10)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi prinċipji bażiċi dwar l-istruttura ta’ tariffi u l-allokazzjoni ta’ kapaċità, waqt li jipprovdi għal adozzjoni ta’ Linji gwida li jelenkaw prinċipji u metodoloġiji oħrajn rilevanti, sabiex ikunu jistgħu jsiru adattamenti mgħaġġla għal ċirkostanzi li jkunu nbiddlu.

(11)

F’suq miftuħ u kompetittiv, l-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom ikunu kompensati għall-ispejjeż imġarrba b’konsegwenza li jippermettu l-użu tan-networks tagħhom għall-flussi transkonfinali minn operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni li minn għandhom joriġinaw flussi transkonfinali u mis-sistemi fejn jaslu dawk il-flussi.

(12)

Il-ħlasijiet li jkunu daħlu u ħarġu bħala rikompens bejn operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni għandhom jitqiesu meta t-tariffi tan-networks nazzjonali jkunu qegħdin jiġu stabbiliti.

(13)

L-ammont pagabbli għal aċċess minn naħa l-oħra tal-fruntiera jista’ jvarja konsiderevolment, skont l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni involut u minħabba differenzi fl-istruttura tat-tariffi applikati fl-Istati Membri. Ċertu element ta’ armonizzazzjoni huwa għalhekk meħtieġ biex ikun evitat ix-xkiel fil-kummerċ.

(14)

Sistema adatta ta’ sinjali ta’ lokalità għal medda twila ta’ żmien tkun meħtieġa, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ distinzjoni tal-piżijiet imposti għal ammisjoni fin-networks għandhom jirriflettu l-bilanċ bejn il-ġenerazzjoni u l-konsum tar-reġjun konċernat, fuq il-bażi ta’ distinzjoni tal-piżijiet għal aċċess għan-networks fuq il-prodotti u/jew il-konsumaturi.

(15)

Ma jkunx kunsiljabbli li jiġu applikati tariffi skont id-distanza jew, sakemm sinjali ta’ lokalità xierqa jkunu jitħaddmu, tariffa speċifika li titħallsa biss mill-esportaturi jew importaturi minbarra l-ispiża ġenerali għall-aċċess għan-network nazzjonali.

(16)

Il-prekondizzjoni għal kompetizzjoni effettiva fis-suq intern tal-elettriku hija li jkun hemm tariffi trasparenti u mhux diskriminatorji għal użu ta’ networks, fosthom il-linji li jikkonnettjaw is-sistema ta’ trasmissjoni. Il-kapaċità disponibbli ta’ dawn il-linji għandhom ikunu stabbiliti fl-ogħla livelli li jippermettu standards ta’ sigurtà tat-tħaddim tan-network bla periklu.

(17)

Huwa importanti li jkun evitat ix-xkiel fil-kompetizzjoni li tirriżulta minn standards differenti ta’ sigurtà, pjan operazzjonali u ta’ ippjanar użati minn operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni fl-Istati Membri. Barra dan, għandu jkun hemm trasparenza għall-parteċipanti fis-suq dwar il-kapaċitajiet disponibbli għat-trasferiment u l-i standards ta’ sigurtà, tal-ippjanar u operazzjonali, li jaffettwaw il-kapaċitajiet disponibbli biex jgħaddu l-enerġija.

(18)

Is-sorveljanza tas-suq li ilha titwettaq mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u mill-Kummissjoni dawn l-aħħar snin uriet li r-rekwiżiti ta’ trasparenza u r-regoli attwali dwar l-aċċess għall-infrastrutturi mhumiex biżżejjed biex jassiguraw suq intern tal-elettriku li jkun ġenwin, li jiffunzjona tajjeb, miftuħ u effiċjenti.

(19)

Jeħtieġ li jkun hemm aċċess ugali għall-informazzjoni dwar l-istatus fiżiku u l-effiċjenza tas-sistema, sabiex il-parteċipanti kollha fis-suq ikunu jistgħu jagħmlu evalwazzjoni tas-sitwazzjoni globali tad-domanda u tal-provvista u jidentifikaw ir-raġunijiet għall-varjazzjoni fil-prezz tal-bejgħ bl-ingrossa. Dan jinkludi informazzjoni aktar preċiża dwar il-ġenerazzjoni, il-provvista u d-domanda tal-elettriku inkluż previżjonijiet, il-kapaċità tan-network u tal-interkonnessjoni, il-flussi u l-manutenzjoni, l-ibbilanċjar kif ukoll il-kapaċità ta’ riżerva.

(20)

Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fis-suq, jeħtieġ li l-parteċipanti tiegħu jkunu ċerti li min jabbuża jista’ jkun suġġett għal penali effettivi, proporzjonati u disważivi. L-awtoritajiet kompetenti għandha tingħatalhom is-setgħa li jinvestigaw b’mod effettiv allegazzjonijiet ta’ abbuż tas-suq. Għal dak il-għan, hu meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti ikollhom aċċess għad-data li tipprovdi informazzjoni dwar deċiżjonijiet operattivi li jkunu ttieħdu minn impriżi fornituri. Fis-suq tal-elettriku bosta deċiżjonijiet rilevanti jittieħdu mill-ġeneraturi, li għandhom iżommu l-informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ dan disponibbli u faċilment aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti għal perjodu stipulat. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, barra minn dan, jissorveljaw b’mod regolari l-konformitá mar-regoli tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni. Ġeneraturi żgħar mingħajr il-ħila tassew li jgħawġu s-suq għandhom jkunu eżenti minn dak l-obbligu.

(21)

Għandu jkun hemm regoli dwar l-użu tal-introjti li jidħlu permezz tal-proċeduri għall-amministrazzjoni tal-konġestjoni, kemm-il darba n-natura speċifika tal-impjant li jipprovdi l-interkonnessjoni tiġġustifika eżenzjoni minn dawn ir-regoli.

(22)

L-amministrazzjoni tal-problemi ta’ konġestjoni għandha tipprovdi sinjali ekonomiċi korretti lill-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u parteċipanti fis-suq u għandha tkun ibbażata fuq mekkaniżmi tas-suq.

(23)

Għandhom jiġu mħeġġa bis-sħiħ investimenti f’infrastrutturi ewlenin ġodda filwaqt li tiġi żgurata il-ħidma kif xieraq tas-suq intern tal-elettriku. Sabiex jissaħħaħ l-effett pożittiv ta’ interkonnetturi tal-kurrent dirett eżentati fuq kompetizzjoni u sigurtà tal-provvista, irid jiġi ttestjat l-interess fis-suq matul il-fażi ta’ ppjanar tal-proġett u jridu jiġu adottati regoli tal-ġestjoni tal-konġestjoni. Meta interkonnetturi tal-kurrent dirett jinstabu fit-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-Aġenzija għandha, bħala l-aħħar mezz, tipproċessa t-talba għall-eżenzjoni sabiex jitqiesu aħjar l-implikazzjonijiet transkonfinali tagħha u jiffaċilitaw l-ipproċessar amministrattiv tagħha. Barra minn hekk, minħabba l-profil eċċezzjonali ta’ riskju fil-bini ta’ dawn il-proġetti kbar ta’ infrastruttura eżentati, impriżi b’interessi ta’ provvista u ta’ produzzjoni għandhom ikunu jistgħu igawdu minn deroga temporanja mir-regoli kollha ta’ separazzjoni għall-proġetti konċernati. Eżenzjonijiet mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 ikomplu japplikaw sad-data tal-iskadenza prevista kif deċiż fi-deċiżjoni ta’ eżenzjoni mogħtija.

(24)

Biex jiġi assigurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern tal-elettriku, għandhom jitlestew dispożizzjonijiet għal proċeduri li jippermettu l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet u Linji gwida dwar kif għandhom isiru, fost affarijiet oħra, ir-regoli ta’ kif isiru t-tariffi u l-allokazzjonijiet ta’ kapaċità mill-Kummissjoni waqt li jkun assigurat l-involviment tal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri f’dan il-proċess, fejn f’waqtu, permezz tal-assoċjazzjoni tagħhom Ewropea. Awtoritajiet Regolatorji, flimkien ma’ awtoritajiet oħrajn fl-Istati Membri, għandhom rwol importanti biex jgħinu biex ikun hemm funzjonament xieraq tas-suq intern tal-elettriku.

(25)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw il-konformità mar-regoli li jkunu jinsabu f’dan ir-Regolament u l-Linji gwida adottati fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament.

(26)

L-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom ikollhom l-obbligu jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni rilevanti. Tali informazzjoni għandha tiġi trattata b’mod kunfidenzjali mill-Kummissjoni. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha jkollha opportunità titlob biex tingħata informazzjoni rilevanti direttament mill-impriża konċernata, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu mgħarrfa.

(27)

L-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

(28)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7).

(29)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tistabbilixxi jew tadotta l-Linji gwida meħtieġa għall-provvediment tal-livell minimu ta’ armonizzazzjoni meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ dan ir-Regolament. Peress li dawk il-miżuri għandhom kamp ta’ applikazjzoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi jissupplimentawh b’elementi ġodda mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(30)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-provvedimenti għal struttura armonizzata għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista’ jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(31)

Minħabba l-ambitu tal-emendi li b’dan qegħdin isiru għar-Regolament (KE) Nru 1228/2003, huwa tajjeb li, għal raġunijiet ta’ ċarezza u razzjonalità, d-dispożizzjonijiet in kwistjoni jitfasslu mill-ġdid billi jinġemgħu kollha flimkien f’test wieħed f’Regolament ġdid,

ADDOTTAW DAN IR–REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jimmira li:

(a)

jiffissa regoli imparzjali għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku, u b’hekk titkabbar il-kompetizzjoni fis-suq intern tal-elettriku, waqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċjali tas-swieq nazzjonali u reġjonali. Dan ser jinvolvi t-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens għal flussi transkonfinali tal-elettriku u l-istabbiliment ta’ prinċipji armonizzati dwar il-ħlasijiet tat-trasmissjoni transkonfinali u l-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet disponibbli ta’ interkonnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali ta’ trasmissjoni;

(b)

jiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq bl-ingrossa li jiffunzjona tajjeb u li jkun trasparenti, b’livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Huwa jipprovdi għal mekkaniżmi biex jarmonizza dawn ir-regoli għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (8), bl-eċċezzjoni tad-definizzjoni ta’ “interkonnettur” li għandha tinbidel b’dan li ġej:

“interkonnettur” tfisser linja ta’ trasmissjoni li taqsam jew tgħaddi fuq il-fruntiera bejn Stati Membri u li tgħaqqad is-sistemi nazzjonali ta’ trasmissjoni tal-Istati Membri.

2.   Għandhom japplikaw ukoll il-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“awtoritajiet regolatorji” tfisser l-awtoritajiet regolatorji msemmija fl-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2009/72/KE,

(b)

“fluss transkonfinali” tfisser fluss fiżiku tal-elettriku fuq network ta’ trasmissjoni ta’ Stat Membru li jirriżulta mill-impatt tal-attività ta’ produtturi u/jew konsumaturi barra dak l-Istat Membru fuq in-network ta’ trasmissjoni tiegħu;

(ċ)

“konġestjoni” tfisser sitwazzjoni fejn interkonnessjoni li tgħaqqad networks nazzjonali ta’ trasmissjoni ma tkunx tista’ takkomoda l-flussi fiżiċi kollha li jirriżultaw mill-kummerċ internazzjonali mitlub mill-parteċipanti fis-suq, minħabba nuqqas fil-kapaċità tal-interkonnetturi u/jew tas-sistemi nazzjonali ta’ trasmissjoni konċernati;

(d)

“esportazzjoni ddikjarata” tfisser il-bgħit tal-elettriku minn Stat Membru fuq il-bażi ta’ arranġament kuntrattwali bl-effett li t-teħid korrispondenti simultanju (importazzjoni ddikjarata) tal-elettriku isir fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz;

(e)

“transitu ddikjarat” jfisser ċirkustanza fejn issir esportazzjoni ddikjarata tal-elettriku u fejn il-mogħdija proposta għall-operazzjoni tinvolvi xi pajjiż li fih la ser isir il-bgħit u lanqas it-teħid simultanju korrispondenti tal-elettriku;

(f)

“importazzjoni ddikjarata” tfisser it-teħid tal-elettriku fi Stat Membru jew pajjiż terz b’mod simultanju mal-bgħit tal-elettriku (esportazzjoni ddikjarata) fi Stat Membru ieħor;

(g)

“interkonnettur ġdid” ifisser xi interkonnettur li ma jkunx tlesta sa 4 Awwissu 2003.

Għall-iskop tal-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-operatur tas-sistema ta’ inter-trasmissjoni msemmi fl-Artikolu 13 biss, fejn in-networks ta’ trasmissjoni ta’ żewġ Stati Membri jew iżjed jifformaw parti, kompletament jew parzjalment, minn blokk ta’ kontroll uniku, il-blokk ta’ kontroll sħiħ għandu jitqies li jifforma parti min-network ta’ trasmissjoni ta’ wieħed mill-Istati Membri konċernati, sabiex jiġi evitat li flussi fil-blokki ta’ kontroll jkunu kkunsidrati bħala flussi transkonfinali taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u li jagħtu lok għall-għoti ta’ ħlas ta’ kumpens taħt l-Artikolu 13. L-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati jistgħu jiddeċiedu f’liema wieħed mill-Istati Membri konċernati il-blokk kollu ta’ kontroll għandu jitqies bħala parti mit-network ta’ trasmissjoni

Artikolu 3

Ċertifikazzjoni tal-operaturi ta’ sistema ta’ tranżizzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe notifika ta’ deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni kif stabbilit fl-Artikoli 10(6) tad-Direttiva 2009/72/EC hekk kif tirċeviha. Fi żmien xahrejn mill-jum li fih tirċievi din in-notifika, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha lill-awtorità regolatorja nazzjonali rilevanti fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 10(2) jew l-Artikolu 11, u mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/72/KE.

Fit-tħejjija tal-opinjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Aġenzija biex tagħti l-opinjoni tagħha dwar id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali. F’tali każ, il-perijodu ta’ xahrejn imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jittawwal b’xahrejn oħra.

Fin-nuqqas ta’ opinjoni mill-Kummissjoni fil-perijodi msemmijin fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-Kummissjoni titqies li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja.

2.   Fi żmien xahrejn minn meta tirċievi opinjoni tal-Kummissjoni, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tadotta d-deċiżjoni finali tagħha rigward iċ-ċertifikazzjoni tal-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni, filwaqt li tieħu kont kemm jista’ jkun ta’ dik l-opinjoni. Id-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja u l-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu pubblikati flimkien.

3.   Fi kwalunkwe waqt matul il-proċedura, l-awtoritajiet regolatorji u/jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu lill-operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni u/jew lill-impriżi li jwettqu kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet ta’ ġenerazzjoni jew ta’ provvista kull informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom taħt dan l-Artikolu.

4.   L-awtoritajiet Regolatorji u l-Kummissjoni għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta Linji gwida li jistabbilixxu d-dettalji tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmi fl-Artikolu 23(2).

6.   Fejn il-Kummissjoni tkun irċeviet notifika taċ-ċertifikazzjoni ta’ operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni taħt l-Artikolu 9(10) tad-Direttiva 2009/72/KE, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni. L-awtorità regolatorja għandha tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

Netwerk Ewropew tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni għall-elettriku

L-operaturi kollha ta’ sistema ta’ trasmissjoni għandhom jikkoperaw fil-livell Komunitarju permezz tal-ENTSO tal-Elettriku sabiex tiġi promossa t-tlestija u t-tħaddim tas-suq intern tal-elettriku u tal-kummerċ transkonfinali biex tiġi żgurata l-aħjar tmexxija, operat koordinat u evoluzzjoni teknika soda tan-network Ewropew ta’ trasmissjoni tal-elettriku.

Artikolu 5

It-Twaqqif ta’ ENTSO għall-Elettriku

1.   Sa 3 Marzu 2011 kull operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni tal-elettriku għandu jibgħat lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-abbozz ta’ statuti, lista ta’ membri u abbozz ta’ regoli ta’ proċedura, inklużi r-regoli ta’ proċedura fuq il-konsultazzjoni ta’ partijiet interessati oħrajn, tal-ENTSO tal-Elettriku li għandu jiġi stabbilit.

2.   Fi żmien xahrejn mill-jum li fih tirċevihom, l-Aġenzija, wara li tikkonsulta formalment l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari lill-utenti tas-sistema, inklużi klijenti, għandha tagħti opinjoni lill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta’ statuti, il-lista ta’ membri u l-abbozz ta’ regoli ta’ proċedura.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar l-abbozz tal-istatuti, il-lista ta’ membri u l-abbozz tar-regoli ta’ proċedura b’kunsiderazzjoni għall-opinjoni tal-Aġenzija msemmija fil-paragrafu 2 u fi żmien tliet xhur mill-jum li fih tirċievi l-opinjoni tal-Aġenzija.

4.   Fi żmien tliet xhur mill-jum li fih jirċievu l-opinjoni tal-Kummissjoni, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jistabbilixxu ENTSO tal-Elettriku u jadottaw u jippubblikaw l-istatuti u r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 6

Stabbiliment tal-Kodiċijiet tan-Network

1.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Aġenzija, mal-ENTSO tal-Elettriku u mal-partijiet interessati konċernati l-oħrajn, tistabbilixxi lista ta’ prijoritajiet annwali li tidentifika l-oqsma stipulati fl-Artikolu 8(6) li għandhom ikunu inklużi fl-iżvilupp tan-network tal-kodiċijiet.

2.   Il-Kummissjoni għandha titlob lill-Aġenzija sabiex din tippreżentalha fi żmien raġonevoli ta’ mhux aktar minn sitt xhur abbozz ta’ linja gwida ta’ qafas mhux obbligatorja (linja gwida ta’ qafas) li jipprovdu prinċipji ċari u oġġettivi, skont l-Artikolu 8(7), għall-iżvilupp tal-kodiċijiet tan-network relatat mal-oqsma identifikati fil-lista ta’ prijoritajiet. Kull linja gwida ta’ qafas għandha tikkontribwixxi għan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, għall-kompetizzjoni effettiva u għat-tħaddim effiċjenti tas-suq. Fuq talba raġunata mill-Aġenzija, il-Kummissjoni tista’ testendi dak il-perjodu.

3.   L-Aġenzija għandha tikkonsulta formalment lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-partijiet interessati u pertinenti l-oħrajn dwar l-linja gwida ta’ qafas, matul perijodu ta’ mhux inqas minn xahrejn, b’mod miftuħ u trasparenti.

4.   Jekk il-Kummissjoni tqis li l-linja gwida ta’ qafas ma jikkontribwixxix għan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, għal kompetizzjoni effettiva u għat-tħaddim effiċjenti tas-suq, hija tista’ titlob lill-Aġenzija tirrivedi l-abbozz ta’ linjigwida ta’ qafas f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, u terġa’ tippreżentah lill-Kummissjoni.

5.   Jekk l-Aġenzija tonqos milli tippreżenta jew li terġa’ tippreżenta mill-ġdid linja gwida ta’ qafas fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni taħt il-paragrafu 2 jew il-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tħejji l-linja gwida ta’ qafas in kwistjoni.

6.   Il-Kummissjoni għandha tistieden lill-ENTSO tal-Elettriku biex jippreżenta lill-Aġenzija kodiċi tan-network li jikkonforma mal-linja gwida ta’ qafas rilevanti, fi żmien perijodu raġonevoli ta’ mhux aktar minn tnax-il xahar.

7.   Fi żmien tliet xhur wara li tirċievi kodiċi tan-network, matul liema perijodu l-Aġenzija tista’ tikkonsulta formalment mal-partijiet interessati u pertinenti, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni raġunata lil-ENTSO tal-Elettriku dwar il-kodiċi tan-network.

8.   L-ENTSO tal-Elettriku jista’ jemenda l-kodiċi tan-network fid-dawl tal-opinjoni tal-Aġenzija u jerġa’ jippreżentah lill-Aġenzija.

9.   Meta l-Aġenzija tkun sodisfata li l-kodiċi tan-netwerk ikun konformi mal-Linja Gwida ta’ Qafas, l-Aġenzija għandha tressaq il-kodiċi tan-netwerk lill-Kummissjoni u tista’ tirrakkomanda li l-kodiċi jkun adottat fi żmien raġjonevoli. Jekk il-Kummissjoni ma tadottax il-kodiċi, hija għandha tiddikjara r-raġunijiet għalfejn dan ma seħħx.

10.   Fejn l-ENTSO tal-Elettriku ma jkunx żviluppa kodiċi tan-network fi żmien il-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Aġenzija biex tħejji abbozz ta’ kodiċi tan-network fuq il-bażi tal-linja gwida ta’ qafas rilevanti. L-Aġenzija tista’ tniedi konsultazzjoni oħra matul it-tħejjija ta’ abbozz ta’ kodiċi tan-network taħt dan il-paragrafu. L-Aġenzija għandha tippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta’ kodiċi tan-network imħejji taħt dan il-paragrafu u tista’ tirrakkomanda li jiġi adottat.

11.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta, fuq inizjattiva tagħha stess meta l-ENTSO tal-Elettriku jkun naqas milli jħejji kodiċi tan-network, jew l-Aġenzija tkun naqset milli tħejji abbozz ta’ kodiċi tan-network kif imsemmi fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Artikolu, jew fuq rakkomandazzjoni tal-Aġenzija taħt il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, kodiċi wieħed jew aktar tan-network fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6).

Jekk il-Kummissjoni tipproponi l-adozzjoni ta’ kodiċi tan-network fuq inizjattiva tagħha, hija għandha tikkonsulta lill-Aġenzija, lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-partijiet interessati u pertinenti kollha dwar l-abbozz ta’ kodiċi tan-network matul perijodu ta’ mhux inqas minn xahrejn. Dawk il-miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmi fl-Artikolu 23(2).

12.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tadotta u temenda l-Linji gwida kif stabbilit fl-Artikolu 18.

Artikolu 7

Emendi tal-Kodiċijiet tan-Netwerk

1.   Abbozzi ta’ emendi għal kwalunkwe kodiċi tan-network adottat taħt l-Artikolu 6 jistgħu jiġu proposti lill-Aġenzija minn persuni li x’aktarx ikunu interessati f’dak il-kodiċi tan-network, inklużi l-ENTSO tal-Elettriku, l-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni, utenti tas-sistema u konsumaturi. L-Aġenzija tista’ wkoll tipproponi emendi fuq inizjattiva tagħha stess.

2.   L-Aġenzija għandha tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati skont l-Artikolu 10 tar-Regolament KE Nru 713/2009. Wara dan il-proċess, l-Aġenzija tista’ tagħmel proposti raġunati għal emendi lill-Kummissjoni, u tispjega kif proposti bħal dawn ikunu konsistenti mal-objettivi tal-kodiċijiet tan-network stipulati fl-Artikolu 6(2).

3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta, wara li tqis il- proposti tal-Aġenzija, emendi għal kwalunkwe kodiċi tan-network adottat taħt l-Artikolu 6. Dawk il-miżuri maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmi fl-Artikolu 23(2).

4.   Il-konsiderazzjoni tal-emendi proposti konformement mal-proċedura previst fl-Artikolu 23(2) għandha tkun limitata għal konsiderazzjoni tal-aspetti marbuta mal-emenda proposta. Dawn l- emendi proposti huma mingħajr preġudizzju għal xi emendi oħra li tista’ tipproponi l-Kummissjoni.

Artikolu 8

Il-kompiti tal-ENTSO tal-Elettriku

1.   L-ENTSO tal-Elettriku għandu jelabora kodiċijiet tan-network fl-oqsma previsti fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu fuq talba indirizzata lilu mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6(6).

2.   L-ENTSO tal-Elettriku jista’ jelabora kodiċijiet tan-network fl-oqsma previsti fil-paragrafu 6 bil-għan li jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 4, fejn dawk il-kodiċijiet tan-netwerk ma jirrelatawx ma’ oqsma koperti minn talba indirizzata lilu mill-Kummissjoni. Dawn il-kodiċijiet tan-network għandhom jiġu preżentati lill-Aġenzija għal opinjoni. Din l-opinjoni għandha tkun ikkunsidrata b’mod xieraq mill-ENTSO tal-Elettriku.

3.   L-ENTSO tal-Elettriku għandu jadotta:

(a)

għodod operattivi ta’ network komuni li jiżguraw il-kordinazzjoni tal-operat tan-netwerk f’kundizzjonijiet normali u ta’ emerġenza, inkluża skala ta’ klassifika ta’ inċidenti komuni, u pjani ta’ riċerka;

(b)

pjan ta’ żvilupp mhux obbligatorju tan-network għall-Komunità kollha fuq firxa ta’ għaxar snin (pjan ta’ żvilupp tan-network għall-Komunità kollha), inkluż prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea ġenerata, kull sentejn;

(ċ)

rakkomandazzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tal-koperazzjoni teknika bejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni Komunitarja u operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni ta’ pajjiżi terzi;

(d)

programm ta’ ħidma annwali;

(e)

rapport annwali;

(f)

prospetti annwali dwar l-adegwatezza tal-provvista ġenerata għas-sajf u għax-xitwa;

4.   Il-prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea ġenerata msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 3 għandu jkopri l-adegwatezza ġenerali tas-sistema tal-elettriku għall-provvista ta’ talbiet attwali u proġettati għall-elettriku għall-perijodu ta’ ħames snin li ġejjin kif ukoll għall-perijodu bejn ħames u ħmistax-il sena mid-data ta’ dak il-prospett. Dan il-prospett Ewropew dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni għandu jibni fuq prospetti dwar l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni mħejjija minn kull operatur individwali ta’ sistema ta’ trasmissjoni.

5.   Il-programm ta’ ħidma annwali msemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 3 għandu jinkludi lista u deskrizzjoni tal-kodiċijiet tan-network li għandhom jitħejjew, pjan dwar il-koordinazzjoni tal-operat tan-network u l-attivitiajiet ta’ riċerka u żvilupp, li għandhom jitwettqu f’dik is-sena, u kalendarju indikattiv.

6.   Il-kodiċijiet tan-network imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikopru l-oqsma li ġejjin, b’kont meħud, jekk xieraq, tal-ispeċifiċitajiet reġjonali:

(a)

regoli ta’ sigurtà u affidabbiltà tan-network inklużi regoli għal kapaċità ta’ riserva ta’ trasmissjoni teknika għas-sigurtà tan-network operattiv;

(b)

regoli dwar il-konnessjoni mar-rettikolat;

(ċ)

regoli ta’ aċċess għal partijiet terzi;

(d)

regoli dwar l-iskambju ta’ data u dwar l-issetiljar;

(e)

regoli dwar l-interoperabbiltà;

(f)

proċeduri operattivi f’emerġenza;

(g)

allokazzjoni ta’ kapaċità u regoli dwar it-tmexxija ta’ konġestjoni;

(h)

regoli għall-kummerċ relatati mal-proviżjoni teknika u operattiva tas-servizzi ta’ aċċess għan-network u l-ibbilanċjar tas-sistema;

(i)

regoli dwar it-trasparenza;

(j)

regoli dwar l-ibbilanċjar, inklużi regoli dwar ir-riżerva tal-enerġija relatati man-network;

(k)

regoli dwar strutturi tariffarji armonizzati għat-trażmissjoni inklużi sinjali tal-lokalità u regoli dwar il-kumpens bejn l-operaturi ta’ sistemi ta’ intertrażmissjoni; and

(l)

effiċjenza fl-enerġija tan-networks tal-elettriku.

7.   Il-kodiċijiet tan-network għandhom jiġu żviluppati għal kwistjonijiet traskonfinali tan-network u għal kwistjonijiet ta’ integrazzjoni tas-suq u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu kodiċijiet tan-netwerk nazzjonali li ma jaffettwawx il-kummerċ transkonfinali.

8.   L-ENTSO tal-Elettriku għandu jissorvelja u janalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-network u l-Linji gwida adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6(11), u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli mmirati għall-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq. L-ENTSO tal-Elettriku għandu jirrapporta l-konklużjonijiet tiegħu lill-Aġenzija u għandu jinkludi r-riżultati tal-analiżi fir-rapport annwali msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

9.   L-ENTSO tal-Elettriku għandu jagħmel disponsibbli l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Aġenzija biex twettaq il-kompiti tagħha taħt l-Artikolu 9(1).

10.   L-ENTSO tal-Elettriku għandu jadotta u jippubblika pjan ta’ żvilupp tan-network għall-Komunita kollha kull sentejn. Il-pjan ta’ żvilupp tan-network għall-Komunita kollha għandu jinkludi t-tfassil tan-network integrat, l-iżvilupp tax-xenarju, prospett dwar l-adegwatezza tal-provvista Ewropea ġenerata u u valutazzjoni tal-kapaċità ta’ rkupru tas-sistema.

Il-pjan ta’ żvilupp tan-network għall-Komunita kollha għandu, b’mod partikolari:

(a)

jibni fuq pjani ta’ investiment nazzjonali, b’kunsiderazzjoni għall-pjani ta’ investiment reġjonali kif imsemmijin fl-Artikolu 12(1), u, jekk ikun il-każ, għall-aspetti Komunitarji tal-pjani tan-netwerk, inklużi l-linjigwida għal Networks tal-enerġija trans-Ewropej skont id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(b)

rigward l-interkonnessjonijiet transkonfinali, jibni wkoll fuq il-ħtiġijiet raġonevoli tal-utenti differenti tas-sistema u jintegra impenji ta’ perijodu fit-tul mill-investituri kif imsemmija fl-Artikolu 8 u l-Artikoli 13 u 22 tad-Direttiva 2009/72/KE+; u

(ċ)

jidentifika l-lakuni fl-investiment, notevolment fir-rigward ta’ kapaċitajiet transkonfinali.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-punt (c) tat-tieni subparagrafu, għandha tkun annessa mal-pjan tal-iżvilupp tan-netwerk reviżjoni tal-ostakli għaż-żieda fil-kapaċitá transkonfinali tan-network, li ġejjin mill-proċeduri jew prattiki ta’ approvazzjoni differenti għandha tkun annessa mal-pjan tal-iżvilupp tan-netwerk għall-Komunità kollha.

11.   L-Aġenzija għandha tagħti opinjoni dwar il-pjani għall-iżvilupp tan-netwerk nazzjonali fuq perjodu ta’ għaxar snin biex tevalwa l-konsistenza tagħhom mal-pjani għall-iżvilupp tan-netwerk tal-Komunità fuq perjodu ta’ għaxargħaxar snin. Jekk l-Aġenzija tidentifika inkonsistenzi bejn il-pjani għall-iżvilupp tan-netwerk nazzjonali fuq perjodu ta’ għaxar snin u l-pjani għall-iżvilupp tan-netwerk tal-Komunità fuq perjodu ta’ għaxar snin, hija għandha tirrakkomanda li għandu jkun emendat il-pjan għall-iżvilupp tan-netwerk nazzjonali fuq perjodu ta’ għaxar snin jew il-pjan għall-iżvilupp tan-netwerk tal-Komunità fuq perjodu ta’ għaxar snin mhux obbligatorju kif xieraq. Jekk pjan għall-iżvilupp tan-netwerk bħal dan jkun żviluppat skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/72/KE, l-Aġenzija għandha tirrakkomanda lill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti biex temenda l-pjan għall-iżvilupp tan-netwerk nazzjonali fuq perjodu ta’ għaxar snin skont l-Artikolu 22(7) ta’ dik id-Direttiva u informa lill-Kummissjoni dwar dan.

12.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-ENTSO tal-Elettriku għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-fehmiet tiegħu dwar l-adozzjoni ta’ Linji gwida kif stabbilit fl-Artikolu 18.

Artikolu 9

Sorveljanza mill-Aġenzija

1.   L-Aġenzija għandha tissorvelja l-eżekuzzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 8(1), (2) u (3), tal-ENTSO tal-Elettriku, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

L-Aġenzija għandha tissorvelja l-implimentazzjoni, mill-ENTSO tal-Elettriku, tal-kodiċijiet tan-network imfasslin taħt l-Artikolu 8(2) u l-kodiċijiet tan-network li ġew żviluppati taħt l-Artikolu 6(1) sa (10) iżda li ma ġewx adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6(11). Meta l-ENTSO tal-Elettriku jonqos milli jimplimenta kwalunkwe kodiċijiet tan-netwerk bħal dawn, l-Aġenzija għandha titlob lill-ENTSO tal-Elettriku biex tipprovdi spjegazzjoni raġunata għalfejn ikun naqas milli jagħmel dan. L-Aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar dik l-ispjegazzjoni u tagħti opinjoni dwarha.

L-Aġenzija għandha tissorvelja u tanalizza l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet tan-network u l-Linji gwida adottati mill-Kummissjoni kif stabbilit fl-Artikolu 6(11), u l-effett tagħhom fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli mmirati għall-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni tas-suq kif ukoll fuq in-non-diskriminazzjoni, kompetizzjoni effettiva, funzjonament effiċjenti tas-suq, u tirrapporta lill-Kummissjoni.

2.   L-ENTSO tal-Elettriku għandu jippreżenta l-abbozz tal-pjan ta’ żvilupp tan-network għall-Komunià kollha, l-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali, inkluża l-informazzjoni dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni, u dokumenti oħra msemmija fl-Artikolu 8(3) lill-Aġenzija għall-opinjoni tagħha.

Fi żmien xahrejn mir-riċeviment, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni debitament raġunata kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-ENTSO tal-Elettriku u lill-Kummissjoni meta tqis li l-abbozz ta’ programm ta’ ħidma annwali jew l-abbozz tal-pjan ta’ żvilupp tan-network għall-Komunià kollha preżentati minn ENTSO tal-Elettriku ma jikkontribwixxix għan-non-diskriminazzjoni, il-kompetizzjoni effettiva, il-funzjonament effiċjenti tas-suq jew livell suffiċjenti ta’ interkonnessjoni transkonfinali miftuħa għall-aċċess mill-partijiet terzi.

Artikolu 10

Konsultazzjonijiet

1.   Fil-preparazzjoni tal-kodiċijiet tan-network, l-abbozz tal-pjan ta’ żvilupp tan-network għall-Komunià kollha u l-programm ta’ ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 8(1), (2) u (3), l-ENTSO tal-Elettriku għandu jwettaq proċess estensiv ta’ konsultazzjoni, fi stadju bikri, u b’mod miftuħ u trasparenti, li jkun jinvolvi lill-parteċipanti kkonċernati kollha tas-suq u, b’mod partikolari, lil-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet interessati kollha konformement mar-regoli ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 5(1). Dik il-konsultazzjoni għandha tinvolvi wkoll lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet nazzjonali oħrajn, impriżi ta’ forniment u ġenerazzjoni, utenti tas-sistema, inklużi l-klijenti, operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni, inklużi l-assoċjazzjonijiet konċernati tal-industrija, il-korpi tekniċi u l-pjattaformi ta’ partijiet interessati u pertinenti. Il-konsultazzjoni għandu jkollha l-għan li tidentifika l-opinjonijiet u l-proposti tal-partijiet rilevanti kollha waqt il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.

2.   Id-dokumenti kollha u l-minuti tal-laqgħat relatati ma’ dawn il-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru pubbliċi.

3.   Qabel ma jiġi adottat il-programm ta’ ħidma annwali u l-kodiċijiet tan-network imsemmija fl-Artikolu 8(1), (2) u (3), l-ENTSO tal-Elettriku għandu jindika kif tqiesu l-osservazzjonijiet li jkun irċieva waqt il-konsultazzjoni. L-ENTSO għandu jagħti r-raġunijiet fejn l-osservazzjonijiet ma jkunux tqiesu.

Artikolu 11

Spejjeż

L-ispejjeż relatati mal-attivitajiet tal-ENTSO tal-Elettriku msemmi fl-Artikoli 4 sa 12 għandhom jitħallsu mill-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kalkolu tat-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw dawn l-ispejjeż biss jekk ikunu raġonevoli u proporzjonati.

Artikolu 12

Koperazzjoni reġjonali tal-operaturi tas-sistema

1.   L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jistabbilixxu koperazzjoni reġjonali fi ħdan l-ENTSO tal-Elettriku biex jikkontribwixxu għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 8(1), (2) u (3). B’mod partikolari, għandhom jippubblikaw pjan ta’ investiment reġjonali kull sentejn, u jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment ibbażati fuq dak il-pjan ta’ investiment reġjonali.

2.   L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jippromwovu arranġamenti operattivi sabiex jiżguraw l-aħjar tmexxija tan-network, u għandhom jippromwovu l-iżvilupp ta’ skambji tal-enerġija, l-allokazzjoni kkoordinata ta’ kapaċità traskonfinali permezz ta’ soluzzjonijiet non-diskriminatorji bbażati fuq is-suq, bl-attenzjoni dovuta għall-merti speċifiċi tal-bejgħ bl-irkant impliċitu għall-allokazzjonijiet fil-perijodu qasir, u l-integrazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ bilanċ u ta’ riżervi tal-enerġija.

3.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f’paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, iż-żona ġeografika koperta minn kull struttura ta’ koperazzjoni reġjonali tista’ tkun definita mill-Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni għall-istrutturi reġjonali ta’ koperazzjoni eżistenti. Kull Stat Membru għandu jkun jista’ jippromwovi l-koperazzjoni f’aktar minn żona ġeografika waħda. Il-miżura msemmija fl-ewwel sentenza, imfasla sabiex temenda elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, billi tissupplimentah, għandha tiġi adottata konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 23(2).

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Aġenzija u lill-ENTSO tal-Elettriku.

Artikolu 13

Mekkaniżmu ta’ kumpens għall-operaturi ta’ sistemi ta’ inter-trasmissjoni

1.   L-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni għandhom jirċevu kumpens għall-ispejjeż li jġarrbu minħabba li jiffaċilitaw, permezz tan-networks tagħhom, flussi transkonfinali tal-elettriku.

2.   Il-kumpens li jirriferi għalih il-paragrafu 1 għandu jitħallas mill-operaturi tas-sistemi nazzjonali ta’ trasmissjoni li minnu joriġinaw il-flussi transkonfinali u tas-sistemi fejn jaslu l-flussi.

3.   Il-ħlasijiet ta’ kumpens għandhom isiru fuq bażi regolari fir-rigward ta’ perijodu ta’ żmien partikolari li jkun għadda. L-aġġustamenti ex post ta’ kumpens imħallas għandhom isiru fejn jeħtieġ biex jikkorrispondu ma’ spejjeż realment imġarrba.

L-ewwel perijodu ta’ żmien li għalih ħlasijiet ta’ kumpens għandhom isiru għandhom jiġu determinati fil-Linji gwida msemmija fl-Artikolu 18.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ammonti ta’ kumpens li għandhom jitħallsu. Dik il-miżura, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissuplimentawh, għandha tiġi adottata skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju imsemmija fl-Artikolu 23(2).

5.   Id-dimensjoni ta’ flussi transkonfinali akkomodati u d-dimensjoni ta’ flussi transkonfinali denominati bħala li joriġinaw u/jew jitterminaw f’sistemi nazzjonali ta’ trasmissjoni għandhom jiġu determinati fuq il-bażi tal-flussi ta’ elettriku li attwalment jiġu miżurati matul perijodu partikolari ta’ żmien.

6.   L-ispejjeż minfuqa fil-faċilitazzjoni tal-flussi transkonfinali għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-ispejjeż mistennijin li jiżdiedu għal tul ta’ żmien li ġej, meta wieħed jikkunsidra t-telf, l-investiment f’infrastruttura ġdida, u l-proporzjon xieraq tan-nefqa fuq l-infrastruttura eżistenti, sa fejn l-infrastruttura tkun użata għat-trasmissjoni ta’ fluss transkonfinali, partikolarment billi tiġi kunsidrata l-ħtieġa li tkun iggarantita s-sigurtà tal-provvista. Meta jiġu stabbiliti l-ispejjeż imġarrba, għandhom jintużaw metodoloġiji rikonoxxuti ta’ standard-costing. Il-benefiċċji li network igawdi mill-akkomodament ta’ flussi transkonfinali għandhom jiġu kkunsidrati biex jitnaqqas il-kumpens riċevut.

Artikolu 14

Ħlasijiet għal aċċess għan-networks

1.   Il-ħlasijiet applikati minn operaturi tan-networks għal aċċess għan-networks għandhom ikunu trasparenti, waqt li jqisu l-ħtieġa għas-sigurtà tan-network u jirriflettu spejjeż attwalment minfuqa meta jistgħu jitqabblu ma’ dawk ta’ operatur ta’ network effiċjenti u strutturalment paragunabbli u applikati b’mod mhux diskriminatorju. Dawk il-piżijiet ma għandhomx ikunu relatati mad-distanza.

2.   Fejn jixraq, il-livell ta’ tariffi applikati lill-produtturi u/jew lill-konsumaturi għandu jipprovdi sinjali tal-lokalità fil-livell tal-Komunità, u jqis l-ammont ta’ telf tan-networks u l-konġestjoni kkawżata, u kemm jiswew l-investimenti fl-infrastruttura.

3.   Meta jiġu stabbiliti l-ħlasijiet għal aċċess għan-networks, għandu jittieħed kont ta’ dawn li ġejjin:

(a)

ħlasijiet u dħul li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta’ kumpens tas-sistema ta’ trasmissjoni bejn in-networks;

(b)

ħlasijiet li attwalment ħarġu jew daħlu kif ukoll ħlasijiet mistennija għal perijodi fil-ġejjieni, stmati fuq il-bażi ta’ perijodi passati.

4.   L-istabbiliment tal-ħlasijiet għall-aċċess għan-netwerks taħt dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal piżijiet fuq esportazzjoni ddikjarata u importazzjoni ddikjarata li jirriżultaw mill-immaniġġjar tal-konġestjoni li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 16.

5.   Ma għandu jkun hemm l-ebda ħlas speċifiku impost fuq transazzjonijiet individwali għal transitu ddikjarat tal-elettriku.

Artikolu 15

Għoti ta’ Informazzjoni

1.   L-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ kordinazzjoni u informazzjoni biex jassiguraw is-sigurtà tan-networks tal-Istat fil-kuntest tal-immaniġġjar tal-konġestjoni.

2.   L-istandards ta’ sigurtà, ta’ operazzjoni u ppjanar użati mill-operaturi tas-sistema pubblika ta’ trasmissjoni għandhom ikunu ppubblikati. L-informazzjoni ppublikata għandha tinkludi skema ġenerali għall-kalkolazzjoni tal-kapaċità totali ta’ trasferiment u l-marġni tal-kredibilità tat-trasmissjoni bbażata fuq il-karatteristiċi elettriċi u fiżiċi tan-networks. Tali skemi għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet regulaturi.

3.   L-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni għandhom jippubblikaw stimi tal-kapaċità disponibbli ta’ trasmissjoni għal kull jum, waqt li tkun indikata kull kapaċità ta’ trasmissjoni diġà riservata. Dawn il-pubblikazzjonijiet għandhom isiru bi frekwenza speċifikata qabel il-jum tat-trasport u għandhom jinkludu, f’kull każ, stimi tal-ġimgħa li jmiss u x-xahar li jmiss, kif ukoll indikazzjoni kwantitattiva tal-affidabbiltà tal-kapaċità disponibbli.

4.   L-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni għandhom jippubblikaw id-data rilevanti dwar t-tbassir aggregat u d-domanda proprja, dwar disponibbiltà u użu proprju ta’ assi ta’ ġenerazzjoni u tagħbija dwar disponibbiltà u użu tan-networks u tal-interkonnetturi, u dwar l-ibbilanċjar tal-enerġija u l-kapaċità ta’ riserva. Għad-disponibbiltà u l-użu proprju ta’ unitajiet ta’ ġenerazzjoni u tagħbija żgħar, tista’ tintuża data stmata aggregata.

5.   Il-parteċipanti konċernati fis-suq għandhom jagħtu lill-operaturi ta’ sistema ta’ trasmissjoni d-data rilevanti.

6.   l-impriżi ta’ ġenerazzjoni li jkunu proprjetarji jew li joperaw assi ta’ ġenerazzjoni, fejn għall-inqas assi ta’ ġenerazzjoni wieħed minnhom ikollu kapaċità installata ta’ mill-anqas 250 MW, għandhom iżommu għad-disponibbiltà tal-awtorità regolatorja nazzjonali, l-awtorità nazzjonali ta’ kompetizzjoni u l-Kummissjoni, għal ħames snin id-data ta’ kull siegħa ta’ kull impjant li hi meħtieġa biex tivverifika d-deċiżjonijiet operattivi kollha ta’ bgħit u kif isiru l-offerti fi skambji tal-enerġija, fl-irkanti ta’ interkonnessjonijiet, fis-swieq ta’ riserva u fis-swieq tat-tip “over the counter”. L-informazzjoni għal kull impjant u kull siegħa li għandha tinħażen għandha tinkludi, iżda mhux limitata għal, data fuq il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni disponibbli u riservi mwarrba, inkluż allokazzjoni ta’ dawk ir-riservi mwarrba fuq il-livell ta’ kull impjant, fil-waqt ta’ meta jsiru l-offerti u meta sseħħ il-produzzjoni.

Artikolu 16

Prinċipji ġenerali tal-immaniġġar tal-konġestjoni

1.   Il-problemi dwar il-konġestjoni tan-networks għandhom jiġu riżolti b’soluzzjonijiet mhux diskriminatorji b’kont meħud tas-suq li jagħtu sinjali ekonomiċi effiċjenti lill-parteċipanti involuti fis-suq u lill-operaturi involuti ta’ sistemi ta’ trasmissjoni. Il-problemi dwar il-konġestjoni għan-networks għandhom preferibbilment jiġu riżolti b’metodi mhux ibbażati fuq transazzjonijiet, jiġifieri metodi li ma jinvolvux għażla minn fost il-kuntratti ta’ parteċipanti individwali fis-suq.

2.   Proċeduri li jillimitaw transazzjonijiet għandhom jintużaw biss f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fejn l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni huwa obbligat li jaġixxi bil-ħeffa u l-bgħit mill-ġdid jew it-tpartit ma jkunx possibbli. Kull proċedura bħal din għandha tkun applikata b’mod mhux diskriminatorju.

Ħlief f’każi ta’ forża maġġuri, parteċipanti fis-suq li jkunu allokati kapaċità għandhom ikunu kkumpensati għal kull tnaqqis.

3.   Il-kapaċità massima tal-interkonnessjonijiet u/jew tan-networks ta’ trasmissjoni li jaffettwaw flussi transkonfinali għandhom ikunu magħmula għall-parteċipanti fis-suq, u jikkonformaw mal-i standards ta’ sigurtà ta’ operaturi ta’ networks bla periklu.

4.   Il-parteċipanti fis-suq għandhom jinformaw lill-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni konċernati fi żmien ragonevoli qabel il-perjodu operattiv rilevanti jekk humiex bil-ħsieb li jużaw il-kapaċità allokata. Kull kapaċità li ma tkunx ser tintuża għandha titqassam mod ieħor fis-suq, f’mod miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju.

5.   L-operaturi ta’ sistema ta’ trasmissjoni għandu, sa fejn ikun teknikament possibbli, jinnettjaw il-ħtiġijiet ta’ kwalunkwe fluss ta’ enerġija fid-direzzjonijiet opposti fuq il-linja ta’ inter-konnessjoni li jkollha konġestjoni sabiex jużaw din il-linja sal-kapaċità massima tagħha. Waqt li tingħata importanza sħiħa lis-sigurtà tan-networks, ma għandhom qatt jiġu miċhuda t-transazzjonijiet li jtaffu l-konġestjoni.

6.   Kull introjtu li jirriżulta mill-allokazzjoni ta’ inter-konnessjoni għandu jkun użat għall- għanijiet li ġejjin:

(a)

biex jiggarantixxi d-disponibbilità attwali tal-kapaċità allokata; u/jew

(b)

iż-żamma jew iż-żieda ta’ kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni permezz ta’ investimenti fin-networks, b’mod partikolari f’ interkonnetturi ġodda.

Jekk l-introjtu ma jkunx jista’ jintuża b’mod effiċjenti għall-finijiet stipulati fil-punti (a) u/jew (b) tal-ewwel subparagrafu, huwa jista’ jintuża, suġġett għall-approvazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati, sa ammont massimu li għandu jkun deċiż minn dawk l-awtoritajiet regolatorji, bħala introjtu li tiegħu għandu jittieħed kont mill-awtoritajiet regolatorji meta japprovaw il-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffi tan-network, u/jew sabiex jistabbilixxu t-tariffi tan-network.

Il-bqija tad-dħul għandu jitqiegħed f’linja ta’ kont intern separat sakemm jasal iż-żmien li jista’ jintefaq għall-finijiet stipulati fil-punt (a) u/jew (b) tal-ewwel subparagrafu. L-awtorità regolatorja għandha tinforma lill-Aġenzija bl- approvazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu.

Artikolu 17

Interkonnetturi ġodda

1.   Interkonnetturi ġodda tal-kurrent dirett jistgħu, fuq talba, jiġu eżentati, għal perijodu limitat ta’ żmien, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(6) ta’ dan ir-Regolament u l-Artikoli 9 u 32 u l-Artikolu 37(6) u (10) tad-Direttiva 2009/72/KE taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-investiment għandu ikabbar il-kompetizzjoni fil-provvista tal-elettriku;

(b)

il-livell ta’ riskju assoċjat mal-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx jekk ma tingħatax eżenzjoni;

(ċ)

l-interkonnettur għandu jkun proprjetà ta’ persuna fiżika jew ġuridika li tkun separata għall-inqas fil-forma legali tagħha mill-operaturi tas-sistema li fiha l-interkonnetturi jkunu ser jinbnew;

(d)

jiġu imposti piżijiet fuq utenti ta’ dak l-interkonnettur;

(e)

mill-ftuħ parzjali tas-suq li hemm referenza għalih fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (10), ma tkun ġiet irkuprata l-ebda parti mill-ispejjeż kapitali jew operattivi tal-interkonnettur minn xi komponent ta’ ħlasijiet imposti għall-użu ta’ sistemi ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni kkollegati mal-interkonnettur; u

(f)

l-eżenzjoni ma għandhiex tkun għad-detriment tal-kompetizzjoni jew gtal-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-elettriku, jew tal-funzjonament effiċjenti tas-sistema regolata li l-interkonnettur huwa kkollegat magħha.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll, f’każijiet eċċezzjonali, għal interkonnetturi ta’ kurrent alternanti, sakemm l-ispejjeż u r-riskji tal-investiment partikolari involuti huma partikolarment għoljin meta mqabbla mal-ispejjeż u riskji normalment iffaċċjati meta jkunu qegħdin jiġu mqabbda żewġ sistemi nazzjonali ta’ trasmissjoni ġirien minn interkonnettur ta’ kurrent alternanti.

3.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal żidiet sinifikanti fil-kapaċità ta’ interkonnetturi eżistenti.

4.   Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni taħt il-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tittieħed fuq bażi ta’ każ b’każ mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati. Eżenzjoni tista’ tkopri l-kapaċità kollha jew parti minnha, tal-interkonnettur il-ġdid, jew tal-interkonnettur eżistenti b’kapaċita miżjuda b’mod sinifikanti.

Fi żmien xahrejn mid-data meta tkun ġiet irċevuta t-talba għall-eżenzjoni mill-aħħar waħda mill-awtoritajiet regolatorji kkonċernati, l-Aġenzija tista’ tressaq opinjoni konsultattiva lil dawk l-awtoritajiet regolatorji, li tista’ tipprovdi bażi għad-deċiżjoni tagħhom.

Meta tittieħed deċiżjoni biex tingħata eżenzjoni, għandha tiġi kunsidrata, fuq bażi ta’ każ b’każ, il-ħtieġa li jiġu imposti kondizzjonijiet dwar kemm għandhom idumu l-eżenzjoni u l-aċċess mhux diskriminatorju għall-interkonnettur. Meta jiġu deċiżi dawk il-kondizzjonijiet, għandhom jitqiesu b’mod partikolari l-kapaċità addizzjonali li għandha tinbena jew il-modifika tal-kapaċità eżistenti, il-qafas ta’ żmien tal-proġett u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Qabel ma jagħtu eżenzjoni, l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri konċernati għandhom jiddeċiedu dwar ir-regoli u l-mekkaniżmi għall-amministrazzjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità. Ir-regoli tal-immaniġġjar tal-konġestjoni għandhom jinkludu l-obbligu li tiġi offruta kapaċità mhux użata fis-suq, u l-utenti tal-faċilità għandhom ikunu intitolati li jagħmlu kummerċ fil-kapaċitajiet kuntrattwali tagħhom fuq is-suq sekondarju. Fil-valutazzjoni tagħha tal-kriterji msemmija fil-punti (a), (b) u (f) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandu jittieħed kont tar-riżultati tal-proċedura tal-allokazzjoni ta’ kapaċità.

Fejn l-awtoritajiet regolatorji kollha kkonċernati laħqu ftehim dwar id-deċiżjoni rigward l-eżenzjoni fi żmien sitt xhur, dawn għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija b’dik id-deċiżjoni.

Id-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni, li tinkludi kwalunkwe mill-kondizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, għandha tkun motivata u ppubblikata kif jixraq.

5.   Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tittieħed mill-Aġenzija

(a)

fejn l-awtoritajiet regolatorji konċernati kollha ma jkunx irnexxiehom jilħqu ftehim fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tkun saret talba għal eżenzjoni lill-aħħar waħda fost dawn l-awtoritajiet regolatorji; jew

(b)

fuq talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali konċernati.

Qabel tieħu tali deċiżjoni, l-Aġenzija għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet regolatorji konċernati u lill-applikanti.

6.   Minkejja l-paragrafi 4 u 5, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtorità regolatorja jew l-Aġenzija, skont il-każ, għandha tippreżenta, għal deċiżjoni formali, lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru l-opinjoni tagħha dwar it-talba għal eżenzjoni. Dik l-opinjoni għandha tiġi pubblikata flimkien mad-deċiżjoni.

7.   L-Awtoritajiet regolatorji għandhom jibgħatu mingħajr dewmien, għall-finijiet ta’ informazzjoni, kopja ta’ kull talba għal eżenjoni lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni hekk kif din tiġi riċevuta. Id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata, mingħajr dewmien, mill-awtoritajiet regolatorji konċernati jew mill-Aġenzija (“il-korpi notifikatorji”) lill-Kummissjoni, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha rigward id-deċiżjoni. Din l-informazzjoni tista’ tkun mogħtija lill-Kummissjoni f’forma globali, b’mod li tgħin lill-Kummissjoni tasal għal deċiżjoni mibnija fuq sisien sodi. Partikolarment, l-informazzjoni għandha jkollha:

(a)

ir-raġunijiet dettaljati li abbażi tagħhom tkun ingħatat jew ġiet miċħuda l-eżenzjoni, inkluża l-informazzjoni finanzjarja li tiġġustifika l-ħtieġa għall-eżenzjoni;

(b)

l-analiżi li tkun saret dwar l-effett fuq il-kompetizzjoni u l-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-elettriku li jirriżultaw mill-għoti tal-eżenzjoni;

(ċ)

ir-raġunijiet għall-perjodu taż-żmien u għas-sehem tal-kapaċità totali tal-interkonnettur konċernat li għalihom ingħatat l-eżenzjoni; u

(d)

ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji konċernati;

8.   Fi żmien xahrejn mill-jum li fih tirċievi notifika taħt il-paragrafu 7, il-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni li titlob lill-korpi notifikatorji biex jemendaw jew jirtiraw id-deċiżjoni li tingħata eżenzjoni. Dak il-perijodu ta’ xahrejn jista’ jittawwal b’perijodu addizzjonali ta’ xahrejn meta tiġi mitluba informazzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni. Dak il-perijodu addizzjonali għandu jibda l-għada li tasal l-informazzjoni kompluta. Il-perijodu inizjali ta’ xahrejn jista’ wkoll jiġi estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-korpi notifikatorji.

In-notifika għandha titqies li ġiet irtirata jekk l-informazzjoni mitluba ma tkunx ġiet ipprovvduta fil-perjodu stipulat fit-talba, ħlief jekk qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-perijodu jiġi estiż bil-kunsens kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-korpi notifikatorji, jew jekk il-korpi notifikatorji, fi stqarrija motivata kif xieraq, jinfurmaw lill-Kummissjoni li huma jqisu li n-notifika hija kompluta.

Il-korpi notifikatorji għandhom jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jemendaw jew jirtiraw d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħha u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dan.

Il-Kummissjoni għandha tippreserva l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

L-approvazzjoni tal-Kummissjoni għal deċiżjoni ta’ eżenzjoni għandha tiskadi sentejn mid-data ta’ adozzjoni tagħha, fil-każ li l-bini tal-interkonnettur ma jkunx għadu beda, sa dik id-data u wara ħames snin mill-adozzjoni tagħha jekk, sa dak iż-żmien, l-interkonnettur ma jsirx operattiv, ħlief jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li d-dewmien huwa dovut għal ostakoli kbar li mhumiex fil-kontroll tal-persuna li lilha tkun ingħatat l-eżenzjoni.

9.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta Linji gwida għall-applikazzjoni tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u biex tistipula l-proċedura li għandha tkun segwita għall-applikazzjoni tal-paragrafi 4, 7 u 8 ta’ dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmi fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 18

Linji ta’ gwida

1.   Fejn ikun il-każ, il-Linji gwida relatati mal-mekkaniżmu ta’ kumpens għal operatur ta’ sistema ta’intertrasmissjoni għandhom jispeċifikaw konformement mal-prinċipji stipulati fl-Artikoli 13 u 14:

(a)

dettalji tal-proċedura biex jiġi stabbilit liema operaturi ta’ sistema ta’ trasmissjoni ikunu suġġetti għal ħlas ta’ kumpens għal fornimenti transkonfinali fosthom dawk dwar il-qsim bejn l-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni nazzjonali li minnhom joriġinaw flussi transkonfinali u s-sistemi fejn il-flussi jaslu, taħt l-Artikolu 13(2);

(b)

dettalji tal-proċedura ta’ ħlas li għandhom ikunu segwiti, inkluża d-determinazzjoni tal-ewwel perjodu ta’ żmien li għalih ikollu jitħallas kumpens, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3);

(ċ)

dettalji ta’ metodoloġiji biex jiġu determinati l-flussi transkonfinali miżmuma li għalihom għandu jitħallas kumpens taħt l-Artikolu 13, f’termini kemm ta’ kwantità u ta’ tipi ta’ flussi, u d-deskrizzjoni tal-kobor ta’ dawn il-flussi kif joriġinaw u/jew jaslu sa sistemi ta’ trasmissjoni ta’ Stati Membri individwali, taħt l-Artikolu 13(5);

(d)

dettalji tal-metodoloġija biex jiġu stabbiliti l-ispejjeż u l-benefiċċji għax ikunu miżmuma flussi transkonfinali, taħt l-Artikolu 13(6);

(e)

dettalji tat-trattament fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kumpens tal-operatur ta’ sistema ta’ inter-trasmissjoni ta’ flussi tal-elettriku li joriġinaw jew jaslu f’pajjiżi barra miż-Żona Ekonomika Ewropea; u

(f)

il-parteċipazzjoni ta’ sistemi nazzjonali li jkunu interkonnessi permezz ta’ linji ta’ kurrent dirett, taħt l-Artikolu 13.

2.   Il-linji gwida jistgħu jistabbilixxu wkoll regoli xierqa li jwasslu għall-armonizzazzjoni progressiva tal-prinċipji li huma l-bażi li fuqhom jiġu stabbiliti ħlasijiet applikati għall-produtturi u l-konsumaturi (tagħbija) taħt sistemi nazzjonali ta’ tariffi, inkluż ir-riflessjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens għall-operatur ta’ sistema ta’ inter-trasmissjoni fi ħlasijiet ta’ networks nazzjonali u d-dispożizzjoni għal sinjali xierqa u effiċjenti tal-lokalità, konformement mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 14.

Il-Linji gwida għandhom jipprovdu għal sinjali tal-lokalità armonizzati xierqa u effiċjenti fil-livell tal-Komunità.

Kull armonizzazzjoni f’dan is-sens ma għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri milli japplikaw mekkaniżmi biex jiżguraw li ħlasijiet għal aċċess għan-networks mill-konsumaturi (tagħbija) jkunu mqabbla fit-territorju kollu tagħhom.

3.   Fejn ikun il-każ, il-Linji gwida li jipprovdu livell minimu ta’ armonizzazzjoni meħtieġa għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jispeċifikaw ukoll:

(a)

dettalji dwar l-għoti ta’ informazzjoni, konformement mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 15;

(b)

dettalji dwar regoli tal-kummerċ fl-elettriku;

(ċ)

dettalji dwar regoli ta’ inċentiv għall-investiment għall-kapaċità ta’ interkonnettur inklużi s-sinjali tal-lokalità;

(d)

dettalji dwar l-oqsma elenkati fl-Artikolu 8(6).

Għal dak l-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Aġenzija u lill-ENTSO tal-Elettriku.

4.   Il-linji gwida dwar it-tmexxija u l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ trasmissjoni disponibbli ta’ interkonnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali huma stabbiliti fl-Anness I.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta Linji gwida dwar is-suġġetti elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Tista’ temenda l- Linji gwida msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, konformement mal-prinċipji stipulati fl-Artikoli 15 u 16, b’mod partikolari biex tinkludi Linji gwida dettaljati fuq il-metodoloġiji ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità applikati fil-prattika u biex tiżgura li l-mekkaniżmi ta’ tmexxija ta’ konġestjoni jevolvu b’manjieri kompatibbli mal-għanijiet tas-suq intern. Meta xieraq, waqt li jkunu qegħdin isiru dawn l-emendi għandhom jiġu stabbiliti regoli komuni dwar is-sigurtà minima u standards operazzjonali għall-użu u t-tħaddim tan-network, kif jingħad fl-Artikolu 15(2). Dawk il-miżuri maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmi fl-Artikolu 23(2).

Meta tadotta jew temenda Linji gwida, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tiżgura li l-Linji gwida jipprovdu lanqas grad ta’ armonizzazzjoni meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dak il-għan; u

(b)

tindika x’azzjonijiet tkun ħadet dwar il-konformità ta’ regoli f’pajjiżi terzi, li jifformaw parti mis-sistema tal-Komunità tal-elettriku, mal-Linji gwida konċernati.

Meta tadotta l-Linji gwida taħt dan l-Artikolu għall-ewwel darba, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkopru f’abbozz ta’ miżura waħda mill-anqas is-suġġetti msemmija fil-punti (a) u (d) tal-paragrafu 1, u fil-paragrafu 2.

Artikolu 19

Awtoritajiet regolatorji

L-Awtoritajiet regolatorji, meta kunu qegħdin jesegwixxi dmirijiethom, għandhom jassiguraw konformità ma’ dan ir-Regolament u l-Linji gwida taħt l-Artikolu 18. Meta xieraq, biex iwettqu l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament l-awtoritajiet regolatorji għandhom jikkoperaw ma’ xulxin, mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija konformement mal-Kapitolu IX tad-Direttiva 2009/72/KE.

Artikolu 20

Għoti ta’ informazzjoni u kunfidenzjalità

1.   L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finjiet tal-Artikolu 13(4) u tal-Artikolu 18.

Partikolarment, għall-finjiet tal-Artikolu 13(4) u (6), l-awtoritajiet regolatorji għandhom jipprovdu fuq bażi regolari informazzjoni dwar spejjeż tabilħaqq minfuqa minn operaturi ta’ sistemi nazzjonali ta’ trasmissjoni, kif ukoll data u l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-flussi f’networks ta’ operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni u n-nefqa tan-networks.

Il-Kummissjoni għandha tiffissa żmien raġonevoli sa meta l-informazzjoni għandha tkun provduta, meta tkun tqieset il-komplessità tal-informazzjoni meħtieġa u l-urġenza li bih l-informazzjoni tkun meħtieġa.

2.   Jekk l-Istat Membru jew l-awtorità regolatorja konċernati ma jipprovdux dik l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 1 fiż-żmien mogħti taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ titlob l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-finijiet tal-Artikolu 13(4) u tal-Artikolu 18 direttament mill-impriża konċernata.

Meta tibgħat talba għal informazzjoni lil xi impriża, il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tibgħat kopja lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istat Membru li fih tkun qiegħda s-sede tal-impriża.

3.   Fit-talba tagħha għall-informazzjoni taħt il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi legali tat-talba, it-terminu ta’ żmien li fih l-informazzjoni għandha tiġi provduta, l-għan tat-talba, u l-penali previsti fl-Artikolu 22(2) għall-għoti ta’ informazzjoni skorretta, mhux kompleta jew qarrieqa. Il-Kummissjoni għandha tiffissa terminu ta’ żmien raġonevoli meta titqies il-komplessità tal-informazzjoni meħtieġa u l-urġenza li biha l-informazzjoni tkun meħtieġa.

4.   Il-proprjetarji tal-impriża jew ir-rappreżentanti tagħhom, fil-każ ta’ persuni legali, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom legalment jew bl-istrument ta’ inkorporazzjoni, għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba. Fejn avukati, awtorizzati kif jistħoqq biex jagħmlu dan, jipprovdu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom, il-klijent għandu jibqa’ totalment risponsabbli jekk l-informazzjoni pprovduta tkun mhux sħiħa, inkorretta, jew qarrieqa.

5.   Fejn impriża ma tipprovdix l-informazzjoni mitluba fiż-żmien iffissat mill-Kummissjoni jew tipprovdi informazzjoni mhux kompleta, il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni tesiġi li l-informazzjoni tkun ipprovduta. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika x’informazzjoni hija meħtieġa u tiffissa żmien xieraq li matulu għandha tkun ipprovduta. Għandha tindika l-penali previsti fl-Artikolu 22(2). Għandha wkoll tindika d-dritt li jkolla d-deċiżjoni eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

Il-Kummissjoni għandha fl-istess waqt tibgħat kopja tad-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ir-residenza tal-persuna konċernata jew tkun stabbilita s-sede tal-impriża konċernata.

6.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tintuża biss għall-finjiet tal-Artikolu 13(4) u tal-Artikolu 18.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tiżvela informazzjoni miksuba taħt dan ir-Regolament ta’ tip kopert bl-obbligazzjoni ta’ segretezza professjonali.

Artikolu 21

Dritt tal-Istati Membri li jipprovdu għal miżuri aktar dettaljati

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati Membri li jżommu jew idaħħlu miżuri li jkun fihom dispożizzjonijiet aktar dettaljati minn dawk imniżżla f’dan ir-Regolament u l-Linji gwida li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 18.

Artikolu 22

Pieni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Lulju 2004 b’dawk ir-regoli li jikkorrispondu għad-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1228/2003, u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emendi li jaffettwawhom. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli li ma jikkorrispondux mad-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 sa 3 Marzu 2011 u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emendi sussegwenti li jaffettwawhom.

2.   Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi fuq impriżi multi li ma jaqbżux 1 % tal-valur totali tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti fejn, bi ħsieb jew b’negliġenza, huma jagħtu informazzjoni skorretta, mhux kompleta jew qarrieqa fi tweġiba għal talba magħmula taħt l-Artikolu 20(3) jew jonqsu milli jagħtu informazzjoni fiż-żmien iffissat minn deċiżjoni adottata skont l-ewwel subparagrafu għall-Artikolu 20(5).

Meta jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tqis il-gravità tan-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel sub-paragrafu.

3.   Il-penali previsti taħt il-paragrafu 1 u deċiżjonijiet meħuda taħt il-paragrafu 2 ma għandhomx ikunu ta’ natura ta’ liġi kriminali.

Artikolu 23

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 46 tad-Direttiva 2009/72/KE.

2.   Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 24

Rapport tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fir-rapport tagħha taħt l-Artikolu 47(6) tad-Direttiva 2009/72/KE, il-Kummissjoni għandha wkoll tirrapporta dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Partikolarment ir-rapport għandu jeżamina kemm dan ir-Regolament irnexxielu jiżgura kondizzjoniet ta’ aċċess għan-networks li ma jkunx diskriminatorju u li jirrifletti l-ispejjeż għall-iskambju transkonfinali tal-elettriku sabiex jikkontribbwixxu għal għażla f’suq intern tal-elettriku li jiffunzjona sew u għal sigurtà jew provvista fil-futur imbiegħed, kif ukoll kemm is-sinjali ta’ lokalità jkunu jitħaddmu. Jekk meħtieġ, ir-rapport għandu jkollu mehmuż miegħu proposti u/jew rakkomandazzjonijiet xierqa.

Artikolu 25

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 għandu jitħassar minn 3 Marzu 2011. Ir-referenzi magħmula għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw konformement mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika minn 3 Marzu 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Lulju 2009

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

E. ERLANDSSON


(1)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 23.

(2)  ĠU C 172, 5.7.2008, p. 55.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Ġunju 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-9 ta’ Jannar 2009 (ĠU C 75 E, 31.3.2009, p. 16) u l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ April 2009 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċizjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2009.

(4)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.

(5)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 1.

(6)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(7)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(8)  Ara paġna 55 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(9)  ĠU L 262, 22.9.2006, p. 1.

(10)  ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.


ANNESS I

LINJI GWIDA DWAR IL-ĠESTJONI U L-ALLOKAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ TA’ TRASFERIMENT DISPONIBBLI TA’ INTERKONNESSJONIJIET BEJN SISTEMI NAZZJONALI

1.   Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.1.   L-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni (Transmission system operators, TSOs) għandhom jagħmlu ħilithom biex jaċċettaw it-transazzjonijiet kummerċjali kollha, inklużi dawk li jinvolvu kummerċ transkonfini.

1.2.   Fejn m’hemm l-ebda konġestjoni, m’għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni ta’ aċċess għall- interkonnessjoni. Fejn dan ikun normalment il-każ, mhux meħtieġ li jkun hemm proċedura ta’ allokazzjoni ġenerali permanenti għall-aċċess għas-servizz ta’ trasmissjoni transkonfini.

1.3.   Fejn trasmissjonijiet kummerċjali skedati mhumiex kompatibbli mal-operat sigur tan-network, it-TSOs għandhom itaffu l-konġestjoni f’konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà operattiva tal-grid filwaqt li jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li kull spiża assoċjata tibqa’ f’livell ekonomikament effiċjenti. F’każ li ma jistgħux jiġu applikati miżuri b’anqas spiża għandhom jiġu previsti bgħit mill-ġdid jew tpartit kumpensattivi.

1.4.   Jekk tfiġġ konġestjoni strutturali, għandhom jiġu implimentati minnufih mit-TSOs metodi u arranġamenti adatti ta’ ġestjoni tal-konġestjoni ddefiniti u li jkun intlaħaq qbil dwarhom minn qabel. Il-metodi ta’ ġestjoni tal-konġestjoni għandhom jiżguraw li l-flussi fiżiċi ta’ enerġija assoċjati mal-kapaċità ta’ trasmissjoni allokata jikkonformaw mal-istandards tas-sigurtà tan-network.

1.5.   Il-metodi adottati għall-ġestjoni tal-konġestjoni għandhom jagħti sinjali ekonomiċi effettivi lill-parteċipanti fis-suq u lit-TSOs, jippromwovu l-kompetizzjoni u jkunu adatti għal applikazzjoni reġjonali u fil-Komunità kollha.

1.6.   L-ebda distinzjoni bbażata fuq transazzjoni ma tista’ tiġi applikata fil-ġestjoni tal-konġestjoni. Talba partikolari għal servizz ta’ trasmissjoni għandha tinċaħad biss meta l-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti b’mod konġunt:

(a)

il-flussi fiżiċi inkrementali ta’ enerġija li jirriżultaw mill-aċċettazzjoni ta’ din it-talba jimplikaw li tista’ ma tkunx aktar garantita l-operazzjoni sikura tas-sistema tal-enerġija, u

(b)

il-valur monetarju tat-talba fil-proċedura għall-ġestjoni tal-konġestjoni hu aktar baxx mit-talbiet l-oħrajn kollha intiżi biex jiġu aċċettati għall-istess servizz u kondizzjonijiet.

1.7.   Fid-definizzjoni ta’ oqsma ta’ networks adatti li fihom u bejniethom għandha tiġi applikata l-ġestjoni tal-konġestjoni, it-TSOs għandhom jiġu iggwidati minn prinċipji ta’ kost-effikaċja u minimizzazzjoni ta’ impatti negattivi fis-Suq Intern tal-Enerġija Elettrika. B’mod partikolari, it-TSOs ma jistgħux jillimitaw il-kapaċità ta’ interkonnessjoni sabiex tissolva l-konġestjoni ġoż-żona ta’ kontroll tagħhom stess, ħlief għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq u għal raġunijiet ta’ sigurtà operattiva (1). Jekk isseħħ sitwazzjoni bħal din, din għandha tiġi deskritta u ppreżentata b’mod trasparenti mit-TSOs lill-utenti kollhatas-sistema. Sitwazzjoni bħal din tista’ tiġi ttollerata sakemm tinsab soluzzjoni għat-tul. Il-metodoloġija u l-proġetti għall-kisba ta’ soluzzjoni għall-perijodu fit-tul għandhom jiġu deskritti u ppreżentati b’mod trasparenti mit-TSOs lill-utenti kollhatas-sistema.

1.8.   Fl-ibbilanċjar tan-network fiż-żoni ta’ kontroll permezz ta’ miżuri operattivi fin-network u permezz ta’ bgħit mill-ġdid, it-TSO għandu jieħu kont tal-effett ta’ dawn il-miżuri fuq żoni ta’ kontroll fil-qrib.

1.9.   Mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2008, il-mekkaniżmi għall-ġestjoni tal-konġestjoni tal-istess jum (intra-day) tal-kapaċità ta’ interkonnettur għandhom jiġu stabbiliti b’mod ikkoordinat u taħt kondizzjonijiet operattivi siguri, sabiex jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet għall-kummerċ u sabiex jiġi previst ibbilanċjar transkonfini.

1.10.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jevalwaw il-metodi ta’ ġestjoni tal-konġestjoni, b’attenzjoni partikolari għall-osservanza tal-prinċipji u r-regoli stabbiliti f’dawn ir-Regolament u l-Linji gwida u tat-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet regolatorji nfushom skont dawn il-prinċipji u regoli. Evalwazzjoni bħal din għandha tinkludi konsultazzjoni mal-parteċipanti kollha fis-suq u studji speċifiċi.

2.   Metodi ta’ ġestjoni tal-konġestjoni

2.1.   Il-metodi ta’ ġestjoni tal-konġestjoni għandhom ikunu bbażati fuq is-suq sabiex jiffaċilitaw kummerċ transkonfini effiċjenti. Għal dan il-għan, il-kapaċità għandha tkun allokata biss permezz ta’ rkantijiet espliċiti (kapaċità) jew impliċiti (kapaċità u enerġija). Iż-żewġ metodi jistgħu jikkoeżistu fuq l-istess interkonnessjoni. Għal kummerċ tal-istess jum jista’ jiġi applikat reġim ta’ kontinwità.

2.2.   Skont il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni, għandu mnejn li jkun meħtieġ li l-mekkaniżmi ta’ ġestjoni tal-konġestjoni jippermettu allokazzjoni tal-kapaċità ta’ trasmissjoni kemm għall-perijodu fit-tul kemm għall-perijodu fil-qosor.

2.3.   Kull proċedura ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandha talloka porzjon preskritt tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni disponibbli flimkien ma’ kull kapaċità li jifdal u li ma ġietx allokata preċedentement u kull kapaċità rilaxxata mid-detenturi ta’ kapaċità minn allokazzjonijiet preċedenti.

2.4.   It-TSOs għandhom jottimizzaw il-grad sa fejn il-kapaċità hija soda, b’kont meħud tal-obbligi u d-drittijiet tat-TSOs involuti u l-obbligi u d-drittijiet tal-parteċipanti fis-suq, sabiex tiġi ffaċiltata kompetizzjoni effettiva u effiċjenti. Jista’ jiġi offrut proporzjon raġonevoli tal-kapaċità lis-suq fi grad imnaqqas ta’ sodezza, iżda l-kondizzjonijiet eżatti għat-trasport fuq linji transkonfini għandhom dejjem jiġu avżati lill-parteċipanti fis-suq.

2.5.   Id-drittijiet ta’ aċċess għal allokazzjonijiet għall-perijodu fit-tul u medju għandhom ikunu drittijiet ta’ kapaċità ta’ trasmissjoni soda. Huma għandhom ikunu suġġetti għall-prinċipji use-it-or-lose-it jew use-it-or-sell-it f’ħin in-nominazzjoni.

2.6.   It-TSOs għandhom jiddefinixxu struttura adatta għall-allokazzjoni ta’ kapaċità bejn il-perijodi differenti. Dan jista’ jinkludi għażla biex jiġi riżervat perċentwal minimu ta’ kapaċita ta’ interkonnessjoni għal allokazzjoni ta’ kuljum jew ta’ dak il-jum stess. Din l-istruttura ta’ allokazzjoni għandha tkun suġġetta għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji rispettivi. Fit-tfassil tal-proposti tagħhom, it-TSO għandhom jieħdu kont ta’:

(a)

il-karatteristiċi tas-swieq,

(b)

il-kondizzjonijiet operattivi, bħall-implikazzjonijiet ta’ nettjar ta’ skedi speficikati b’mod deċiżiv,

(ċ)

il-livell ta’ armonizzazzjoni tal-perċentwali u l-perijodi adottati għall-mekkaniżmi stabbiliti tal-allokazzjoni tal-kapaċità.

2.7.   L-allokazzjoni ta’ kapaċità ma tistax tiddiskrimina bejn il-parteċipanti fis-suq li jixtiequ jużaw d-drittijiet tagħhom biex jagħmlu użu minn kuntratti ta’ forniment bilaterali jew biex jitfgħu offerta fi skambji ta’ enerġija. L-offerti bl-ogħla valur, kemm jekk impliċiti kemm jekk espliciti f’perijodu partikolaru, għandhom jirnexxu.

2.8.   F’reġjuni fejn swieq finanzjari ta’ xiri tal-elettriku fil-futur huma żviluppati sew u wrew l-effiċjenza tagħhom, il-kapaċità kollha ta’ interkonnessjoni tista’ tiġi allokata permezz ta’ rkantar impliċitu.

2.9.   Ħlief fil-każ ta’ interkonnetturi ġodda li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) 1228/2003 jew l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament, l-istabbiliment ta’ prezzijiet ta’ riżerva f’metodi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità m’għandux ikun permess.

2.10.   Fil-prinċipju, il-parteċipanti potenzjali fis-suq għandhom jingħataw permess biex jipparteċipaw fil-proċess ta’ allokazzjoni mingħajr restrizzjoni. Biex jiġu evitati l-ħolqien jew l-aggravament ta’ problemi marbuta mal-użu potenzjali ta’ pożizzjoni dominati ta’ kwalunkwe attur tas-suq, l-awtoritajiet rilevanti regolatorji u/jew ta’ kompetizzjoni, fejn adatt, jistgħu jimponu restrizzjonijiet inġenerali jew fuq kumpanija individwali minħabba dominanza fis-suq.

2.11.   Il-parteċipanti fis-suq għandhom jinnominaw b’mod deċiżiv l-użu tagħhom tal-kapaċità lit-TSOs b’terminu ta’ żmien definit għal kull perijodu. L-iskadenza għandha tkun b’mod li t-TSOs ikunu jistgħu jassenjaw mill-ġdid kapaċità mhix użata għal allokazzjoni mill-ġdid fil-perijodu rilevanti li jmiss — inkluż sessjonijiet fl-istess ġurnata (intra-day).

2.12.   Il-kapaċità għandha tkun negozjabbli b’mod ħieles fuq bażi sekondarja, dment li t-TSO ikun infurmat biżżejjed bil-quddiem. Meta t-TSO jiċħad kwalunkwe kummerċ sekondarju (transazzjoni), dan għandu jkun ikkomunikat u spjegat b’mod ċar lill-parteċipanti kollha fis-suq minn dak it-TSO u għandu jkun innotifikat lill-awtorità regolatorja.

2.13.   Il-konsegwenzi finanzjarji talli ma jkunux onorati l-obbligi b’rabta mal-allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom ikunu attribwiti lil dawk li jkunu responsabbli għal tali nuqqas. Meta l-parteċipanti fis-suq jonqsu milli jużaw il-kapaċità li huma jkunu impenjaw li jużaw, jew, fil-każ ta’ kapaċità espliċitament irkantata, jonqsu milli jinnegozjaw fuq bażi sekondarja jew milli jagħtu l-kapaċità lura fiż-żmien dovut, huma għandhom jitilfu d-drittijiet għal tali kapaċità u jħallsu spiża li tirrifletti n-nefqa. Kwalunkwe spejjeż li jiriflettu n-nefqa dovuti għal nuqqas ta’ użu tal-kapaċità għandhom ikunu ġġustifikati u proporzjonati. Bl-istess mod, jekk TSO ma jirrispettax l-obbligu tiegħu, huwa għandu jkun responsabbli li jikkumpensa parteċipant fis-suq għat-telf tad-drittijiet tal-kapaċità. Għal dan il-fini m’għandu jittieħed kont tal-ebda telf konsegwenzjali. Il-kunċetti u l-metodi ewlenin għad-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet li jirriżultaw wara n-nuqqas tar-rispett tal-obbligi għandhom ikunu stabbiliti minn qabel skont il-konsegwenzi finanzjarji, u għandhom ikunu suġġetti għar-reviżjoni mill-awtorità jew l-awtoritajiet regolatorja nazzjonali kompetenti.

3.   Koordinazzjoni

3.1.   L-allokazzjoni tal-kapaċità f’interkonnessjoni għandha tkun determinata u implimentata bl-użu tal-proċeduri ta’ allokazzjoni komuni mit-TSOs involuti. F’każijiet fejn l-iskambji kummerċjali bejn żewġ pajjiżi (TSOs) ikunu mistennija li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kondizzjonijiet fiżiċi ta’ fluss f’ pajjiż terz (TSO), il-metodi ta’ ġestjoni tal-konġestjoni għandhom ikunu kkoordinati bejn it-TSOs kollha milquta permezz ta’ proċedura komuni ta’ ġestjoni tal-konġestjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u t-TSOs għandhom jiżguraw li ebda proċedura ta’ ġestjoni tal-konġestjoni b’effetti sinifikanti fuq il-flussi fiżiċi tal-enerġija elettrika f’networks oħrajn ma tkun ippjanata unilateralment.

3.2.   Metodu u proċedura komuni u kkoordinati ta’ ġestjoni tal-konġestjoni għall-allokazzjoni tal-kapaċità għas-suq mill-anqas minn sena, xahar jew jum qabel għandhom ikunu applikati sal-1 ta’ Jannar 2007 bejn il-pajjiżi tar-reġjuni li ġejjin:

(a)

L-Ewropa ta’ Fuq (jiġifieri d-Danimarka, l-Isvezja, il-Finlandja, il-Ġermanja u l-Polonja),

(b)

L-Ewropa tal-Majjistral (jiġifieri l-Benelux, il-Ġermanja u Franza),

(ċ)

L-Italja (jiġifieri l-Italja, Franza, l-Awstrija, is-Slovenja u l-Greċja),

(d)

L-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (jiġifieri l-Ġermanja, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija, l-Awstrija u s-Slovenja),

(e)

L-Ewropa tal-Lbiċ (jiġifieri Spanja, il-Portugall u Franza),

(f)

Ir-Renju Unit, l-Irlanda u Franza,

(g)

L-Istati Baltiċi (jiġifieri l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja).

F’interkonnessjoni li tinvolvi Stati Membri li jappartjenu lil aktar minn reġjun wieħed, il-metodu ta’ ġestjoni tal-konġestjoni applikat jista’ jkun differenti sabiex jiżgura l-kompatibilità mal-metodi applikati fir-reġjuni l-oħrajn li għalihom jappartjenu dawn l-Istati Membri. F’dan il-każ it-TSOs relevanti għandhom jipproponu l-metodu li għandu jkun suġġett għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji relevanti.

3.3.   Ir-reġjuni msemmija fil-punt 2.8. jistgħu jallokaw il-kapaċità ta’ interkonnessjoni kollha permezz ta’ allokazzjoni minn jum qabel.

3.4.   Il-proċeduri kompatibbli ta’ ġestjoni tal-konġestjoni għandhom ikunu ddefiniti f’dawn is-seba’ reġjuni kollha bil-għan li jiġi ffurmat suq intern tal-elettriku integrat tassew. Il-parteċipanti fis-suq m’għandhomx iħabbtu wiċċhom ma’ sistemi reġjonali inkompatibbli.

3.5.   Bl-għan tal-promozzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta u effiċjenti u kummerċ transkonfini, il-koordinazzjoni bejn it-TSOs ġewwa r-reġjuni mniżżla fil-punt 3.2. għandha tinkludi l-passi kollha mill-kalkolu tal-kapaċità u l-ottimizzazzjoni tal-allokazzjoni għall-operazzjoni sigura tan-network, bi tqassim ċar tar-responsabbiltà. Koordinazzjoni bħal din għandha tinkludi, b’mod partikolari:

(a)

l-użu ta’ mudell komuni ta’ trasmissjoni li jittratta b’mod effiċjenti trasferimenti f’ċirku fiżiċi interdipendenti u b’kont meħud tad-diskrepanzi bejn il-flussi fiżiċi u kummerċjali,

(b)

allokazzjoni u nominazzjoni tal-kapaċità biex jiġu trattati b’mod effiċjenti trasferimenti f’ċirku fiżiċi interdipendenti,

(ċ)

obbligi identiċi fuq id-detenturi tal-kapaċità li jipprovdu informazzjoni dwar l-użu intenzjonat tagħhom tal-kapaċità, jiġifieri nominazzjoni tal-kapaċità (għal irkant espliċitu),

(d)

perijodi u ħinijiet tal-għeluq identiċi,

(e)

struttura identika għall-allokazzjoni tal-kapaċità fost perijodi differenti (pereżempju ġurnata, 3 sigħat, ġimgħa, eċċ) u f’termini ta’ blokok ta’ kapaċità mibjugħa (ammont ta’ enerġija f’MW, MWh, eċċ),

(f)

qafas kuntrattwali konsistenti mal-parteċipanti fis-suq,

(g)

verifika tal-flussi biex jikkonformaw mal-kondizzjonijiet tas-sigurtà tan-network għall-ippjanar operattiv u għal operazzjoni fil-ħin reali,

(h)

Il-kontabilità u l-issetiljar tal-azzjonijiet tal-ġestjoni tal-konġestjoni.

3.6.   Il-koordinazzjoni għandha tinkludi wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni bejn it-TSOs. In-natura, il-ħin u l-frekwenza tal-iskambju ta’ informazzjoni għandhom ikunu kompatibbli mal-attivitajiet stipulati fil-punt 3.5 u l-funzjonament tas-swieq tal-elettriku. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jippermetti b’mod partikolari lit-TSOs jagħmlu l-aħjar previżjoni possibbli tas-sitwazzjoni tan-network globali sabiex jiġu evalwati l-flussi fin-network tagħhom u l-kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni disponibbli. Kwalunkwe TSO li jiġbor informazzjoni f’isem TSOs oħra għandu jagħti lura lit-TSO parteċipanti r-riżultati tal-ġbir tad-data.

4.   Skeda għall-operazzjonijiet tas-suq

4.1.   L-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ trasmissjoni disponibbli għandha ssir biżżejjed bil-quddiem. Qabel kull allokazzjoni, it-TSOs involuti għandhom jippubblikaw b’mod konġunt il-kapaċità li għandha tkun allokata, b’kont meħud fejn meħtieġ tal-kapaċità li tirriżulta minn kwalunkwe dritt ta’ trasmissjoni tal-kumpanniji u, fejn relevanti, nomini interkonnessi, flimkien ma’ perijodi ta’ żmien li matulhom il-kapaċità ser titnaqqas jew mhux ser tkun disponibbli (pereżempju minħabba manutenzjoni).

4.2.   B’kont sħiħ meħud tas-sigurtà tan-network, in-nominazzjoni tad-drittijiet ta’ trasmissjoni għandha ssir biżżejjed bil-quddiem, qabel is-sessjonijiet tal-jum minn qabel tas-swieq organizzati relevanti kollha u qabel il-pubblikazzjoni tal-kapaċità li għandha tkun allokata skont il-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni tal-jum minn qabel jew ta’ dak il-jum stess. In-nomini tad-drittijiet ta’ trasmissjoni fid-direzzjoni opposta għandhom ikunu interkonnessi sabiex isir użu effiċjenti tal-interkonnessjoni.

4.3.   Allokazzjonijiet suċċessivi ta’ dak il-jum stess tal-kapaċità ta’ trasmissjoni disponibbli għall-jum D għandhom isiru fil-jiem D1 u D, wara l-ħruġ tal-iskedi ta’ produzzjoni indikati jew attwali tal-jum minn qabel.

4.4.   Waqt it-tħejjija tal-operazzjoni tal-grilja tal-jum minn qabel, it-TSOs għandhom jiskambjaw informazzjoni mat-TSOs ġirien, inkluża l-previżjoni tat-topoloġija tal-grilja, id-disponibbiltà u l-produzzjoni prevista tal-unitajiet ta’ ġenerazzjoni, u jintroduċu l-flussi sabiex jottimizzaw l-użu tan-network ġenerali permezz tal-miżuri operattivi skont ir-regoli għal operazzjoni sigura tal-grilja.

5.   Trasparenza

5.1.   It-TSOs għandhom jippubblikaw id-data kollha relevanti relatata mad-disponibbiltà tan-netwerk, l-aċċess għan-netwerk u l-użu tan-netwerk, inkluż rapport dwar fejn u għaliex teżisti konġestjoni, il-metodi applikati biex tiġi ġestita din il-konġestjoni u l-pjani għall-ġestjoni futura tagħha.

5.2.   It-TSOs għandhom jippubblikaw deskrizzjoni ġenerali tal-metodu ta’ ġestjoni tal-konġestjoni applikat skont ċirkostanzi differenti biex tiġi massimizzata l-kapaċità disponibbli għas-suq, u skema ġenerali għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni għal perijodi differenti, abbażi tar-realtajiet elettriċi u fiżiċi tan-network. Skema bħal din għandha tkun suġġetta għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri kkonċernati.

5.3.   Il-proċeduri fis-seħħ ta’ ġestjoni tal-konġestjoni u tal-allokazzjoni tal-kapaċità, flimkien mal-ħinijiet u l-proċeduri għall-applikazzjoni għal kapaċità, deskrizzjoni tal-prodotti offruti u l-obbligi u d-drittijiet kemm tat-TSOs kif ukoll tal-parti li tikseb il-kapaċità, inklużi r-responsabbiltajiet li jirriżultaw wara nuqqas tar-rispett tal-obbligi, għandhom ikunu deskritti fid-dettall u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni b’mod trasparenti mit-TSOs għall-utenti potenzjali kollha tan-network.

5.4.   L-istandards operazzjonali u ta’ ppjanar għandhom jiffurmaw parti integrali mill-informazzjoni li t-TSOs jippubblikaw f’dokumenti disponibbli u pubbliku. Dan id-dokument ukoll għandu jkun suġġett għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

5.5.   It-TSOs għandhom jippubblikaw id-data kollha relevanti dwar il-kummerċ transkonfini abbażi tal-aħjar previżjoni possibbli. Sabiex jirrispettaw dan l-obbligu, il-parteċipanti konċernati fis-suq għandhom jipprovdu lit-TSOs id-data relevanti. Il-mod ta’ pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni għandu jkun suġġett għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji. It-TSOs għandhom jippubblikaw mill-anqas:

(a)

kull sena: informazzjoni dwar l-evoluzzjoni fit-tul tal-infrastruttura tat-trasmissjoni u l-impatt tagħha fuq il-kapaċità tat-trasmissjoni transkonfini;

(b)

kull xahar: previżjonijiet b’xahar u b’sena bil-quddiem tal-kapaċità ta’ trasmissjoni disponibbli għas-suq, b’kont meħud tal-informazzjoni kollha disponibbli lit-TSO fiż-żmien tal-kalkolu tal-previżjoni (pereżempju l-impatt tal-istaġuni tas-sajf u tax-xitwa fuq il-kapaċità tal-linji, il-manutenzjoni tal-grilja, id-disponibbiltà tal-unitajiet ta’ produzzjoni, eċċ);

(ċ)

kull ġimgħa: previżjonijiet ġimgħa bil-quddiem tal-kapaċità ta’ trasmissjoni disponibbli għas-suq, b’kont meħud tal-informazzjoni kollha disponibbli lit-TSOs fiż-żmien tal-kalkolu tal-previżjoni, bħall-previżjoni tat-temp, ħidma ta’ manutenzjoni ppjanata tal-grilja, id-disponibbiltà tal-unitajiet ta’ produzzjoni, eċċ;

(d)

kuljum: kapaċità ta’ trasmissjoni ta’ jum bil-quddiem u ta’ dak il-jum stess disponibbli għas-suq għal kull unità ta’ ħin tas-suq, b’kont meħud tan-nominazzjonijiet interkonnessi ta’ jum bil-quddiem, skedi ta’ produzzjoni ta’ jum bil-quddiem, previżjonijiet tal-talba u ħidma ta’ manutenzjoni ppjanata tal-grilja;

(e)

kapaċità totali diġà allokata, b’unità ta’ ħin tas-suq, u l-kondizzjonijiet relevanti kollha li fiha tista’ tintuża din il-kapaċità (pereżempju prezz ta’ bejgħ f’irkant, obbligi dwar l-użu tal-kapaċità, eċċ), sabiex tiġi identifikata kwalunkwe kapaċità li jifdal;

(f)

kapaċità allokata malajr kemm jista’ jkun wara kull allokazzjoni, kif ukoll indikazzjoni tal-prezzijiet imħallsa;

(g)

kapaċità totali użata, b’unità ta’ ħin tas-suq, immedjatament wara n-nominazzjoni;

(h)

l-eqreb possibbli għall-ħin reali: flussi kummerċjali u fiżiċi aggregati mwettqa, b’unità ta’ ħin tas-suq, inkluż deskrizzjoni tal-effetti ta’ kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda mit-TSOs (bħal limitazzjoni) biex jissolvew problemi tan-network jew tas-sistemi;

(i)

informazzjoni ex-ante dwar waqfien ippjanat u informazzjoni ex-post għall-jum preċedenti dwar waqfien ippjanat u mhux ippjanat ta’ unitajiet ta’ ġenerazzjoni akbar minn 100 MW.

5.6.   L-informazzjoni relevanti kollha għandha tkun disponibbli għas-suq fi żmien debitu għan-negozjar tat-transazzjonijiet kollha (bħall-ħin tan-negozjar tal-kuntratti annwali ta’ provvista għall-konsumaturi industrijali jew il-ħin meta l-offerti għandhom jintbagħtu fi swieq organizzati).

5.7.   It-TSO għandu għandu jippubblika l-informazzjoni relevanti dwar it-talba għal previżjoni u dwar il-ġenerazzjoni skont il-perijodi ta’ żmien imsemmija fil-punti 5.5. u 5.6. It-TSO għandu jippubblika wkoll l-informazzjoni relevanti meħtieġa għas-suq ta’ bbilanċjar transkonfini.

5.8.   Meta l-previżjonijiet ikunu ppubblikati, il-valuri realizzati ex post għall-informazzjoni tal-previżjoni għandhom ikunu ppubblikati wkoll fil-perijodu ta’ żmien li jsegwi dak li għalih tapplika l-previżjoni jew mhux aktar aktar mill-jum ta’ wara (D + 1).

5.9.   L-informazzjoni kollha ppubblikata mit-TSOs għandha tkun disponibbli b’mod ħieles f’forma faċilment aċċessibbli. Id-data kollha għandha tkun aċċessibbli wkoll b’mezzi adegwati u standardizzati ta’ skambju tal-informazzjoni, li għandhom ikunu ddefiniti f’koperazzjoni mill-qrib mal-parteċipanti fis-suq. Din id-data għandha tinkludi informazzjoni dwar perijodi tal-passat b’minimu ta’ sentejn, sabiex dawk li jkunu għadhom kif daħlu fis-suq ikollhom aċċess ukoll għal tali data.

5.10.   It-TSOs għandhom jiskambjaw regolarment sett ta’ data tan-network u tal-introduzzjoni tal-flussi preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu kalkoli ta’ introduzzjoni tal-flussi għal kull TSO fiż-żona relevanti tiegħu. L-istess sett ta’ data għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet regolatorji u lill-Kummissjoni fuq talba. L-awtoritajiet regolatorji u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw it-trattament kunfidenzjali ta’ dan is-sett ta’ data, minnhom u minn kwalunkwe konsulent li jwettaq ħidma analitika għalihom abbażi ta’ din id-data.

6.   Użu tal-introjtu mill-konġestjoni

6.1.   Il-proċeduri ta’ ġestjoni tal-konġestjoni assoċjati ma’ perijodu ta’ żmien speċifikat minn qabel jistgħu jiġġeneraw introjtu biss fil-każ li l-konġestjoni tirriżulta minn dak il-perijodu, ħlief fil-każ ta’ interkonnetturi ġodda li jibbenefikaw mill-eżenzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) 1228/2003 jew l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament. Il-proċedura għat-tqassim ta’ dan l-introjtu għandha tkun suġġetta għal reviżjoni mill-awtoritajiet regolatorji u la għandha tfixkel il-proċess ta’ allokazzjoni favur kwalunkwe parti li teħtieġ il-kapaċità jew l-enerġija u lanqas ma tipprovdi diżinċentiv biex titnaqqas il-konġestjoni.

6.2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu trasparenti dwar l-użu tal-introjtu li jirriżulta mill-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni.

6.3.   L-introjtu mill-konġestjoni għandu jkun kondiviż fost it-TSOs involuti skont il-kriterji maqbula bejn it-TSOs involuti u riveduti mill-awtoritajiet regolatorji rispettivi.

6.4.   It-TSOs għandhom jistabbilixxu biċ-ċar minn qabel l-użu li huma ser jagħmlu minn kwalunkwe introjtu mill-konġestjoni li huma jaf jiksbu u jirrappurtaw dwar l-użu preżenti ta’ dan l-introjtu. L-awtoritajiet regolatorji għandhom jivverifikaw li dan l-użu jkun konformi mar-Regolament u l-Linji gwida preżenti u li l-ammont totali ta’ introjtu tal-konġestjoni li jirriżulta mill-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni jkun iddedikat għat-tliet għanijiet stipulati fl-Artikolu 16(6) ta’ dan ir-Regolament.

6.5.   Fuq bażi annwali, u sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jippubblikaw rapport li jistabbilixxi l-ammont ta’ introjtu miġbur għall-perijodu ta’ 12-il xahar sat-30 ta’ Ġunju tal-istess sena u l-użu li jkun sar minn dan l-introjtu, flimkien ma’ verifika li dan l-użu jkun konformi mar-Regolament u l-Linji gwida preżenti u li l-ammont totali ta’ introjtu tal-konġestjoni jkun iddedikat għal fini wieħed jew aktar mit-tlieta preskritti.

6.6.   L-użu tal-introjtu mill-konġestjoni biex isir investiment għaż-żamma fl-ordni jew it-tkabbir tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni preferibbilment għandu jkun assenjat għal proġetti speċifiċi predefiniti li jikkontribwixxu biex tittaffa l-konġestjoni assoċjata eżistenti u li jistgħu jkunu implimentati wkoll fi żmien raġonevoli, partikolarment rigward il-proċess ta’ awtorizzazzjoni.


(1)  Sigurtà operattiva tfisser “iż-żamma tas-sistema ta’ trasmissjoni fil-limiti ta’ sigurtà maqbula”.


ANNESS II

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 3

Artikolu 13

Artikolu 4

Artikolu 14

Artikolu 5

Artikolu 15

Artikolu 6

Artikolu 16

Artikolu 7

Artikolu 17

Artikolu 8

Artikolu 18

Artikolu 9

Artikolu 19

Artikolu 10

Artikolu 20

Artikolu 11

Artikolu 21

Artikolu 12

Artikolu 22

Artikolu 13

Artikolu 23

Artikolu 14

Artikolu 24

Artikolu 25

Artikolu 15

Artikolu 26

Anness

Anness I