10.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/23


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 483/2009

tad-9 ta’ Ġunju 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 820/2008 li jistipula miżuri għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002, il-Kummissjoni jeħtiġilha tadotta miżuri biex jiġu implimentati l-istandards bażiċi komuni tas-sigurtà fl-avjazzjoni fil-Komunità kollha. Miżuri dettljati bħal dawn huma stipulati bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 820/2008 (2).

(2)

Il-miżuri pprovduti bir-Regolament (KE) Nru 820/2008 dwar ir-restrizzjoni ta’ likwidi ttrasportati minn passiġġieri li jaslu fuq titjiriet minn pajjiżi terzi u li jittrasferixxu f’ajruporti Komunitarji huma soġġetti għal rieżami fid-dawl ta’ żviluppi tekniċi, implikazzjonijiet operattivi fl-ajruporti u l-impatt fuq il-passiġġieri.

(3)

Rieżami bħal dan wera li restrizzjonijiet fuq likwidi ttrasportati minn passiġġieri li jaslu fuq titjiriet minn pajjiżi terzi u li jittrasferixxu f’ajruporti Komunitarji joħolqu diffikultajiet operattivi f’dawn l-ajruporti u jikkaġunaw inkonvenjent għall-passiġġieri kkonċernati.

(4)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni vverifikat ċerti standards tas-sigurtà f’ajruport f’pajjiżi terzi speċifiċi u sabithom sodisfaċenti, kif ukoll li dawk il-pajjiżi għandhom rekord tajjeb ta’ kooperazzjoni mal-Komunità u l-Istati Membri tagħha. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu passi biex ittaffi l-problemi msemmija hawn fuq, fil-każ ta’ passiġġieri li jġorru likwidi miksuba minn ajruporti speċifikament identifikati f’dawk il-pajjiżi.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 820/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness 1 għar-Regolament (KE) Nru 820/2008 huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il- Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 9 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 221, 19.8.2008, p. 8.


ANNESS

It-test li ġej għandu jiżdied mal-Anness 1:

“—

Repubblika tal-Korea:

Ajruport ta’ Seoul Incheon (ICN)

Ajruport ta’ Pusan Gimhae (PUS)”