13.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 383/2009

tal-5 ta’ Mejju 2009

li jimponi dazju definittiv ta’ antidumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegli tal-azzar mingħajr liga tal-prestressing u l-poststressing (wajers u swiegli PSC) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri provviżorji

(1)

Il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 1129/2008 (2) tal-14 ta’ Novembru 2008 (ir-“Regolament provviżorju”) imponiet dazju provviżorju tal-antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegli tal-azzar mingħajr liga tal-prestressing u l-poststressing (“wajers u swiegli PSC”) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”).

(2)

Ta’ min jinnota li l-proċedura nbdiet wara li tressaq ilment mill-Servizz ta’ Informazzjoni tal-Eurostress (ESIS) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir tal-produzzjoni totali tal-Komunità ta’ wajers u swiegli PSC, f’dan il-każ aktar minn 57 %.

(3)

Kif stabbilit fil-premessa (13) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2007 (il-“perjodu ta” investigazzjoni’ jew il-“PI”). L-eżami tax-xejriet għall-valutazzjoni tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2004 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (il-“perjodu kkunsidrat”).

1.2.   Proċedura sussegwenti

(4)

Wara li ġew żvelati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li fuq il-bażi tagħhom kien deċiż li jkunu imposti miżuri provviżorji anti-dumping (“żvelar provviżorju”), għadd ta’ partijiet interessati ressqu preżentazzjonijiet bil-miktub biex juru l-fehmiet tagħhom dwar ir-riżultati provviżorji. Il-partijiet li għamlu dan ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika t-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għar-riżultati definittivi tagħha.

(5)

Il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-aspetti tal-interess tal-Komunità u wettqet analiżi tad-dejta tat-tweġibiet tal-kwestjonarju provduti minn xi utenti fil-Komunità wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji kontra d-dumping.

(6)

Saru erba’ żjarat addizzjonali ta’ verifika fuq il-post tal-kumpaniji utenti li ġejjin:

Hormipresa SL, Santa Coloma de Queralt, Spanja,

Grupo Pacadar SA, Madrid, Spanja,

Strongforce Engineering PLC, Dartford, ir-Renju Unit,

Hanson Building Products Limited, Somercotes, ir-Renju Unit.

(7)

Il-partijiet kollha ġew infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien hemm ħsieb li tiġi rakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ wajers u swiegli PSC li joriġinaw fir-RPĊ u l-ġbir definittiv ta’ ammonti miġbura bħala dazju provviżorju. Ingħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu appelli sussegwentement għal dan l-iżvelar.

(8)

Il-kummenti orali u bil-miktub ppreżentati mill-partijiet interessati tqiesu u, fejn xieraq, ir-riżultati ġew modifikati skont dawn.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott ikkonċernat

(9)

Waħda mill-partijiet interessati qalet li tip speċifiku ta’ siegla b’19-il wajer għandu jitħalla barra mill-ambitu tal-proċedura minħabba li dan it-tip ta’ prodott jintuża għal applikazzjonijiet speċifiċi ħafna, ma jistax jintuża fil-konkrit imsaħħaħ jew elementi ta’ sospensjoni jew għal pontijiet tal-istejkejbil, li huma l-applikazzjonijiet ewlenin tal-prodott ikkonċernat, u ma kienx manifatturat fil-Komunità. L-industrija tal-Komunità ġiet ikkonsultata u kkonfermat li l-prodott deskritt, jiġifieri siegla ta’ 19-il wajer iżda wkoll swiegli ta’ aktar minn 19-il wajer, ma kienx il-prodott ikkonċernat. L-ilment għalhekk intlaqa’ u swiegli b’19-il wajer jew aktar se jitħallew barra mill-ambitu tal-prodott.

(10)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi (14) sa (20) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.   DUMPING

3.1.   Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (TES)

(11)

Esportatur produttur Ċiniż ikkontesta r-riżultati provviżorji fir-rigward tad-determinazzjoni tat-TES u stqarr li l-kriterji 1 sa 3 stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku kienu ssodisfati.

(12)

Fir-rigward tal-kriterju 1 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni dwar it-TES iddeterminat li l-ispejjeż tal-elettriku mġarrba mill-produttur esportatur ikkonċernat u li jikkostitwixxu parti importanti fl-ispiża totali tal-manifattura ma kinux ta’ min jorbot fuqhom. Instab li l-ispejjeż tal-elettriku ġew fatturati permezz ta’ kumpanija terza fi stat ta’ stralċ (minflok direttament mill-fornitur tal-elettriku). Intagħat l-ispjegazzjoni li l-kumpanija fi stralċ li oriġinarjament kienet sid il-faċilitajiet ta’ produzzjoni fejn il-prodott ikkonċernat kien manifatturat iżda li sadattant kienet fi stralċ kienet għadha titqies bħala s-sid ta’ parti mill-faċilitajiet. Il-kumpanija tal-elettriku għalhekk baqgħet tibgħat il-fattura tal-konsum kollu tal-elettriku lill-kumpanija fi stralċ li min-naħa tagħha tibgħat il-fatturi ta’ dawn l-ispejjeż lill-produttur esportatur ikkonċernat.

(13)

Iżda, ġie vverifikat li l-produttur esportatur xtara l-faċilitajiet ta’ produzzjoni matul il-PI fl-2007 u kien tal-inqas matul parti mill-PI s-sid legali tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni. Barra minn hekk, l-ammonti li ġew irrappurtati ma setgħux jaqblu mal-kontijiet tal-produttur esportatur. Fl-aħħar nett, wara l-iżvelar provviżorju, il-kumpanija ma bagħtet ebda informazzjoni jew evidenza li setgħet ippruvat l-affidabilità tal-ispejjeż tal-elettriku u li għalhekk setgħet biddlet ir-riżultati provviżorji f’dan ir-rigward.

(14)

L-istess produttur esportatur tenna li t-tul ta’ żmien limitat tal-liċenzja tiegħu tan-negozju ma jindikax biżżejjed indħil mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal- kriterju 1 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku kif iddeterminat bl-investigazzjoni dwar it-TES. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li t-tul ta’ żmien limitat tal-liċenzja tan-negozju nstab bħala xkiel għad-deċizjonijiet u l-ippjanar fuq medda twila ta’ żmien. B’mod partikolari, instab li kumpaniji f’sitwazzjonijiet simili normalment jibbenefikaw minn tul ħafna itwal ta’ liċenzji tan-negozju. Iżda, wara l-iżvelar provviżorju, seta’ jiġi ċċarat li t-tiġdid f’waqtu tal-liċenzja ta’ negozju tal-produttur esportatur kienet sempliċi formalità li ma setgħetx titqies aktar bħala xkiel għal deċiżjonijiet u ppjanar ta’ negozju fuq medda twila ta’ żmien.

(15)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li f’dan il-każ partikolari, it-tul tal-liċenzja ta’ negozju ma setgħax tabilħaqq jitqies bħala ndħil sinifikanti mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-kriterju 1 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u l-argumenti tal-produttur esportatur intlaqgħu. Il-konklużjonijiet provviżorji ġew riveduti skont dan.

(16)

Il-produttur esportatur ikkonċernat ikkontesta wkoll il-fatt li nstab li ma kienx konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-kriterju 2 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, jiġifieri li kellu sett wieħed ċar ta’ rendikonti bażiċi vverifikati b’konformità mal-istandards internazzjonali ta’ kontabilità. Ta’ min jinnota li l-investigazzjoni dwar it-TES uriet li ammonti sinifikanti ta’ self rikorrenti tniżżlu fir-reġistru fil-post ħażin. Minkejja li l-esportatur produttur stqarr li din l-allegazzjoni ma tikkorrispondix mal-fatti reali huwa ma bagħat ebda spjegazzjoni konvinċenti jew xi xhieda valida b’appoġġ għall-istqarrija tiegħu. Għalhekk din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(17)

Fl-aħħar nett, l-istess esportatur produttur stqarr li ma kienx hemm xi tgħawwiġ sinifikanti, wirt tas-sistema ta’ ekonomija mhux tas-suq, kif stabbilit fil-kriterju 3 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, il-produttur esportatur ikkontesta l-fatt li nstab li seta’ jissellef il-flus b’rata ta’ mgħax li kienet taħt ir-rata tas-suq b’mod sinifikanti. Iżda, il-produttur esportatur ma pprovda ebda informazzjoni ġdida jew xhieda li setgħet treġġa’ lura l-iżvelar provviżorju f’dan ir-rigward u għalhekk din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(18)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, u minkejja l-fatti li nstabu kif deskritti fil-premessa (14), il-fatti li nstabu dwar it-TES fir-rigward tal-produttur esportatur kif stabbilit fir-Regolament provviżorju fil-premessa (35) huma b’dan ikkonfermati.

(19)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tad-determinazzjoni tat-TES, ir-riżultati provviżorji, kif stabbiliti fil-premessi (25) sa (36) tar-Regolament provviżorju, huma b’dan ikkonfermati.

3.2.   Trattament individwali (TI)

(20)

Il-produttur esportatur li ma ngħatax TI stqarr li t-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu kien indipendenti b’mod suffiċjenti mill-indħil tal-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(5)(c) tar-Regolament bażiku.

(21)

B’appoġġ għal din it-talba, il-produttur esportatur kien f’qagħda li jiċċara kif huwa magħmul il-bord tad-diretturi tal-kumpanija u d-drittijiet ta’ votazzjoni ta’ min għandu l-ishma. Għalhekk, il-produttur esportatur seta’ juri li kien biżżejjed indipendenti minn indħil potenzjali mill-Istat fl-iffissar tal-prezzijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 9(5)(c) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-produttur esportatur, kif imsemmi fil-premessa (14), seta’ wkoll jipprova li t-tul tal-liċenzja ta’ negozju ma jistax jitqies bħala ndħil sinifikanti mill-Istat. Għaldaqstant, billi dan il-produttur esportatur issodisfa r-rekwiżiti għal TI kif stabbilit fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku għandu jiġi kkalkulat dazju definittiv individwali li jkun applikabbli għall-prodotti manifatturati u esportati minnu.

(22)

Fir-rigward ta’ żewġ produtturi esportaturi li ngħataw it-TI, informazzjoni ġdida li saret disponibbli wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji uriet li persunal ewlieni ta’ dawn il-kumpaniji kienu membru ta’ entitajiet tal-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 9(5)(c) tar-Regolament bażiku. Iż-żewġ kumpaniji ħallew barra din l-informazzjoni fit-talba tagħhom għal TES/TI.

(23)

It-tħollija barra ta’ din l-informazzjoni tqieset bħala waħda li tqarraq fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku u l-informazzjoni pprovduta fit-talbiet rispettivi tagħhom għal TES/TI għandha ma titqiesx. Il-kumpaniji kkonċernati ngħataw l-opportunità li jipprovdu aktar spjegazzjonijiet b’mod konformi mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku. Iżda, ebda waħda mill-kumpaniji kkonċernati ma pprovdiet spjegazzjoni sodisfaċenti. Abbażi ta’ dan it-TI ġie miċħud lill-kumpaniji ta’ hawn fuq.

(24)

Fir-rigward tat-tielet kumpanija li ngħatat it-TI, l-industrija tal-Komunità kkontestat kemm fil-fatt kienet kumpanija kompletament ta’ sidien barranin u kemm fil-fatt tissodisfa l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 9(5)(c) tar-Regolament bażiku. Iżda, ġew ivverifikati u mqabbla l-pagamenti kollha rilevanti u t-trasferimenti bankarji meta nxtrat il-kumpanija matul l-investigazzjoni u dan wera li l-kumpanija kienet kompletament proprjetà ta’ sidien barranin. Għalhekk din it-talba kellha tiġi miċħuda.

4.   VALUR NORMALI

4.1.   Pajjiż analogu

(25)

Ċerti partijiet interessati stqarrew li l-għażla tal-pajjiż analogu ma kinitx xierqa. B’mod partikolari intqal, li minħabba li kien hemm produttur wieħed biss ta’ wajers u swiegli tal-PSC fis-suq Tork, il-livell ta’ kompetizzjoni fit-Turkija mhux biżżejjed biex tibbaża l-valur normali fuq dejta li tikkonċerna lil dan il-produttur.

(26)

Dawn il-partijiet, iżda, ma bagħtux xhieda ġdida f’dan ir-rigward iżda tennew l-istqarrijiet magħmula qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji. Kif propost fil-qosor fil-premessa (44) tar-Regolament provviżorju, anki jekk hemm produttur wieħed biss fit-Turkija, l-importazzjonijiet fit-Turkija kienu sostanzjali, jiġifieri kienu jirrappreżentaw aktar minn 50 % tas-suq totali. Abbażi ta’ dan u meta jitqies li ħadd mill-produtturi ta’ pajjiżi oħra analogi potenzjali ma kkoopera fl-investigazzjoni preżenti, qed jiġi kkonfermat li t-Turkija tikkostitwixxi pajjiż analogu xieraq fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

(27)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-pajjiż analogu, il-konklużjonijiet provviżorji kif inhuma proposti fil-premessi (40) sa (45) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

4.2.   Metodu ta’ kalkolu tal-valur normali

(28)

Wieħed mill-produtturi esportaturi stqarr li l-valur normali wżat ma kienx xieraq billi għal bosta tipi ta’ prodott, kif jidher fil-premessi (48) u (49) tar-Regolament provviżorju, il-valur normali nbena fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ manifattura tal-produttur Tork. Dan il-produttur esportatur ressaq l-argument li l-valur normali, għal dawk it-tipi ta’ prodott esportati mill-esportaturi Ċiniżi, kellu jiġi bbażat fuq l-ispiża ta’ produzzjoni tal-esportauri Ċiniżi nfushom.

(29)

Ta’ min jinnota li r-Regolament bażiku fl-Artikolu 2(7)(a) espressament jipprevedi li l-valur normali għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur mibni ta’ pajjiż b’ekonomija tas-suq. Għalhekk, il-fatt li l-valur normali ġie ddeterminat fuq il-bażi ta’ valuri mibnija ma jwassalx għall-konklużjoni li l-valuri wżati ma kinux xierqa. Ta’ min jinnota li billi ma ngħatax TES lill-esportatur kkonċernat l-ispejjeż tiegħu mqabbla mal-mudelli esportati tqiesu mhux ta’ min jorbot fuqhom. L-għan tal-għażla ta’ pajjiż analogu huwa li jiġu stabbiliti spejjeż u prezzijiet affidabbli bbażati fuq l-informazzjoni miġbura f’pajjiż analogu xieraq. Billi ġie ddeterminat li t-Turkija kienet għażla xierqa ma kienx hemm raġuni biex l-ispejjeż marbuta mal-prodott ikkonċernat jitqiesu mhux ta’ min jorbot fuqhom jew mhux xierqa.

(30)

Il-produttur esportatur ikkonċernat ma ressaq ebda raġuni speċifika (għajr għal dawk imsemmija fil-premessa (25)) li l-għażla tal-pajjiż analogu kienet mhux xierqa, b’mod partikolari dwar liema bażi t-tipi ta’ prodotti mmanifatturati u mibjugħa minn dan il-produttur esportatur u dawk immanifatturati u mibjugħa mill-produttur fil-pajjiż analogu tqiesu bħala li ma jistgħux jitqabblu. Dawn it-talbiet għalhekk kellhom jiġu miċħuda.

(31)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-valur normali, il-konklużjonijiet provviżorji kif inhuma proposti fil-premessi (46) sa (50) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

4.3.   Prezz ta’ Esportazzjoni

(32)

Il-produttur esportatur imsemmi fil-premessa (52) tar-Regolament provviżorju li wettaq bejgħ f’esportazzjoni permezz tal-importatur tiegħu fil-Komunità stqarr li fl-iffissar tal-prezz ta’ esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, kellu jintuża l-profitt attwali magħmul mill-importatur tiegħu bil-bejgħ mill-ġdid tal-wajers u l-ispiegi tal-PSC fil-Komunità.

(33)

Ta’ min jinnota li l-prezzijiet ta’ bejgħ bejn partijiet relatati jitqiesu mhux affidabbli minħabba r-relazzjoni bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ. Bħala konsegwenza, il-marġini ta’ profitt li jirriżulta minn bejgħ mill-ġdid irid ukoll jitqies bħala mhux affidabbli. Il-produttur esportatur ma bagħatx xhieda li l-marġini ta’ profitt tal-importatur tiegħu huwa madankollu affidabbli. Għalhekk din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(34)

Ta’ min jinnota li l-produttur esportatur imsemmi fil-premessa (32) ġie miċħud TI għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (22) u (23) u billi l-marġini ta’ dumping kien għalhekk iddeterminat fuq il-bażi tal-metodoloġija deskritta fil-qosor fil-premessa (41), il-kwistjoni tal-metodoloġija applikata fid-determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni ta’ dan il-produttur esportatur saret irrilevanti.

(35)

Fir-rigward ta’ wieħed mill-produtturi esportaturi li ngħata t-TI, l-industrija tal-Komunità kkontestat l-affidabilità tal-prezz ta’ esportazzjoni li ġie rrappurtat. Intqal li fid-dawl tal-kwantità żgħira esportata matul il-PI, kif ukoll iċ-ċirkustanzi partikolari (b’mod partikolari l-prodott esportat ma kellux iċ-ċertifikat meħtieġ ta’ omologazzjoni) jindika relazzjoni bejn l-importatur u l-produttur esportatur u l-prezz ta’ esportazzjoni korrispondenti għandu għalhekk ma jitqiesx. Iżda l-industrija tal-Komunità ma kinitx f’qagħda li tibgħat xhieda b’appoġġ tal-istqarrija tagħha. Barra minn hekk, l-investigazzjoni ma żvelatx xi rapport bejn il-produttur esportatur u l-importatur mhux relatat. Għalhekk din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(36)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-prezz ta’ esportazzjoni, il-konklużjonijiet provviżorji kif inhuma proposti fil-premessa (51) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

4.4.   Paragun

(37)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-paragun tal-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, il-konklużjonijiet provviżorji kif inhuma proposti fil-premessa (53) u (54) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

5.   MARĠINI TA’ DUMPING

5.1.   Produtturi li kkooperaw mogħtija TI.

(38)

Għall-kumpaniji li ngħataw TI, il-medja differenzjata tal-valur normali tqabblet mal-medja differenzjata tal-prezz ta’ esportazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

(39)

Il-medja differenzjata tal-marġini definittiv ta’ dumping bћala perċentwali tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, hija ta’:

Kumpanija

Marġini ta’ dumping definittiv

Kiswire Qingdao, Ltd, Qingdao

26,8  %

Ossen MaanShan Steel Wire and Co. Ltd, Maanshan, u Ossen Jiujiang Steel Wire Cable Co. Ltd, Jiujiang

49,8  %

5.2.   Il-produtturi esportaturi l-oћra kollha

(40)

Kif propost fil-qosor fil-premessa (57) tar-Regolament provviżorju, il-livell ta’ kooperazzjoni kien baxx.

(41)

Kien għalhekk ikkunsidrat xieraq li jkun determinat il-marġini ta’ dumping mal-pajjiż kollu abbażi tad-dejta pprovduta mill-kumpaniji li ma ngħatawx la TES lanqas TI.

(42)

Abbażi ta’ dan il-livell ta’ dumping mal-pajjiż kollu għall-produtturi esportaturi kollha li ma ngħatawx trattament individwali, ġie stabbilit gћal 50,0 % tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Komunità, bid-dazju mhux imħallas.

6.   ĦSARA

6.1.   Produzzjoni tal-Komunità u definizzjoni tal-industrija tal-Komunità

(43)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-produzzjoni u d-definizzjoni tal-industrija tal-Komunità, il-premessi (60) sa (63) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

6.2.   Konsum komunitarju

(44)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-konsum tal-Komunità, il-premessi (64) sa (66) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

6.3.   Importazzjonijiet fil-Komunità mir-RPĊ

(45)

Wieħed mill-partijiet interessati stqarr li l-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien simili għall-prezz medju ta’ bejgħ tal-industrija tal-Komunità. F’dan ir-rigward, il-fatti li nstabu mill-Kummissjoni li kienu bbażati fuq data mill-Eurostat għall-prezzijiet ta’ importazzjoni mill-RPĊ u d-dejta vverifikata għall-industrija tal-Komunità wrew li din l-istqarrija ma kinitx korretta. Għalhekk din it-talba kellha tiġi rrifjutata.

(46)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra f’dan ir-rigward, il-premessi (67) sa (70) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

6.4.   Il-qagħda tal-industrija Komunitarja

(47)

Wieħed mill-utenti stqarr li l-prezzijiet medji tal-industrija tal-Komunità fl-2004 u l-2005 kienu ogħla minn dawk ippreżentati fir-Regolament provviżorju u għalhekk ma kinux korretti. Dwar din it-talba, huwa tajjeb li wieħed jenfasizza li l-fatti attwali li nstabu huma riżultat ta’ investigazzjoni fil-livell tal-UE u mhux reġjonali jew nazzjonali. Billi ma ntbagħtet ebda xhieda fir-rigward ta’ din it-talba mill-parti interessata, din kellha tiġi miċħuda.

(48)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward il-qagħda tal-industrija Komunitarja, il-konklużjoni fil-premessi (71) sa (91) tar-Regolament provviżorju, li l-industrija tal-Komunità ġarbet ħsara materjali, huma b’dan ikkonfermata.

7.   KAWŻALITÀ

7.1.   Effetti tal-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping

(49)

Ċerti partijiet interessati stqarru li s-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi ma kienx biżżejjed biex jikkawża l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità. Kif jidher b’mod ċar fil-premessa (93) tar-Regolament provviżorju, iż-żieda qawwija ta’ 2 106 % fil-volum tal-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping bejn l-2004 u l-PI u t-tkabbir rispettiv fis-sehem tas-suq minn 0,4 % fl-2004 għal 8,2 % fil-PI fuq is-suq tal-Komunità, kif ukoll it-tnaqqis fil-prezz ta’ 18 % kif instab matul il-PI, ġraw fl-istess ħin tad-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Komunità.

(50)

Barra minn hekk, iż-żieda fl-ispejjeż tal-materja prima ewlenija, jiġifieri, il-bsaten tal-wajer, li tirrappreżenta 75 % tal-ispejjeż ta’ manifattura, suppost li affettwat l-operaturi kollha fis-suq. Madanakollu, il-prezzijiet medji Ċiniżi tal-bstaen tal-wajer naqsu b’45 % bejn l-2004 u l-PI. Għalhekk il-konklużjoni hi li l-pressjoni magħmula mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, li żiedu b’mod sinifikanti fil-volum u fis-sehem tagħhom fis-suq mill-2006 ’il quddiem kellha rwol determinanti fil-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità. Għaldaqstant din it-talba mhijiex milqugħa.

(51)

Fuq dik il-bażi, dak li nstab u l-konklużjonijiet milħuqa fl-premessi (92) sa (94) tar-Regolament provviżorju huma b’dan kkonfermati.

7.2.   Effetti ta’ fatturi oħra

(52)

Ċerti partijiet interessati stqarru li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità kienet ġejja minn importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn. Kif jidher mill-premessi (95) u (96) tar-Regolament provviżorju, il-volum ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn żdied b’112 % mill-2004 sa tmiem il-PI. Iżda, il-prezzijiet medji ta’ dawn l-importazzjonijiet kienu ħafna iktar għoljin minn dawk tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u anki dawk tal-industrija tal-Komunità. Bħala konsegwenza ta’ dan, dawn ma jistgħux ikunu kkunsidrati li kkontribwixxew għall-ħsara li ġarrbet l-industrija Komunitarja.

(53)

Tnejn miż-żewġ pajjiżi terzi l-oħra li għandhom sehem magħqud fis-suq ta’ 2,5 % nstabu li kellhom prezzijiet taħt il-prezzijiet ta’ importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mill-RPĊ. Madankollu, minħabba l-livell relattivament baxx ta’ importazzjonijiet involuti, dan ma jistax jitqies suffiċjenti biex tinkiser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping mill-RPĊ u l-ħsara li ġarrbet l-industrija tal-Komunità.

(54)

Fuq dik il-bażi, dak li nstab u l-konklużjonijiet milħuqa fl-premessi 95 u 96 tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

7.3.   Rendiment ta’ esportazzjoni tal-industrija Komunitarja fil-kampjun

(55)

Ċerti partijiet interessati stqarru li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità kienet ġejja minn esportazzjonijiet imwettqa bi prezzijiet taħt il-kost ta’ produzzjoni. L-esportazzjonijiet lejn pajjiżi mhux tal-Komunità kienu biss madwar 14 % tal-bejgħ totali tal-industrija tal-Komunità tal-prodott simili fil-PI. Dawn l-esportazzjonijiet żdiedu b’madwar 16 % bejn l-2004 u l-PI. Iżda, il-prezz tal-bejgħ ta’ unità ta’ esportazzjoni tal-produtturi tal-Komunità naqas bi 8 % minn EUR 715 kull tunnellata fl-2004 għal EUR 660 kull tunnellata fil-PI. Kif spjegat fil-premessa (98) tar-Regolament provviżorju, wieħed ma jistax jassumi li dan il-bejgħ sar bi prezzijiet taħt il-kost ta’ produzzjoni. Dan minħabba varjazzjonijiet sinifikanti fl-ispejjeż u l-prezzijiet bejn il-kumpaniji u fuq medda ta’ żmien. It-tnaqqis fil-prezz ta’ esportazzjoni kien ġej mill-pressjoni mill-esportazzjonijiet Ċiniżi fis-swieq ta’ esportazzjoni ewlenin tal-industrija tal-Komunità wkoll permezz ta’ trażżin qawwi tal-prezz.

(56)

Fuq dik il-bażi, dak li nstab u l-konklużjonijiet milħuqa fl-premessi (97) sa (99) tar-Regolament provviżorju huma b’dan kkonfermati.

(57)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar iż-żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni, u l-kompetizzjoni minn manifatturi oħra fil-Komunità, il-konklużjonijiet li ntlaħqu fil-premessi (100) sa (102) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

7.4.   Konklużjoni dwar kawżalita

(58)

Meqjusal-analiżi ta’ hawn fuq, li għamlet distinzjoni xierqa u sseparat l-effetti tal-fatturi l-oħra kollha magħrufa fuq il-qagħda tal-industrija Komunitarja mill-effetti ta’ ħsara tal-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping, qed jiġi kkonfermat b’dan li dawn il-fatturi l-oħra ma jaffettwawx is-sejba li l-ħsara materjali vvalutata trid tkun attribwita lill-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping.

(59)

Meqjus dan ta’ hawn fuq, qed jiġi kkonfermat li l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping ta’ wajers u swiegli tal-PSC li joriġinaw fl-RPĊ ikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità fit-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

(60)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet fil-premessi (103) sa (104) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

8.   INTERESS KOMUNITARJU

8.1.   Interess tal-industrija tal-Komunità u ta’ produtturi oħra tal-Komunità

(61)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward l-interess tal-industrija tal-Komunità u l-interess ta’ produtturi oħra, il-konklużjonijiet fil-premessi (105) sa (111) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

8.2.   Interess tal-importaturi

(62)

Waħda mill-partijiet interessati li timporta l-wajers u s-swiegli tal-PSC mill-RPC allegat li l-impożizzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ anti-dumping ikollha effetti serji fuq il-qagħda tal-importaturi billi ma jkunux jistgħu jgħaddu ż-żieda fil-prezz lill-klijenti tagħhom.

(63)

Mill-investigazzjoni ħareġ li l-marġini ta’ profitt tal-importaturi għall-prodott ikkonċernat kienu relattivament għolja. Barra minn hekk, il-proporzjon baxx tal-ispejjeż tal-prodott ikkonċernat fl-ispejjeż totali tal-klijenti tagħhom gћandu jagћmilha possibbli gћall-importaturi biex jgћaddu kwalunkwe żieda fil-prezz lilhom. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tal-kuntratti tagħhom mal-fornituri mhumiex tali li jżommu l-importaturi milli jaqilbu s-sors tal-provvista tal-prodott ikkonċernat, jew lejn kumpaniji b’dazji baxxi jew mingħajr dazju jew inkella lejn pajjiżi fornituri oħra bħat-Tajlandja u l-Afrika t’Isfel. Għalhekk, din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(64)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra f’dan il-qasam partikolari, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (112) sa (114) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

8.3.   Interess tal-utenti

(65)

Xi partijiet interessati stqarru li l-impożizzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ anti-dumping ikollha effetti serji fuq il-qagħda tal-utenti tal-wajers u s-swiegli tal-PSC billi ma jkunux jistgħu jgħaddu ż-żieda fil-prezz lill-klijenti tagħhom.

(66)

Kif propost fil-premessi (4) u (5), l-effett possibbli tal-miżuri fuq il-qagħda tal-industriji tal-utent ġie eżaminat aktar fit-tul wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji billi saru investigazzjonijiet addizzjonali fuq il-post fil-bini ta’ erba’ utenti. Dawn l-utenti kienu kollha utenti intermedji li jipproduċu u jipprovdu l-elementi tal-konkrit għat-tisħiħ tal-konkrit, elementi ta’ sospensjoni u pontijiet tal-istejkejbil.

(67)

Is-sejbiet tal-Kummissjoni wrew li għall-iktar utent rappreżentattiv li saritlu żjara, u għall-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet, il-prodott ikkonċernat irrappreżenta biss 5 % tat-total tal-kost ta’ produzzjoni tiegħu. Iżda bħala medja l-proporzjon għall-utenti jista’ jwassal sa 13 %. L-impatt tad-dazju tal-antidumping fuq l-ispejjeż tagħhom kien stmat bejn 0 u 6 %. Madankollu, fir-rigward tal-klijenti aħħarin tagħhom (il-biċċa l-kbira kumpaniji tal-bini), l-impatt tad-dazju se jkun minimu u fi kwalunkwe każ taħt 1 % tal-kost totali tagħhom ta’ produzzjoni. Bħala riżultat, ma għandux ikollhom diffikultà kbira biex jgħaddu d-dazju lill-klijenti tagħhom. Għalhekk, din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(68)

Waħda mill-partijiet interessati stqarret li l-impożizzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ anti-dumping twassal għal nuqqas ta’ wajers u swiegli tal-PSC fir-Renju Unit minħabba d-dipendenza tas-suq tar-Renju Unit fuq l-importazzjonijiet. F’dan ir-rigward, ta’ min iżomm quddiem għajnejh li s-sejbiet ġew stabbiliti fil-livell tal-UE u mhux fuq livell reġjonali jew ta’ pajjiż wieħed. Madankollu, jekk wieħed iħares biss lejn is-suq tar-Renju Unit, is-sejbiet urew li l-produtturi investigati tar-Renju Unit għandhom kapaċità kbira ta’ riżerva li jfornu s-suq. Barra minn hekk, fil-kumplessità tagħha, l-industrija tal-Komunità għandha biżżejjed kapaċità ta’ riżerva biex tforni l-konsum kollu tal-UE. Għalhekk, din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(69)

Saru allegazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ kartell fl-industrija tal-Komunità tal-wajers u s-swiegli tal-PSC minn ċerti partijiet interessati. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-Kummissjoni ħarġet Stqarrija dwar l-Objettivi f’Ottubru 2008 għal għadd ta’ kumpaniji li huma attivi fil-provvista tal-azzar tal-prestressing. Iżda, ebda deċiżjoni finali ma ttieħdet s’issa mill-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni. Tabilħaqq li tintbagħat Stqarrija ta’ Oġġezzjonijiet ma jippreġudikax ir-riżultat finali tal-proċedura. Jekk l-eżistenza ta’ kartell tirriżulta li kienet teżisti fis-suq tal-Komunità, il-miżuri jistgħu jiġu riveduti kif xieraq.

(70)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra f’dan il-qasam partikolari, is-sejbiet stabbiliti fil-premessi (115) sa (117) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

8.4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità

(71)

Fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni aktar fit-tul tal-aspetti tal-interess tal-Komunità, is-sejbiet li jinsabu fil-premessa (118) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

9.   MIŻURI DEFINITTIVI ANTI-DUMPING

9.1.   Livell ta’ tneħħija ta’ ħsara

(72)

Għadd ta’ partijiet interessati kkuntestaw is-sejba provviżorja li marġini ta’ profitt ta’ 8,5 % ikun marġini ta’ profitt li jista’ jinkiseb b’mod raġonevoli minn industrija ta’ dan it-tip fis-settur taħt kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.

(73)

Waħda mill-partijiet interessati stqarret li l-kapaċità ta’ profitt tal-2005 ma għandhiex titqies meta jiġi kkalkolat il-marġini ta’ qliegħ tal-industrija tal-Komunità, billi din kienet sena eċċezzjonalment prosperi għas-settur. Instab li dan kien il-każ u t-talba kienet għalhekk milqugħa. Minħabba f’hekk, intuża marġini ta’ profitt ta’ 6,2 % għall-kalkolu tal-livell ta’ tneħħija ta’ ħsara, kif inkiseb fl-2004 fi żmien meta l-kwantitajiet ta’ importazzjoni mill-RPC ma kinux sinifikanti u l-prezzijiet kienu ogħla minn dawk tal-IK.

(74)

Iż-żieda meħtieġa fil-prezz kienet imbagħad iddeterminata fuq il-bażi ta’ tqabbil bejn il-prezz medju differenzjat ta’ importazzjoni, kif stabbilit għall-kalkoli tat-traħħis sostanzjali fil-prezz, mal-prezz mhux ta’ ħsara tal-prodotti mibjugħa mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju. Kull differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet imbagħad espressa bħala perċentwali tal-valur CIF totali ta’ importazzjoni.

(75)

Waħda mill-partijiet interessati stqarret li l-medja differenzjata tal-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz għandha tiġi kkalkolata bl-użu tal-kwantità ta’ kull tip ta’ prodott mibjugħ mill-industrija tal-Komunità daqs li kieku kien il-piż. Hija prassi konsistenti li jintuża l-valur CIF tal-esportazzjonijiet ta’ kull tip ta’ prodott bħallikieku kien il-piż biex tiġi kkalkulata l-medja differenzjata tal-marġini ta’ bejgħ taħt il-prezz. Il-ħsieb wara dan il-kalkolu huwa li dazju kkalkulat b’dan il-mod jirriżulta, jekk jiġi applikat għall-bejgħ tal-kumpanija matul il-PI, f’bejgħ taħt il-prezz ta’ żero, jiġifieri prezz mhux ta’ ħsara. Dan ma jiġrix kieku l-kwantità ta’ kull tip ta’ prodott mibjugħ mill-industrija tal-Komunità tintuża bħallikieku kienet il-piż, kif allegat.

(76)

Il-livell ta’ tneħħija ta’ ħsara ta’ wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li ngħataw TI kif imsemmi fil-premessa (24), ġie kkalkulat aktar fit-tul u nstab żball fl-għadd fid-determinazzjoni provviżorja. Minħabba f’hekk, il-livell ta’ tneħħija ta’ ħsara ammonta għal anqas minn 2 % li tqies bħala żgħir wisq biex iħalli effett. Għaldaqstant, ebda dazju ma għandu jiġi impost fir-rigward ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernatt manifatturat minn din il-kumpanija.

(77)

Fin-nuqqas ta’ xi kummenti oħra dwar il-livell ta’ tneħħija ta’ ħsara, il-premessi (119) sa (122) tar-Regolament provviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(78)

Il-livell ta’ tneħħija ta’ ħsara mal-pajjiż kollu ġie kkalkulat mill-ġdid abbażi tad-dejta pprovvduta mill-kumpaniji li ma ngħatawx la TES lanqas TI.

9.2.   Forma u livell ta’ dazji

(79)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal u skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, id-dazju anti-dumping definittiv għandu jiġi impost fuq livell suffiċjenti biex titneħħa l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mingħajr ma jinqabeż il-marġini ta’ dumping misjub.

(80)

Ir-rati ta’ dazji definittivi huma definittivament stabbiliti kif ġej:

Kumpanija

Il-marġini ta’ dumping

Il-marġini ta’ tneħħija ta’ ħsara

Rata ta’ dazji definittivi ta’ anti-dumping

Kiswire Qingdao, Ltd, Qingdao

26,8  %

0  %

0  %

Ossen MaanShan Steel Wire and Co. Ltd, Maanshan, and Ossen Jiujiang Steel Wire Cable Co. Ltd, Jiujiang

49,8  %

31,1  %

31,1  %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

50,0  %

46,2  %

46,2  %

(81)

Ir-rati ta’ dazju anti-dumping ta’ kumpanija individwali li ġiet speċifikata f’dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet tal-investigazzjoni preżenti. Gћalhekk, jirriflettu l-qagħda li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju (għall-kuntrarju ta’ dazju applikabbli fil-pajjiż kollu għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) għaldaqstant huma esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u manifatturati mill-kumpaniji msemmija. Il-prodotti importati manifatturati minn xi kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(82)

Kwalunkwe talba gћall-applikazzjoni ta’ din ir-rata ta’ dazju ta’ anti-dumping gћal kumpaniji individwali (pereżempju wara bdil fl-isem tal-entità jew wara li jiġu stabbiliti entitajiet ġodda ta’ produzzjoni jew ta’ bejgћ) gћandha tiġi indirizzata minnufih lill-Kummissjoni (3) bit-tagħrif kollu rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta ma’ produzzjoni, bejgћ domestiku u ta’ esportazzjoni u li jkunu assoċjati, pereżempju, ma’ din il-bidla fl-isem jew ma’ din il-bidla fl-entitajiet ta’ produzzjoni u ta’ bejgћ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament jiġi mbagħad emendat skont dan billi tiġi aġġornata l-lista ta’ kumpaniji li jgawdu minn rati ta’ dazju individwali.

9.3.   Ġbir definittiv ta’ dazji provviżorji

(83)

Minħabba l-kobor tal-marġini ta’ dumping li nstabu u fid-dawl tal-livell ta’ ħsara ikkaġunata lill-industrija tal-Komunità, jitqies bħala meħtieġ li l-ammonti li nġabru permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju, impost bir-Regolament provviżorju, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 1129/2008, għandhom jinġabru b’mod definittiv sal-punt li jinġabar l-ammont tad-dazji definittivi imposti. Fejn id-dazji definittivi jkunu aktar baxxi mid-dazji provviżorji, l-ammonti miġbura b’mod provviżorju li jkunu ogħla mir-rata definittiva ta’ dazji anti-dumping għandhom jinħelsu. Fejn id-dazji definittivi huma ogħla mid-dazji provviżorji, għandhom jinġabru b’mod definittiv biss l-ammonti miġbura fil-livell tad-dazji provviżorji. L-ammonti miġbura b’mod provviżorju li tħallew barra mill-ambitu tal-prodott, skont il-premessa (9), għandhom jinħelsu.

9.4.   Sorveljanza speċjali

(84)

Sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji ta’ qerq minħabba d-differenza għolja fir-rati ta’ dazju fost il-produtturi esportaturi, jitqies li huma meħtieġa miżuri speċjali f’dan il-każ biex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu dan li ġej:

(85)

Il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida li tkun f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati b’fattura bħal din gћandhom jiġu soġġetti gћad-dazju residwu tal-anti-dumping li japplika gћall-esportaturi l-oћra kollha.

(86)

Jekk l-esportazzjonijiet mill-kumpanija li tibbenefika minn rati aktar baxxi ta’ dazju individwali jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, din iż-żieda fil-volum tista’ titqies bћala waħda li tikkostitwixxi fiha nnifisha bidla fil-mudell ta’ kummerċ dovuta għall-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’dawn iċ-ċirkustanzi u sakemm jintlaħqu l-kundizzjonijiet jista’ jingħata bidu għal investigazzjoni dwar qerq. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ћtieġa għat-tneћћija ta’ rati ta’ dazju individwali u għall-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju mal-pajjiż kollu.

10.   IMPENJI

(87)

Wara l-iżvelar tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom kien maħsub li tiġi rakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi ta’ anti-dumping, wieħed mill-produtturi esportaturi li ngħata trattament individwali offra impenn ta’ prezz skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.

(88)

Din l-offerta ġiet eżaminata u nstab li matul il-PI, il-prezzijiet tal-prodott kienu estremament varjabbli, jiġifieri d-differenza bejn l-iktar prezz ta’ bejgħ baxx u l-ogħla lejn l-UE għall-istess kategorija ta’ prodott tista’ tvarja sa kważi 46 % għall-kumpanija msemmija. Barra minn hekk, varjazzjonijiet sinifikanti fil-prezz insabu wkoll fil-prezzijiet ta’ bejgħ tal-industrija Komunitarja matul il-perjodu meqjus. Għalhekk, il-prodott mhux adatt għal impenn ta’ prezz fiss. Il-kumpanija proponiet li l-prezz minimu jintrabat mal-indiċi fuq il-bażi tal-iżvilupp tal-prezz ta’ materja prima, jiġifieri l-vireg tal-wajer. Madankollu minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli b’mod pubbliku dwar il-prezz għall-materja prima wżata fil-prodott ikkonċernat u fid-dawl tat-tendenza bil-kontra fil-prezzijiet ta’ materja prima li tista’ titqabbel magħha, prinċipalment il-kwalità tal-immaljar tal-vireg tal-wajer, ma ġiet stabbilita ebda korrelazzjoni bejn il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-prodott lest fil-komunità u l-materja prima prinċipali. L-impenn tal-kumpanija jitqies bħala mhux prattiku skont it-tifsira tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament bażiku billi ma jneħħix l-effett ta’ ħsara tad-dumping li nstab.

(89)

Barra minn hekk, il-prodott ikkonċernat jeżisti f’bosta tipi differenti. Il-kumpanija, sabiex tiffaċilita l-irrappurtar mitlub fil-qafas tal-investigazzjoni, issimplifikat il-kriterji ta’ klassifikazzjoni tal-prodott u rranġat biex tiġbor fi gruppi l-għadd ta’ tipi ta’ prodotti mmanifatturati u mibjugħa. Dan, iżda, ma jbiddilx il-fatt li l-kumpanija pproduċiet u biegħet bosta tipi ta’ wajer u swiegli lejn l-UE matul il-PI. Sabiex tillimita r-riskju ta’ kontra-kumpens bejn tipi ta’ prodott differenti, il-kumpanija offriet li tirrispetta tliet prezzijiet ta’ importazzjoni minimi, wieħed għall-wajers tal-PSC u tnejn għas-swiegli skont id-dijametru. Iżda, minħabba r-raġunijiet deskritti fil-premessa (88), l-impenn offrut mill-produttur esportatur ikkonċernat ma setax jintlaqa’.

11.   TIBDIL TAL-ISEM

(90)

Wara l-PI u waqt il-kors tal-investigazzjoni preżenti, wieħed mill-produtturi esportaturi kkonċernati, grupp li jikkonsisti f’żewġ kumpaniji relatati, jiġifieri Ossen MaanShan Steel Wire and Co. Ltd, Mannshan, u Ossen Jiujiang Steel Wire Cable Co. Ltd, Jiujiang, biddel ismu għal Ossen Innovation Materials Co. Joint Stock Company Ltd, Maanshan, u Ossen Jiujiang Steel Wire Cable Co. Ltd, Jiujinag.

(91)

It-tibdil ma jinvolvix xi bidla sostantiva li jkollha impatt fuq il-konklużjonijiet fl-investigazzjoni attwali u għalhekk ġie konkluż li l-konklużjonijiet definittivi fir-rigward ta’ Ossen MaanShan Steel Wire and Co. Ltd, Maanshan, u Ossen Jiujiang Steel Wire Cable Co. Ltd, Jiujiang huma applikabbli għal Ossen Innovation Materials Co. Joint Stock Company Ltd, Maanshan, u Ossen Jiujiang Steel Wire Cable Co. Ltd, Jiujiaag.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju definittiv ta’ anti-dumping huwa b’dan impost fuq importazzjonijiet ta’ wajer tal-azzar mhux ibbanjat jew mhux miksi mingħajr liga, wajer tal-azzar mingħajr lega bbanjat jew miksi biż-żingu u swiegli tal-azzar mingħajr liga kemm jekk ibbanjati jew miksija kemm jekk le b’mhux aktar minn 18-il wajer, li fihom 0,6 % bil-piż jew aktar ta’ karbonju, b’dimensjoni ta’ profil trasversali massimu li taqbeż it-3 mm, li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 7217 10 90, ex 7217 20 90, ex 7312 10 61, ex 7312 10 65 u ex 7312 10 69 (kodiċi TARIC 7217109010, 7217209010, 7312106111, 7312106191, 7312106511, 7312106591, 7312106911 u 7312106991) u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju ta’ anti-dumping applikabbli għall-prezz nett, liberu fil-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji ta’ hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Dazju ta’ anti-dumping

Kodiċijiet addizzjonali TARIC

Kiswire Qingdao, Ltd, Qingdao

0  %

A899

Ossen Innovation Materials Co. Joint Stock Company Ltd, Maanshan, and Ossen Jiujiang Steel Wire Cable Co. Ltd, Jiujiang

31,1  %

A952

Il-kumpaniji l-oħra kollha

46,2  %

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rati ta’ dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 gћandha sseћћ bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li trid tkun b’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness. Jekk din il-fattura ma tiġix ippreżentata tapplika r-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw dazji ta’ dwana għandhom japplikaw.

Artikolu 2

L-ammonti miġbura bħala dazji provviżorji ta’ anti-dumping skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1129/2008 tal-14 ta’ Novembru 2008 fuq importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegli tal-azzar mingħajr liga tal-prestressing u l-poststressing (wajers u swiegli PSC) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti miġbura b’mod provviżorju għall-prodotti mhux koperti bl-Artikolu 1(1) għandhom jinħelsu.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 5 ta’ Mejju 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KALOUSEK


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 15.11.2008, p. 5.

(3)  Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat H, Uffiċċju N-105 4/92, 1049 Brussell, il-Belġju.


ANNESS

Stqarrija ffirmata minn uffiċjal tal-kumpanija, fil-format li ġej trid tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3):

1.

L-isem u l-pożizzjoni tal-uffiċjal tal-kumpanija li ħarget il-fattura kummerċjali.

2.

L-istqarrija li ġejja

“Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-[volum] ta’ wajers u swiegli tal-PSC mibjugħa għall-esportazzjoni lill-Komunità Ewropea koperti minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u s-sede reġistrata) (Kodiċi addizzjonali TARIC) fi (il-pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u korretta.

Data u firma”