7.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 278/2009

tas-6 ta’ April 2009

li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija u l-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ta’ provvisti tal-elettriku esterni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 dwar it-twaqqif ta’ qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-ekodisinn ta’ prodotti li jużaw l-enerġija u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE u d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/57/KE u 2000/55/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2005/32/KE, ir-rekwiżiti ta’ ekodisinn għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni għal prodotti li jużaw l-enerġija li jirrappreżentaw volumi sinifikanti ta’ bejgħ u kummerċ, li għandhom impatt ambjentali sinifikanti, u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għat-titjib f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom mingħajr ma jinvolvu spejjeż żejda.

(2)

L-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2005/32/KE jipprovdi li skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(3) u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(2), u wara konsultazzjoni mal-Forum ta’ Konsultazzjoni, il-Kummissjoni tintroduċi, kif xieraq, miżura implimentattiva għal apparat tal-uffiċċju u prodotti elettroniċi għall-konsumaturi.

(3)

Spiss, l-apparat tal-uffiċċju u prodotti elettroniċi għall-konsumaturi jkunu mqabbdin ma’ provvisti tal-elettriku esterni (EPS) li jbiddlu l-elettriku mis-sors tal-elettriku tal-mains. L-effiċjenza li biha l-provvisti tal-elettriku esterni jibdlu l-kurrent huwa aspett importanti għall-prestazzjoni tal-użu tal-enerġija ta’ prodotti ta’ dan it-tip, u għalhekk, il-provvisti tal-elettriku esterni huma wieħed mill-gruppi ta’ prodotti prijoritarji li jeħtieġu li jiġu stabbiliti rekwiżiti ta’ ekodisinn għalihom.

(4)

Il-Kummissjoni wettqet studju ta’ tħejjija biex tanalizza l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-provvisti tal-elettriku esterni. L-istudju sar flimkien mal-partijiet interessati mill-Komunità u minn pajjiżi terzi, u r-riżultati tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

(5)

Fl-istudju ta’ tħejjija ġie ddikjarat li l-provvisti tal-elettriku esterni jitqiegħdu fis-suq tal-Komunità fi kwantitajiet kbar, fejn l-aktar aspett ambjentali sinifikanti f’kull stadju taċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom huwa l-konsum annwali ta’ enerġija, u l-konsum annwali ta’ elettriku tagħhom minħabba telf fil-konverżjoni tal-elettriku u f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija li jammonta għal 17 TWh, li jfisser 6.8 Mt ta’ emissjonijiet ta’ CO2. Jekk ma jittieħdux miżuri, fis-sena 2020, dan il-konsum mistenni li jiżdied għal 31 TWh. Ġie konkluż li l-konsum tal-enerġija tul iċ-ċiklu tal-ħajja u l-konsum tal-elettriku fil-fażi tal-użu jistgħu jiġu mtejbin b’mod sinifikanti.

(6)

It-titjib fil-konsum tal-elettriku minn provvisti tal-elettriku esterni għandu jseħħ bl-użu ta’ teknoloġiji eżistenti bla sjieda li jkunu effikaċi f’termini ta’ spejjeż u li jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż totali tax-xiri u tħaddim tal-provvisti tal-elettriku esterni.

(7)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għandhom jarmonizzaw ir-rekwiżiti tal-konsum tal-elettriku għall-konsum tal-enerġija f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija u għall-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ta’ provvisti tal-elettriku esterni fil-Komunità kollha, u b’hekk jagħtu kontribut għall-funzjonament tas-suq intern u għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali ta’ dawn il-prodotti.

(8)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn ma għandhomx iħallu impatti negattivi fuq il-funzjonalità tal-prodott u ma għandhomx jaffettwaw b’mod negattiv is-saħħa, is-sigurezza jew l-ambjent. B’mod partikolari, il-benefiċċji tat-tnaqqis ta’ konsum tal-elettriku waqt il-fażi tal-użu għandhom ipattu bil-kbir għall-impatti potenzjali ambjentali addizzjonali waqt il-fażi tal-produzzjoni.

(9)

Id-dħul fis-seħħ f’żewġ stadji tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għandu jipprovdi qafas ta’ żmien xieraq biex il-manifatturi jiddisinjaw il-prodotti mill-ġdid. L-iffissar taż-żmien ta’ meta jibdew iż-żewġ stadji għandu jkun b’tali mod li l-impatti negattivi tal-funzjonalità tal-apparat fis-suq jiġu evitati, u l-impatti tal-ispejjeż għall-manifatturi, partikolarment l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), jiġu meqjusa, filwaqt li tiġi żgurata l-kisba f’waqtha tal-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-kejl tal-konsum tal-enerġija għandu jsir b’konsiderazzjoni għall-aħħar teknoloġija disponibbli ġeneralment rikonoxxuta. Il-manifatturi jistgħu japplikaw standards armonizzati stabbiliti skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2005/32/KE.

(10)

Dan ir-Regolament għandu jżid il-penetrazzjoni fis-suq ta’ teknoloġiji li jtejbu l-impatt ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ provvisti tal-elettriku esterni, li għandu jwassal għal iffrankar fl-enerġija tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ 118 PJ u għal iffrankar ta’ 9 TWh sal-2020, rispettivament, kif imqabbel ma’ sitwazzjoni fejn ma jittieħdu l-ebda miżuri.

(11)

F’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/32/KE, dan ir-Regolament għandu jispeċifika li l-proċeduri applikabbli għall-valutazzjoni tal-konformità huma l-kontroll tad-disinn intern stipulat fl-Anness IV tad-Direttiva 2005/32/KE u s-sistema ta’ ġestjoni stabbilita fl-Anness V tad-Direttiva 2005/32/KE

(12)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli tal-konformità, il-manifatturi għandhom jiġu mitluba jipprovdu informazzjoni fid-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Annessi IV u V tad-Direttiva 2005/32/KE dwar il-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv u l-konsum tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija.

(13)

Għandhom jiġu identifikati punti ta’ referenza għal teknoloġiji disponibbli attwalment li għandhom effiċjenza attiva għolja u konsum baxx tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija. Dan għandu jgħin biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà wiesgħa tal-informazzjoni, partikolarment għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, u dan għandu jiffaċilita aktar l-integrazzjoni tal-aqwa teknoloġiji ta’ disinn biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija.

(14)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija minn provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx jindirizzaw l-istess parametri ta’ impatt ambjentali bħar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-istat ta’ meta apparat elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju li jitqiegħdu fis-suq bi provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx ikunu mitfija. Peress li r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija ta’ provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx għandhom ikunu aktar esiġenti mir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-istat ta’ meta apparat elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju li jitqiegħdu fis-suq bi provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx ikunu mitfija, ir-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-enerġija waqt li apparat elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju jkunu fuq standby inkella mitfija (2), ma għandhomx japplikaw għal apparat elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju li jitqiegħdu fis-suq bi provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx. Ir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan.

(15)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma fi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2005/32/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u ambitu ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn relatati mal-konsum tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija u l-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ta’ provvisti tal-elettriku esterni.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

convertors tal-vultaġġ;

(b)

provvisti tal-elettriku mingħajr interruzzjoni;

(c)

chargers tal-batteriji;

(d)

convertors tat-tidwil aloġenu;

(e)

provvisti tal-elettriku esterni għal apparat mediku;

(f)

provvisti tal-elettriku esterni li jitqiegħdu fis-suq sat-30 ta’ Ġunju 2015 bħala part għas-service jew spare part ta’ provvista tal-elettriku esterna identika li titqiegħed fis-suq sa mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, bil-kundizzjoni li l-part għas-service jew spare part, jew l-ippakkeġġar tagħha, ikunu jindikaw b’mod ċar il-prodott(i) ta’ tagħbija primarja li għalih/om tkun intiża l-part għas-service jew l-ispare part.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2005/32/KE għandhom japplikaw.

Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(1)

“provvista tal-elettriku esterna” tfisser mezz li jissodisfa dawn il-kriterji kollha:

(a)

hija ddisinjata biex tibdel l-input ta’ enerġija elettrika b’kurrent alternanti (AC) mis-sors ta’ elettriku tal-mains għal output ta’ vultaġġ aktar baxx b’kurrent dirett (DC) jew AC.

(b)

tista’ tibdel għal output ta’ vultaġġ b’DC jew AC wieħed biss kull darba;

(c)

hija maħsuba li tintuża ma’ apparat separat li jikkostitwixxi t-tagħbija primarja;

(d)

tkun magħluqa f’għeluq fiżiku separat mill-apparat li jikkostitwixxi t-tagħbija primarja;

(e)

titqabbad mal-apparat li jikkostitwixxi t-tagħbija primarja permezz ta’ konnessjoni elettrika maskili/femminili, kejbil, fil jew wajer ieħor li huwa permanenti jew li jista’ jinqala’;

(f)

ikollha potenza output nameplate ta’ mhux aktar minn 250 Watts;

(g)

tkun maħsuba li se tintuża ma’ apparat elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju kif imsemmi fl-Artikolu 2 (1) tar-Regolament (KE) Nru 1275/2008.

(2)

“provvista tal-elettriku esterna b’vultaġġ baxx” tfisser provvista tal-elettriku esterna b’vultaġġ output nameplate ta’ inqas minn 6 Volts u b’kurrent output nameplate ta’ 550 milliamperes jew aktar;

(3)

“Convertor ta’ tidwil aloġenu” tfisser provvista tal-elettriku esterna li tintuża b’lampi tungstenu-aloġenu ta’ vultaġġ baxx ħafna;

(4)

“provvista tal-elettriku mingħajr interruzzjoni” tfisser apparat li jipprovdi enerġija elettrika backup b’mod awtomatiku meta l-vultaġġ tal-enerġija elettrika mis-sors tal-elettriku tal-mains jaqa’ għal livell baxx li ma jkunx aċċettabbli;

(5)

“charger tal-batteriji” tfisser apparat li jista’ jiġi mqabbad direttament mal-output interface ta’ batterija li tinqala’;

(6)

“convertor tal-vultaġġ” tfisser apparat li jbiddel l-output ta’ 230 V mis-sors tal-elettriku tal-mains għal output ta’ 110 V b’karatteristiċi simili għal dawk tal-output tas-sors tal-elettriku tal-mains;

(7)

“potenza output nameplate” (PO) tfisser il-potenza output kif speċifikata mill-manifattur;

(8)

“kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija” tfisser il-kundizzjoni li fiha, l-input ta’ provvista tal-elettriku esterna jkun imqabbad mas-sors tal-elettriku tal-mains, iżda l-output ma jkunx imqabbad ma xi tagħbija primarja;

(9)

“stat attiv” tfisser il-kundizzjoni li fiha, l-input ta’ provvista tal-elettriku esterna jkun imqabbad mas-sors tal-elettriku tal-mains, u l-output ikun imqabbad ma’ xi tagħbija;

(10)

“effiċjenza tal-istat attiv” tfisser il-proporzjon tal-potenza prodotta minn provvista tal-elettriku esterna fl-istat attiv, mal-potenza input meħtieġa biex tiġi prodotta;

(11)

“medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv” tfisser il-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv f’potenzi ta’ 25 %, 50 %. 75 % u 100 % tal-potenza output nameplate.

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-ekodisinn

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn li jikkonċernaw il-konsum tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija u l-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ta’ provvisti tal-elettriku esterni li jitqiegħdu fis-suq huma stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2005/32/KE għandha tkun is-sistema għall-kontroll tad-disinn intern stabbilita fl-Anness IV tad-Direttiva 2005/32/KE jew is-sistema ta’ ġestjoni għall-valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Anness V tad-Direttiva 2005/32/KE.

Artikolu 5

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq

Għandhom isiru kontrolli ta’ sorveljanza skont il-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Anness II.

Artikolu 6

Punti ta’ Referenza indikattivi

Il-punti ta’ referenza indikattivi għall-prodotti u teknoloġiji bl-aqwa prestazzjoni, li huma disponibbli bħalissa fis-suq huma identifikati fl-Anness III.

Artikolu 7

Reviżjoni

Sa mhux aktar tard minn 4 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tevalwah fid-dawl tal-progress teknoloġiku u tippreżenta r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni lill-Forum ta’ Konsultazzjoni.

Artikolu 8

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 1275/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

It-tieni paragrafu li ġej huwa miżjud mal-Artikolu 1:

“Dan ir-Regolament ma japplikax għal apparat elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju li jitqiegħed fis-suq bi provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx.”

(2)

Il-punt 9 li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 2:

“9.

‘provvista tal-elettriku esterna b’vultaġġ baxx’ tfisser provvista tal-elettriku esterna b’vultaġġ output nameplate ta’ inqas minn 6 Volts u b’kurrent output nameplate ta’ 550 milliamperes jew aktar.”

Artikolu 9

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt 1(a) tal-Anness I għandu jibda japplika minn sena wara d-data msemmija fl-ewwel paragrafu.

Il-punt 1(b) tal-Anness I għandu jibda japplika minn sentejn wara d-data msemmija fl-ewwel paragrafu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 6 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Andris PIEBALGS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

(2)  ĠU L 339, 18.12.2008, p. 45.


ANNESS I

REKWIŻITI TAL-EKODISINN

1.   IL-KONSUM TAL-ENERĠIJA F’KUNDIZZJONI TA’ MINGĦAJR TAGĦBIJA U L-MEDJA TAL-EFFIĊJENZI TAL-ISTAT ATTIV

(a)

Sena wara li jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament:

Il-konsum tal-enerġija f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija ma għandux ikun ogħla minn 0.50 Watt.

Il-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ma għandhiex tkun inqas minn:

 

0,500 · PO, għal PO < 1,0 W;

 

0,090 · ln(PO) + 0,500, għal 1,0 W ≤ PO ≤ 51,0 W;

 

0,850, għal PO > 51,0 W.

(b)

Sentejn wara li jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament:

 

Il-konsum tal-enerġija f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija ma għandux ikun ogħla minn dawn il-limiti:

 

Provvisti tal-elettriku esterni AC-AC, għajr għal provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx

Provvisti tal-elettriku esterni AC-DC, għajr għal provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx

Provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx

PO ≤ 51,0 W

0,50 W

0,30 W

0,30 W

PO > 51,0 W

0,50 W

0,50 W

mhux applikabbli

 

Il-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ma għandhiex tkun inqas minn dawn il-limiti:

 

Provvisti tal-elettriku esterni AC-AC u AC-DC, għajr għal provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx

Provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx

PO ≤ 1,0 W

0,480 · PO + 0,140

0,497 · PO + 0,067

1,0 W < PO ≤ 51,0 W

0,063 · ln(PO) + 0,622

0,075 · ln(PO) + 0,561

PO > 51,0 W

0,870

0,860

2.   KEJL

Il-konsum tal-enerġija f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija u l-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv imsemmija fil-Punt 1 għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ proċedura ta’ kejl affidabbli, preċiża u riproduċibbli, li tqis l-aħħar teknoloġiji disponibbli ġeneralment rikonoxxuti.

Il-kejl ta’ enerġija ta’ 0,50 W jew aktar għandu jsiru b’inċertezza ta’ 2 % jew inqas b’livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %. Il-kejl ta’ enerġija ta’ inqas minn 0,50 W għandu jsir b’inċertezza ta’ 0,01 W jew inqas b’livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %.

3.   INFORMAZZJONI LI TRID TINGĦATA MILL-MANIFATTURI

Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 4, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi dawn l-elementi:

Kwantità

Deskrizzjoni

Kurrent Output (mA) f’medja kwadratika (RMS)

Imkejlin f’Kundizzjonijiet ta’ Tagħbija 1 - 4

Vultaġġ Output RMS(V)

Potenza Attiva Output (W)

Vultaġġ Input RMS (V)

Imkejlin f’Kundizzjonijiet ta’ Tagħbija 1 - 5

Potenza Input RMS (W)

Distorsjoni Armonika Totali (THD)

Fattur ta’ Potenza Reali

Konsum ta’ Enerġija (W)

Ikkalkulat f’Kundizzjonijiet ta’ Tagħbija 1 – 4, Imkejjel fil-Kundizzjoni ta’ Tagħbija 5

Effiċjenza

Imkejla f’Kundizzjonijiet ta’ Tagħbija 1 - 4

Effiċjenza Medja

Il-Medja Aritmetika tal-Effiċjenza f’Kundizzjonijiet ta’ Tagħbija 1 - 4

Il-kundizzjonijiet ta’ tagħbija rilevanti huma dawn:

Perċentwali tal-Kurrent Output Nameplate

Kundizzjoni ta’ Tagħbija 1

100 % ± 2 %

Kundizzjoni ta’ Tagħbija 2

75 % ± 2 %

Kundizzjoni ta’ Tagħbija 3

50 % ± 2 %

Kundizzjoni ta’ Tagħbija 4

25 % ± 2 %

Kundizzjoni ta’ Tagħbija 5

0 % (kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija)


ANNESS II

PROĊEDURA TA’ VERIFIKAZZJONI

Fit-twettiq tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/32/KE, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika li ġejja għar-rekwiżiti stipulati fl-Anness I.

1.

L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jittestjaw biss unità waħda.

2.

Il-mudell għandu jitqies bħala konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, jekk:

(a)

ir-riżultat għall-kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija ma jkunx ogħla mill-valur tal-limitu applikabbli stabbilit fl-Anness I b’aktar minn 0.10 W; u

(b)

il-medja aritmetika tal-effiċjenza f’kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1-4 kif definiti fl-Anness I ma tkunx aktar baxxa mill-valur tal-limitu applikabbli għall-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv b’aktar minn 5 %.

3.

Jekk ir-riżultati msemmija fil-punti 2(a) u (b) ma jintlaħqux, għandhom jiġu ttestjati tliet unitajiet oħra tal-istess mudell.

4.

Wara li jkunu ġew ittestjati tliet unitajiet oħra tal-istess mudell, il-mudell għandu jitqies bħala konformi mar-rekwiżiti jekk:

(a)

il-medja tar-riżultati għall-kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija ma jkunx aktar baxx mill-valur tal-limitu applikabbli stabbilit fl-Anness I b’aktar minn 0.10 W; u

(b)

il-medja tal-medji aritmetiċi tal-effiċjenza f’kundizzjonijiet ta’ tagħbija 1-4 kif definiti fl-Anness I ma tkunx aktar baxxa mill-valur tal-limitu applikabbli għall-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv b’aktar minn 5 %.

5.

Jekk ir-riżultati msemmija fil-punti 4(a) u (b) ma jintlaħqux, il-mudell għandu jitqies bħala mhux konformi mar-rekwiżiti.


ANNESS III

PUNTI TA’ REFERENZA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 6

(a)   Kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija

L-aktar konsum tal-elettriku baxx disponibbli għall-kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija minn provvisti tal-elettriku estern jista’ jiġi approssimat hekk:

0,1 W jew inqas, għal PO ≤ 90 Ws,

0,2 W jew inqas, għal 90 Ws < PO ≤ 150 Ws,

0,4 W jew inqas, għal 150 Ws < PO ≤ 180 Ws,

0,5 W jew inqas, għal PO > 180 Ws.

(b)   Medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv

L-aħjar medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv disponibbli ta’ provvisti tal-elettriku esterni, skont l-aktar dejta reċenti disponibbli (is-sitwazzjoni f’Jannar 2008) tista’ tiġi approssimata hekk:

0,090 · ln(PO) + 0,680, għal 1,0 W ≤ PO ≤ 10,0 Ws,

0,890, għal PO > 10,0 W.