16.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/28


DIRETTIVA 2009/148/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Novembru 2009

dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol

(verżjoni kodifikata)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 137(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 83/477/KEE tal-Kunsill tad-19 ta’ Settembru 1983 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 80/1107/KEE) (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalital-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

(2)

L-asbestos huwa sustanza partikolarment perikoluża li tista’ tikkawża mard gravi u li jinsab f’numru kbir ta’ ċirkustanzi fuq ix-xogħol. Għalhekk huma ħafna l-ħaddiema esposti għal riskju potenzjali għal saħħithom. Il-kroċidolite huwa kkunsidrat tip ta’ asbestos li huwa partikolarment perikoluż.

(3)

Għalkemm it-tagħrif xjentifiku kurrenti mhux tali li jista’ jiġi stabbilit livell li taħtu ma jibqgħux jeżistu r-riskji għas-saħħa, tnaqqis fl-esposizzjoni għall-asbestos għandu madanakollu jnaqqas ir-riskju li wieħed jiżviluppa mard konness mal-asbestos. Huwa għalhekk neċessarju li jitwaqqfu proċeduri speċifiċi armonizzati li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos. Din id-Direttiva tinkludi kondizzjonijiet minimi li ser jiġu eżaminati mill-ġdid fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba u l-iżviluppi fit-teknoloġija f’dan il-qasam.

(4)

Il-mikroskopija ottika, għalkemm ma tippermettix l-għadd tal-iżgħar fibri li jagħmlu ħsara lis-saħħa, hija l-metodu li bħalissa qed jiġi aktar użat għat-tkejjil normali tal-asbestos.

(5)

Miżuri preventivi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema li huma esposti għall-asbestos u l-impenn maħsub mill-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien tas-saħħa huma importanti.

(6)

Sabiex tiġi assigurata kjarezza fid-definizzjoni tal-fibri, dawn għandhom ikunu definiti jew f’termini mineraloġiċi jew fir-rigward tan-numru tas-Servizz Kimiku Astratt (CAS) tagħhom.

(7)

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Komunità li jikkonċernaw il-marketing u l-użu tal-asbestos, l-illimitar tal-attivitajiet li jinvolvu espożizzjoni għall-asbestos għandu jkollu rwol importanti ħafna fil-prevenzjoni ta’ mard assoċjat ma’ dik l-espożizzjoni.

(8)

Is-sistema ta’ notifika tal-attivitajiet li jinvolvu espożizzjoni għall-asbestos għandha tiġi adattata għal sitwazzjonijiet ġodda tax-xogħol.

(9)

Il-projbizzjoni tal-applikazzjoni tal-asbestos bi proċess ta’ traxxix m’huwiex bizzejjed biex jimpedixxi r-rilaxx tal-fibri tal-asbestos fl-atmosfera. Jeħtieġ ukoll li jkunu pprojbiti attivitajiet li jesponu l-ħaddiema għall-fibri tal-asbestos matul l-estrazzjoni tal-asbestos jew il-manifattura u l-ipproċessar ta’ prodotti tal-asbestos jew il-manifattura u l-ipproċessar ta’ prodotti li jkun fihom fibri tal-asbestos miżjuda apposta, minħabba l-livell għoli tagħhom u li ma jistgħax jiġi prevvist ta’ espożizzjoni.

(10)

Waqt li jittieħed kont tal-kapaċità teknika l-aktar reċenti, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata l-metodoloġija tal-kampjunament użata biex tkejjel il-livell ta’ asbestos fl-arja u l-metodu ta’ kif jingħaddu l-fibri.

(11)

Għalkemm s’issa għadu ma kienx possibbli li jiġi identifikat il-livell ta’ espożizzjoni li taħtu l-asbestos ma jinvolvix ir-riskju tal-kanċer, għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun il-livell ta’ espożizzjoni tal-ħaddiema għall-asbestos fuq ix-xogħol.

(12)

L-impjegati għandhom ikunu meħtieġa li jirrekordjaw, qabel il-bidu ta’ xi proġett ta’ tneħħija ta’ asbestos, il-presenza jew il-presenza preżunta ta’ asbestos f’bini jew installazzjonijiet u jikkomunikaw din l-informazzjoni lil persuni oħra li jistgħu jkunu esposti għall-asbestos bħala riżultat tal-użu tiegħu, tal-manutenzjoni jew ta’ attivitajiet oħrajn fi jew fuq il-bini.

(13)

Għandu jiġi assigurat li t-twaqqigħ jew ix-xogħol ta’ tneħħija tal-asbestos jitwettaq minn impriżi li huma familjari mal-prekawzjonijiet kollha li għandhom jittieħdu biex jiġu protetti l-ħaddiema.

(14)

Taħriġ speċjali għall-ħaddiema esposti jew li x’aktarx ikunu esposti għall-asbestos għandu jiġi provdut sabiex jikkontribwixxi b’mod sinifikattiv għat-tnaqqis tar-riskji relatati ma’ dik l-espożizzjoni.

(15)

Jeħtieġ li jkunu previsti rakkomandazzjonijiet prattiċi dwar is-sorveljanza klinika ta’ ħaddiema esposti fid-dawl tal-għarfien mediku l-aktar reċenti bil-ħsieb ta’ kxif kmieni ta’ patoloġiji marbuta mal-asbestos.

(16)

L-objettiv tal-azzjoni proposta, jiġifieri t-titjib fil-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-espożizzjoni ta’ asbestos fuq ix-xogħol, ma jistgħax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif preskritt fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif preskritt f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

(17)

Id-dispożizzjonijiet li jinsabu f’din id-Direttiva jikkostitwixxu kontribuzzjoni konkreta lejn il-ħolqien ta’ dimensjoni soċjali fis-suq intern. Dawn id-dispożizzjonijiet huma limitati għall-minimu sabiex ma jimponux piż żejjed fuq il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(18)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri li jikkonċernaw il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tad-direttivi msemmija fl-Anness II, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1.   Din id-Direttiva, għandha bħala l-għan tagħha l-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji għal saħħithom, inkluża l-prevenzjoni ta’ riskji ta’ din ix-xorta, li jiġu jew aktarx jiġu mill-fatt li jkunu esposti għall-asbestos fuq ix-xogħol.

Hija tistabbilixxi l-limitu ta’ din l-espożizzjoni kif ukoll kondizzjonijiet oħra speċifiċi.

2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li japplikaw jew idaħħlu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jagħtu protezzjoni ikbar għall-ħaddiema, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-bdil tal-asbestos b’sostituti anqas perikolużi.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “asbestos” tfisser is-silikati fibrużi li ġejjin:

(a)

Asbestos actinolite, CAS Nru 77536–66–4 (5);

(b)

Asbestos gruenerite (amosite) CAS Nru 12172–73–5 (5);

(c)

Asbestos anthophyllite, CAS Nru 77536–67–5 (5);

(d)

Chrysotile, CAS Nru 12001–29–5 (5);

(e)

Crocidolite, CAS Nru 12001–28–4 (5);

(f)

Asbestos tremolite, CAS Nru 77536–68–6 (5).

Artikolu 3

1.   Din id-Direttiva tapplika għall-attivitajiet li fihom il-ħaddiema huma jew jistgħu jkunu esposti waqt xogħolhom għat-trab li jiġi mill-asbestos jew materjali li fihom l-asbestos.

2.   Fil-każ ta’ kull attività li x’aktarx tinvolvi xi riskju li jiġu esposti għat-trab li jiġi mill-asbestos jew xi materjali li jkun fihom l-asbestos, dan ir-riskju għandu jiġi stmat b’mod li tiġi stabbilita n-natura jew il-grad tal-espożizzjoni għat-trab li ġej mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos.

3.   Sakemm l-espożizzjoni tal-ħaddiema tkun sporadika u ta’ intensità baxxa, u meta jkun ċar mir-riżultati tal-istima tar-riskju msemmija fil-paragrafu 2 li l-limitu tal-espożizzjoni għall-asbestos m’għandux jinqabeż fl-arja taż-żona tax-xogħol, l-Artikoli 4, 18 u 19 jistgħu ma jiġux applikati meta x-xogħol jinvolvi:

(a)

attivitajiet ta’ manutenzjoni qosra, mhux kontinwi li fihom jintmissu biss materjali li li ma jinkisrux malajr;

(b)

it-tneħħija mingħajr deterjorazzjoni ta’ materjali mhux degradati li fihom il-fibri tal-asbestos huma mqabbda sew mal-matriċi;

(c)

enkapsulazzjoni jew issiġillar ta’ materjali li jkun fihom l-asbestos li huma f’kondizzjoni tajba;

(d)

monitoraġġ u kontroll tal-arja, u l-kampjunament biex jiġi aċċertat jekk materjal speċifiku jkunx fih l-asbestos.

4.   L-Istati Membri għandhom, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, skont il-liġi u l-prattika nazzjonali jippreskrivu linji gwida prattiċi għall-istabbiliment ta’ espożizzjoni sporadika u ta’ intensità baxxa, hekk kif provdut fil-paragrafu 3.

5.   L-istima msemmiija fil-paragrafu 2 għandha tkun suġġetta għal konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-istabbiliment u għandhom jerġgħu jiġu eżaminati meta jkun hemm raġuni li wieħed jaħseb li mhijiex korretta jew hemm xi bdil materjali fix-xogħol.

Artikolu 4

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 3(3), għandhom jittieħdu miżuri previsti fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom jiġu rregolati b’sistema ta’ notifika amministrata mill-awtorità responsabbli tal-Istat Membru.

3.   In-notifika skont il-paragrafu 2 għandha tintbagħat minn min iħaddem lill-awtorità responsabbli tal-Istat Membru, qabel ma jinbeda x-xogħol, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali.

Din in-notifika għandha tinkludi tal-anqas deskrizzjoni qasira ta’:

(a)

fejn jinsab s-sit tax-xogħol;

(b)

it-tip u l-kwantitajiet ta’ asbestos użati jew immaniġġjati;

(c)

l-attivitajiet u l-proċessi involuti;

(d)

in-numru ta’ ħaddiema involuti;

(e)

id-data tal-bidu tax-xogħol u t-tul ta’ żmien;

(f)

miżuri meħuda biex jillimitaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għall-asbestos.

4.   Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriżi jew fl-istabbilimenti għandhom ikollhom aċċess għad-dokumenti li jaqgħu taħt in-notifika msemmija fit-tieni paragrafu li għandhom x’jaqsmu mal-impriża jew l-istabbiliment tagħhom stess b’mod konformi mal-liġijiet nazzjonali.

5.   Kull darba li bidla fil-kondizzjonijiet tax-xogħol x’aktarx li tirriżulta f’żieda sinifikanti f’espożizzjoni għat-trab tal-asbestos jew materjali li jkun fihom l-asbestos, għandha tintbagħat notifika ġdida.

Artikolu 5

L-applikazzjoni tal-asbestos bi proċess ta’ traxxix u proċeduri ta’ xogħol li jinvolvu l-użu ta’ materjali iżolanti jew li jwaqqfu l-ħoss ta’ densità baxxa (anqas minn 1 g/ċm3) li jkun jinsab fihom l-asbestos huma pprojbiti.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità dwar il-marketing u l-użu tal-asbestos, attivitajiet li jesponu lill-ħaddiema għall-fibri tal-asbestos matul l-estrazzjoni ta’ asbestos jew il-manifattura u l-ipproċessar ta’ prodotti tal-asbestos jew il-manifattura u l-ipproċessar ta’ prodotti li jkun fihom asbestos miżjud apposta għandhom ikunu projbiti, bl-eċċezzjoni tat-trattament u d-disponiment ta’ prodotti li jirriżultaw mit-twaqqigħ u t-tneħħija tal-asbestos.

Artikolu 6

Għall-attivitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 3(1), l-espożizzjoni ta’ ħaddiema għal trab li joħroġ mill-asbestos jew materjali li jkun fihom l-asbestos fuq il-post tax-xogħol għandha titnaqqas għal minimu u f’kull każ taħt il-limitu tal-valur preskritt fl-Artikolu 8, b’mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:

(a)

in-numru ta’ ħaddiema esposti jew x’aktarx li jkunu esposti għat-trab li joħroġ mill-asbestos jew materjali li jkun fihom l-asbestos għandu jkun limitat għall-figura l-aktar baxxa possibbli;

(b)

il-proċessi tax-xogħol għandhom ikunu disinjati biex ma jipproduċux trab tal-asbestos jew, jekk dan ikun impossibbli, li jiġi evitat ir-rilaxx ta’ trab tal-asbestos fl-arja;

(c)

il-postijiet kollha u l-apparat involut fit-trattament ta’ asbestos għandu jkun kapaċi li jiġi regolarment u effettivament imnaddaf u mantnut;

(d)

l-asbestos jew materjal li fih l-asbestos li jiġġenera t-trab għandu jiġi maħżun u trasportat f’pakketti ssiġillati kif imiss;

(e)

l-iskart għandu jinġabar u jitneħħa mill-post tax-xogħol kemm jista’ jkun malajr f’pakketti ssiġillati kif imiss b’tabelli li jindikaw li jkun fihom l-asbestos; din il-miżura ma tapplikax għal attivitajiet tal-minjieri; dak ir-rimi għandu mbagħad jiġi ttrattat skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar skart perikoluż (6).

Artikolu 7

1.   Skond ir-riżultati tal-stima inizjali tar-riskju, u sabiex tiġi assigurata konformità mal-limitu preskritt fl-Artikolu 8, il-kejl tal-fibri tal-asbestos fl-arja fil-post tax-xogħol għandu jitwettaq regolarment.

2.   Il-kampjunament għandu jkun rappreżentattiv tal-espożizzjoni personali tal-ħaddiema għal trab li joħroġ mill-asbestos jew materjali li jkun fihom l-asbestos.

3.   Il-kampjunament għandu jitwettaq wara konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew stabbiliment.

4.   Il-kampjunament għandu jitwettaq minn persunal kwalifikat kif imiss. Il-kampjuni meħuda għandhom sussegwentement ikunu analizzati, skont il-paragrafu 6, f’laboratorji mgħammra biex jingħaddu l-fibri.

5.   It-tul ta’ żmien tal-kampjunament għandu jkun tali li espożizzjoni rappreżentattiva tista’ tiġi stabbilita għal perjodu ta’ referenza ta’ tmien sigħat (xift wieħed) permezz ta’ kejl jew kalkolazzjonijiet peżati skont il-ħin.

6.   L-għadd tal-fibri għandu jitwettaq kull fejn possibbli permezz ta’ phase-contrast microscope (PCM) skont il-metodu rakkomandat tal-1997 mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) (7) jew xi metodu ieħor li jagħti riżultati ekwivalenti.

Għall-għanijiet tal-kejl tal-asbestos fl-arja, kif imsemmija fl-ewwel paragrafu, għandhom jiġu kkunsidrati biss dawk il-fibri biss b’tul ta’ aktar minn 5 mikrometri u wisa’ ta’ inqas minn 3 mikrometri u proporzjon ta’ tul/wisa’ akbar minn 3:1.

Artikolu 8

Min iħaddem għandu jassigura li ebda ħaddiem ma jiġi espost għall-konċentrazzjoni ta’ asbestos fl-arja li teċċedi ż-0,1 fibri kull cm3 fuq medja ta’ perjodu ta’ tmien sigħat peżat skont il-ħin (TWA).

Artikolu 9

L-emendi meħtieġa sabiex jaddattaw l-Anness I ta’ din id-Direttiva għall-progress tekniku għandhom jiġu adottati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (8).

Artikolu 10

1.   Fejn il-limitu preskritt fl-Artikolu 8 jinqabeż, ir-raġunijiet għaliex il-limitu jkun inqabeż għandhom jiġu identifikati u miżuri adattati biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni għandom jittieħdu mill-aktar fis possibbli.

Ma jistax jibqa’ jsir xogħol fiż-żona affetwata sakemm ma jkunux ittieħdu l-miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-ħaddiema interessati.

2.   Biex jiġi kkontrollat kemm huma effettivi l-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, għandhom jiġu stabbiliti għal darb’oħra u minnufih il-konċentrazzjonijiet tal-asbestos fl-arja.

3.   Fejn l-espożizzjoni ma tistgħax titnaqqas b’mezzi oħra u fejn il-konformità mal-limitu teħtieġ l-ilbies ta’ apparat tan-nifs individwali protettiv, dan m’għandux ikun permanenti u għandu jinżamm għall-minimu strett meħtieġ għal kull ħaddiem. Matul perjodi ta’ xogħol li jeħtieġu l-użu ta’ dak l-apparat tan-nifs, għandha ssir dispożizzjoni għal perjodi ta’ mistrieħ adattati għall-kondizzjonijiet fiżiċi u klimatoloġiċi u, fejn relevanti, b’konsultazzjoni mal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew stabbiliment, skont il-liġijiet u l-prattika nazzjonali.

Artikolu 11

Qabel ma jinbeda xogħol ta’ twaqqigħ jew manutenzjoni, min iħaddem għandu jieħu, fejn xieraq, billi jikseb informazzjoni mis-sidien tal-post, il-passi kollha meħtieġa biex jidentifika materjali li huwa maħsub li fihom l-asbestos.

Jekk ikun hemm xi dubju dwar il-preżenza ta’ asbestos f’materjal jew kostruzzjoni, id-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu osservati.

Artikolu 12

Fil-każ ta’ ċerti attivitajiet bħal xogħolijiet ta’ twaqqigħ, tneħħija, tiswija u manutenzjoni li fir-rigward tagħhom ikun prevvist li l-limitu tal-valur stipulat fl-Artikolu 8 jinqabeż minkejja l-użu ta’ miżuri tekniċi preventivi għall-illimitar ta’ konċentrazzjoni ta’ asbestos fl-arja, min iħaddem għandu jistabbilixxi l-miżuri maħsuba biex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-ħaddiema waqt li jkunu qed jaħdmu f’dawk l-attivitajiet, b’mod partikolari dan li ġej:

(a)

il-ħaddiema għandu jinħarġilhom apparat respiratorju adattat u apparat ieħor personali protettiv, li għandu jintlibes,

(b)

għandhom jitqiegħdu sinjali ta’ twissija li juru li huwa prevvist li l-limitu preskritt fl-Artikolu 8 sejjer jinqabeż, u

(c)

it-tixrid ta’ trab li joħroġ mill-asbestos jew materjali li fihom l-asbestos barra l-post jew is-sit tal-azzjoni għandu jkun evitat.

Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-istabbiliment għandhom jiġu kkonsultati dwar dawn il-miżuri qabel ma jsiru l-attivitajiet ikkonċernati.

Artikolu 13

1.   Għandu jitfassal pjan ta’ xogħol qabel ma jinbeda xi xogħol ta’ twaqqigħ jew xogħol ta’ tneħħija tal-asbestos u/jew ta’ prodotti li jkun fihom l-asbestos minn bini, strutturi, impjanti jew installazzjonijiet jew minn vapuri.

2.   Il-pjan imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jippreskrivi l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.

Il-pjan għandu b’mod partikolari jispeċifika li:

(a)

asbestos u/jew prodotti li fihom l-asbestos għandhom jitneħħew qabel ma tiġi applikata t-teknika tat-twaqqigħ, ħlief fejn dan joħloq riskju akbar għall-ħaddiema milli jekk l-asbestos jew il-prodotti li fihom l-asbestos jitħallew fil-post;

(b)

l-apparat personali protettiv imsemmi fl-Artikolu 12(1)(a) għandu jkun provdut, fejn meħtieġ;

(c)

meta x-xogħol tat-twaqqigħ jew tneħħija tal-asbestos ikun tlesta, l-assenza ta’ riskji ta’ espożizzjoni għall-asbestos fil-post tax-xogħol għandha tiġi verifikata b’konformità mal-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali.

Fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti, il-pjan għandu jinkludi informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

in-natura tax-xogħol u kemm x’aktarx li jdum sejjer;

(b)

il-post fejn isir ix-xogħol;

(c)

il-metodi li jiġu applikati meta x-xogħol jinvolvi l-immaniġġar tal-asbestos jew ta’ materjali li jkun fihom l-asbestos;

(d)

il-karatteristiċi tal-apparat użat għal:

(i)

protezzjoni u d-dekontaminazzjoni ta’ dawk li qed jagħmlu x-xogħol,

(ii)

protezzjoni tal-persuni l-oħra preżenti jew qrib tal-post tax-xogħol.

3.   Fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti, il-pjan imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi nnotifikat lilhom qabel il-bidu tax-xogħol proġettat.

Artikolu 14

1.   Min iħaddem għandu jipprovdi taħriġ adattat għall-ħaddiema kollha li huma, jew li x’aktarx ikunu, esposti għal trab li joriġina mill-asbestos jew materjali li jkun fihom l-asbestos. Dak it-taħriġ għandu jkun provdut f’intervalli regolari u bla ebda spiża għall-ħaddiema.

2.   Il-kontenut tat-taħriġ għandu jkun jiftiehem faċilment mill-ħaddiema. Għandu jippermettilhom li jiksbu l-għerf u l-kapaċitajiet meħtieġa f’termini ta’ prevenzjoni u sigurtà, partikolarment fir-rigward ta’:

(a)

il-proprjetajiet tal-asbestos u l-effetti tiegħu fuq is-saħħa, inkluż l-effett sinerġiku tat-tipjip;

(b)

it-tipi ta’ prodotti u materjali li x’aktarx ikun fihom l-asbestos;

(c)

l-operazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw f’espożizzjoni għall-asbestos u l-importanza ta’ kontrolli preventivi biex tiġi minimizzata l-espożizzjoni;

(d)

prattika ta’ xogħol bla perikolu, kontrolli u apparat protettiv;

(e)

ir-rwol xieraq, l-għażla, l-għażla, is-selezzjoni, il-limitazzjonijiet u l-użu kif imiss ta’ apparat respiratorju;

(f)

proċeduri ta’ emerġenza;

(g)

proċeduri ta’ dekontaminazzjoni;

(h)

rimi tal-iskart;

(i)

ħtiġiet ta’ eżami mediku.

3.   Linji gwida prattiċi għat-taħriġ ta’ ħaddiema li jneħħu l-asbestos għandhom ikunu żviluppati fil-livell tal-Komunità.

Artikolu 15

Qabel ma jitwettaq xogħol ta’ twaqqigħ jew tneħħija ta’ asbestos, id-ditti għandhom jipprovdu evidenza tal-abbiltà tagħhom f’dan il-qasam. L-evidenza għandha tiġi stabbilita skont il-liġijiet u/jew prattika nazzjonali.

Artikolu 16

1.   Fir-rigward tal-attivitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 3(1), u bla ħsara għall-Artikolu 3(3), għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li:

(a)

il-postijiet fejn isiru l-attivitajiet msemmija aktar ‘il fuq għandhom:

(i)

ikunu mmarkati b’mod ċar u indikati b’sinjali ta’ twissija;

(ii)

ma jkunux aċċessibbli għall-ħaddiema ħlief għal dawk li għandhom bżonn jidħlu fihom minħabba x-xogħol jew id-dmirijiet tagħhom;

(iii)

ikunu żoni fejn ma jkunx permess tipjip;

(b)

jitwarrbu żoni fejn il-ħaddiema jistgħu jieklu u jixorbu mingħajr ir-riskju ta’ tniġġis mit-trab tal-asbestos;

(c)

il-ħaddiema jiġu pprovduti b’ilbies tax-xogħol xieraq jew protettiv; dan l-ilbies tax-xogħol jew protettiv jibqa’ ġewwa l-impriża; iżda, jista’ jinħasel fi stabbilimenti barra l-impriza li huma mgħammra għal dan it-tip ta’ xogħol kemm-il darba l-impriża stess ma tagħmilx it-tindif; f’dak il-każ l-ilbies għandu jinġarr f’kontenituri magħluqa;

(d)

jiġu pprovduti postijiet separati għaż-żamma tal-ilbies tax-xogħol jew protettiv u l-ilbies ta’ barra;

(e)

il-ħaddiema jiġu pprovduti b’faċilitajiet xierqa għall-ħasil u twaletta, inklużi doċoċ fil-każ ta’ ħidmiet fit-trab;

(f)

l-apparat protettiv jitqiegħed f’post definit tajjeb u jiġi kkontrollat u mnaddaf wara kull darba li jintuża u għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex jissewwa jew jinbidel apparat difettuż qabel ma jerġa’ jintuża.

2.   Il-ħaddiema ma jistgħux jiġu mġiegħla jħallsu għan-nefqa tal-miżuri meħuda skont il-paragrafu 1.

Artikolu 17

1.   Fil-każ tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-istabbiliment jirċievu informazzjoni xierqa dwar:

(a)

ir-riskji potenzjali għas-saħħa meta jiġu esposti għat-trab li jiġi mill-asbestos jew minn materjali li jkun fihom l-asbestos;

(b)

l-eżistenza ta’ limiti statutorji u l-ħtieġa li l-arja tkun immonitorjata;

(c)

il-kondizzjonijiet ta’ iġjene mitluba, inkluża l-ħtieġa li ma jsirx tipjip;

(d)

il-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu f’dak li għandu x’jaqsam mal-ilbies u l-użu ta’ apparat u ilbies protettivi;

(e)

il-prekawzjonijiet speċjali maħsuba biex inaqqsu kemm jista’ jkun il-livell ta’ espożizzjoni għall-asbestos.

2.   Barra mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, u bla ħsara għall-Artikolu 3(3), għandhom jittieħdu miżuri xierqa li jiżguraw li:

(a)

il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew fl-istabbiliment ikollhom aċċess għar-riżultati tat-tkejjil tal-konċentrazzjoni tal-asbestos fl-arja u jistgħu jingħataw tifsiriet ta’ xi jfissru dawk ir-riżultati;

(b)

jekk ir-riżultati jeċċedu l-limitu preskritt fl-Artikolu 8 il-ħaddiema konċernati u r-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew stabbiliment ikunu informati kemm jista’ jkun malajr bil-fatt u bir-raġunijiet għal dan u l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom fl-impriża jew stabbiliment ikunu konsultati dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu jew, f’emerġenza, jiġi infurmati bil-miżuri li jkunu ttieħdu.

Artikolu 18

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 3(3) għandhom jittieħdu l-miżuri mniżżla fil-paragrafi 2 sa 5:

2.   Għandha tkun disponibbli stima tal-istat tas-saħħa ta’ kull ħaddiem qabel ma jibdew ikunu esposti għall-asbestos jew għall-materjali li jkun fihom l-asbestos fuq il-post tax-xogħol.

Din l-istima għandha tinkludi eżami speċifiku tas-sider. L-Anness I jagħti rakkomandazzjonijiet prattiċi li l-Istati Membri jistgħu jirriferu għalihom għas-sorveljanza klinika tal-ħaddiema; dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu adattati għall-progress tekniku skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE.

Stima ġdida għandha tkun disponibbli mill-inqas darba kull tliet snin sakemm tkompli l-espożizzjoni.

Għandu jitwaqqaf rekord individwali tas-saħħa, skont il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali għal kull ħaddiem.

3.   Wara s-sorveljanza klinika msemmija fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2, it-tabib jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza medika tal-ħaddiema għandhom, skont il-liġijiet nazzjonali, jagħtu parir dwar il-miżuri individwali protettivi jew preventivi li għandhom eventwalment jittieħdu jew jistabbilixxu dawn il-miżuri.

Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu, fejn huwa xieraq, it-tneħħija tal-ħaddiem ikkonċernat minn kwalunkwe espożizzjoni għat-trab ġej mill-asbestos jew mill-materjali li jkollhom l-asbestos.

4.   Għandhom jingħataw lill-ħaddiema informazzjoni u pariri fir-rigward ta’ kull stima tas-saħħa tagħhom li jistgħu jgħaddu minnha wara t-tmiem tal-espożizzjoni.

It-tabib jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza medika ta’ ħaddiema jistgħu jindikaw li s-sorveljanza medika għandha tkompli wara t-tmiem tal-espożizzjoni sakemm huma jqisu li dan ikun meħtieġ biex tiġi salvagwardjata s-saħħa tal-persuna kkonċernata.

Dik is-sorveljanza li tkompli għandha titwettaq skont il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali.

5.   Il-ħaddiem ikkonċernat jew min iħaddmu jista’ jitlob li l-istima msemmija fil-paragrafu 3 tiġi riveduta b’mod konformi mal-liġijiet nazzjonali.

Artikolu 19

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 3(3) għandhom jittieħdu l-miżuri msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4:

2.   Min iħaddem irid idaħħal lill-ħaddiema li jkunu responsabbli li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) f’reġistru, li jindika n-natura u d-dewmien tal-attività u l-livell tal-espożizzjoni tagħhom. It-tabib u/jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza medika għandhom ikollhom aċċess għal dan ir-reġistru. Kull ħaddiem ikkonċernat għandu jkollu aċċess għar-riżultati fir-reġistru li għandhom x’jaqsmu miegħu personalment. Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti fl-impriża jew l-istabbiliment tagħhom għandhom jkollhom aċċess għall-informazzjoni anonima u kollettiva li jkun hemm fir-reġistru.

3.   Ir-reġistru msemmi fil-paragrafu 2 u rekords mediċi msemmija fl-Artikolu 18 (2), ir-raba’ sentenza, għandhom jinżammu għal tal-anqas erbgħin sena wara t-tmiem tal-espożizzjoni, skont il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali.

4.   Id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità responsabbli fil-każi fejn l-impriża ma tibqax bl-attivita’ tagħha, skont il-liġijiet u/jew il-prattika nazzjonali.

Artikolu 20

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet adegwati li jkunu applikabbli fil-każ ta’ ksur tal-liġijiet nazzjonali adottata bis-saħħa ta’ din id-Direttiva. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.

Artikolu 21

L-Istati Membri jridu jżommu reġistru tal-każijiet kollha magħrufa ta’ asbestożi u tal-mesoteljoma.

Artikolu 22

Kull ħames snin, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-forma ta’ Kapitolu speċifiku tar-rapport uniku previst fl-Artiklu 17(a)(1), (2) u (3) tad-Direttiva 89/391/KEE, li għandu jservi bħala bażi tal-evalwazzjoni li għandha ssir mill-Kummissjoni skont l-istess Artikolu 17(a)(4).

Artikolu 23

L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam li jaqa’ taħt din id-Direttiva.

Artikolu 24

Id-Direttiva 83/477/KEE, kif emendata mid-Direttivi elenkati fl-Anness II, hija b’dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi elenkati fil-Parti B tal-Anness II.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 25

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

B. ASK


(1)  Opinjoni tal-10 ta’ Ġunju 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2009

(3)  ĠU L 263, 24.9.1983, p. 25.

(4)  Ara l-Anness II, parti A.

(5)  Numru fir-reġistru tas-Servizz Kimiku Astratt (CAS).

(6)  ĠU L 377, 31.12.1991, p. 20.

(7)  Stabbiliment ta’ konċentrazzjonijiet ta’ fibri li jinġarru fl-arja. Metodu rakkomandat, permezz ta’ phase-contrast optical microscopy (metodu membrane filter), WHO, Geneva 1997, ISBN 92-4-154496-1.

(8)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.


ANNESS I

Rakkomandazzjonijiet prattiċi għall-monitoraġġ kliniku tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 18 (2), it-tieni sentenza

1.

It-tagħrif kurrenti jindika li l-fatt li l-espożizzjoni għall-fibri ħielsa tal-asbestos jista’ jġib il-mard li ġej:

asbestożi,

mesoteljoma,

karċinoma fil-bronki,

karċinoma gastro-intestinali.

2.

It-tabib u/jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza medika tal-ħaddiema esposti għall-asbestos għandhom ikunu familjari mal-kondizzjonijiet jew ċirkostanzi li għalihom ikun espost kull ħaddiem.

3.

L-eżami tas-saħħa tal-ħaddiema għandu jitwettaq skont il-prinċipji u l-prattika ta’ mediċina okkupazzjonali. Għandu jinkludi tal-anqas il-miżuri li ġejjin:

iż-żamma ta’ records tal-istorja medika u okkupazzjonali tal-ħaddiem,

intervista personali,

eżami kliniku ġenerali, b’referenza partikolari għas-sider,

testijiet tal-funzjoni tal-pulmun (volumi u rati tal-kurrent respiratorju).

It-tabib u/jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza tas-saħħa għandu jiddeċiedi dwar aktar eżamijiet, bħal testijiet ta’ sputum cytology jew X-ray tas-sider jew tomodensitometry, fid-dawl tal-għerf dwar is-saħħa okkupazzjonali l-aktar reċenti disponibbli.


ANNESS II

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 24)

Direttiva tal-Kunsill 83/477/KEE

(ĠU L 263, 24.9.1983. p. 25)

 

Direttiva tal-Kunsill 91/382/KEE

(ĠU L 206, 29.7.1991, p. 16)

 

Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE

(ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11)

l-Artikolu 13(2) tiegħu biss

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/18/KE

(ĠU L 97, 15.4.2003, p. 48)

 

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/30/KE

(ĠU L 165, 27.6.2007, p. 21)

l-Artikolu 2(1)tiegħu biss

PARTI B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 24)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

83/477/KEE

fil-31 ta’ Diċembru 1986 (1)

91/382/KEE

fl-1 ta’ Jannar 1993 (2)

98/24/KE

fil-5 ta’ Mejju 2001.

2003/18/KE

fl-14 ta’ April 2006.

2007/30/KE

fil-31 ta’ Diċembru 2012.


(1)  Din id-data hija mibdula bid-data tal-31 ta’ Diċembru 1989 għal dak li għandu x’jaqsam ma’ attivitajiet ta’ tħaffir għall-asbestos.

(2)  Għal dak li għandu x’jaqsam mar-Repubblika Ellenika d-data ta’ limitu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva hija l-1 ta’ Jannar 1996. Iżda, id-data tat-trapożizzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar tħaffir għall-asbestos hija l-1 ta’ Jannar 1996 għall-Istati Membri kollha u l-1 ta’ Jannar 1999 għar-Repubblika Ellenika.


ANNESS III

Tabella Ta’ Korrelazzjoni

Direttiva 83/477/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(2)

Artikolu 2, l-ewwel sas-sitt inċiż

Artikolu 2(a) sa (f)

Artikolu 3(1) sa (3)

Artikolu 3(1) sa (3)

Artikolu 3(3)(a)

Artikolu 3(4)

Artikolu 3(4)

Artikolu 3(5)

Artikolu 4, kliem tal-bidu

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(1)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(5)

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6, punti (1) sa (5)

Artikolu 6, punti (a) sa (e)

Artikoli 7 u 8

Artikoli 7 u 8

Artikolu 9(2)

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 10(a)

Artikolu 11

Artikolu 11(1) u (2)

Artikolu 12, l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 12(1)

Artikolu 13(1)

Artikolu 12(2), l-ewwel sentenza

Artikolu 13(2), l-ewwel sentenza

Artikolu 12(2), it-tieni sentenza, l-ewwel inċiż

Artikolu 13(2), it-tieni sentenza, punt (a)

Artikolu 12(2), it-tieni sentenza, it-tieni inċiż

Artikolu 13(2), it-tieni sentenza, punt (b)

Artikolu 12(2), it-tieni sentenza, it-tielet inċiż

Artikolu 13(2), it-tieni sentenza, punt (c)

Artikolu 12(2), it-tielet sentenza, l-ewwel inċiż

Artikolu 13(2), it-tielet sentenza, punt (a)

Artikolu 12(2), it-tielet sentenza, it-tieni inċiż

Artikolu 13(2), it-tielet sentenza, punt (b)

Artikolu 12(2), it-tielet sentenza, it-tielet inċiż

Artikolu 13(2), it-tielet sentenza, punt (c)

Artikolu 12(2), it-tielet sentenza, ir-raba’ inċiż

Artikolu 13(2), it-tielet sentenza, punt (d)

Artikolu 12(2), it-tielet sentenza, ir-raba’ inċiż, l-ewwel sub inċiż

Artikolu 13(2), it-tielet sentenza, punt (d)(i)

Artikolu 12(2), it-tielet sentenza, ir-raba’ inċiż, it-tieni sub inċiż

Artikolu 13(2), it-tielet sentenza, punt (d)(ii)

Artikolu 12(3)

Artikolu 13(3)

Artikolu 12a

Artikolu 14

Artikolu 12b

Artikolu 15

Artikolu 13(1)(a)

Artikolu 16(1)(a)

Artikolu 13(1)(b)

Artikolu 16(1)(b)

Artikolu 13(1)(c)(i) u (ii)

Artikolu 16(1)(c)

Artikolu 13(1)(c)(iii)

Artikolu 16(1)(d)

Artikolu 13(1)(c)(iv)

Artikolu 16(1)(e)

Artikolu 13(1)(c)(v)

Artikolu 16(1)(f)

Artikolu 13(2)

Artikolu 16(2)

Artikolu 14(1), kliem tal-bidu

Artikolu 17(1), kliem tal-bidu

Artikolu 14(1), l-ewwel sal-ħames inċiżi

Artikolu 17(1)(a) sa (e)

Artikolu 14(2)

Artikolu 17(2)

Artikolu 15, kliem tal-bidu

Artikolu 18(1)

Artikolu 15, punti (1) sa (4)

Artikolu 18 (2) sa (5)

Artikolu 16, kliem tal-bidu

Artikolu 19(1)

Artikolu 16, punti (1) sa (3)

Artikolu 19(2) sa (4)

Artikolu 16a

Artikolu 20

Artikolu 17

Artikolu 21

Artikolu 17a

Artikolu 22

Artikolu 18(1)

Artikolu 18(2)

Artikolu 23

Artikolu 24

Artikolu 25

Artikolu 19

Artikolu 26

Anness II

Anness I

Anness II

Anness III