28.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/65


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/149/KE

tas-27 ta’ Novembru 2009

li temenda d-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-Indikaturi Komuni tas-Sikurezza u mal-metodi komuni biex ikunu kkalkulati l-ispejjeż tal-inċidenti

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà [is-sikurezza] tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet [tal-imposti] għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà [tas-sikurezza] (Id-Direttiva tas-Sigurtà [dwar is-Sikurezza] tal-Linji tal-Ferrovija) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA/REC/SAF/02-2008) tad-29 ta’ Settembru 2008,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/49/KE, kif ikkoreġut, jipprovdi għall-possibbiltà li jiġi rivedut l-Anness I għad-Direttiva msemmija sabiex dan ikun jinkludi d-definizzjonijiet komuni tal-Indikaturi Komuni tas-Sikurezza (is-CSIs) u l-metodi biex ikunu kkalkulati l-ispejjeż tal-inċidenti.

(2)

Skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/49/KE, għandu jinġabar it-tagħrif dwar is-CSIs biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-kisba tal-Miri Komuni tas-Sigurtà [tas-Sikurezza] (is-CSTs). F'konformità mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva msemmija, is-CSTs għandhom ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt ekonomiku f'termini tal-aċċettazzjoni tar-riskju mis-soċjetà. L-għan prinċipali tas-CSIs għandu jkun li jkejlu l-prestazzjoni tas-sikurezza u li jiffaċilitataw il-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku tas-CSTs. Għalhekk, jeħtieġ li l-indikaturi jinbidlu minn dawk relatati mal-ispejjeż tal-inċidenti kollha mġarrba mil-linji tal-ferroviji għal dawk relatati mal-impatt ekonomiku tal-inċidenti fuq is-soċjetà.

(3)

Wieħed għandu jqis l-għoti ta’ valuri monetarji lis-sikurezza mtejba fil-kuntest tar-riżorsi limititati tal-baġit għall-azzjonijiet tal-politika pubblika. Għalhekk, sabiex jingħażlu l-inizjattivi li jiżguraw l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, se jkun meħtieġ li tingħata prijorità lill-azzjonijiet differenti.

(4)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji [Aġenzija Ferrovjarja Ewropea] (ir-Regolament tal-Aġenzija) (2) jagħti mandat lill-Aġenzija biex tistabbilixxi netwerk mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sikurezza u mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-investigazzjonijiet sabiex tiddefinixxi l-kontenut tas-CSIs imniżżlin fl-Anness I għad-Direttiva 2004/49/KE. B'reazzjoni għal dan il-mandat, fid-29 ta' Settembru 2008, l-Aġenzija ppreżentat ir-rakkomandazzjoni tagħha dwar ir-reviżjoni tal-Anness I għad-Direttiva 2004/49/KE: id-definizzjonijiet komuni tas-CSIs u l-metodi biex ikun ikkalkulat l-impatt ekonomiku tal-inċidenti (ERA/REC/SAF/02-2008).

(5)

Għalhekk, l-Anness I għad-Direttiva 2004/49/KE għandu jiġi emendat.

(6)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 21 tad-Direttiva 96/48/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 2004/49/KE għandu jinbidel bit-test mogħti fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-18 ta’ Ġunju 2010 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44.

(2)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.


ANNESS

“ANNESS I

INDIKATURI KOMUNI TAS-SIKUREZZA

L-indikaturi komuni tas-sikurezza għandhom jiġu rrappurtati ta’ kull sena mill-awtoritajiet tas-sikurezza. L-ewwel perjodu ta' rrappurtar għandu jkun is-sena 2010.

L-indikaturi li għandhom x'jaqsmu mal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(2), (a) u (b), għandhom ikunu rrappurtati b’mod separat, jekk jitressqu.

Jekk jiġu skoperti fatti jew żbalji ġodda wara li jkun tressaq ir-rapport, l-indikaturi għal sena waħda partikolari għandhom jiġu emendati jew ikkoreġuti mill-awtorità tas-sikurezza mal-ewwel okkażjoni tajba li tiġiha u sa mhux aktar tard mir-rapport annwali li jkun imiss.

Għall-indikaturi li għandhom x’jaqsmu mal-aċċidenti li jaqgħu taħt l-intestatura nru 1, ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija (1) għandu jiġi applikat sakemm it-tagħrif ikun disponibbli.

1.   Indikaturi li għandhom x’jaqsmu mal-aċċidenti

1.1.

In-numru totali u dak relattiv (mal-kilometri tal-ferrovija) ta’ aċċidenti sinifikanti u t-tqassim tat-tipi ta’ aċċidenti li ġejjin:

il-ħabtiet tal-ferroviji, inklużi l-ħabtiet mal-ostakoli fil-wisa’ ta’ bejn iż-żewġ linji li għandu jkun vojt,

il-ħruġ tal-ferroviji ′l barra mil-linji,

l-aċċidenti tal-livelli tal-qsim, inklużi l-aċċidenti li jinvolvu nies li jkunu mexjin fuq il-livelli tal-qsim,

l-aċċidenti lill-persuni kkawżati waqt li jkunu għaddejjin il-vetturi ferrovjarji, bl-eċċezzjoni tas-suwiċidji,

nirien fil-vetturi ferrovjarji,

oħrajn.

Kull aċċident sinifikanti għandu jkun irrappurtat taħt it-tip tal-aċċident primarju, anki jekk il-konsegwenzi tal-aċċidenti sekondarji jkunu aktar serji, eż. nirien wara li l-ferrovija tkun ħarġet ’il barra mil-linja tagħha.

1.2.

In-numru totali u dak relattiv (mal-kilometri tal-ferrovija) tal-persuni midruba serjament u ta’ dawk li nqatlu bit-tip tal-aċċident, maqsum fil-kategoriji li ġejjin:

il-passiġġieri (anki fir-rigward tan-numru totali tal-kilometri tal-passiġġieri u dak tal-kilometri tal-ferrovija tal-passiġġieri),

l-impjegati inklużi l-ħaddiema tal-kuntratturi,

dawk li jużaw il-livelli tal-qsim,

persuni li mhumiex awtorizzati li jkunu fil-postijiet tal-linji tal-ferrovija,

oħrajn.

2.   Indikaturi li għandhom x’jaqsmu mal-oġġetti perikolużi

In-numru totali u dak relattiv (mal-kilometri tal-ferrovija) ta’ aċċidenti li jinvolvu t-trasport tal-oġġetti perikolużi, maqsum fil-kategoriji li ġejjin:

l-aċċidenti li jinvolvu mill-anqas vettura waħda tal-ferrovija li tkun qed tittrasporta oġġetti perikolużi, kif iddefinit fl-Appendiċi,

in-numru ta’ aċċidenti bħal dawn li fihom jiġu rrilaxxati l-oġġetti perikolużi.

3.   Indikaturi li għandhom x’jaqsmu mas-suwiċidji

In-numru totali u dak relattiv (mal-kilometri tal-ferrovija) ta’ suwiċidji.

4.   Indikaturi li għandhom x’jaqsmu mal-prekursuri tal-aċċidenti

In-numru totali u dak relattiv (mal-kilometri tal-ferrovija) tan-numru ta’:

linji miksura,

it-tgħattin tal-linji,

żbalji fis-sinjali mogħtija,

każijiet fejn ma jkunux tħarsu s-sinjali ta’ periklu,

roti u fusien miksurin tal-vetturi ferrovjarji li jkunu qed jitħaddmu.

Għandhom jiġu rrappurtati l-prekursuri kollha, kemm dawk li jirriżultaw f'aċċident, kif ukoll dawk li le. Il-prekursuri li jirriżultaw f’aċċident għadhom jiġu rrappurtati taħt is-CSIs dwar il-prekursuri; l-aċċidenti li jkunu seħħew, jekk ikunu sinifikanti, għandhom jiġu rrappurtati taħt is-CSIs dwar l-aċċidenti msemmija fl-intestatura nru 1.

5.   Indikaturi biex ikun ikkalkulat l-impatt ekonomiku tal-aċċidenti

It-total f’euro u dak relattiv (mal-kilometri tal-ferrovija):

tan-numru ta’ mwiet u ta’ korrimenti serji mmultiplikat bil-Valur tal-Prevenzjoni ta’ Diżgrazzja (VPC),

tal-ispiża tad-danni lill-ambjent,

tal-ispiża tad-danni materjali lill-vetturi ferrovjarji jew lill-infrastruttura,

tal-ispiża tad-dewmien minħabba l-aċċidenti.

L-awtoritajiet tas-sikurezza għandhom jirrappurtaw jew l-impatt ekonomiku tal-aċċidenti kollha, jew l-impatt ekonomiku tal-aċċidenti sinifikanti biss. Din l-għażla għandha tintwera b’mod ċar fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 18.

Il-VPC huwa l-valur li tagħti s-soċjetà għall-prevenzjoni ta’ diżgrazzja u minnu nnifsu ma għandux iservi ta’ referenza għall-kumpens ta’ bejn il-partijiet involuti fl-aċċidenti.

6.   Indikaturi li għandhom x’jaqsmu mas-sikurezza teknika tal-infrastruttura u mal-implimentazzjoni tagħha

6.1.

Il-persentaġġ tal-binarji bil-Protezzjoni Awtomatika tal-Ferrovija (ATP) li jkunu qed jitħaddmu, il-persentaġġ tal-kilometri tal-ferrovija li jużaw is-sistemi tat-tħaddim tal-ATP.

6.2.

In-numru tal-livelli tal-qsim (it-total għal kull kilometru tal-linja u għal kull kilometru tal-binarju) skont it-tmien tipi li ġejjin:

(a)

il-livelli tal-qsim attivi bi:

(i)

twissija awtomatika fuq in-naħa tal-utent;

(ii)

protezzjoni awtomatika fuq in-naħa tal-utent;

(iii)

protezzjoni u twissija awtomatika fuq in-naħa tal-utent;

(iv)

protezzjoni u twissija awtomatika fuq in-naħa tal-utent, u protezzjoni fuq in-naħa tal-linji;

(v)

twissija manwali fuq in-naħa tal-utent;

(vi)

protezzjoni manwali fuq in-naħa tal-utent;

(vii)

protezzjoni u twissija manwali fuq in-naħa tal-utent.

(b)

il-livelli tal-qsim passivi.

7.   Indikaturi li għandhom x’jaqsmu mal-ġestjoni tas-sikurezza

Il-verifiki interni mwettqa mill-amministraturi tal-infrastruttura u mill-impriżi tal-linji tal-ferroviji kif stabbiliti fid-dokumentazzjoni tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza. In-numru totali tal-verifiki mwettqa u n-numru bħala persentaġġ tal-verifiki mitluba (u/jew ta’ dawk ippjanati).

8.   Definizzjonijiet

Id-definizzjonijiet komuni tas-CSIs u l-metodi biex ikun ikkalkulat l-impatt ekonomiku tal-aċċidenti huma mniżżlin fl-Appendiċi.

Appendiċi

Id-definizzjonijiet komuni tas-CSIs u l-metodi biex ikun ikkalkulat l-impatt ekonomiku tal-aċċidenti

1.   Indikaturi li għandhom x’jaqsmu mal-aċċidenti

1.1.

‘aċċident sinifikanti’ tfisser kull aċċident li jinvolvi mill-inqas vettura waħda tal-ferrovija li tkun miexja, u li jirriżulta fil-mewt jew fil-korriment serju ta’ mill-inqas persuna waħda, jew fi ħsara sinifikanti lill-ħażna, lill-binarji, lill-istallazzjonijiet l-oħra jew lill-ambjent, jew fi tħarbit estensiv tat-traffiku. Aċċidenti fil-ħwienet tax-xogħol, fl-imħażen u fl-istazzjonijiet huma esklużi.

1.2.

‘ħsara sinifikanti lill-ħażna, lill-binarji, lill-istallazzjonijiet l-oħra jew lill-ambjent’ tfisser ħsara ta’ EUR 150 000 jew aktar.

1.3.

‘tħarbit estensiv tat-traffiku’ tfisser li s-servizzi tal-ferrovija fuq linja tal-ferrovija ewlenija jkunu ġew sospiżi għal sitt sigħat jew aktar.

1.4.

‘ferrovija’ tfisser vettura tal-ferrovija waħda jew aktar li tinġibed minn lokomottiv jew minn vagun tal-ferrovija li jinsaq minnu nnifsu jew aktar, jew minn vagun tal-ferrovija li jinsaq minnu nnifsu li jkun qed jivvjaġġa waħdu, u li topera skont numru speċifiku jew skont deżinjazzjoni speċifika minn punt fiss tal-bidu sa punt fiss tat-tmiem. Magna żgħira, jiġifieri lokomottiv li jkun qed jivvjaġġa waħdu, jitqies li huwa ferrovija.

1.5.

‘il-ħabtiet tal-ferroviji, inklużi l-ħabtiet mal-ostakoli fil-wisa’ ta’ bejn iż-żewġ linji li għandu jkun vojt’ tfisser ħabta minn quddiem għal quddiem, minn quddiem għal wara jew ħabta mill-ġenb bejn parti ta' ferrovija u parti ta’ ferrovija oħra, jew ma’:

i)

vetturi ferrovjarji taċ-ċaqliq;

ii)

oġġetti fissi jew preżenti b’mod temporanju fuq il-binarji jew maġenbhom (ħlief fil-livelli tal-qsim jekk ikunu ntilfu minn vetturi jew utenti li jkunu qed jaqsmu l-linji).

1.6.

‘il-ħruġ tal-ferroviji ’l barra mil-linji’ tfisser kull każ li fih mill-inqas rota waħda tal-ferrovija taqbeż ’il barra mil-linji.

1.7.

‘l-aċċidenti tal-livelli tal-qsim’ tfisser l-aċċidenti fil-livelli tal-qsim li jinvolvu mill-inqas vettura waħda tal-ferrovija u vettura li tkun qed taqsam jew aktar, utenti oħra li jkunu qed jaqsmu bħall-persuni li jkunu mexjin jew oġġetti oħra preżenti b’mod temporanju fuq il-binarji jew maġenbhom jekk ikunu ntilfu minn vetturi jew utenti li jkunu qed jaqsmu l-linji.

1.8.

‘l-aċċidenti lill-persuni kkawżati waqt li jkunu għaddejjin il-vetturi ferrovjarji’ tfisser l-aċċidenti lill-persuna waħda jew aktar li jew jintlaqtu minn vettura tal-ferrovija jew minn oġġett imwaħħal magħha jew minn oġġett li jkun inqala' minn magħha. Persuni li jaqgħu mill-vetturi tal-ferrovija huma inklużi, kif ukoll persuni li jaqgħu jew li jintlaqtu minn oġġetti mhux marbuta waqt li jkunu qed jivvjaġġaw abbord il-vetturi.

1.9.

‘nirien fil-vetturi ferrovjarji’ tfisser nirien u splużjonijiet li jseħħu fil-vetturi tal-ferrovija (inkluża t-tagħbija tagħhom) waqt li jkunu qed joperaw bejn l-istazzjon tat-tluq u d-destinazzjoni, anki meta jitwaqqfu fl-istazzjon tat-tluq, fid-destinazzjoni jew f’waqfiet intermedji, kif ukoll waqt ħidmiet ta’ tqassim mill-ġdid tal-vaguni tal-ferrovija.

1.10.

‘tipi oħra ta’ aċċidenti’ tfisser l-aċċidenti l-oħra kollha apparti dawk li diġà ssemmew (il-ħabtiet tal-ferroviji, il-ħruġ tal-ferroviji ’l barra mil-linji, l-aċċidenti fil-livelli tal-qsim, l-aċċidenti lill-persuni kkawżati waqt li jkunu għaddejjin il-vetturi ferrovjarji u n-nirien fil-vetturi ferrovjarji).

1.11.

‘passiġġier’ tfisser kull persuna, minbarra l-membri tal-ekwipaġġ tal-ferrovija, li tivvjaġġa bil-ferrovija. Għall-istatistika tal-aċċidenti, huma inklużi l-passiġġieri li jippruvaw jitilgħu fuq ferrovija li tkun miexja jew li jippruvaw jinżlu minn fuqha.

1.12.

‘l-impjegati (inklużi l-ħaddiema tal-kuntratturi u l-kuntratturi li jaħdmu għal rashom)’ tfisser kull persuna li l-impjieg tagħha hu marbut mal-ferroviji u li tkun qed taħdem meta jseħħ l-aċċident. Tinkludi l-ekwipaġġ tal-ferrovija u l-persuni li jkunu qed jieħdu ħsieb il-vetturi ferrovjarji u l-istallazzjonijiet tal-infrastruttura.

1.13.

‘dawk li jużaw il-livelli tal-qsim’ tfisser il-persuni kollha li jużaw livell tal-qsim sabiex jaqsmu l-linja tal-ferrovija bi kwalunkwe mezz ta’ trasport jew bil-mixi.

1.14.

‘persuni li mhumiex awtorizzati li jkunu fil-postijiet tal-linji tal-ferrovija’ tfisser kwalunkwe persuna li tkun fil-post tal-linja tal-ferrovija fejn preżenza bħal din mhijiex permessa, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jużaw il-livelli tal-qsim.

1.15.

‘oħrajn (il-partijiet terzi)’ tfisser il-persuni kollha li mhumiex iddefiniti bħala ‘passiġġieri’, ‘impjegati inklużi l-ħaddiema tal-kuntratturi’, ‘dawk li jużaw il-livelli tal-qsim’ jew ‘persuni li mhumiex awtorizzati li jkunu fil-postijiet tal-linji tal-ferrovija’.

1.16.

‘l-imwiet (persuni maqtula)’ tfisser kwalunkwe persuna maqtula immedjatament jew li tmut fi żmien 30 jum minħabba aċċident, minbarra s-suwiċidji.

1.17.

‘il-korrimenti (persuni mweġġa’ serjament)’ tfisser kull persuna mweġġa’ li tiddaħħal l-isptar għal aktar minn 24 siegħa minħabba aċċident, minbarra l-attentati ta' suwiċidju.

2.   Indikaturi li għandhom x’jaqsmu mal-oġġetti perikolużi

2.1.

‘aċċident li jinvolvi t-trasport tal-oġġetti perikolużi’ tfisser kull aċċident jew inċident li huwa suġġett għar-rappurtar skont it-taqsima 1.8.5 tar-Regolamenti tar-RID (2)/ADR.

2.2.

‘l-oġġetti perikolużi’ tfisser dawk is-sustanzi u l-oġġetti li t-trasport tagħhom huwa pprojbit mir-RID, jew awtorizzat biss skont il-kundizzjonijiet preskritti fihom.

3.   Indikaturi li għandhom x’jaqsmu mas-suwiċidji

3.1.

‘suwiċidju’ tfisser azzjoni li wieħed jagħmel biex iweġġa’ lilu nnifsu deliberatament u li twassal għall-mewt, kif irreġistrata u kklassifikata mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

4.   Indikaturi li għandhom x’jaqsmu mal-prekursuri tal-aċċidenti

4.1.

‘linji miksura’ tfisser kull linja li hija separata f’żewġ biċċiet jew aktar, jew kull linja li minnha tinqala’ biċċa ħadida, li tikkawża ħofra fuq il-wiċċ li fuqu jimxu r-roti li tkun twila aktar minn 50 mm u fonda aktar minn 10 mm.

4.2.

‘it-tgħattin tal-linji’ tfisser ħsarat relatati mal-kontinwità u l-ġeometrija tal-binarji, li jeħtieġu xi ostaklu fuq il-binarji jew it-tnaqqis immedjat tal-veloċità permessa biex tinżamm is-sikurezza.

4.3.

‘żbalji fis-sinjali mogħtija’ tfisser kull nuqqas fis-sistema tas-sinjalazzjoni (kemm fl-infrastruttura kif ukoll fil-vetturi ferrovjarji) li jirriżulta fl-għoti ta’ tagħrif tas-sinjalazzjoni li jkun inqas restrittiv minn dak mitlub.

4.4.

‘każ fejn ma jkunux tħarsu s-sinjali ta' periklu (SPAD)’ tfisser kull okkażjoni li fiha kwalunkwe parti ta’ ferrovija tmur lil hinn mill-moviment awtorizzat tagħha.

Moviment mhux awtorizzat tfisser li jinqabeż:

sinjal ta’ dawl ikkulurit jew semaforu maġenb il-binarji f’każ ta’ periklu, l-ordni biex il-ferrovija TIEQAF, meta ma tkunx qed titħaddem Sistema Awtomatika tal-Kontroll tal-Ferroviji (ATCS) jew sistema tal-ATP,

it-tmiem ta’ awtorizzazzjoni għal moviment relatat mas-sikurezza pprovdut fis-sistema tal-ATCS jew tal-ATP,

punt ikkomunikat permezz ta’ awtorizzazzjoni verbali jew bil-miktub imniżżel fir-Regolamenti,

tabelli b’avviż ta’ waqfien (mhuwiex inkluż l-ilqugħ għall-waqfien) jew sinjali ta’ waqfien magħmulin bl-idejn.

Mhumiex inklużi l-każijiet li fihom il-vetturi li ma jkunux imqabbdin ma’ unità lokomottiva jew il-ferroviji li ma jkunux qed jiġu ssorveljati jimxu lil hinn minn sinjal ta’ periklu. Mhumiex inklużi l-każijiet li fihom, għal xi raġuni, is-sinjal biex iwissi lis-sewwieq tal-ferrovija bil-periklu ma jitbiddilx fil-ħin meħtieġ biex dan iwaqqaf il-ferrovija qablu.

L-Awtoritajiet tas-Sikurezza Nazzjonali jistgħu jirrappurtaw dwar l-erba’ indiċi b’mod separat u għandhom jirrappurtaw mill-inqas indikatur globali li jkun fih id-dejta dwar l-erba’ punti kollha.

4.5.

‘roti u fusien miksurin’ tfisser ksur li jaffettwa l-partijiet essenzjali tar-rota jew tal-fus u li joħloq periklu ta’ aċċident (tal-ħruġ ’il barra mil-linji jew ta’ ħabta).

5.   Metodi komuni biex ikun ikkalkulat l-impatt ekonomiku tal-aċċidenti

5.1.

Il-Valur tal-Prevenzjoni ta’ Diżgrazzja (VPC) huwa magħmul minn:

(1)

Valur tas-sikurezza minnu nnifsu: il-valuri ta’ kemm wieħed huwa lest li jħallas (WTP) ibbażati fuq l-istudji tal-preferenzi ddikjarati mwettqa fl-Istat Membru li fih ikunu applikati.

(2)

Spejjeż ekonomiċi diretti u indiretti: il-valuri tal-ispiża vvalutati fl-Istat Membru, magħmulin minn:

l-ispiża medika u tar-riabilitazzjoni,

l-ispiża tal-qorti legali, spiża tal-pulizija, l-investigazzjonijiet privati tal-ħabta, is-servizz tal-emerġenza u l-ispejjeż amministrattivi tal-assigurazzjoni,

it-telf fil-produzzjoni: il-valur għas-soċjetà tal-oġġetti u s-servizzi li setgħet tagħmel dik il-persuna kieku ma seħħx l-aċċident.

5.2.

Il-prinċipji komuni biex issir il-valutazzjoni tal-valur tas-sikurezza minnu nnifsu u tal-ispejjeż ekonomiċi diretti u indiretti:

Għall-valur tas-sikurezza minnu nnifsu, il-valutazzjoni ta’ jekk humiex xierqa l-istimi disponibbli jew le se ssir abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

l-istimi għandu jkollhom x’jaqsmu ma’ sistema tal-valutazzjoni tat-tnaqqis tar-riskju tal-mortalità fis-settur tat-trasport u għandhom isegwu l-approċċ tal-WTP skont il-metodi ta’ preferenza ddikjarati,

il-kampjun ta’ dawk li jwieġbu li se jintuża għall-valuri għandu jirrappreżenta l-popolazzjoni kkonċernata. Il-kampjun għandu jirrifletti b’mod partikolari l-età jew id-distribuzzjoni tad-dħul flimkien ma’ karatteristiċi rilevanti oħra soċjoekonomiċi jew demografiċi tal-popolazzjoni,

il-metodu biex jinkisbu l-valuri tal-WTP: id-disinn tal-istħarriġ għandu jitwettaq b’tali mod li l-mistoqsijiet ikunu ċari jew ikollhom sinifikat għal dawk li jwieġbu.

L-ispejjeż ekonomiċi diretti u indiretti għandhom jiġu vvalutati abbażi tal-ispejjeż reali mġarrba mis-soċjetà.

5.3.

‘L-ispiża tad-danni lill-ambjent’ tfisser l-ispejjeż li għandhom jiġġarrbu mill-Impriżi tal-Linji tal-Ferroviji jew mill-Amministraturi Infrastrutturali, ivvalutati abbażi tal-esperjenza tagħhom, sabiex iż-żona li tkun ġarrbet il-ħsara terġa’ tinġieb fl-istat li kienet qabel ma seħħ l-aċċident tal-ferrovija.

5.4.

‘L-ispiża tad-danni materjali lill-vetturi ferrovjarji jew lill-infrastruttura’ tfisser l-ispiża biex jiġu pprovduti vetturi ferrovjarji jew infrastruttura ġodda, bl-istess funzjonalitajiet u parametri tekniċi bħal ta’ dawk li ma jistgħux jissewwew, u l-ispiża biex il-vaguni tal-ferrovija jew l-infrastruttura li jistgħu jissewwew jerġgħu jinġiebu fl-istat li kienu fih qabel ma seħħ l-aċċident. It-tnejn li huma għandhom jingħataw stima mill-Impriżi tal-Linji tal-Ferroviji jew mill-Amministraturi Infrastrutturali abbażi tal-esperjenza tagħhom. Din tinkludi wkoll l-ispejjeż relatati mal-kiri tal-vetturi ferrovjarji, minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà minħabba l-vetturi bil-ħsara.

5.5.

‘L-ispiża tad-dewmien minħabba l-aċċidenti’ tfisser il-valur monetarju tad-dewmien li jġarrbu dawk li jużaw it-trasport bil-ferrovija (il-passiġġieri u l-klijenti tal-ġarr tal-merkanzija) minħabba l-aċċidenti, ikkalkulat billi jintuża l-mudell li ġej:

VT= il-valur monetarju tal-iffrankar tal-ħin tal-vjaġġ

 

Il-valur tal-ħin għal passiġġier tal-ferrovija (siegħa):

 

VTP = [Il-VT għall-passiġġier li jkun sejjer għax-xogħol]*[Il-persentaġġ medju ta’ passiġġieri li jkunu sejrin għax-xogħolfis-sena] + [Il-VT tal-passiġġieri li ma jkunux sejringħax-xogħol]*[Il-persentaġġ medju ta’ passiġġieri li ma jkunux sejrin għax-xogħol fis-sena]

 

Il-VT imkejjel f’Euro għal kull passiġġier fis-siegħa

 

Il-valur tal-ħin għal ferrovija tal-merkanzija (siegħa):

 

VTF = [Il-VT tal-ferroviji tal-merkanzija]*[(Il-kilometri tat-tunnellata)/(Il-kilometri tal-ferrovija)]

 

Il-VT imkejjel f’Euro għal kull tunnellata ta’ merkanzija fis-siegħa

 

Il-piż medju f’tunnellati tal-oġġetti ttrasportati bil-ferrovijaf’sena = (Il-kilometri tat-tunnellata)/Il-kilometri tal-ferrovija)

CM = L-ispiża ta’ minuta ta’ dewmien tal-ferrovija

 

Ferrovija tal-passiġġieri

 

CMP = K1*(VTP/60)*[(Il-kilometri tal-passiġġieri)/(Il-kilometri tal-ferrovija)]

 

In-numru medju ta’ passiġġieri għal kull ferrovija f’sena = (Il-kilometri tal-passiġġieri)/Il-kilometri tal-ferrovija)

 

Ferrovija tal-merkanzija

 

CMF = K2* (VTF/60)

 

Il-fatturi K1 u K2 huma bejn il-valur tal-ħin u l-valur tad-dewmien, kif stmati mill-istudji ta’ preferenza ddikjarati, biex iqisu li l-ħin mitluf minħabba d-dewmien jiġi kkunsidrat b’mod ferm iktar negattiv mill-ħin li jieħu vjaġġ normali.

L-ispiża tad-dewmien minħabba aċċident = CMP*(Il-minuti ta’ dewmien tal-ferroviji tal-passiġġieri) + CMF*(Il-minuti ta’ dewmien tal-ferroviji tal-merkanzija)

L-ambitu tal-mudell

L-ispiża tad-dewmien għandha tiġi kkalkulata għall-aċċidenti kollha, kemm għal dawk li huma sinifikanti kif ukoll għal dawk li mhumiex.

Id-dewmien għandu jiġu kkalkulat kif ġej:

id-dewmien reali fuq il-linji tal-ferroviji fejn ikunu seħħew l-aċċidenti,

id-dewmien reali jew, jekk dan mhux possibbli, id-dewmien stmat fuq il-linji l-oħra affettwati.

6.   Indikaturi li għandhom x’jaqsmu mas-sikurezza teknika tal-infrastruttura u mal-implimentazzjoni tagħha

6.1.

‘Protezzjoni Awtomatika tal-Ferrovija (ATP)’ tfisser sistema li tinforza l-ubbidjenza tas-sinjali u tar-restrizzjonijiet tal-veloċità permezz tas-superviżjoni tal-veloċità, li tinkludi l-waqfien awtomatiku f’każ ta’ sinjali.

6.2.

‘il-livell tal-qsim’ tfisser kull livell tal-qsim bejn il-linji tal-ferrovija u passaġġ, kif rikonoxxut mill-amministratur tal-infrastruttura u li jkun miftuħ għall-użu pubbliku jew privat. Il-passaġġi bejn il-pjattaformi fl-istazzjonijiet huma esklużi, kif ukoll il-passaġġi fuq il-binarji għall-użu min-naħa tal-impjegati biss.

6.3.

‘passaġġ’ tfisser kull triq pubblika jew privata, triq jew triq prinċipali diretta, inklużi l-mogħdijiet għall-mixi u għar-roti, jew rotta oħra pprovduta għat-trasport tan-nies, tal-annimali, tal-vetturi jew tal-magni.

6.4.

‘il-livell tal-qsim attiv’ tfisser livell tal-qsim li fih dawk li jużawh ikunu protetti jew avżati meta tkun qed toqrob ferrovija permezz ta’ tagħmir li jkun attivat meta jkun perikoluż għall-utenti li jaqsmuh.

Il-protezzjoni permezz tal-użu ta’ tagħmir fiżiku:

barrieri sħaħ jew nofs barrieri,

xatab.

It-twissija permezz tal-użu ta’ tagħmir fiss fil-livell tal-qsim:

tagħmir li jidher: dwal,

tagħmir li jista’ jinstema’: qniepen, ħornijiet, sireni, eċċ.,

tagħmir fiżiku, eż. tregħid tal-art permezz ta’ stoffi fit-triq.

Il-livelli tal-qsim attivi huma kklasifikati bħala:

(1)

‘Livell tal-qsim bi protezzjoni u/jew twissija awtomatika fuq in-naħa ta’ dawk li jużawh’ tfisser livell tal-qsim fejn il-protezzjoni u/jew it-twissija tal-livell tal-qsim jiġu attivati mill-ferrovija meta din tkun qed toqrob.

Dawn il-livelli tal-qsim huma kklasifikati bħala:

(i)

twissija awtomatika fuq in-naħa tal-utent;

(ii)

protezzjoni awtomatika fuq in-naħa tal-utent;

(iii)

protezzjoni u twissija awtomatika fuq in-naħa tal-utent;

(iv)

protezzjoni u twissija awtomatika fuq in-naħa tal-utent, u protezzjoni fuq in-naħa tal-linji.

‘Protezzjoni fuq in-naħa tal-linji’ tfisser sinjal jew sistema oħra ta' protezzjoni tal-ferrovija li tippermetti lill-ferrovija tgħaddi biss jekk il-livell tal-qsim ikollu protezzjoni fuq in-naħa tal-utent u jkun ħieles mill-inkursjonijiet; għal dan il-għan, jintużaw il-mezzi ta’ sorveljanza u/jew ta’ sejbien tal-ostakli.

(2)

‘Livell tal-qsim bi protezzjoni u/jew twissija manwali fuq in-naħa ta’ dawk li jużawh’ tfisser livell tal-qsim fejn il-protezzjoni u/jew it-twissija jiġu attivati manwalment u fejn m’hemmx sinjal tal-linja tal-ferrovija magħqud miegħu li juri lill-ferrovija li tista’ tibqa’ għaddejja biss meta tkun attivata l-protezzjoni u/jew it-twissija tal-livell tal-qsim.

Dawn il-livelli tal-qsim huma kklasifikati bħala:

(v)

twissija manwali fuq in-naħa tal-utent;

(vi)

protezzjoni manwali fuq in-naħa tal-utent;

(vii)

protezzjoni u twissija manwali fuq in-naħa tal-utent.

6.5.

‘Il-livell tal-qsim passiv’ tfisser livell tal-qsim mingħajr ebda sistema ta’ twissija u/jew mingħajr protezzjoni li jiġu attivati meta jkun perikoluż għall-utent li jaqsmu.

7.   Indikaturi li għandhom x’jaqsmu mal-ġestjoni tas-sikurezza

7.1.

‘verifika’ tfisser proċess sistematiku, indipendenti u ddokumentat biex tinkiseb evidenza ta’ verifika u biex din tiġi evalwata b’mod oġġettiv biex jiġi deċiż sa liema punt huma ssodisfati l-kriterji tal-verifika.

8.   Definizzjonijiet tal-bażijiet ta’ gradazzjoni

8.1.

‘il-kilometri tal-ferrovija’ tfisser l-unità tal-kejl li tirrappreżenta l-moviment ta’ ferrovija f’kilometru. Id-distanza użata hija d-distanza li l-ferrovija tkun imxiet fil-verità, jekk din tkun disponibbli, jekk le għandha tintuża d-distanza standard tan-netwerk bejn l-oriġini u d-destinazzjoni. Għandha titqies biss id-distanza fit-territorju nazzjonali tal-pajjiż li jkun qed jagħmel ir-rapport.

8.2.

‘il-kilometri tal-passiġġieri’ tfisser l-unità tal-kejl li tirrappreżenta t-trasport bil-ferrovija ta’ passiġġier wieħed għal kilometru. Għandha titqies biss id-distanza fit-territorju nazzjonali tal-pajjiż li jkun qed jagħmel ir-rapport.

8.3.

‘il-kilometri tal-linja’ tfisser id-distanza, mkejla f’kilometri, tan-netwerk tal-ferrovija fl-Istati Membri, li l-ambitu tiegħu huwa stabbilit fl-Artikolu 2. Fil-każ ta’ linji tal-ferroviji b’ħafna binarji, għandha tingħadd biss id-distanza bejn l-oriġini u d-destinazzjoni.

8.4.

‘il-kilometri tal-binarju’ tfisser id-distanza, mkejla f’kilometri, tan-netwerk tal-ferrovija fl-Istati Membri, li l-ambitu tiegħu huwa stabbilit fl-Artikolu 2. Għandu jingħadd kull binarju ta’ linja tal-ferroviji b’ħafna binarji.


(1)  ĠU L 14, 21.1.2003, p. 1.

(2)  Ir-Regolamenti dwar it-trasport internazzjonali tal-oġġetti perikolużi bil-ferrovija (ir-RID), kif adottati skont id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).