29.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/12


REGOLAMENT (KE) 544/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 717/2007 dwar roaming fuq networks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u d-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 (3) impona, f’każijiet eċċezzjonali u temporanji, limiti fuq it-tariffi li jistgħu jintalbu minn operaturi tal-mobile, fuq livelli tal-ingrossa u tal-imnut, għal forniment ta’ servizzi roaming internazzjonali għal sejħiet tal-vuċi li joriġinaw u jitterminaw fi ħdan il-Komunità. Dak ir-Regolament stabbilixxa wkoll regoli mmirati sabiex tiżdied it-trasparenza tal-prezzijiet u tittejjeb l-għotja ta’ informazzjoni dwar it-tariffi lill-utenti ta’ servizzi roaming madwar il-Komunità.

(2)

Il-Kummissjoni għamlet analiżi skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 717/2007, fejn intalbet tevalwa jekk l-għanijiet tar-Regolament kienux intlaħqu, tanalizza l-iżviluppi fit-tariffi bl-ingrossa u bl-imnut għall-forniment lil klijenti roaming ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet bil-vuċi u d-data, inklużi l-SMS u l-MMS, u jekk ikun xieraq, tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar il-ħtieġa tar-regolamentazzjoni ta’ dawk is-servizzi. Fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fil-Komunikazzjoni tagħha tat-23 ta’ Settembru 2008 dwar ir-riżultat tar-reviżjoni dwar it-tħaddim tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2007 dwar roaming fuq networks pubbliċi tat-telefonija mobbli fi ħdan il-Komunità u li jemenda d-Direttiva 2002/21/KE, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien xieraq li l-validità tar-Regolament jiġi estiż aktar mit-30 ta’ Ġunju 2010.

(3)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet illi l-għan tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 għandu jiġi estiż biex ikopri l-forniment fi ħdan il-Komunità tas-servizzi roaming tal-SMS u d-data. Il-karatteristiċi speċjali esibiti mis-swieq roaming internazzjonali, li ġġustifikaw l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 u l-impożizzjoni ta’ obbligi fuq operaturi tal-mobile fir-rigward tal-forniment madwar il-Komunità ta’ sejħiet roaming tal-vuċi, japplikaw ugwalment għall-forniment tas-servizzi roaming tal-SMS u d-data madwar il-Komunità. Bħas-servizzi roaming tal-vuċi, is-servizzi roaming tal-SMS u d-data ma jinxtrawx indipendentement fil-livell nazzjonali iżda jikkostitwixxu parti biss minn pakket usa’ li jixtru l-klijenti bl-imnut mill-fornitur ta’ pajjiżhom, allura b’hekk jillimitaw il-forzi kompetittivi involuti. Hekk ukoll, minħabba n-natura transkonfinali tas-servizzi kkonċernati, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li huma responsabbli għas-salvagwardja u l-promozzjoni tal-interessi tal-klijenti mobbli residenti fit-territorju tagħhom ma jistgħux jikkontrollaw l-imġieba tal-operaturi tan-network miżjura, li tinstab fi Stati Membri oħra.

(4)

Għandu jkun aktar faċli biex il-problemi strutturali relatati mas-servizzi roaming jissolvew f’suq uniku ġenwin għas-servizzi ta’ komunikazzjoni bil-mobile, li għadu mhux implimentat kompletament fil-preżent, imma li għandu jkun l-għan aħħari ta’ kull qafas regolatorju.

(5)

Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, waqt li jaġixxu fi ħdan il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għan-Networks u Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ERG), stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/627/KE (4), fit-tweġiba tiegħu għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-analiżi tar-Regolament (KE) Nru 717/2007, għal darb’ oħra talbu lill-Kummissjoni biex taġixxi fuq livell Komunitarju, kemm fir-rigward tal-estensjoni tar-Regolament u kif ukoll fir-rigward tar-regolamentazzjoni tas-servizzi roaming tal-SMS u d-data.

(6)

Data dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet għal servizzi roaming tal-vuċi madwar il-Komunità minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 717/2007, inkluż b’mod partikolari dawk miġbura mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u rrapurtati kull tliet xhur permezz tal-ERG, ma tipprovdix biżżejjed provi li jissuġġerixxu li l-kompetizzjoni fil-livelli bl-ingrossa u bl-imnut se tkun aktarx sostenibbli minn Ġunju 2010 ‘l quddiem fin-nuqqas ta’ miżuri regolatorji. Din id-data tindika li prezzijiet bl-imnut u bl-ingrossa jaqgħu kollha fil-limiti stipulati bir-Regolament (KE) Nru 717/2007, jew qribhom, b’kompetizzjoni limitata biss taħt dawk il-limiti.

(7)

L-iskadenza f’Ġunju 2010 tas-salvagwardji regolatorji li japplikaw għal servizz roaming tal-vuċi madwar il-Komunità fil-livelli tal-ingrossa u tal-imnut permezz tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 għandha għalhekk twassal għal riskju sinifikanti li n-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva involuta fis-suq tar-roaming tal-vuċi u l-inċentiv għall-operaturi tal-mobile biex jiksbu l-massimu tad-dħul tar-roaming tagħhom jistgħu jwasslu biex il-prezzijiet bl-imnut u bl-ingrossa għal roaming madwar il-Komunità jerġgħu lura għal dawk li ma jikkostitwixxux riflessjoni raġonevoli tal-ispejjeż involuti fil-forniment tas-servizz, u b’hekk jheddu l-kisba tal-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 717/2007. Ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 għandu għalhekk jiġi estiż ‘il hemm mit-30 ta’ Ġunju 2010 għal perjodu ta’ sentejn sabiex il-funzjonament tajjeb tas-suq intern ikun żgurat billi jiggarantixxi li l-konsumaturi jibqgħu jibbenefikaw mill-assigurazzjoni li mhux se jħallsu prezz eċċessiv meta mqabbel ma’ prezzijiet nazzjonali kompetittivi meta jagħmlu jew jirċievu sejħa roaming regolata filwaqt li fl-istess ħin iħalli żmien biżżejjed biex il-kompetizzjoni tiżviluppa.

(8)

L-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament m’għandhomx joħolqu tgħawwiġ fil-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fost operaturi tal-mobiles fi ħdan il-Komunità u m’għandhomx jintroduċu xi tip ta’ vantaġġ kompetittiv, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ daqs, tip ta’ traffiku tar-roaming jew tas-suq domestiku tal-fornitur tas-servizzi roaming.

(9)

Il-livelli tat-tariffi medji bl-ingrossa massimi għal sejħiet roaming regolati stipulati bir-Regolament (KE) Nru 717/2007 għandhom ikomplu jonqsu matul iż-żmien li bih ser jiġi estiż ir-Regolament biex jirriflettu l-ispejjeż li qed jonqsu, inkluż tnaqqis fir-rati ta’ terminazzjoni tas-sejħiet bil-mobile regolati fl-Istati Membri, sabiex ikun żgurat li s-suq intern jiffunzjona tajjeb filwaqt li fl-istess ħin jibqgħu jilħqu l-għanijiet doppji ta’ tnaqqis ta’ prezzijiet eċċessivi u li jħallu l-operaturi liberi li jikkompetu u jagħmlu innovazzjonijiet.

(10)

Sabiex titqanqal u tissaħħaħ il-kompetizzjoni sostenibbli fis-servizzi roaming varji, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimmonitoraw jekk hemmx diskriminazzjoni bejn fornituri kbar u iżgħar, b’mod partikulari, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ikkalkular tal-prezzijiet bl-ingrossa.

(11)

Id-data fl-2009 stabbilita għat-tnaqqis fil-limiti tal-prezzijiet massimi għal sejħiet roaming regolati fil-livelli tal-ingrossa, kif ukoll tal-imnut fl-2009, għandha titressaq ‘il quddiem mit-30 ta’ Awwissu għall-1 ta’ Lulju, sabiex tiżgura konsistenza mal-introduzzjoni tal-obbligi rigward prezzijiet ta’ messaġġi SMS regolati pprovduti minn dan ir-Regolament. B’dan il-mod, l-utenti kemm tas-servizzi roaming tal-vuċi u dawk tal-SMS jkunu jistgħu jibbenefikaw minn tariffi ġodda matul il-perjodu li l-aktar li jkun hemm domanda għal dawk is-servizzi.

(12)

Meta l-limiti tat-tariffi ma jkunux denominati f’Euros, il-limiti tat-tariffi applikabbli għal-limiti inizjali u l-valuri riveduti tal-limiti għandhom jiġi stabbiliti skont il-munita relevanti billi jiġu applikati r-rati ta’ skambju ta’ referenza ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-dati speċifikati f’dan ir-Regolament. Meta ma jkun hemm l-ebda pubblikazzjoni fid-data speċifikata, ir-rati ta’ skambju ta’ referenza applikabbli għandhom ikunu dawk ippubblikati fl-ewwel Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara dik id-data li jkun jinkludi dan it-tip ta’ rati ta’ skambju ta’ referenza.

(13)

Billi l-konformità mal-limitu tat-tariffa bl-ingrossa stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 717/2007 titkejjel b’referenza għall-prezz medju bl-ingrossa li jkun hemm bejn kwalunkwe żewġ operaturi matul perjodu ta’ 12-il xahar, huwa xieraq li jiġi ċċarat illi l-perjodu jista’ jkun iqsar, pereżempju meta d-data ta’ tnaqqis skedat fil-livell tat-tariffa medja bl-ingrossa massima tkun qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ 12-il xahar.

(14)

Il-prattika minn xi operaturi tan-network mobbli li jitħallsu għall-forniment ta’ sejħiet roaming bl-ingrossa abbażi ta’ perjodi minimi ta’ ħlas sa 60 sekonda, kif oppost għal bażi ta’ kull sekonda li normalment tapplika għal tariffi bl-ingrossa ta’ interkonnessjoni oħrajn, toħloq tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bejn dawn l-operaturi and dawk li japplikaw metodi ta’ ħlas differenti u tnaqqas mill-applikazzjoni konsistenti tal-limiti ta’ prezzijiet bl-ingrossa introdotti mir-Regolament (KE) Nru 717/2007. Barra minn hekk tirrapreżenta tariffa addizzjonali li, billi żżid l-ispejjeż bl-ingrossa, għandha konsegwenzi negattivi fuq l-ipprezzar tas-servizzi roaming tal-vuċi fil-livell tal-imnut. L-operaturi tal-mobile għandhom għalhekk jintalbu jitħallsu għall-forniment bl-ingrossa ta’ sejħiet roaming regolati abbażi ta’ kull sekonda.

(15)

Il-livelli massimi tal-Eurotariffa (kemm għal sejħiet li jsiru u dawk riċevuti) għandhom ikomplu jonqsu kull sena matul il-perjodu estiż ta’ validità tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 b’mod konsistenti mat-tnaqqisiet meħtieġa matul il-perjodu inizjali tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, biex jirriflettu t-tkomplija ta’ tnaqqis fi prezzijiet mobbli domestiċi b’mod ġenerali, kif ukoll it-tkomplija tat-tnaqqisiet fl-ispejjeż involuti fil-forniment ta’ sejħiet roaming regolati. B’dan il-mod, tinżamm il-kontinwità tal-effetti ta’ dak ir-Regolament.

(16)

Il-marġini miżjuda bejn tariffi bl-ingrossa u bl-imnut massimi provduti b’dan ir-Regolament għandhom jippermettu aktar skop għal operaturi biex jikkompetu fuq prezz fil-livell tal-imnut, u b’hekk ikun hemm l-akbar probabbiltà li jinħoloq suq kompetittiv kif suppost.

(17)

Ċerti operaturi jiffaċċjaw spejjeż bl-ingross ogħla minn oħrajn minħabba ċirkostanzi ġeografiċi jew oħrajn, bħal topografija diffiċli, reġjuni b’densità tal-popolazzjoni baxxa u influssi kbar ta’ turisti f’perjodi qosra ta’ żmien.

(18)

L-ERG stima li l-prattika ta’ operaturi tal-mobile li jużaw intervalli ta’ ħlas ta’ aktar minn sekonda waħda, meta jitolbu l-ħlas għal servizzi roaming fil-livell tal-imnut, żied 24 % ma’ kont Eurotariffa tipiku għal sejħiet li saru u 19 % għal sejħiet riċevuti. Stqarru wkoll li dawn iż-żidiet jirrapreżentaw forma ta’ tariffa moħbija billi mhumiex trasparenti għal bosta konsumaturi. Għal din ir-raġuni, l-ERG irrakkomanda azzjoni urġenti li tindirizza l-prattiki ta’ ħlas differenti fil-livell tal-imnut li japplikaw għall-Eurotariffa.

(19)

Filwaqt li r-Regolament (KE) Nru 717/2007 stabbilixxa approċċ komuni biex jiżgura li klijenti roaming ma jintalbux iħallsu prezzijiet eċċessivi għal sejħiet roaming regolati billi introduċa Eurotariffa fil-Komunità, il-prattiki differenti ta’ ħlas skont l-unità li l-operaturi tal-mobile jużaw inaqqsu serjament l-applikazzjoni konsistenti tiegħu. Dan ifisser ukoll li minkejja n-natura transkonfinali madwar il-Komunità ta’ servizzi roaming fil-Komunità, hemm approċċi differenti applikabbli għat-tariffi ta’ sejħiet roaming regolati li jgħawġu l-kondizzjonijiet kompetittivi fis-suq uniku.

(20)

Għalhekk għandu jiġi introdott sett ta’ regoli komuni dwar il-ħlas Eurotariffa għal kull unità fil-livell tal-imnut sabiex ikompli jsaħħaħ is-suq uniku u jipprovdi livell komuni ta’ protezzjoni mal-Komunità kollha lil konsumaturi tas-servizzi roaming fil-Komunità kollha.

(21)

Il-fornituri ta’ sejħiet roaming regolati fil-livell tal-imnut għandhom għalhekk jiġu mitluba jitolbu ħlas abbażi ta’ kull sekonda lill-klijenti tagħhom għas-sejħiet kollha, suġġett għal Eurotariffa, suġġetta biss għall-possibbiltà li japplika perjodu minimu inizjali ta’ ħlas ta’ mhux aktar minn 30 sekonda għal sejħiet li jsiru. Dan għandu jippermetti lill-operaturi li jkopru kwalunkwe spiża raġonevoli ta’ tqabbid u jipprovdi flessibbiltà għal kompetizzjoni billi joffri perjodi minimi ta’ ħlas iqsar. Madankollu, ebda perjodu minimu inizjali ta’ ħlas mhu ġustifikat fil-każ ta’ sejħiet riċevuti b’Eurotariffa, billi l-ispiża bl-ingrossa involuta titħallas abbażi ta’ kull sekonda u kwalunkwe spiża speċifika tat-tqabbid tkun diġà koperta mir-rati ta’ terminazzjoni tas-sejħiet bil-mobile.

(22)

Il-klijenti m’għandhomx ikollhom iħallsu biex jirċievu messaġġi ta’ voice mail fuq network li jkunu qed iżuru, peress li ma jistgħu jikkontrollaw it-tul ta’ messaġġi ta’ dan it-tip. Dan għandu jkun bla ħsara għat-tariffi l-oħra applikabbli għall-voice mail, pereżempju, tariffi biex messaġġi ta’ dan it-tip jinstemgħu.

(23)

Fir-rigward tas-servizzi roaming tal-SMS, id-data tas-suq miġbura mill-ERG u l-Kummissjoni minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 wriet li għad hemm sitwazzjoni fil-Komunità fejn it-tariffi bl-ingrossa għal dawn is-servizzi baqgħu pjuttost stabbli u mgħandhomx relazzjoni valida mal-ispejjeż involuti. Bħal fil-każ tas-servizzi roaming tal-vuċi, jidher li mhemmx pressjoni kompetittiva biżżejjed fuq l-operaturi biex inaqqsu l-prezzijiet bl-ingrossa. Il-prezzijiet bl-imnut għal servizzi roaming tal-SMS ukoll baqgħu pjuttost stabbli, suġġett għal marġini għoljin u prezzijiet sinifikattivament ogħla minn servizzi domestici tal-SMS ekwivalenti bla ebda ġustifikazzjoni ċara.

(24)

Kif fil-każ tas-sejħiet roaming tal-vuċi, hemm riskju sinifikanti li obbligi imposti fuq prezzijiet bl-ingrossa biss ma għandhomx iwasslu awtomatikament għal rati aktar baxxi għal klijenti bl-imnut. Min-naħa l-oħra, l-azzjoni sabiex jitnaqqas il-livell tal-prezzijiet bl-imnut mingħajr ma jiġi indirizzat il-livell tal-ispejjeż bl-ingrossa marbuta mal-għoti ta’ dawn is-servizzi tista’ tippreġudika l-pożizzjoni ta’ xi operaturi, b’mod partikolari operaturi iżgħar, billi jiżdied ir-riskju ta’ għafsa fil-prezzijiet.

(25)

Barra minn hekk, minħabba l-istruttura partikolari tas-suq tar-roaming u n-natura transkonfinali tiegħu il-qafas regolatorju tal-2002 ma pprovdiex l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali b’għodod adattati biex jindirizzaw effettivament il-problemi kompetittivi involuti fil-livell għoli ta’ prezzijiet bl-ingrossa u bl-imnut ta’ servizzi roaming tal-SMS regolati. Dan jonqos milli jiżgura li s-suq intern jiffunzjona tajjeb u għandu jitranġa.

(26)

L-ERG stqarr ukoll fit-tweġiba tiegħu għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tal-operat tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 li kien jikkunsidra r-regolamentazzjoni tal-SMS roaming bħala bżonn, kemm fil-livell tal-ingrossa u dak tal-imnut, sabiex il-prezzijiet jiġu pari passu mal-ispejjeż u l-prezzijiet domestiċi. Kien tal-fehma li arranġamenti analogi ma’ dawk tar-roaming tal-vuċi għandhom ikunu adattati. B’mod aktar speċifiku, l-ERG irrakkomanda l-introduzzjoni ta’ livell massimu fir-rata medja bl-ingrossa li jitlob kwalunkwe operatur lil kwalunkwe operatur ieħor għall-SMS roaming, u l-emenda tal-obbligu Eurotariffa biex jinkludi offerta ta’ SMS roaming b’rata mhux ogħla mill-ogħla limitu massimu speċifikat.

(27)

Għalhekk għandhom jiġu imposti obbligi regolatorji rigward servizzi roaming tal-SMS regolati fil-livell tal-ingrossa, sabiex tiġi stabbilita relazzjoni aktar raġonevoli bejn it-tariffi bl-ingrossa u l-ispejjeż tal-forniment involuti, u fil-livell tal-imnut biex jitħarsu l-interessi tal-klijenti roaming.

(28)

Dawn l-obbligi regolatorji għandhom jidħlu fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li jipprovdu lill-operaturi kkonċernati b’perjodu raġonevoli sabiex jadattaw il-prezzijiet u l-offerti ta’ servizz tagħhom sabiex jiżguraw il-konformità.

(29)

L-approċċ aktar effettiv u proporzjonat biex jiġi rregolat il-livell ta’ prezzijiet għal messaġġi SMS roaming regolati fil-livell bl-ingrossa huwa t-twaqqif ta’ tariffa medja massima fuq livell Komunitarju għal kull SMS mibgħut minn network miżjur. It-tariffa medja bl-ingrossa ghandha tapplika bejn kwalunkwe żewġ operaturi tal-mobile fi ħdan il-Komunita matul perjodu speċifikat.

(30)

Il-limitu tal-prezz bl-ingrossa għal SMS roaming regolat għandu jinkludi l-ispejjez kollha mġarrba mill-fornitur tas-servizz bl-ingrossa, inkluż interalia l-l-oriġini, it-transitu u l-ispiża mhux irkuprata ta’ terminazzjoni ta’ messaġġi SMS roaming fuq in-network miżjur. Fornituri bl-ingrossa ta’ servizzi ta’ SMS roaming regolati għandhom għalhekk jiġu projbiti li jintroduċu ħlas separat għat-terminazzjoni ta’ messaġġi SMS roaming fuq in-network tagħhom, sabiex jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli stabbiliti minn dan ir-Regolament.

(31)

L-approċċ l-aktar effettiv u proporzjonat biex jiġi rregolat il-livell tal-prezzijiet ta’ messaġġi SMS roaming madwar il-Komunità fil-livell tal-imnut huwa l-introduzzjoni ta’ rekwiżit għal operaturi tal-mobile li joffru lil klijenti roaming tagħhom tariffa Euro-SMS li ma taqbiżx limitu massimu ta’ prezz speċifikat. It-tariffa Euro-SMS għandha tiġi stipulata f’livell li jiggarantixxi marġini suffiċjenti lil operaturi filwaqt li tirrifletti b’mod aktar raġonevoli l-ispejjeż bl-imnut involuti.

(32)

Dan l-approċċ regolatorju għandu jiżgura li t-tariffi bl-imnut għal messaggi SMS roaming regolati jipprovdu riflessjoni aktar preċiża tal-ispejjeż involuti fl-għoti tas-servizz milli kien il-każ qabel. Tariffa Euro-SMS massima li tista’ tiġi offruta lill-klijenti roaming għandha għalhekk tirrifletti marġini raġonevoli fuq l-ispejjeż tal-għoti tas-servizz roaming tal-SMS regolat, filwaqt li l-operaturi jkollhom il-liberta li jikkompetu billi jvarjaw l-offerti tagħhom u jadattaw l-istrutturi tal-prezzijiet tagħhom għall-kondizzjonijiet tas-suq u għall-preferenzi tal-konsumaturi. Dan l-approċċ regolatorju m’għandux japplika għal servizzi tal-SMS b’valur miżjud.

(33)

Klijenti roaming ma għandhomx jintalbu jħallsu kwalunkwe tariffa addizzjonali meta jirċievu messaġġ SMS roaming regolat jew voice-Mail waqt li jkunu roaming fuq network miżjur, billi dawn l-ispejjeż ta’ terminazzjoni huma diġà inklużi fit-tariffa bl-imnut li titħallas biex jintbagħat messaġġ SMS jew voice-Mail roaming.

(34)

Tariffa Euro-SMS għandha tapplika awtomatikament għal kwalunkwe klijent roaming, ġdid jew eżistenti, li deliberatament ma għażilx jew ma jagħżilx deliberatament tariffa speċjali ta’ SMS roaming jew pakkett għal servizzi roaming inkluż servizzi roaming tal-SMS regolati.

(35)

Sabiex ikunu żgurati konnessjoni minn tarf sa tarf u interoperabbiltà għal klijenti roaming tas-servizzi tal-SMS roaming regolati, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jintervjenu b’mod f’waqtu meta operatur ta’ network mobbli terrestri stabbilit fi Stat Membru wieħed jilmenta lill-awtorità regolatorja nazzjonali tiegħu li l-abbonati tiegħu ma jistgħux jibagħtu jew jirċievu messaġġi SMS tar-roaming regolat lil jew minn abbonati ta’ network mobbli terrestri li jinsab fi Stat Membru ieħor minħabba li ż-żewġ operaturi konċernati ma waslux għal ftehim bejniethom. Tali intervent għandu jkun skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (5) u fuq bażi kordinat, u skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 717/2007u l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2002/21/KE (6).

(36)

Messaġġ SMS huwa messaġġ b’test ta’ Servizz ta’ Messaġġ Qasir mobileu huwa distintament differenti minn messaġġi oħra bħal messaggi MMS jew e-Mails. Sabiex ikun żgurat li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament jintlaħqu u li l-effettività tiegħu ma tinqeridx, għandu jkun projbit kwalunkwe tibdil fil-parametri tekniċi ta’ messaġġ SMS roaming li għandu jagħmlu differenti minn messaġġ SMS domestiku.

(37)

Data miġbura minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali tindika li tariffi medji bl-ingrossa għal servizzi roaming tad-data li jintalbu minn operaturi ta’ networks miżjura minn fornituri tal-pajjiżi tal-oriġini tal-klijenti roaming jidhru li qabdu xejra ta’ niżla, għalkemm għadhom jippersistu prezzijiet għoljin għal servizzi roaming tad-data bl-ingrossa.

(38)

Għad hemm tħassib dwar il-livell għoli tal-prezzijiet bl-imnut għal servizzi roaming tad-data u dan jindika li għad ma hemmx kompetizzjoni biżżejjed f’dawn is-servizzi. Madankollu, kontra li jiġri fis-servizzi roaming tal-vuċi u tal-SMS, jeżisti xkiel fil-kompetizzjoni fil-livell tal-imnut, billi l-klijenti roaming għandhom mezz alternattiv ta’ aċċess għal servizzi tad-data meta jsiefru, bħal aċċess wireless pubbliku għall-Internet, mingħjar xkiel assoċjat ma’ numerar. Għalhekk ikun bikri wisq li f’dan l-istadju l-prezzijiet jiġu regolati fil-livell tal-imnut. Barra minn hekk, kwalunkwe konnessjoni ta’ network roaming għandha tiġi stabbilita bil-kunsens tal-utent. B’dan il-mod, m’għandux ikun hemm tniżżil ta’ data roaming, inkluż għall-aġġornar ta’ softwer jew it-tniżżil ta’ e-Mails, mingħajr il-kunsens jew it-talba minn qabel tal-utent, sakemm l-utent ma jkunx indika li ma jixtieqx igawdi minn protezzjoni ta’ dan it-tip.

(39)

Il-fornituri domestiċi m’għandhomx jitolbu ħlas mill-klijent roaming għal kwalunkwe servizz ta’ data roaming regolat, sakemm u sa meta il-klijent roaming ma jaċċettax il-forniment tas-servizz.

(40)

Madankollu, għandhom jiġu introdotti miżuri biex itejbu t-trasparenza ta’ prezzijiet bl-imnut għal servizzi roaming tad-data, b’mod partikolari biex jeliminaw il-fenomenu ta’ “kont li jaħsdek” li huwa ostaklu għal funzjonament tajjeb tas-suq intern u biex jipprovdu l-klijenti roaming bl-għodod li jeħtieġu għal monitoraġġ u kontroll tan-nefqa tagħhom fuq servizzi roaming tad-data. Bl-istess mod, m’għandu jkun hemm l-ebda xkiel biex jinħarġu applikazzjonijiet jew teknoloġiji li jistgħu jkunu sostitut jew alternattiva għas-servizzi roaming, bħall-WiFi, Protokoll Voice over Internet (il-VoIP) u s-servizzi ta’ Instant Messaging. Il-konsumatur għandu jiġi pprovdut b’din l-informazzjoni, biex permezz tagħha jkun jista’ jagħmel għażla informata.

(41)

B’mod partikolari, operaturi tal-mobile għandhom jipprovdu lill-klijenti roaming tagħhom b’informazzjoni personalizzata dwar it-tariffi applikabbli għal dawk il-klijenti għal servizzi roaming tad-data kull darba li jibdew servizz roaming tad-data hekk kif jaslu fi Stat Membru ieħor. Din l-informazzjoni għandha tinbagħat lit-telefown mobbli tagħhom jew apparat mobbli ieħor b’mod l-aktar adattat biex jirċevuh u jifhmuh malajr.

(42)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-fehim tal-klijenti tal-konsegwenzi finanzjarji tal-użu ta’ servizzi ta’ data roaming regolati u sabiex ikunu jistgħu jimmonitoraw u jikkontrollaw l-infiq tagħhom, il-fornitur domestiku għandu jagħti eżempji għall-applikazzjonijiet ta’ data roaming, bħall-e-Mail, stampi u ibbrawżjar fuq l-Internet, billi jindika d-daqs approssimattiv tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tad-data.

(43)

Barra minn hekk, biex jiġu evitati kontijiet li jaħsdu, l-operaturi tal-mobile għandhom jiddefinixxu limitu finanzjarju u/jew tal-volum massimu jew aktar għat-tariffi mhux imħallsa tagħhom għas-servizzi ta’ data roaming, espressi fil-munita li biha jintbagħtu l-kontijiet lill-klijent roaming u li għandhom joffru lill-klijenti roaming tagħhom kollha, mingħajr ħlas, b’notifika meta dan il-limitu jkun se jintlaħaq. Meta jintlaħaq dan il-limitu massimu, il-klijenti m’għandhomx ikomplu jirċievu u jintalabu jħallsu għal dawk is-servizzi sakemm ma jitlobux speċifikament li dawk is-servizzi jkomplu jiġu pprovduti konformement mat-termini u l-kondizzjonijiet stipulati fin-notifika. Il-klijenti roaming għandhom jingħataw l-opportunità biex jagħżlu kwalunkwe waħda minn dawn il-limiti finanzjarji jew tal-volum massimi fi żmien perjodu raġonevoli jew biex jagħżlu li ma jkollhomx limitu ta’ dan it-tip. Sakemm il-klijenti ma jiddikjarawx mod ieħor, għandhom jitpoġġew f’sistema ta’ limitazzjoni default.

(44)

Dawn il-miżuri ta’ trasparenza għandhom jitqiesu bħala salvagwardji minimi għal klijenti roaming, u ma għandhomx iwaqqfu l-operaturi tal-mobile milli joffru l-klijenti tagħhom firxa ta’ faċilitajiet oħra li jgħinuhom biex ikunu jafu minn qabel u jikkontrollaw in-nefqa tagħhom f’servizzi roaming tad-data. Pereżempju, bosta operaturi qed jiżviluppaw offerti ta’ rata fissa bl-imnut ġdida li jippermettu roaming tad-data għal prezz speċifiku matul perjodu speċifiku sa limitu ta’ volum ta’ “użu ġust”. Bl-istess mod l-operaturi qed jiżviluppaw sistemi biex jippermettu li l-klijenti roaming tagħhom ikun aġġornati fuq bażi ta’ ħin reali dwar it-tariffi pendenti akkumulati tagħhom tad-roaming tad-data. Biex ikun żgurat li s-suq intern jiffunzjona tajjeb, dawn l-iżviluppi fis-swieq domestiċi għandhom ikunu riflessi fir-regoli armonizzati.

(45)

Barra minn hekk, il-persistenza ta’ tariffi bl-ingrossa għoljin għas-servizz roaming tad-data hija prinċipalment il-kawża ta’ prezzijiet bl-ingrossa għoljin mitluba mill-operaturi ta’ networks mhux preferuti. Dawn it-tariffi jirriżultaw minn limitazzjonijiet tat-tmexxija tat-traffiku li ma jħallu ebda inċentiv min-naħa tal-operaturi biex inaqqsu l-prezzijiet standard bl-ingrossa tagħhom, billi t-traffiku jasal irrispettivament tal-prezz li jitħallas. Dan jirriżulta f’varjazzjoni estrema fl-ispejjeż bl-ingrossa. F’xi każijiet il-prezzijiet bl-ingrossa tar-roaming tad-data applikabbli għal networks mhux preferuti huma 30 darba akbar minn dawk li japplikaw għan-network preferuta. Dawn it-tariffi bl-ingrossa eċċessivament għoljin għas-servizzi roaming tad-data jwasslu għal tgħawwiġ konsiderevoli tal-kondizzjonijiet kompetittivi bejn operaturi tal-mobile fi ħdan il-Komunità li jtellfu milli s-suq intern jiffunzjona tajjeb. Ixxekkel wkoll l-ħila tal-fornituri domestiċi li jbassru l-ispejjeż bl-ingrossa tagħhom u għalhekk li jipprovdu lill-klijenti tagħhom b’pakketti ta’ prezzijiet bl-imnut trasparenti u kompetittivi. Minħabba n-nuqqasijiet fuq is-setgħa tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex isolvu dawn il-problemi b’mod effettiv fuq livell nazzjonali, għandu japplika limitu ta’ prezz bl-ingrossa fuq servizzi roaming tad-data. Il-limitu tal-prezz bl-ingrossa għandu jiġi stabbilit f’livell ta’ salvagwardja, ‘il fuq sew mill-anqas prezzijiet bl-ingrossa li bħalissa jinsabu fis-suq, biex isaħħu l-kondizzjonijiet kompetittivi u jippermettu l-iżvilupp ta’ tendenza kompetittiva fis-suq filwaqt li jiżguraw li s-suq intern jiffunzjona aħjar għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Permezz tal-eliminazzjoni tat-tariffi bl-ingrossa eċċessivament għoljin li għadhom jeżistu f’ċerti każi fis-suq, dan il-livell ta’ salvagwardja għandu jevita, matul il-perjodu kollu ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 717/2007, li jkun hemm distorzjonijiet u restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni fost l-operaturi tal-mobile.

(46)

Sabiex jitqiesu żviluppi fis-suq u l-qafas regolatorju applikabbli għal komunikazzjonijiet elettroniċi, jeħtieġ li ssir referenza għal “networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet” minflok “networks pubbliċi tat-telefonija”. F’ġieħ il-konsistenza, l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2002/21/KE għandu jiġi emendat skont dan.

(47)

Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li r-Regolament (KE) Nru 717/2007 u d-Direttiva 2002/21/KE jiġu emendati sabiex jinżamm u jibqa’ jiġi żviluppat sett komuni ta’ regoli li jiżguraw li l-utenti ta’ networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet mobbli waqt ivvjaġġar fi ħdan il-Komunità ma jħallsux prezzijiet eċċessivi għal servizzi roaming madwar il-Komunità (sew għal sejħiet tal-vuċi, messaġġ SMS jew trasmissjonijiet ta’ data), sabiex b’hekk jintlaħaq funzjonament tajjeb tas-suq intern, filwaqt li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tiġi ssalvagwardjata l-kompetizzjoni bejn l-operaturi tal-mobile, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri b’mod sigur, armonizzat u f’waqtu u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri meħtieġa għall-emendi, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(48)

Għaldaqstant dan l-approċċ komuni għandu jinżamm għal perjodu limitat ta’ żmien, iżda jista’, fid-dawl ta’ analiżi li se ssir mill-Kummissjoni, ikompli jiġi estiż jew emendat jew jiġi sostitwit minn għażliet regolatorji alternattivi, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijet xierqa mill-Kummissjoni.

(49)

Il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-effettività tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 kif emendat minn dan ir-Regolament fid-dawl tal-objettivi tiegħu u l-kontribut għall-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju u l-iffunzjonar kif suppost tas-suq intern. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-impatt fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-fornituri tal-komunikazzjonijiet bil-mobile ta’ daqsijiet differenti u minn inħawi differenti tal-Komunità, l-iżviluppi, ix-xejriet u t-trasparenza fit-tariffi għall-imnut u l-ingrossa, ir-relazzjoni tagħhom mal-ispejjeż innifishom, il-punt sa kemm il-preżunzjonijiet li saru fl-evalwazzjoni tal-impatt li akkumpanjat dan ir-Regolament ikunu ġew ikkonfermati u l-ispejjeż għall-konformità tal-operaturi u l-impatt fuq l-investimenti. Il-Kummissjoni għandha wkoll, fid-dawl tal-iżviluppi tekonoloġiċi, tikkunsidra d-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi li huma alternattiva għar-roaming (bħall-VoIP).

(50)

Qabel ir-reviżjoni msemmija hawn fuq, u sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ kontinwu tas-servizzi roaming fil-Komunità, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport interim għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jkun jinkludi sommarju ġenerali tal-aktar tendenzi reċenti fis-servizzi roaming u evalwazzjoni intermedja tal-progress lejn il-ksib tal-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 717/2007 kif emendat b’dan ir-Regolament u tal-għażliet ta’ alternattiva possibbli biex jinkisbu dawn l-objettivi.

(51)

Qabel ma tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa, il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll jekk ir-regolament ta’ servizzi roaming jistax ikun kopert kif meħtieġ fil-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. Għandha tevalwa bir-reqqa kollha lill-metodi alternattivi biex jinkisbu l-objettivi tar-Regolament (KE) Nru 717/2007, bħal:

l-affrontar tal-problemi fil-livell tal-ingrossa, billi jiġi introdott obbligu biex jiġi pprovdut aċċess raġonevoli u ġust fuq bażi nondiskriminatorja u/jew kondizzjonijiet reċiproċi ekwitabbli;

approċċ ibbażat fuq il-kisba ta’ prezzijiet u kondizzjonijiet għall-klijenti roaming li jkunu simili għall-prezzijiet u l-kondizzjonijiet kompetittivi fis-seħħ fis-suq tan-network miżjur, inkluża l-possibbiltà li l-klijent jikseb prezzjiet differenti minn operaturi differenti fis-suq tan-network miżjur;

l-indirizzar tal-problemi fil-qafas tal-liġi dwar il-kompetizzjoni Komunitarja.

B’mod partikulari, il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni ma’ korp ta’ regolaturi Ewropej għall-komunikazzjonijiet elettroniċi għandha tinvestiga u tevalwa l-istruttura kompetittiva tal-suq tal-mobiles li twassal għal prezzijiet ta’ roaming mhux kompetittivi u għandha tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-konklużjonijiet u l-proposti tagħha biex jiġu indirizzati l-problemi stutturali fis-swieq tal-mobiles, b’mod partikulari x-xkiel għad-dħul fis-suq u l-espansjoni.

(52)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 717/2007 u d-Direttiva 2002/21/KE għandhom għalhekk jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendament tar-Regolament (KE) Nru 717/2007/KE

Ir-Regolament (KE) Nru 717/2007/KE huwa b’dan emendat kif ġej:

1.

It-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar roaming fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet mobbli fi ħdan il-Komunità”;

2.

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostiwit b’dan li ġej:

“1.   Dan ir-Regolament jintroduċi approċċ komuni sabiex jiġi żgurat li l-utenti tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet mobbli li jkunu qegħdin jivvjaġġaw fi ħdan il-Komunità ma jħallsux prezzijiet eċċessivi għas-servizzi tar-roaming madwar il-Komunità meta mqabbla mal-prezzijiet nazzjonali kompetittivi, meta jagħmlu u jirċievu sejħiet, meta jibagħtu u jirċievu messaġġi SMS u meta jużaw servizzi ta’ pakkett ta’ komunikazzjoni ta’ data trasmessa, sabiex b’hekk isir kontribut għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern waqt li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li jitrawmu l-kompetizzjoni u t-trasparenza fis-suq u jiġu offerti kemm l-inċentivi għall-innovazzjoni kif ukoll l-għażla tal-konsumatur.

Jistipula regoli fuq it-tariffi li jistgħu jintalbu minn operaturi tal-mobile għall-forniment fil-Komunità kollha ta’ servizzi roaming internazzjonali għal sejħiet tal-vuċi u messaġġi SMS li joriġinaw u jitterminaw fi ħdan il-Komunità u għal servizzi ta’ pakkett ta’ komunikazzjoni ta’ data trasmessa użati minn klijenti msiefra waqt roaming fuq network ta’ komunikazzjonijiet mobbli fi Stat Membru ieħor. Japplika kemm għal tariffi mħallsa bejn operaturi ta’ networks fil-livell bl-ingrossa u kif ukoll, fejn xieraq, għal tariffi mħallsa minn fornituri domestiċi fil-livell tal-imnut.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-limiti tat-tariffi stabbiliti f’dan ir-Regolament huma espressi f’Euro. Meta tariffi rregolati bl-Artikoli 3, 4, 4a u 4b u bl-Artikolu 6a(3) u (4) huma denominati f’muniti differenti, il-limiti tal-bidu skont dawk l-Artikoli jkunu determinati f’dawk il-muniti, fil-każ tal-Artikoli 3 u 4 billi japplikaw ir-rati referenzjali tal-kambju tat-30 ta’ Ġunju 2007, u fil-każ tal-Artikolu 4a u 4b u l-Artikolu 6a(3) u (4) r-rati referenzjali tal-kambju tal-[1 ta’ Mejju] 2009 billi japplikaw ir-rati referenzjali tal-kambju ppubblikati fis-6 ta’ Mejju 2009 mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għall-finijiet tat-tnaqqis sussegwenti fil-limiti previsti fl-Artikoli 3(2), 4(2) u 6a(4), il-valuri riveduti għandhom jiġu determinati billi jiġu applikati r-rati referenzjali tal-kambju hekk kif ippubblikati xahar qabel id-data li minnha japplikaw il-valuri riveduti. L-istess rati referenzjali tal-kambju għandhom jiġu applikati biex jirrivedu kull sena l-valur tal-pagamenti rregolati bl-Artikolu 4a u 4b u bl-Artikolu 6a(3) fejn dawn il-pagamenti huma denomenati f’munita għajr mill-Euro.”;

3.

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (b) sa (g) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

‘fornitur tal-pajjiż ta’ oriġini’ tfisser impriża li tipprovdi lil klijent tar-roaming b’servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet mobbli terrestri permezz tan-network tiegħu stess jew bħala operatur jew rivenditur ta’ servizz mobbli ta’ network virtwali;

(c)

network tal-pajjiż ta’ oriġini’ tfisser network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet mobbli terrestri li jinsab fi Stat Membru u li jintuża minn fornitur tal-pajjiż ta’ oriġini għall-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet mobbli terrestri lil klijent tar-roaming;

(d)

‘roaming madwar il-Komunità’ tfisser l-użu ta’ telefon ċellulari jew apparat ieħor minn klijent tar-roaming sabiex jagħmel jew jirċievi sejħiet intra-Komunitarji, sabiex jibgħat jew jirċievi messaġġi SMS jew juża komunikazzjonijiet ta’ pakkett ta’ data trasmessa, meta jkun fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih jinsab in-network tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, permezz ta’ arranġamenti bejn l-operatur tannetwork tal-pajjiż ta’ oriġini u l-operatur tan-network miżjur;

(e)

‘sejħa roaming regolata’ tfisser sejħa permezz tat-telefonija mobbli bil-vuċi magħmula minn klijent tar-roaming, li toriġina fuq network miżjur u li tittermina fuq network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet fi ħdan il-Komunità jew riċevuta minn klijent tarroaming, li toriġina f’network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet fi ħdan il-Komunità u tittermina f’network miżjur;

(f)

‘klijent tar-roaming’ tfisser klijent ta’ fornitur ta’ servizzi pubbliċi ta’ telefonija mobbli terrestri, permezz ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet mobbli terrestri li jinsab fil-Komunità, li l-kuntratt jew l-arranġament tiegħu mal-fornitur tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jippermetti l-użu ta’ telefon ċellulari jew apparat ieħor sabiex jagħmel jew jirċievi sejħiet, sabiex jibgħat jew jirċievi messaġġi SMS, jew sabiex juża pakkett ta’ komunikazzjonijiet ta’ data trasmessa fuq network miżjur permezz ta’ arranġamenti bejn l-operatur tan-network tal-pajjiż ta’ oriġini u l-operatur tan-network miżjur;

(g)

‘network miżjur’ tfisser network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet mobbli terrestri li jinsab fi Stat Membru li mhuwiex dak tannetwork tal-pajjiż ta’ oriġini u li jippermetti klijent tar-roaming li jagħmel jew jirċievi sejħiet, sabiex jibgħat jew jirċievi messaġġi SMS, jew sabiex juża pakkett ta’ komunikazzjonijiet ta’ data trasmessa, permezz ta’ arranġamenti mal-operatur tan-network tal-pajjiż ta’ oriġini;”;

(b)

il-punti li ġejjin huma miżjuda:

“(h)

‘tariffa Euro-SMS’ tfisser kwalunkwe tariffa li ma taqbizx it-tariffa massima, prevista fl-Artikolu 4b, li fornitur domestiku jista’ jitlob għall-forniment ta’ messaġġi SMS roaming regolati skont dak l-Artikolu;

(i)

‘messaġġ SMS’ huwa messaġġ b’test ta’ Servizz ta’ Messaġġ Qasir (Short Message Service), prinċipalment magħmul minn karattri alfabetiċi u/jew numeriċi, li jista’ jintbagħat bejn numri ta’ mobile u/jew fissi assenjati skont pjan nazzjonali ta’ numerar;

(j)

‘messaġġ SMS roaming regolat’ tfisser messaġġ SMS mibgħut minn klijent roaming, li joriġina fuq network miżjur u li jittermina fuq network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet fi ħdan il-Komunità jew irċevut minn klijent roaming, li joriġina fuq network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet fi ħdan il-Komunità u jittermina fuq network miżjur;

(k)

‘servizz tar-roaming tad-data regolat’ tfisser servizz roaming li jippermetti l-użu ta’ pakkett ta’ komunikazzjonijiet ta’ data trasmessa minn klijent roaming permezz tat-telefown mobbli tiegħu jew apparat mobbli ieħor waqt li jkun ikkonnettjat ma’ network miżjur. Servizz tar-roaming tad-data regolat ma jinkludix it-trasmissjoni jew it-teħid ta’ sejħiet roaming jew messaġġi SMS regolati, iżda jinkludi t-trasmissjoni u t-teħid ta’ messaġġi MMS.”;

4.

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   It-tariffa medja bl-ingrossa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika bejn kwalunkwe żewġ operaturi u għandha tiġi kkalkolata fuq perjodu ta’ tnax-il xhar jew kwalunkwe perjodu iqsar bħal dan li jifdal qabel tmiem il-perjodu tal-applikazzjoni ta’ tariffa medja bl-ingrossa massima kif previst f’dan il-paragrafu jew l-iskadenza ta’ dan ir-Regolament. It-tariffa medja bl-ingrossa massima għandha tonqos għal EUR 0,28, u EUR 0,26, fit-30 ta’ Awwissu 2008 u fl-1 ta’ Lulju 2009 rispettivament u għandha tibqa’ tonqos għal EUR 0,22 u EUR 0,18, fl-1 ta’ Lulju 2010 u fl-1 ta’ Lulju 2011 rispettivament.”;

(b)

fil-paragrafu 3 huwa miżjud is-subparagrafu li ġej:

“Madankollu, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2009, it-tariffa medja bl-ingrossa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkalkulata billi d-dħul bl-ingrossa totali tar-roaming, jiġi diviż bl-għadd totali ta’ minuti roaming bl-ingrossa fil-fatt użat għall-forniment ta’ sejħiet roaming bl-ingrossa fi ħdan il-Komunità mill-operatur rilevanti matul il-perjodu rilevanti, aggregata abbażi ta’ kull sekonda, b’mod aġġustat biex titqies il-possibbiltà għall-operatur tan-network miżjur biex japplika perjodu inizjali ta’ tariffa minima li ma jaqbiżx it-30 sekonda.”;

5.

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   It-tariffa bl-imnut (eskluża l-VAT) ta’ Eurotariffa, li l-fornitur tal-pajjiż ta’ oriġini jista’ jitlob lill-klijent roaming tiegħu għall-forniment ta’ sejħa roaming regolata, tista’ tvarja għal kull sejħa roaming iżda m’għandiex taqbeż EUR 0,49 kull minuta għal kull sejħa magħmula jew EUR 0,24 kull minuta għal kull sejħa riċevuta. Il-limitu fil-prezz għal sejħiet magħmula għandu jonqos għal EUR 0.46 u EUR 0,43, u għal sejħiet riċevuti għal EUR 0,22 u EUR 0,19, fit-30 ta’ Awwissu 2008 u fl-1 ta’ Lulju 2009 rispettivament. Il-limitu fil-prezz għal sejħiet magħmula għandu jibqa’ jonqos għal EUR 0,39 u EUR 0,35, u għal sejħiet riċevuti għal EUR 0,15 u EUR 0,11, fl-1 ta’ Lulju 2010 u fl-1 ta’ Lulju 2011 rispettivament.

B’effett mill-1 ta’ Lulju 2010, il-fornituri domestiċi m’għandhom jitolbu l-ebda tariffa mill-klijenti roaming tagħhom meta jirċievu messaġġ ‘voice mail’ roaming. Dan għandu jkun bla ħsara għat-tariffi applikabbli l-oħra bħal dawk biex messaġġi ta’ dan it-tip jinstemgħu.

B’effett mill-1 ta’ Lulju 2009 kull fornitur domestiku għandu jitlob ħlas lil klijenti roaming tiegħu għall-forniment ta’ kwalunkwe sejħa roaming regolata li għaliha tapplika Eurotariffa, kemm jekk magħmula kif ukoll irċevuta, abbażi ta’ kull sekonda.

B’deroga mit-tielet subparagrafu, il-fornitur domestiku jista’ japplika perjodu minimu ta’ ħlas tal-bidu li ma jaqbiżx 30 sekonda għal sejħiet magħmula li huma suġġetti għal Eurotariffa.”;

(b)

il-Paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Kwalunkwe klijent roaming jista’ jitlob, fi kwalunkwe punt wara li jkun tlesta l-proċess stabbilit fil-paragrafu 3, li jibdel għal jew minn Eurotariffa. Kwalunkwe bidla għandha ssir fi żmien ġurnata ta’ xogħol minn meta tintlaqa’ t-talba u għandha tkun bla ħlas u ma għandux ikollha kondizzjonijiet jew restrizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ elementi oħra tal-abbonament, għajr dak meta klijent roaming li huwa abbonat ma’ pakkett roaming speċjali li jinkludi aktar minn servizz roaming wieħed (jiġifieri vuċi, SMS u/jew data) jixtieq jibdel għal Eurotariffa, il-fornitur domestiku jista’ jeħtieġ lil klijent li qed jibdel li jitlef il-benefiċċji tal-elementi l-oħra ta’ dak il-pakkett. Fornitur domestiku jista’ jdewwem bidla sa meta t-tariffa roaming preċedenti tkun effettiva għal perjodu minimu speċifikat li ma jaqbiżx tliet xhur.”;

6.

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 4a

Tariffi bl-ingrossa għal messaġġi SMS roaming regolati

1.   B’seħħ mill-1 ta’ Lulju 2009, it-tariffa medja bl-ingrossa li l-operatur ta’ network miżjur jista’ jitlob lill-operatur ta’ network domestiku ta’ klijent roaming għall-forniment ta’ messaġġ SMS roaming regolat li joriġina fuq dak in-network miżjur, ma għandhiex taqbeż EUR 0,04 għal kull messaġġ SMS.

2.   It-tariffa medja bl-ingrossa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika bejn kwalunkwe żewġ operaturi u għandha tiġi kkalkulata fuq perjodu ta’ tnax-il xahar jew kwalunkwe perjodu iqsar li jista’ jkun fadal qabel ma jiskadi dan ir-Regolament.

3.   It-tariffa medja bl-ingrossa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkalkulata billi jiġi diviż id-dħul bl-ingrossa totali li jirċievi l-operatur tan-network miżjur minn kull operatur ta’ network domestiku għall-oriġinar u t-trasmissjoni ta’ messaġġi SMS roaming regolati fi ħdan il-Komunità matul il-perjodu rilevanti bl-għadd totali ta’ messaġġi SMS bħal dawn li joriġinaw u jiġu trasmessi f’isem l-operatur rilevanti ta’ network domestiku matul dak il-perjodu.

4.   L-operatur ta’ network miżjur ma għandu jitlob ebda tariffa lill-operatur ta’ network domestiku ta’ klijent roaming, separata mit-tariffa msemmija fil-paragrafu 1, għat-terminazzjoni ta’ messaġġ SMS roaming regolat mibgħut lil klijent roaming waqt li jkun roaming fuq in-network tiegħu miżjur.

Artikolu 4b

Tariffi bl-imnut għal messaġġi SMS roaming regolati

1.   Il-fornituri domestiċi għandhom jagħmlu disponibbli lill-klijenti roaming kollha tagħhom, b’mod ċar u trasparenti, tariffa Euro-SMS kif prevista fil-paragrafu 2. It-tariffa Euro-SMS ma għandha titlob ebda abbonament assoċjat jew tariffi oħra fissi jew rikurrenti u tista’ tingħaqad ma’ kwalunkwe tariffa bl-imnut, suġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-Artikolu.

2.   B’seħħ mill-1 ta’ Lulju 2009, it-tariffa bl-imnut (eskluża l-VAT) ta’ tariffa Euro-SMS li fornitur domestiku jista’ jitlob lil klijient roaming tiegħu għal messaġġ SMS roaming regolat mibgħut minn dak il-klijent roaming tista’ tvarja għal kull messaġġ SMS roaming iżda m’għandhiex taqbeż EUR 0,11.

3.   Il-fornituri domestiċi m’għandhom jitolbu ebda tariffa mill-klijenti roaming tagħhom meta jirċievu messaġġ SMS roaming regolat.

4.   Mill-1 ta’ Lulju 2009 il-fornituri domestiċi għandhom japplikaw awtomatikament tariffa Euro-SMS lil klijenti roaming kollha eżistenti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-klijenti roaming li diġa għażlu deliberament tariffa jew pakkett roaming speċifiku li permezz tiegħu jibbenefikaw minn tariffa differenti għal messaġġ SMS roaming regolat milli kieku kienu jieħdu mingħajr din l-għażla.

5.   Mill-1 ta’ Lulju 2009 il-fornituri domestiċi għandhom japplikaw tariffa Euro-SMS lil klijenti roaming ġodda kollha li ma jagħżlux deliberatament tariffa SMS roaming differenti jew pakket ta’ tariffi għal servizzi roaming li jinkludi tariffa differenti għal messaġġi SMS roaming regolati.

6.   Kwalunkwe klijent roaming jista’ jitlob fi kwalunkwe ħin li jibdel għal jew minn tariffa Euro-SMS. Kwalunkwe bidla għandha ssir fi żmien ġurnata ta’ xogħol mit-teħid tat-talba u tkun mingħajr ħlas u ma għandhiex tinvolvi kondizzjonijiet jew restrizzjonijiet relatati ma’ elementi oħrajn tal-abbonament ħlief dak roaming. Fornitur domestiku jista’ jdewwem tali bidla sa meta t-tariffa roaming preċedenti tkun effettiva għal perjodu minimu speċifikat li ma jaqbiżx tliet xhur. Tariffa Euro-SMS dejjem tista’ tingħaqad ma’ Eurotariffa.

7.   Mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2009, fornituri domestiċi għandhom jinfurmaw lil klijenti roaming kollha tagħhom individwalment dwar it-tariffa Euro-SMS, li se tapplika mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2009 għal klijenti roaming kollha li ma għażlux deliberatament tariffa speċjali jew pakkett applikabbli għal messaġġi SMS regolati, u dwar id-dritt tagħhom li jibdlu għal u mit-tariffa skont il-paragrafu 6.

Artikolu 4c

Karatteristiċi tekniċi ta’ messaġġi SMS roaming regolati

Ebda fornitur domestiku jew operatur ta’ network miżjur ma għandu jibdel il-karatteristiċi tekniċi ta’ messaġġi SMS roaming regolati b’tali mod li jagħmilhom differenti mill-karatteristiċi tekniċi ta’ messaġġi SMS disponibbli fi ħdan is-suq domestiku tiegħu.”;

7.

L-Artikolu 5 huwa mħassar;.

8.

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Trasparenza ta’ tariffi bl-imnut ta’ sejħiet u messaġġi SMS roaming regolati

1.   Sabiex klijent roaming jiġi notifikat dwar il-fatt li jkun suġġett għal tariffi tar-roaming meta jagħmel jew jirċievi telefonata jew meta jibgħat messaġġ SMS, kull fornitur domestiku għandu, ħlief meta l-klijent ikun innotifika lill-fornitur domestiku tiegħu li ma jeħtieġx dan is-servizz, jipprovdi lill-klijent, b’mod awtomatiku, permezz ta’ Servizz ta’ Messaġġi, mingħajr dewmien żejjed u mingħajr ħlas, meta jidħol fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak tan-network domestiku tiegħu, b’informazzjoni personalizzata bażika tal-prezzijiet dwar it-tariffi roaming (inkluża l-VAT) li japplikaw għal dak il-klijent biex jagħmel u jirċievi sejħiet u biex jibgħat messaġġi SMS fl-Istat Membru miżjur.

Din l-informazzjoni personalizzata bażika tal-prezzijiet għandha tinkludi t-tariffi massimi li huwa suġġett għalihom il-klijent skont l-iskema ta’ tariffa tiegħu għal:

(a)

sejħiet li jagħmel fil-pajjiż miżjur u lejn l-Istat Membru tan-network domestiku tiegħu, kif ukoll għal sejħiet li jirċievi; u

(b)

messaġġi SMS roaming regolati li jibgħat waqt li jkun fl-Istat Membru miżjur.

Għandha tinkludi wkoll in-numru mingħajr ħlas imsemmi fil-paragrafu 2 għall-aċċess għal informazzjoni aktar dettaljata u informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza billi wieħed iċempel in-numru ta’ emerġenza Ewropew 112 bla ħlas.

Klijent li jkun avża li huwa m’għandux bżonn is-Servizz ta’ Messaġġ awtomatiku għandu jkollu d-dritt fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas li jitlob lill-fornitur domestiku sabiex jerġa’ jipprovdi s-servizz.

Il-fornituri domestiċi għandhom jipprovdu din l-informazzjoni personalizzata bażika dwar prezzijiet lill-klijenti neqsin mid-dawl jew li jkollhom vista parzjali b’mod awtomatiku, permezz ta’ sejħa bil-vuċi, mingħajr ħlas, jekk huma jitolbu dan.

2.   Addizzjonalment għall-paragrafu 1, klijenti għandhom ikollhom id-dritt li jitolbu u jirċievu, mingħajr ħlas, u irrispettivament minn fejn ikunu fil-Komunità, aktar informazzjoni personalizzata dettaljata dwar it-tariffi tar-roaming applikabbli fin-network miżjur għal sejħiet tal-vuċi, SMS, MMS u servizzi oħrajn ta’ komunikazzjoni ta’ data, kif ukoll informazzjoni dwar il-miżuri ta’ trasparenza applikabbli permezz ta’ dan ir-Regolament, permezz ta’ sejħa vil-vuċi mobbli tal-vuċi jew SMS. Talba bħal din għandha ssir mingħajr ħlas fuq numru assenjat għal dan il-għan mill-fornitur domestiku.

3.   Il-fornituri domestiċi għandhom jagħtu lill-utenti kollha informazzjoni sħiħa dwar it-tariffi roaming applikabbli, b’mod partikolari dwar l-Eurotariffa u t-tariffa Euro-SMS, meta jsiru l-abbonamenti. Huma għandhom ukoll jipprovdu lill-klijenti roaming tagħhom aġġornamenti dwar it-tariffi roaming applikabbli mingħajr dewmien bla bżonn kull darba li jkun hemm bidla f’dawn it-tariffi.

Il-fornituri domestiċi għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li l-klijenti roaming kollha tagħhom isiru jafu dwar id-disponibbiltà tal-Eurotariffa u t-tariffa Euro-SMS. Għandhom jikkomunikaw, b’mod partikolari, lill-klijenti roaming kollha sat-30 ta’ Lulju 2007, il-kondizzjonijiet relatati mal-Eurotariffa u sat-30 ta’ Ġunju 2009, il-kondizzjonijiet relatati mat-tariffa Euro-SMS, f’kull każ b’mod ċar u oġġettiv. Huma għandhom wara dan ifakkru, f’intervalli raġonevoli, permezz ta’ messaġġ lill-klijenti kollha li jkunu għażlu tariffa oħra.”;

9.

L-Artikolu li ġej huwa inserit:

“Artikolu 6a

Mekkaniżmi ta’ salvagwardja u trasparenza għal servizzi roaming tad-data regolati

1.   Fornituri domestiċi għandhom jiżguraw li l-klijenti roaming tagħhom, kemm qabel u kemm wara l-konklużjoni ta’ kuntratt, ikunu infurmati adegwatament bit-tariffi li japplikaw għall-użu tagħhom ta’ servizzi roaming tad-data regolati, b’mod li jiffaċilitaw lil klijenti biex jifhmu l-konsegwenzi finanzjarji ta’ dan l-użu u jippermettihom jimmonitoraw u jikkontrollaw n-nefqa tagħhom fuq servizzi roaming tad-data regolati skont il-paragrafi 2 u 3.

Meta jkun xieraq, il-fornituri domestiċi għandhom jinfurmaw lill-klijenti tagħhom, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt u fuq bażi regolari wara, dwar ir-riskju ta’ konnessjoni u tniżżil b’data roaming awtomatiku u bla kontroll. Barra minn hekk, il-fornituri domestiċi għandhom jispjegaw lill-klijenti tagħhom b’mod ċar u li jinftiehem faċilment, kif dawn il-konnessjonijiet ta’ data roaming awtomatiċi jintfew sabiex jiġi evitat il-konsum bla kontroll ta’ servizzi ta’ data roaming.

2.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2009, messaġġ awtomatiku mill-fornitur domestiku li jinforma lil klijent roaming li huwa qiegħed roaming u li jipprovdi informazzjoni tariffarja bażika personalizzata fuq it-tariffi applikabbli għall-forniment ta’ servizzi roaming tad-data regolati lil dak il-klijent roaming fl-Istat Membru kkonċernat, ħlief fejn l-klijent ikun avża lill-fornitur domestiku tiegħu li ma għandux bżonn din l-informazzjoni.

Informazzjoni tariffarja personalizzata bħal din għandha tintbagħat lit-telefown mobbli tal-klijent roaming jew apparat ieħor, pereżempju permezz ta’ SMS, e-Mail, jew pop up fuq il-kompjuter, kull darba li l-klijent roaming jidħol fi Stat Membru apparti dak tan-network domestiku tiegħu u jibda għall-ewwel darba servizz roaming tad-data regolat fi Stat Membru partikolari. Din għandha tintbagħat mingħajr ħlas fil-mument li l-klijent roaming jibda servizz regolat ta’ roaming ta’ data, b’mod adattat u adegwat biex jiffaċilita li jittieħed u jiftihem malajr.

Klijent li jkun avża lil fornitur domestiku tiegħu li huwa m’għandux bżonn l-informazzjoni tariffarja awtomatika għandu jkollu d-dritt fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas li jitlob lill-fornitur domestiku biex jerġa’ jipprovdi dan is-servizz.

3.   Sal-1 ta’ Marzu 2010, kull fornitur domestiku għandu jipprovdi l-opportunità għall-klijenti roaming kollha tagħhom biex, intenzjonalment u mingħajr ħlas, jagħżlu faċilità li tipprovdi informazzjoni dwar il-konsum akkumulat, espressa bħala volum jew fil-munita li biha jħallas il-klijent roaming, tas-servizzi roaming tad-data regolati u li tiggarantixxi li, mingħajr il-kunsens espliċitu tal-klijent, in-nefqa akkumulata għal servizzi roaming ta’ data regolati fuq perjodu speċifikat ta’ użu ma taqbiżx limitu finanzjarju speċifikat.

Għal dan il-għan il-fornitur domestiku għandhom jagħmel disponibbli limitu finanzjarju massimu jew aktar għal perjodi ta’ użu speċifikati, sakemm il-klijent ikun informat minn qabel dwar l-ammonti ta’ volum korrispondenti. Wieħed minn dawn il-limiti (il-limitu finanzjarju default) għandu jkun viċin iżda m’għandux jaqbeż EUR 50 ta’ tariffi pendenti għal kull perjodu ta’ ħlas ta’ kull xahar (eskluża l-VAT).

Alternattivament, il-fornitur domestiku jista’ jistabbilixxi limiti espressi f’volum sakemm il-klijent ikun informat minn qabel dwar l-ammonti finanzjarji korrispondenti. Wieħed minn dawn il-limiti (il-limitu ta’ volum default) għandu jkollu ammont finanzjarju korrispondenti li ma jaqbiżx EUR 50 ta’ tariffi pendenti għal kull perjodu ta’ ħlas ta’ kull xahar (eskluża l-VAT).

Barra minn hekk, il-fornitur domestiku jista’ joffri lill-klijenti roaming tiegħu limiti oħra b’limiti massimi finanzjarji differenti fix-xahar, iġifieri, ogħla jew iktar baxxi.

Sal-1 ta’ Lulju 2010, il-limitu default fit-tieni u t-tielet subparagrafi għandhom ikunu applikabbli għall-klijenti kollha li ma għażlux limitu ieħor.

Kull fornitur domestiku għandu wkoll jiżgura li l-avviż adattat jintbagħat lit-telefown mobbli jew apparat ieħor tal-klijent roaming, pereżempju permezz ta’ SMS, e-Mail, jew pop-up fuq il-kompjuter, meta s-servizzi roaming ta’ data jkunu laħqu 80 % tal-limitu finanzjarju jew tal-volum miftiehem. Il-klijenti għandu jkollhom id-dritt li jitolbu lill-operaturi tagħhom li ma jibqgħux jibagħtu avviżi ta’ dan it-tip u għandu jkollhom id-dritt fi kwalunkwe ħin u mingħajr ħlas li jitolbu lill-fornitur domestiku biex jerġa’ jforni s-servizz.

Meta dan il-limitu finanzjarju jew ta’ volum ikun altrimenti nqabeż, għandu jintbagħat avviż lill-mobile jew apparat ieħor tal-klijent roaming. Dan l-avviż għandu jindika l-proċedura li għandha tkun segwita jekk il-klijent jixtieq li jkompli l-forniment ta’ dawn is-servizzi u l-ispiża assoċjata ma’ kull unità addizzjonali li tkun se tiġi kkunsmata. Jekk il-klijent roaming ma jirrispondix kif mitlub mill-avviżi li jirċievi, il-fornitur domestiku għandu jwaqqaf immedjatament is-servizzi roaming tad-data regolati lill-klijent roaming u ma jżommx aktar flus tagħhom, sakemm u sa meta l-klijent roaming ma jitlobx li l-forniment ta’ dawn is-servizzi jitkompla jew jiġġedded.

Mill-1 ta’ Novembru 2010, kull meta klijent roaming jitlob li jagħżel jew ineħħi faċilità ta’ ‘limitu finanzjarju jew ta’ volum’, il-bidla trid issir fi żmien ġurnata ta’ xogħol waħda minn meta tasal it-talba, mingħajr ħlas, u ma għandhiex tinvolvi kondizzjonijiet jew restrizzjonijiet li għandhom x’jaqsma ma elementi oħra tal-kuntratt.

4.   B’effett mill-1 ta’ Lulju 2009:

(a)

It-tariffa medja bl-ingrossa li l-operatur ta’ network miżjura jista’ jitlob lill-operatur ta’ network domestiku ta’ klijent roaming għall-forniment ta’ servizzi roaming tad-data regolati fuq dak in-network miżjur, ma għandhiex taqbeż limitu ta’ salvagwardja ta’ EUR 1,00 fl-1 ta’ Lulju 2009, EUR 0,80 fl-1 ta’ Lulju 2010 u EUR 0,50 fl-1 ta’ Lulju 2011 għal kull megabyte ta’ data trasmessa. L-applikazzjoni ta’ dan il-limitu ta’ salvagwardja m’għandux iwassal għal xi tgħawwiġ jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa tar-tad-data roaming skont l-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva Qafas;

(b)

Din it-tariffa medja bl-ingrossa għandha tapplika bejn kwalunkwe żewġ operaturi u għandha tiġi kkalkulata fuq perjodu ta’ tnax-il xahar jew kwalunkwe perjodu iqsar li jista’ jkun fadal qabel ma jiskadi dan ir-Regolament;

(ċ)

It-tariffa medja bl-ingrossa msemmija fil-punt a għandha tiġi kkalkulata billi d-dħul bl-ingrossa totali li jdaħħal l-operatur tan-network miżjura minn kull operatur ta’ network domestiku għall-forniment ta’ servizzi roaming tad-data regolati fil-perjodu rilevanti jiġi diviż bl-għadd totali ta’ megabytes ta’ data użati fil-verità mill-forniment ta’ dawk is-servizzi matul dak il-perjodu, aggregat fuq il-bażi ta’ kull kilobyte.”;

10.

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħmlu pubblikament disponibbli informazzjoni aġġornata dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 3, 4, 4a, 4b u 6a, b’mod li jippermetti li l-partijiet interessati jkollhom aċċess faċli għaliha.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jintervjenu fuq inizjattiva tagħhom stess sabiex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament. Għandhom, b’mod partikolari, fejn meħtieġ, jużaw il-poteri skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Aċċess biex jiżguraw aċċess u interkonnessjoni adegwati li jiggarantixxu konnettività minn tarf sa tarf u interoperabiltà ta’ servizzi roaming, pereżempju fejn abbonati ma jistgħux jagħmlu skambju ta’ messaġġi SMS roaming ma’ abbonati ta’ network mobbli terrestri fi Stat Membru ieħor minħabba n-nuqqas ta’ ftehim li jippermetti li jaslu dawk il-messaġġi.”;

11.

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Penali

L-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali pprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u jwaqqfu l-ksur. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Marzu 2008 jew, fil-każ tar-rekwiżiti addizzjonali introdotti bl-Artikolu 3(2) u (3), bl-Artikolu 4(2) u (4) u bl-Artikoli 4a, 4b, 4c, 6, 6a u 7 fir-Regolament (KE) Nru 544/2009 (*), mhux aktar tard minn 30 ta’ Marzu 2010 u għandhom mingħajr dewmien jinnotifikawha b’kull emenda sussegwenti li teffetwahom.

(*)  ĠU L 167, 29 ta’ Ġunju 2009, p. 12.”;"

12.

L-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrivedi kif jiffunzjona dan ir-Regolament u, wara konsultazzjoni pubblika, għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar mit-30 ta’ Ġunju 2011. Il-Kummissjoni se tevalwa b’mod partikulari jekk l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament intlaħqux. Waqt li tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tirrivedi, inter alia:

l-iżviluppi fit-tariffi bl-ingrossa u bl-imnut għall-forniment lil klijenti roaming ta’ servizzi tal-vuċi, ta’ SMS u tad-data, u l-iżvilupp korrispondenti fis-servizz ta’ komunikazzjonijiet mobbli fil-livell domestiku fl-Istati Membri għall-klijenti li jħallsu minn qabel (‘pre-paid’) u li jħallsu wara (‘post-paid’) separatament; u fil-kwalità u l-ħeffa ta’ dawn is-servizzi;

id-disponibbiltà u l-kwalità tas-servizzi inklużi dawk li huma alternattiva għar-roaming (vuċi, SMS u data), b’mod partikulari meta wieħed iqis l-iżviluppi teknoloġiċi;

il-livell sa fejn il-konsumatur ikun ibbenfika permezz tat-tnaqqis ta’ vera fil-prezz għas-servizzi tar-roaming jew f’modi oħrajn mit-tnaqqis fl-ispejjeż tal-forniment tas-servizzi roaming u l-varjetà ta’ tariffi u prodotti li huma disponibbli lill-konsumaturi b’tendenzi ta’ telefonati differenti;

il-grad ta’ kompetizzjoni kemm fis-suq bl-imnut u kemm f’dak bl-ingrossa, b’mod partikulari, is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ operaturi iżgħar, indipendenti jew li għadhom kemm bdew, inklużi l-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ ftehimiet kummerċjali u l-grad ta’ interkonnessjoni bejn operaturi;

Il-Kummissjoni għandha wkoll tevalwa metodi apparti r-regolament tal-prezzjoni li jkunu jistgħu’ jintużaw biex jinħoloq suq intern kompetittiv għar-roaming u meta tkun qed tagħmel dan għandha tqis analażi mwettqa b’mod indipendenti minn korp ta’ regolaturi Ewropej għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa.

2.   Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010, tipprepara rapport interim lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li għandu jinkludi sommarju tal-monitoraġġ tal-forniment ta’ servizzi roaming fil-Komunità u evalwazzjoni tal-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, inkluż permezz ta’ referenza għall-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.”;

13.

Fl-Artikolu 12 il-kliem “mhux aktar tard minn 30 ta’ Awwissu 2007” huwa mħassar;

14.

Fl-Artikolu 13, “2010” hija sostitwita b’ “2012”.

Artikolu 2

Emendament tad-Direttiva 2002/21/KE

L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2002/21/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Din id-Direttiva u d-Direttivi Speċifiċi għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal kull miżura speċifika adottata għar-regolamentazzjoni tar-roaming internazzjonali fuq networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet mobbli fi hdan il-Komunità.”

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-

Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

Š. FÜLE


(1)  Opinjoni tal-15 ta’ Jannar 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ April 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2009.

(3)  ĠU L 171, 29.6.2007, p. 32.

(4)  ĠU L 200, 30.7.2002, p. 38.

(5)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

(6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.