23.7.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 191/35 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 641/2009
tat-22 ta' Lulju 2009
li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għaċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit u indipendenti u għaċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit integrati fi prodotti
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 dwar it-twaqqif ta’ qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-ekodisinn ta’ prodotti li jużaw l-enerġija u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE u d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/57/KE u 2000/55/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,
Wara li kkonsultat mal-Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn,
Billi:
(1) |
Skont id-Direttiva 2005/32/KE, ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni għal prodotti li jużaw l-enerġija li jirrappreżentaw volumi sinifikanti ta’ bejgħ u kummerċ, li għandhom impatt ambjentali sinifikanti, u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għat-titjib f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom mingħajr ma jinvolvu spejjeż żejda. |
(2) |
L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2005/32/KE jipprovdi li, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(3) u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(2) ta’ dik id-Direttiva, u wara konsultazzjoni mal-Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn, il-Kummissjoni tintroduċi, kif xieraq, miżura implimentattiva għall-apparat f’sistemi li jaħdmu b’mutur tal-elettriku u għat-tagħmir tat-tisħin, bħalma huma ċ-ċirkolaturi. |
(3) |
Il-Kummissjoni wettqet studju ta’ tħejjija biex tanalizza l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi taċ-ċirkolaturi li jintużaw ġeneralment fil-bini. L-istudju ġie żviluppat flimkien mal-partijiet interessati mill-Komunità u minn partijiet terzi, u r-riżultati tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. |
(4) |
Iċ-ċirkolaturi jikkonsmaw il-biċċa l-kbira mill-enerġija li tintuża minn sistemi tat-tisħin fil-bini. Barra minn hekk, tkun xi tkun il-ħtieġa tat-tisħin, il-biċċa l-kbira taċ-ċirkolaturi standard joperaw kontinwament. Għaldaqstant, iċ-ċirkolaturi huma wieħed mill-prodotti prijoritarji li jeħtieġu rekwiżiti tal-ekodisinn stabbiliti għalihom. |
(5) |
L-impatt ambjentali taċ-ċirkolaturi li jitqies bħala sinifikanti għall-fini ta’ dan ir-Regolament huwa l-konsum tal-elettriku fil-fażi tal-użu tagħhom. |
(6) |
L-istudju ta’ tħejjija juri li fis-suq Komunitarju jitqiegħdu madwar 14-il miljun ċirkolatur fis-sena u li l-aktar impatt ambjentali sinifikanti minn fost il-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom huwa l-komsum tal-enerġija fil-fażi tal-użu li fl-2005 kien ta’ 50 TWh, li huwa ekwivalenti għal 23 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2. Jekk ma jittiħdux miżuri speċifiċi, il-konsum tal-elettriku mistenni li sal-2020 jiżdied għal 55TWh. L-istudju ta’ tħejjija juri li l-konsum tal-elettriku fil-fażi tal-użu jista’ jiġi mtejjeb b’mod sinifikanti. |
(7) |
Skont l-istudju ta’ tħejjija, ir-rekwiżiti dwar parametri oħrajn tal-ekodisinn imsemmijia fil-Parti 1 tal-Anness I għad-Direttiva 2005/32/KE mhumiex meħtieġa, peress li l-konsum tal-elettriku miċ-ċirkolaturi fil-fażi tal-użu huwa bil-bosta l-aktar aspett importanti għall-ambjent. |
(8) |
L-effiċjenza taċ-ċirkolaturi għandha tittejjeb bl-użu ta’ teknoloġiji eżistenti mhux brevettatti u li huma effettivi f’termini ta’ nfiq, li jwasslu għal tnaqqis tal-ispejjeż ikkombinati għax-xiri u t-tħaddim taċ-ċirkolaturi. |
(9) |
Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jarmonizzaw ir-rekwiżiti tal-konsum tal-elettriku għaċ-ċirkolaturi fil-Komunità kollha, u b’hekk jagħtu kontribut għall-funzjonament tas-suq intern u għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali ta’ dawn il-prodotti. |
(10) |
Sabiex jiżdied l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ taċ-ċirkolaturi, il-manifatturi għandhom jipprovdu informazzjoni dwar kif iċ-ċirkolaturi jiġu mmontati u żarmati. |
(11) |
Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn m’għandhomx iħallu impatt negattiv fuq il-funzjonalità taċ-ċirkolaturi u m’għandhomx jaffettwaw b’mod negattiv is-saħħa, is-sikurezza jew l-ambjent. B’mod partikolari, il-benefiċċji tat-tnaqqis ta’ konsum tal-elettriku fil-fażi tal-użu għandhom ipattu bil-kbir għal kwalunkwe impatti ambjentali addizzjonali waqt il-fażi tal-produzzjoni. |
(12) |
Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jiddaħħlu b’mod gradwali sabiex il-manifatturi jingħataw żmien biżżejjed biex jiddisinjaw mill-ġdid il-prodotti li huma soġġetti għal dan ir-Regolament skont ma jkun xieraq. L-iffissar taż-żmien ta’ meta jiddaħħlu dawn ir-rekwiżiti għandu jsir b’tali mod li l-impatti negattivi fuq il-funzjonalità taċ-ċirkolaturi fis-suq jiġu evitati, u li jitqiesu l-impatti tal-ispejjeż għall-manifatturi, partikolarment l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li tiġi żgurata l-kisba f’waqtha tal-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. |
(13) |
Il-valutazzjoni tal-konformità u l-kejl tal-parametri rilevanti tal-prodott għandhom jitwettqu permezz ta’ metodi ta’ kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli li jqisu l-metodi l-iktar riċenti u avvanzati ta’ kejl rikonoxxuti b’mod ġenerali inkluż, fejn disponibbli, l-istandards armonizzati adottati mill-entitajiet Ewropej għal-istandardizzazzjoni, kif elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-Servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (2). |
(14) |
Dan ir-Regolament għandu jiżgura t-tqegħid malajr fis-suq ta’ teknoloġiji li jnaqqsu l-impatt ambjentali miċ-ċirkolaturi tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, li sal-2020 għandu jwassal għal iffrankar ta’ 23 TWh fil-konsum tal-elettriku, li huwa ekwivalenti għal 11-il miljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2 meta mqabbel mas-sitwazzjoni fejn ma tittieħed ebda azzjoni. |
(15) |
Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/32/KE, dan ir-Regolament għandu jispeċifika l-proċeduri applikabbli għall-valutazzjoni tal-konformità. |
(16) |
Sabiex jiffaċilitaw il-kontrolli tal-konformità, il-manifatturi għandhom jipprovdu informazzjoni fid-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Annessi V u VI tad-Direttiva 2005/32/KE. |
(17) |
Minbarra r-rekwiżiti legalment vinkolanti stabbiliti f’dan ir-Regolament, għandhom jiġu identifikati punti ta’ riferiment indikattivi tal-aħjar teknoloġiji disponibbli biex jiżguraw id-disponibbilità u l-aċċessibbiltà faċli għall-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja taċ-ċirkolaturi. |
(18) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2005/32/KE, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u ambitu tal-applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għat-tqegħid fis-suq ta’ ċirkolaturi mingħajr tqalfit (glandless) u indipendenti u ta’ ċirkolaturi mingħajr tqalfit integrati fi prodotti.
2. Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal:
(a) |
iċ-ċirkolaturi tal-ilma tax-xorb, għajr fir-rigward tar-rekwiżiti tal-informazzjoni tal-Punt 2 (4) tal-Anness I; |
(b) |
iċ-ċirkolaturi integrati fi prodotti li jitqiegħdu fis-suq sal-1 ta’ Jannar 2020 biex jissostitwixxu ċirkolaturi integrati fi prodotti identiċi li jitqiegħdu fis-suq sal-1 ta’ Awwissu 2015. Il-prodott li jintuża għas-sostituzzjoni u l-imballaġġ tiegħu għandu jkollhom indikazzjoni ċara dwar ma liema prodott(i) għandhom jintużaw. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Minbarra d-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/32/KE, għandhom japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet:
(1) |
“ċirkolatur” tfisser pompa tat-tip b’impeller (b’impulsjoni) li jkollha qawwa idrawlika output nominali ta’ bejn 1 W u 2 500 W u li tkun magħmula biex tintuża f’sistemi tat-tisħin jew f’ċirkwiti sekondarji ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ tkessiħ; |
(2) |
“ċirkolatur mingħajr tqalfit (glandless)” tfisser ċirkolatur li jkollu x-xaft tal-mutur abbinat direttament mal-impeller u l-mutur imgħaddas fil-fluwidu li jkun qiegħed jiġi ppompjat; |
(3) |
“ċirkolatur indipendenti” tfisser ċirkolatur magħmul biex jaħdem indipendentement mill-prodott; |
(4) |
“prodott” tfisser apparat li jiġġenera u/jew li jittrasferixxi s-sħana; |
(5) |
“ċirkolatur tal-ilma tax-xorb” tfisser ċirkolatur magħmul speċifikament biex jintuża għar-riċirkolazzjoni tal-ilma tax-xorb kif definit fid-Direttiva 98/83/KE (3). |
Artikolu 3
Rekwiżiti tal-ekodisinn
Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għaċ-ċirkolaturi huma stipulati fl-Anness I.
Il-konformità mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jitkejlu kif meħtieġ mir-rekwiżiti stipulati fil-Punt 1 tal-Anness II.
Il-metodu li jintuża għall-kalkolu tal-indiċi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija taċ-ċirkolaturi huwa stipulat fil-Punt 2 tal-Anness II.
Artikolu 4
Valutazzjoni tal-konformità
Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/32/KE għandha tkun is-sistema tal-kontroll intern tad-disinn stipulata fl-Anness IV għal dik id-Direttiva jew is-sistema tal-ġestjoni għall-valutazzjoni tal-konformità stipulata fl-Anness V għal dik id-Direttiva.
Artikolu 5
Proċedura ta’ verifika għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq
Meta jwettqu l-kontrolli ta’ sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/32/KE għar-rekwiżiti stipulati fl-Anness I għal dan ir-Regolament, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura ta’ verifika deskritta fl-Anness III għal dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Punti ta’ riferiment
Il-punti ta’ riferiment indikattivi għaċ-ċirkolaturi bl-aħjar prestazzjoni disponibbli fis-suq meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ huma stipulati fl-Anness IV.
Artikolu 7
Reviżjoni
Sal-1 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-metodoloġija li tintuża għall-kalkolu tal-indiċi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, stipulat fil-Punt 2 tal-Anness II għal dan ir-Regolament, għaċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit u integrati fi prodotti.
Sal-1 ta’ Jannar 2017, għandha tirrivedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku li jseħħ. Ir-reviżjoni għandha tinkludi l-valutazzjoni tal-alternattivi tad-disinn li jistgħu jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.
Ir-riżultati tar-reviżjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-Forum tal-Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika skont din l-iskeda:
(1) |
mill-1 ta’ Jannar 2013, iċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit u indipendenti, għajr għal dawk magħmulin speċifikament biex jintużaw f’ċirkwiti primarji ta’ sistemi tat-tisħin solari u f’heat pumps, għandu jkollhom indiċi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (EEI) kif definit fil-Punt 1(1) tal-Anness I. |
(2) |
mill-1 ta’ Awwissu 2015, iċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit u indipendenti u ċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit u integrati fi prodotti għandu jkollhom il-livell ta’ effiċjenza ddefinit fil-Punt 1(2) tal-Anness I. |
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2009.
Għall-Kummissjoni
Andris PIEBALGS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.
(2) ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.
(3) ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32.
ANNESS I
REKWIŻITI TAL-EKODISINN
(1) REKWIŻITI TAL-EFFIĊJENZA FL-UŻU TAL-ENERĠIJA
(1) |
Mill-1 ta’ Jannar 2013, iċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit u indipendenti, għajr għal dawk magħmulin speċifikament biex jintużaw f’ċirkwiti primarji ta’ sistemi tat-tisħin solari u f‘heat pumps, għandu jkollhom indiċi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (EEI) mhux ogħla minn 0,27, ikkalkolat skont il-Punt 2 tal-Anness II. |
(2) |
Mill-1 ta’ Awwissu 2015, iċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit u indipendenti u ċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit integrati fi prodotti għandu jkollhom indiċi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (EEI) mhux ogħla minn 0,23, ikkalkolat skont il-Punt 2 tal-Anness II. |
(2) REKWIŻITI TAL-INFORMAZZJONI DWAR IL-PRODOTT
Mill-1 ta’ Jannar 2013,
(1) |
l-indiċi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija taċ-ċirkolaturi, ikkalkolat skont l-Anness II, għandu jiġi indikat fuq il-pjanċa tal-isem u fuq l-imballaġġ tal-prodott, u fid-dokumentazzjoni teknika, kif ġej: “EEI ≤ 0,[xx]”; |
(2) |
għandha tingħata din l-informazzjoni: “Il-punt ta’ riferiment għall-aktar ċirkolaturi effiċjenti huwa EEI ≤ 0,20.”; |
(3) |
għall-faċilitajijiet ta’ trattament, għandha tingħata informazzjoni rigward iż-żarmar, riċiklaġġ jew rimi ta’ komponenti u materjali fit-tmiem tal-ħajja tagħhom; |
(4) |
din l-informazzjoni li ġejja għandha tingħata fuq l-imballaġġ u fid-dokumentazzjoni teknika taċ-ċirkolaturi tal-ilma tax-xorb: “Dan iċ-ċirkolatur huwa tajjeb biss għall-ilma tax-xorb.”. |
Il-manifatturi għandhom jipprovdu informazzjoni dwar kif iċ-ċirkolatur jiġi stallat, użat u miżmum sabiex iħalli l-inqas impatt possibbli fuq l-ambjent.
L-informazzjoni msemmija hawn fuq għandha tintwera b’mod ċar fuq il-websajts, li l-aċċess għalihom ikun bla ħlas, tal-manifatturi taċ-ċirkolaturi.
ANNESS II
METODI TA’ KEJL U METODOLOĠIJA GĦALL-KALKOLU TAL-INIDIĊI TAL-EFFIĊJENZA FL-UŻU TAL-ENERĠIJA
1. METODI TA’ KEJL
Għall-fini tal-konformità mar-rekwiżiti u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kejl għandu jitwettaq permezz ta’ proċedura ta’ kejl affidabbli, preċiża u riproduċibbli, li tqis il-metodi ta’ kejl l-aktar reċenti u avvanzati ġeneralment rikonoxxibbli, inkluż il-metodi stipulati f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. METODOLOĠIJA GĦALL-KALKOLU TAL-INDIĊI TAL-EFFIĊJENZA FL-UŻU TAL-ENERĠIJA
Il-metodoloġija li tintuża għall-kalkolu tal-indiċi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (EEI) għaċ-ċirkolaturi hija din:
1. |
Meta ċirkolatur ikollu aktar minn setting wieħed ta’ head (għoli) u ta’ fluss, iċ-ċirkolatur jitkejjel fuq l-ogħla setting. “Head” (H) tfisser l-għoli (f’metri) li ċ-ċirkolatur jiflaħ jitfa’ fil-punt ta’ funzjonament speċifikat. “Fluss” (Q) tfisser il-volum ta’ ilma li jiċċirkola fiċ-ċirkolatur kull unità ta’ ħin (m3/h). |
2. |
Jinstab il-punt fejn Q · H jilħaq l-ogħla valur u l-fluss u l-“head” f'dan il-punt jiġu ddefiniti, bħala:Q100 % u H100 % . |
3. |
Tiġi kkalkolata l-qawwa idrawlika Phyd f’dan il-punt. “Qawwa idrawlika” hija l-prodott aritmetiku tal-valuri tal-fluss (Q), tal-“Head” (H) u ta’ fattur ta’ konverżjoni li jallinja l-unitajiet li jintużaw fil-kalkolu. “Phyd” hija l-qawwa idrawlika li ċ-ċirkolatur jagħti lill-fluwidu ppompjat fil-punt ta’ funzjonament speċifikat (f’watts). |
4. |
Tiġi kkalkolata l-qawwa ta’ referenza permezz ta’ din il-formula: Pref = 1,7 · Phyd + 17 · (1 – e–0,3 · Phyd ), 1 W ≤ Phyd ≤ 2 500 W “Qawwa ta’ referenza” hija r-relazzjoni bejn il-qawwa idrawlika u l-konsum tal-enerġija miċ-ċirkolatur, b’qies għad-dipendenza bejn l-effiċjenza u d-daqs taċ-ċirkolatur. “Pref” hija l-konsum tal-enerġija ta’ referenza (f’watts) taċ-ċirkolatur. |
5. |
Tiġi ddefinita l-kurva tal-kontroll ta’ referenza bħala l-linja dritta li tgħaqqad il-punti: (Q 100 %, H 100 %) and (Q 0 %, ) |
6. |
Jintgħażel setting taċ-ċirkolatur li jiżgura li ċ-ċirkolatur ta’ fuq il-kurva magħżula jilħaq il-punt Q · H = max point. |
7. |
Jitkejlu l-valuri P1 u Hbi flussi: Q100 % , 0,75 · Q100 % , 0,5 · Q100 % , 0,25 · Q100 % . “P1” tfisser il-qawwa ekettrika (f'watts) li ċ-ċirkolatur jikkonsma fil-punt ta’ funzjonament speċifikat. |
8. |
B’dawn il-valuri ta’ flussi, jiġu kkalkolati: , if Hmeas ≤ Href PL = P1,meas, if Hmeas > Hreffejn Href hija l-“head” korrispondenti fuq il-kurva tal-kontroll ta’ referenza għall-flussi differenti. |
9. |
Using PL u ta’ dan il-profil tat-tagħbija:
Tiġi kkalkolata l-medja differenzjata tal-qawwa PL,avg permezz tal-formula: PL,avg = 0,06 · PL,100 % + 0,15 · PL,75 % + 0,35 · PL,50 % + 0,44 · PL,25 % Jiġi kkalkolat l-indiċi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (1) permezz tal-formula: , where C20 % = 0,49 |
(1) CXX % tfisser fattur ta’ skalar li jiżgura li, meta jiġi ddefinit il-fattur tal-iskalar, XX% biss taċ-ċirkolaturi ta’ ċertu tip ikollhom EEI ≤ 0,20.
ANNESS III
PROĊEDURA TA’ VERIFIKA
Għall-fini tal-kontroll tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura ta’ kejl u kalkolu stipulata fl-Anness II.
L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jittestjaw biss ċirkolatur wieħed. Jekk l-indiċi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jkollu valur ogħla b’aktar minn 7% minn dak li jiddikjara l-manifattur, il-kejl għandu jsir fuq tliet ċirkolaturi oħra. Il-mudell għandu jitqies bħala konformi meta l-medja aritmetika tal-valuri mkejla fuq dawn l-aħħar tliet ċirkolaturi ma tkunx ogħla b’aktar minn 7% mill-valuri ddikjarati mill-manifattur.
Jekk dan ma jkunx il-każ, il-mudell jitqies li ma huwiex konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.
Minbarra l-proċedura stipulata f’dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw metodi ta’ kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta’ kejl l-aktar reċenti u avvanzati ġeneralment rikonoxxibbli, inkluż il-metodi stipulati f’dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
ANNESS IV
PUNTI TA' REFERENZA NDIKATTIVI
Fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-punt ta’ riferiment għall-aħjar teknoloġija disponibbli fis-suq taċ-ċirkolaturi huwa EEI ≤ 0,20.