10.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/10


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE, EURATOM) Nru 480/2009

tal-25 ta’ Mejju 2009

li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni

(Verżjoni kodifikata)

IL- KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li ikkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Kounità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li ikkunsidra t-Trattat li jistabilixxi il-Komunità tal-Enerġija Atomika u partikolarment l-Artikolu 203 ta’ dan,

Wara li ikkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li ikkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2728/94 tal-31 ta’ Ottubru 1994 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (2) ġie emendat kemm-il darba (3) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea huwa espost għal żieda fir-riskju finanzjarju bħala riżultat tal-garanżiji li jkopru s-self lill-pajjiżi terzi.

(3)

Il-Kunsill Ewropew fil-11 u t-12 ta’ Diċembru ikkonkluda li l-konsiderazzjonijiet ta’ amministrazzjoni baġitarja prudenti u d-dixxiplina finanzjarja jitolbu l-istabbiliment tal-mekkaniżmu finanzjarju ġdid, u li għalhekk għandu jitwaqqaf Fond tal-Garanzija biex ikopri r-riskji relatati ma’ self u mal-garanziji li jkopru self mogħti lill-pajjiżi terżi jew għall-proġetti eżegwiti fil-pajjiżi terzi. Din il-ħtieġa tista’ tintlaqa’ bit-twaqqif ta’ Fond ta’ Garanzija li jista’ jkun użat biex iħallas direttament il-kredituri tal-Komunitajiet.

(4)

Skond il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba adottat fis-17 ta’ Mejju 2006 (4), hemm previst li l-finanzjament tal-Fond ta’ Garanzija ikun spiża obbligatorja mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-perijodu 2007 sal-2013.

(5)

Jeżistu mekkaniżmi għall-garanziji aċċettati meta huma jkunu attivati, partikolarment bl-użu provviżorju dwar ir-riżorsi ta’ flus kontanti, kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) 1150/2000 tat-22 ta’ Mejju li jimplimenta d-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (5).

(6)

Il-Fond ta’ Garanzija għandu jkun kostitwit bil-ħlas gradwali tar-riżorsi. Il-Fond għandu sussegwentement jirċievi wkoll interess fuq ir-riżorsi investiti u ammonti irkuprati minn debituri falluti fejn il-fond ikun diġà onora l-garanzija.

(7)

L-esperjenza tal-funzjonament tal-Fond ta’ Garanzija tindika li proporzjon ta’ 9 % bejn ir-riżorsi tal-Fond u l-obbligi prinċipali garantiti, miżjuda b’interess dovut mhux imħallas, ikun adekwat.

(8)

Il-ħlasijiet lill-Fond ta’ Garanzija ugwali għal 9 % tal-ammonti ta’ kull operazzjoni jidhru suffiċjenti biex jinkiseb l-ammont immirat. L-arranġamenti biex jitwettqu l-ħlasijiet bħal dawn għandhom ikunu definiti.

(9)

Jekk il-Fond ta’ Garanzija jeċċedi l-ammont immirat, dak li jibqa’ għandu jiġi mħallas lura lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

L-amministrazzjoni finanzjarja tal-Fond ta’ Garanzija għandha tkun fdata lill-Bank Ewropew tal-Investiment (minn hawn ’il quddiem msejjaħ “BEI”). L-amministrazzjoni finanzjarja tal-Fond għandha tkun suġġetta għall-verifika mill-Qorti tal-Awdituri konformement mal-proċeduri miftiehma mill-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni u l-BEI.

(11)

Il-Komunitajiet taw self u garanziji ta’ self lill-pajjiżi li ser jaderixxu jew għal proġetti esegwiti f’dawk il-pajjiżi. Dak is-self u dawk il-garanziji huma koperti mill-Fond ta’ Garanzija u jibqgħu jeżistu jew fis-seħħ wara d-data ta’ adeżjoni. Minn dik id-data jieqfu milli jkunu azzjonijiet esterni tal-Komunitajiet u għalhekk għandhom jiġu koperti direttament mill-budget ġenerali tal-Unjoni Ewropea u mhux aktar mill-Fond ta’ Garanzija.

(12)

Il-Fond ta’ Garanzija jkopri inadempjenzi taħt self maħruġ mill-BEI li għalih il-Komunitajiet jipprovdu garanzija taħt il-mandat estern tal-BEI. Barra minn hekk, konformement mal-mandat estern tal-BEI li beda jkollu effett mill-1 ta’ Frar 2007, il-Fond għandu jkopri wkoll inadempjenzi taħt garanziji ta’ self maħruġa mill-BEI li għalihom il-Komunitajiet jipprovdu garanzija.

(13)

It-Trattat ma jipprovdi ebda setgħa barra minn dawk taħt l-Artikolu 308 tat-Trattat KE u l-Artikolu 203 tat-Trattat Euratom għall-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Huwa b’dan stabbilit Fond ta’ Garanzija, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Fond”, li r-riżorsi tiegħu għandhom jintużaw biex jitħallsu lura l-kredituri tal-Komunitajiet fil-każ ta’ inadempjenza mill-benefiċjarju ta’ self mogħti jew garantit mill- Komunitajiet jew ta’ garanzija ta’ self maħruġa mill-Bank Ewropew tal-Investiment (minn hawn ’il quddiem msejjaħ “BEI”) li għalih il-Komunitajiet jipprovdu garanzija.

L-operazzjonijiet ta’ self u garanzija msemmija fl-ewwel paragrafu (minn hawn ’il quddiem imsejħa “operazzjonijiet”) għandhom ikunu dawk magħmula għall-benefiċċju ta’ pajjiż terz jew għall-finanzjament ta’ proġetti f’pajjizi terzi.

L-operazzjonijiet kollha mwettqa għall-benefiċċju ta’ pajjiż terz jew għall-finanzjament ta’ proġetti f’pajjiż terz għandhom jaqgħu barra l-ambitu ta’ dan ir-Regolament, b’effett mid-data ta’ meta dak il-pajjiż jaderixxi mal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Il-Fond għandu jkollu:

ħlas annwali wieħed mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Arikoli 5 u 6,

imgħax fuq ir-riżorsi tal-Fond investiti,

l-ammonti rkuprati minn debituri inadempjenti fejn il-Fond ikun diġà onora l-garanzija.

Artikolu 3

Il-Fond għandu jitla’ għal-livell xieraq (minn hawn ’il-quddiem msejjaħ bħala l-“ammont immirat”).

L-ammont immirat għandu jkun 9 % tat-total tal-impenji ta’ kapital pendenti tal-Kommunitajiet li joriġinaw minn kull operazzjoni, miżjuda bl-imgħaxijiet dovuti mhux imħallsa.

Abbażi tad-differenza “n–1” fl-aħħar tas-sena bejn l-ammont immirat u l-valur tal-assi net tal-Fond, ikkalkolati fil-bidu tas-sena “n”, kwalunkwe ammont żejjed għandu jitħallas fi transazzjoni waħda f’intestatura speċjali fid-dikjarazzjoni tad-dħul fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-sena “n + 1”.

Artikolu 4

Wara l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni Ewropea, l-ammont immirat għandu jitnaqqas b’ammont ikkalkulat abbażi tal-operazzjonijiet imsemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 1.

Sabiex jiġi kkalkulat l-ammont tat-tnaqqis, ir-rata tal-persentaġġ imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 applikabbli fid-data ta’ adeżjoni għandha tiġi applikata lill-ammont ta’ dawk l-operazzjonijiet pendenti f’dik id-data.

Li jibqa’ għandu jitħallas lura taħt intestatura speċjali fid-dikjarazzjoni ta’ dħul fil-budget ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Abbażi tad-differenza “n–1” fl-aħħar tas-sena bejn l-ammont immirat u l-valur tal-assi net tal-Fond, ikkalkolati fil-bidu tas-sena “n”, l-ammont ta’ forniment meħtieġ għandu jitħallas fil-Fond fi transazzjoni waħda fis-sena “n + 1” mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

1.   Jekk, bħala riżultat ta’ xi inadempjenza jew aktar, l-attivazzjoni ta’ garanziji tul is-sena “n–1” taqbeż EUR 100 miljun, l-ammont li jaqbeż EUR 100 miljun għandu jitħallas lura fil-Fond f’lottijiet annwali li jibdew fis-sena “n + 1” u li jkomplu matul is-snin ta’ wara sakemm isir il-ħlas kollu (“mekkaniżmu ta’ twittija”). Id-daqs tal-lott annwali għandu jkun l-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

EUR 100 miljun jew

l-ammont li jibqa’ dovut skont il-mekkaniżmu ta’ twittija.

Kwalunkwe ammont li jirriżulta mill-attivazzjoni ta’ garanziji fis-snin li jippreċedu s-sena “n-1”, li ma jkunx tħallas kollu lura, dovut għall-mekkaniżmu ta’ twittija, għandu jitħallas lura qabel il-mekkaniżmu ta’ twittija għal mankanzi li jsiru fis-sena “n–1” jew fi snin sussegwenti jista’ jibda jkollu effett. Tali ammonti li jkun għad fadal għandhom ikomplu jiġu mnaqqsa mill-ammont annwali massimu li għandu jiġi rkuprat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea taħt il-mekkaniżmu ta’ twittija sakemm l-ammont sħiħ ikun tħallas lura fil-Fond.

2.   Il-kalkoli bbażati fuq il-mekkaniżmu ta’ twittija għandhom isiru b’mod separat mill-kalkoli msemmijin fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 u fl-Artikolu 5. Madankollu, huma għandhom flimkien jirriżultaw bħala trasferiment annwali wieħed. L-ammonti li għandhom jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea taħt il-mekkaniżmu ta’ twittija għandhom jiġu ttrattati bħala assi net tal-Fond għall-kalkolu skont l-Artikoli 3 u 5.

3.   Jekk, bħala riżultat tal-attivazzjoni ta’ garanziji wara xi inadempjenza maġġura jew iżjed, ir-riżorsi tal-Fond jaqgħu taħt 80 % tal-ammont immirat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità baġitarja b’dan.

4.   Jekk, bħala riżultat tal-attivazzjoni ta’ garanziji wara xi inadempjenza maġġura jew iżjed, ir-riżorsi fil-Fond jaqgħu taħt 70 % tal-ammont immirat, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar miżuri eċċezzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa biex jerġa’ jimtela’ l-Fond.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha tinkariga lill-BEI bl-amministrazzjoni finanzjarja tal-Fond taħt mandat f’isem il-Komunitajiet.

Artikolu 8

Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Mejju tas-sena finanzjarja sussegwenti, tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-Fond u dwar l-amministrazzjoni tiegħu fis-sena ta’ qabel.

Artikolu 9

Il-kont tad-dħul u tal-infiq u l-karta ta’ bilanċ relatati mal-fond għandhom jiġu mehmuża mal-kont tad-dħul u tal-infiq u mal-karta ta’ bilanċ tal-Komunitajiet.

Artikolu 10

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2728/94 hu b’dan imħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness II.

Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' ll-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ŠEBESTA


(1)  Opinjoni tat-18 Novembru 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 293, 12.11.1994, p. 1.

(3)  Ara l-Anness I.

(4)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(5)  ĠU L 130, 31.5.2000, p. 1.


ANNESS I

Regolament imħassar flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tiegħu

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2728/94

(ĠU L 293, 12.11.1994, p. 1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1149/1999

(ĠU L 139, 2.6.1999, p. 1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2273/2004

(ĠU L 396, 31.12.2004, p. 28)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 89/2007

(ĠU L 22, 31.1.2007, p. 1)


ANNESS II

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Regolament (KE, Euratom) Nru 2728/94

Dan ir-Regolament

Artikoli 1, 2 u 3

Artikoli 1, 2 u 3

Artikolu 3a

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10, l-ewwel paragrafu

Artikolu 11

Artikolu 10, it-tieni paragrafu

Anness I

Anness II