4.7.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 175/7 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 583/2009
tat-3 ta' Lulju 2009
li jintroduċi denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Aceto Balsamico di Modena (IĠP)]
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (1), b’mod partikolari l-Artikolu 7(5), it-tielet u r-raba’ inċiżi,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 6(2), u bi qbil mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006, it-talba tal-Italja għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
(2) |
Il-Ġermanja, il-Greċja u Franza ddikjaraw rwieħhom kontra r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. Dawn l-oġġezzjonijiet tqiesu eliġibbli abbażi tal-Artikolu 7(3), l-ewwel subparagrafu, il-punti a) sa d) tar-Regolament imsemmi. |
(3) |
Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjoni tal-Ġermanja kienet dovuta l-aktar minħabba l-biża’ li r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Aceto Balsamico di Modena” ma tirriflettix il-fatt li hemm prodotti oħra li ilhom fis-suq legalment għal talanqas ħames snin u li nbigħu bid-denominazzjonijiet Balsamessig/Aceto balsamico, kif ukoll skont il-karattru ġeneriku tagħhom marbut ma’ dawn id-denominazzjonijiet. Il-Ġermanja wriet ukoll in-nuqqas ta’ ċarezza f’dak li jirrigwarda l-fażijiet tal-produzzjoni li għandhom isiru fil-post tal-oriġini. |
(4) |
L-oġġezzjoni ta’ Franza tirrigwarda b’mod partikolari l-fatt li l-“Aceto Balsamico di Modena” ma għandhiex reputazzjoni għaliha nnifisha, differenti minn dik tal “Aceto balsamico tradizionale di Modena” li diġà ġiet reġistrata bħala denominazzjoni tal-oriġini protetta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 813/2000 (3). Skont Franza, il-konsumaturi setgħu jitqarrqu fir-rigward tan-natura u l-oriġini ta’ dan il-prodott. |
(5) |
Il-Greċja saħqet fuq l-importanza tal-produzzjoni tal-ħall balsamiku fuq it-territorju tagħha, li jinbiegħ taħt l-ismijiet “balsamico”“jew”“balsamon” u l-impatt żvantaġġuż, li r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” jkollha fuq dawn il-prodotti li ilhom fis-suq legalment għal talanqas ħames snin. Il-Greċja ssostni wkoll li l-ismijiiet “aceto balsamico”, “balsamiku” eċċ huma ġeneriċi. |
(6) |
Il-Kummissjoni, bl-ittri tal-4 ta’ Marzu 2008, stiednet lill-Istati Membri konċernati jilħqu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom. |
(7) |
Peress li l-ebda qbil ma ntlaħaq bejn Franza, il-Ġermanja u l-Greċja u l-Italja fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006. |
(8) |
Il-Kummissjoni talbet għall-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-ismijiet tal-oriġini, l-indikazzjonijiet ġeografiċi u ċ-ċertifikati tal-ispeċifiċità, li ġie stabbilit bid-Deċiżjoni 93/53/KE (4) biex dan jivverifika jekk ġewx sodisfatti l-kundizzonijiet għar-reġistrazzjoni. Fl-opinjoni unanima tiegħu tas-6 ta’ Marzu 2006, il-Kumitat qies li d-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” għandha reputazzjoni indiskutibbli fis-suq nazzjonali, kif ukoll internazzjonali, u li l-bosta riċetti tat-tisjir f’ħafna Stati Membri, il-preżenza mifruxa tagħha fuq l-Internet u fl-istampa jew fil-midja huma xhieda tal-utilizzazzjoni frekwenti tagħha. L-“Aceto Balsamico di Modena” jissodisfa wkoll ir-rekwiżit inerenti ta’ reputazzjoni speċifika għal prodott li jikkorrispondi għal din id-denominazzjoni. Il-Kumitat jinnota l-koeżistenza ta’ dawn il-prodotti fis-swieq għal mijiet ta’ snin. Bl-istess mod il-Kumitat iddeċieda li l-“Aceto Balsamico di Modena” u l-“Aceto balsamico tradizionale di Modena” huma prodotti differenti minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-klijentela li jattiraw, l-użu tagħhom, u l-mod ta’ distribuzzjoni tagħhom kif ukoll il-preżentazzjoni u l-prezz tagħħhom, u b’dan il-mod it-trattament ugwali tal-produtturi konċernati tagħhom huwa żgurat u ma jagħtux lok għal ingann tal-konsumatur. Il-Kummissjoni tikkonferma dawn il-kunsiderazzjonijiet. |
(9) |
Bil-għan li tissaħħaħ id-differenzjazzjoni bejn dawn il-prodotti, ġie ppreċiżat li ddaħħlu termini numeriċi fil-projbizzjoni ġenerali dwar l-użu ta’ termini oħrajn ħlief dawk li huma espressament previsti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tal-“Aceto Balsamico di Modena” saru għadd ta’ emendi żgħar bil-għan li jiġu eliminati l-ambigwitajiet li jista’ jkun hemm. |
(10) |
Jidher li l-Ġermanja u l-Greċja, fl-oġġezzjonijiet tagħhom dwar il-karattru ġeneriku tal-isem propost għar-reġistrazzjoni, ma qisux d-denominazzjoni msemmija kollha kemm hi, jiġifieri l-“Aceto Balsamico di Modena”, iżda biss biss partijiet minnha, jiġifieri t-termini “aceto”,“balsamico” u “aceto balsamico”, jew it-traduzzjonijiet tagħhom. Madankollu, il-protezzjoni hija kkonferita fuq id-denominazzjoni ta’ “Aceto Balsamico di Modena”. It-termini individwali mhux ġeografiċi tad-denominazzjoni komposta, ukoll jekk jintużaw flimkien, kif ukoll it-traduzzjoni tagħhom, jistgħu jiġu utilizzati fit-territorju komunitarju skont il-prinċipji u r-regoli applikabbli tal-liġi Komuniatrja. |
(11) |
Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, id-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” għalhekk għandha tiddaħħal fir-“Reġistru ta’ denominazzjonijiet tal-oriġini protetta u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti”. |
(12) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-indikazzjonijiet ġeografiċi u għad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-denominazzjoni li tinsab fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament hija b’dan irreġistrata.
Artikolu 2
It-tabella konsolidata li fiha l-punti prinċipali tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott tidher fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2009.
Għall-Kummissjoni
Mariann FISCHER BOEL
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.
(2) ĠU C 152, 6.7.2007, p. 18.
(3) ĠU L 100, 20.4.2000, p. 5.
(4) ĠU L 13, 21.1.1993, p. 16.
ANNESS I
Prodotti agrikoli maħsuba għall-konsum mill-bniedem elenkati fl-Anness I tat-Trattat:
Prodotti oħrajn taħt il-Klassi 1.8. tal-Anness I għat-Trattat (ħwawar, eċċ.)
L-ITALJA
Aceto Balsamico di Modena (IĠP)
ANNESS II
SOMMARJU
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini għal prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
“ACETO BALSAMICO DI MODENA”
Nru tal-KE: IT-PGI-0005-0430-18.11.2004
DOP ( ) IĠP (X)
Dan is-sommarju jippreżenta l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott b’finijiet ta’ informazzjoni biss.
1. Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:
Isem |
: |
Ministero delle politiche agricole alimentari e forestali |
Indirizz |
: |
Via XX Settembre, 20 — 00187 Roma |
Tel. |
: |
06-4819968 |
Feks |
: |
06-42013126 |
Posta elettronika |
: |
qualita@politicheagricole.it |
2. Grupp:
Isem |
: |
Consorzio Aceto Balsamico di Modena Soc. Coop. a r.l. — Consorzio Produzione Certificata Aceto Balsamico Modenese — Comitato Produttori Indipendenti Aceto Balsamico di Modena |
Indirizz |
: |
c/o C.C.I.A.A. Via Ganaceto, 134 — 41100 Modena |
Tel. |
: |
059/3163514 |
Feks |
: |
059/3163526 |
Posta elettronika |
: |
info@consorziobalsamico.it |
Kompożizzjoni |
: |
produtturi/proċessuri (X) oħrajn ( ) |
3. Tip ta’ prodott:
Klassi 1.8. — Prodotti oħra fl-Anness I tat-Trattat – Ħall
4. Speċifikazzjonijiet
(sinteżi tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
4.1. Isem
“Aceto Balsamico di Modena”
4.2. Deskrizzjoni
— |
għall-prodott raffinat densità ta’ 20 °C mhux anqas minn 1.06; |
— |
forza attwali ta’ alkoħol mhux aktar minn volum ta’ 1.5 % |
— |
aċidità totali minima ta’ 6 % |
— |
total ta’ diossidu tal-kubrit: massimu ta’ 100 mg/l; |
— |
irmied: mhux anqas minn 2.5 għal kull elf; |
— |
minimu ta’ estratt niexef nett: 30 g kull litru; |
— |
zokkriet ta’ riduzzjoni: minimu ta’ 110 g/l. |
— |
ċarezza: ċar u jleqq; |
— |
lewn: kannella skur; |
— |
riħa: persistenti, delikat u kemmxejn aċiduż, b’noti sottili tal-injam; |
— |
togħma: ħelu morr, ibbilanċjat. |
4.3. Żona ġeografika:
Il-produzzjoni tal-“Aceto Balsamico di Modena” għandha ssir fit-territorju amministrattiv tal-provinċji ta’ Modena u ta’ Reggio Emilia.
4.4. Prova tal-oriġini:
Kull fażi tal-proċess ta’ produzzjoni għandha tkun ikkontrollata mill-organu ta’ spezzjoni, skont il-pjan ta’ monitoraġġ, billi jiġu ddokumentati, għall kull fażi, il-prodotti li jidħlu u dawk li joħorġu. Dan, flimkien mal-kompilazzjoni ta’ listi speċifiċi, ġestiti mill-organu ta’ spezzjoni l-artijiet katastali li fihom isir it-tkabbir tad-dwieli u fejn jinsabu dawk li jkabbruhom, il-produtturi tal-most, dawk li jipproċessawhom u dawk li jimlew il-fliexken, u n-notifika fil-ħin lill-organu ta’ spezzjoni tal-kwantitajiet prodotti, ippakkjati u ttikkettati tiżgura t-traċċabilità tal-prodott. Il-persuni kollha, fiżiċi jew ġuridiċi, imniżżla fil-listi relatati, huma suġġetti għall-kontroll minn dan l-organu ta’ spezzjoni, skont kif previst mill-ispeċifikazzjoni tal-produzzjoni u tal-pjan ta’ kontroll relatat.
4.5. Metodu ta’ produzzjoni:
L-“Aceto Balsamico di Modena” isir mill-most tal-għeneb, parzjalment iffermentat u/jew imsajjar u/jew konċentrat miżjud bi kwantità ta’ ħall li jitħalla jiffermenta għal mill-inqas għaxar snin u miżjud ukoll b’mill-inqas 10 % ta’ ħall prodott mill-aċidifikazzjoni ta’ inbid biss. Il-perċentwal tal-most tal-inbid, misjur u/jew konċentrat m’għandux ikun ta’ inqas minn 20 % tal-volum li jintbagħat għall-ipproċessar. Il-konċentrazzjoni tiżdied sakemm l-ammont inizjali ta’ most ikun kiseb densità ta’ mhux anqas minn 1 240 f’temperatura ta’ 20 °C.
Sabiex ikun assigurat li l-“Aceto Balsamico di Modena” jakkwista l-karatteristiċi previsti fil-punt 4.2 jeħtieġ li l-most jinkiseb mill-varjetajiet ta’ dwieli li ġejjin: Lambruschi, Sangiovese, Trebbiani, Albana, Ancellotta, Fortana, Montuni, u għandhom dawn il-karatteristiċi li ġejjin:
— |
aċidità minima totali: 8 g kull kg (esklussivament għall-most misjur u konċentrat) |
— |
minimu ta’ estratt niexef nett: 55 g kull kg (esklussivament għall-most misjur u konċentrat). |
Tista’ tinżdied il-karamella sa mhux iktar minn 2 % tal-volum tal-prodott lest għall-istabbilità tal-kulur. Ma jistgħux jiżdiedu sustanzi oħra. Il-produzzjoni tal-“Aceto Balsamico di Modena” għandha ssegwi l-metodu ta’ aċidifikazzjoni tas-soltu bl-użu ta’ kolonji ta’ batterji magħżula, jew billi jiġi użat metodu konsolidat ta’ aċidifikazzjoni bil-mod fil-wiċċ jew permezz ta’ qxur ta’ injam, u segwita bl-irfinar. F’kwalunkwe każ, l-aċidifikazzjoni u l-irfinar isiru f’reċipjenti ta’ injam ta’ kwalità għolja, bħad-durmast, il-qastan, il-ballut, iċ-ċawsli jew il-ġniebru, f’perjodu ta’ mhux iktar minn 60 jum mid-data minn meta jintemm l-assemblaġġ tal-materji primi lesti għall-preparazzjoni. Ir-reċipjenti li fihom l-“Aceto Balsamico di Modena” jinbiegħ għall-konsum dirett għandu jkun magħmul mill-ħġieġ, l-injam, iċ-ċeramika jew it-terrakotta, fil-kapaċitajiet li ġejjin: 0 250 l; 0 500 l; 0 750 l; 1 l; 2 l; 3 l jew 5 l; jew f’boroż tal-plastik għal doża waħda jew materjali komposti, li jesgħu massimu ta’ 25 ml, li fuqhom hemm l-istess kliem li hemm fuq it-tikketti tal-fliexken. Ir-reċipjenti tal-ħġieġ, tal-injam, taċ-ċeramika jew tat-tafal mill-forn li jkollhom kapaċità minima ta’ 5 litri, jew r-reċipjenti tal-plastik li jesgħu kapaċità minima ta’ 2 litri fi kwalunkwe kas jiġu awtorizzati jekk il-prodott ikun destinat għall-użu professjonali. Il-fażijiet li għandhom jitwettqu obbligatorjament fiż-żoni ġeografiċi tal-oriġini huma l-assemblaġġ tal-materji primi, l-ipproċessar, l-irfinar u/jew il-fermentazzjoni fir-reċipjenti tal-injam. Il-prodott jista’ jiġi ppakkjat barra mil-limiti taż-żona stipulata fil-punt 4.3.
4.6. Rabta:
Ir-reputazzjoni li għandu l-“Aceto Balsamico di Modena” kemm fis-suq nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali hija magħrufa u murija sew, bl-użu ta’ spiss tiegħu f’diversi riċetti u mill-preżenza tiegħu fuq l-Internet, fl-istampa u fil-midja Din ir-reputazzjoni tgħin lill-konsumatur jagħraf mill-ewwel il-karattru uniku u l-awtentiċità tal-prodott konċernat.
L-“Aceto Balsamico di Modena” ilu għal ħafna żmien jirrappreżenta l-kultura u l-istorja ta’ Modena u wieħed ma jistgħax jiċħad ir-reputazzjoni li jgawdi. L-eżistenza tiegħu hija strettament marbuta mal-għarfien, it-tradizzjonijiet u l-kompetenzi tan-nies tal-lokal li ħolqu prodott esklussiv u distintiv f’dawk it-territorji. L-“Aceto Balsamico di Modena” sar parti min-nisġa soċjali u ekonomika ta’ dan it-territorju u sar is-sors ta’ dħul ta’ diversi operaturi u parti integrali anki fit-tradizzjoni tal-ikel, minħabba r-rwol ewlieni li għandu f’diversi riċetti tar-reġjun. Ilhom isiru festi u avvenimenti speċifiċi għal bosta snin, li ġejjin minn tradizzjonijiet stabbiliti biż-żmien, li fihom jipparteċipaw diversi produtturi lokali biex jieħdu l-opportunità biex iqabblu l-prodotti tagħhom, u b’hekk iġeddu d-drawwiet lokali. Billi huwa prodott speċifiku u partikolari, l-“Aceto Balsamico di Modena” biż-żmien kiseb reputazzjoni u apprezzament mad-dinja kollha, u l-konsumaturi jagħmlu konnessjoni ideali bejn l-“esperjenza” tal-prodott u d-dehra tal-kwalità gastronomika taż-żewġ provinċji tal-Emilia-Romagna.
4.7. Struttura tal-kontroll:
Isem |
: |
CSQA Certificazioni srl |
Indirizz |
: |
Via S. Gaetano, 74 – 36016 Thiene (VI) |
Tel. |
: |
0039 0445 313011 |
Feks |
: |
0039 0445 313070 |
Posta elettronika |
: |
csqa@csqa.it |
4.8. Tikkettar:
Fuq il-pakketti tagħha, id-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” għandu jkollha magħha l-kliem “Indicazione Geografica Protetta” (Indikazzjoni Ġeografika Protetta) miktuba bis-sħiħ jew fil-forma mqassra, fil-lingwa Taljana jew fil-lingwa tal-pajjiż tad-destinazzjoni. Mhux permezz żieda mad-denominazzjoni “Aceto Balsamico di Modena” kwalunkwe terminu kwalifikattiv, ukoll f’forma numerika, għajr għal dawk previsti espressament fl-ispeċifikazzjoni inklużi l-aġġettivi “extra”, “fine”, “scelto”, “selezionato”, “riserva”, “superiore”, “classico” jew xi ħaġa simili. Titħalla biss il-kelma “invecchiato” (immaturat) mingħajr l-ebda kelma miżjuda sakemm il-perjodu ta’ fermentazzjoni jittawwal għal perjodu ta’ mhux inqas minn 3 snin fil-btieti, bramel jew xi reċipjenti oħra magħmula mill-injam.