31.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 285/36


DIRETTIVA 2009/126/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Ottubru 2009

dwar il-Fażi II tal-irkupru tal-fwar tal-petrol waqt ir-riforniment bil-karburant tal-vetturi bil-mutur fl-istazzjonijiet ta’ servizz

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li tniżżel is-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità Ambjentali (3) stabbilixxiet il-ħtieġa li jitnaqqas it-tniġġis tal-arja għal livelli li jimminimizzaw l-effetti dannużi fuq is-saħħa umana u fuq l-ambjent.

(2)

Il-Protokoll ta’ Ġinevra dwar il-Kontroll ta’ Emissjonijiet ta’ Komposti Organiċi Volatili jew il-Flussi Transkonfinali tagħhom jistabbilixxi l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-komposti organiċi volatili (VOCs) u l-Protokoll ta’ Gothenburg biex titnaqqas l-Aċidifikazzjoni, l-Etrofikazzjoni u l-Ożonu fil-Livell tal-Art (4) jistabbilixxi l-ogħla livelli ta’ emissjonijiet għal erba’ sustanzi inkwinanti id-dijossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu, il-VOCs u l-ammonja, u jitlob li jintużaw l-aqwa tekniki disponibbli jintużaw biex jitrażżnu l-emissjonijiet.

(3)

Id-Direttiva Nru 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja u arja iktar nadifa għall-Ewropa (5) tistabbilixxi għanijiet għall-kwalità tal-arja għall-ożonu fil-livell tal-art u l-benżin u d-Direttiva Nru 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (6) tistabbilixxi limiti massimi nazzjonali ta’ emissjonijiet għall-VOCs li jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-ożonu fil-livell tal-art. L-emissjonijiet ta’ VOCs, inkluż il-fwar tal-petrol, f’wieħed mill-istati Membri jistgħu jikkontribwixxu għal problemi fil-kwalità tal-arja fi Stati Membri oħra.

(4)

L-ożonu wkoll huwa gass b’effett serra u jikkontribwixxi għat-tisħin atmosferiku u għall-bidla fil-klima.

(5)

Id-Direttiva Nru 94/63/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar il-kontroll ta’ emissjonijiet ta’ komposti organiċi volatili (VOC) li jirriżultaw mill-ħażna tal-petrol u d-distribuzzjoni tiegħu minn terminals għall-istazzjonijiet ta’ servizz (7) (Fażi I tal-irkupru tal-fwar tal-petrol) għandha l-għan li tirkupra l-fwar tal-petrol li joħroġ mill-ħżin u d-distribuzzjoni tal-petrol bejn it-terminals taż-żejt u l-istazzjonijiet ta’ servizz.

(6)

Il-fwar tal-petrol joħroġ ukoll waqt ir-riforniment bil-karburant tal-vetturi bil-mutur fl-istazzjonijiet ta’ servizz u għandu jiġi rkuprat b’mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Nru 94/63/KE.

(7)

Diversi strumenti Komunitarji ġew żviluppati u implimentati biex jiġu limitati l-emissjonijiet tal-VOCs. Madankollu, hija meħtieġa aktar azzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet għas-saħħa u l-ambjent stabbiliti fis-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali u d-Direttiva 2001/81/KE.

(8)

Bil-ħsieb li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karburanti tat-trasport stradali, id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil (8) ser tippermetti, mill-1 ta’ Jannar 2011, it-tqegħid fis-suq ta’ petrol li fih proporzjon akbar ta’ komponenti tal-biokarburant minn dak li kien il-każ fil-passat. Dan jista’ jwassal għal żieda fl-emissjonijiet tal-VOCs, minħabba l-possibilità tal-Istati Membri li jimplimentaw derogi limitati mir-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva rigward il-pressjoni tal-fwar.

(9)

L-istazzjonijiet ta’ servizz eżistenti jista’ jkollhom bżonn jadattaw l-infrastruttura eżistenti u jkun aħjar li jiġi installat tagħmir għall-irkupru tal-fwar meta s-sistema tal-forniment tal-karburant tiġi rranġata mill-ġdid (jiġifieri alterazzjoni jew tiġdid sinifikanti tal-infrastruttura tal-istazzjon, b’mod partikolari tat-tankijiet u tal-pajpijiet), peress li dan inaqqas b’mod sinifikanti l-ispiża tal-adattamenti meħtieġa. Madankollu, l-istazzjonijiet eżistenti li huma ikbar jistgħu jadattaw aħjar u għandhom jinstallaw l-irkupru tal-fwar tal-petrol iktar kmieni, peress li dawn jikkontribwixxu iktar għall-emissjonijiet. Stazzjonijiet ġodda ta’ servizz jistgħu jintegraw tagħmir għall-irkupru tal-fwar tal-petrol matul id-disinn u l-bini tal-istazzjon ta’ servizz u għalhekk ikunu jistgħu jinstallaw tagħmir bħal dan mill-ewwel.

(10)

It-tankijiet tal-karburant ta’ vetturi bil-mutur ġodda ma fihomx fwar tal-petrol. Għaldaqstant hija meħtieġa deroga għall-ewwel forniment ta’ karburant ta’ dawn il-vetturi.

(11)

Għalkemm diversi Stati Membri għandhom rekwiżiti nazzjonali rigward is-sistemi tal-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II, m’hemm l-ebda leġiżlazzjoni Komunitarja. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi stabbilit livell uniformi minimu ta’ rkupru tal-fwar tal-petrol sabiex ikun hemm livell għoli ta’ benefiċċju ambjentali u sabiex jiġi faċilitat il-kummerċ tat-tagħmir għall-irkupru tal-fwar tal-petrol.

(12)

Kontrolli perjodiċi tat-tagħmir kollu installat għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II għandhom isiru sabiex jiġi żgurat li t-tagħmir għall-irkupru tal-fwar tal-petrol jipproduċi tnaqqis reali fl-emissjonijiet. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-kontrolli għandhom jitwettqu minn wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin: servizzi uffiċċjali ta’ spezzjoni, l-operatur innifsu jew parti terza. Fil-każ ta’ spezzjonijiet uffiċċjali, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ir-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2001 li tipprevedi kriterji minimi għal spezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri (9).

(13)

It-tagħmir għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II għandu jiġi ttestjat regolarment. Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) għandu jiġi mħeġġeġ jiżviluppa metodoloġija ta’ ttestjar armonizzata.

(14)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi billi n-nuqqas ta’ konformità jista’ jkun ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

(15)

F’konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (10), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess li juru, sa fejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(16)

Peress li hija adottata skont l-Artikolu 175 tat-Trattat, din id-Direttiva ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu miżuri protettivi aktar stretti li huma kompatibbli mat-Trattat. Skont l-Artikolu 176 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżuri bħal dawn.

(17)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (11).

(18)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni rigward il-metodi u l-istandards armonizzati. Peress li dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(19)

Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, speċifikament it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-fwar tal-petrol fl-atmosfera ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba fin-natura transkonfinali tat-tniġġis tal-arja jinkiseb aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri bl-għan li jnaqqsu l-ammont ta’ fwar tal-petrol li joħroġ fl-atmosfera waqt ir-riforniment tal-karburant tal-vetturi bil-mutur fl-istazzjonijiet ta’ servizz.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1.

“petrol” tfisser petrol kif definit fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 94/63/KE;

2.

“fwar tal-petrol” tfisser kwalunkwe kompost gassuż li jevaporaw mill-petrol;

3.

“stazzjon ta’ servizz” tfisser stazzjon ta’ servizz kif definit fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 94/63/KE;

4.

“stazzjon ta’ servizz eżistenti” tfisser stazzjon ta’ servizz mibni jew li għalih ingħata jew permess individwali għall-ippjanar, jew liċenzja għall-kostruzzjoni jew liċenzja għall-operat qabel l-1 ta’ Jannar 2012;

5.

“stazzjon ta’ servizz ġdid” tfisser stazzjon ta’ servizz mibni jew li għalih ingħata jew permess individwali għall-ippjanar, jew liċenzja għall-kostruzzjoni jew liċenzja għall-operat fl-1 ta’ Jannar 2012 jew wara;

6.

“Sistema għall-irkupru tal-fwar tat-tip Fażi II” tfisser tagħmir immirat għall-irkupru tal-fwar tal-petrol li jintilef mit-tank tal-karburant ta’ vettura waqt ir-riforniment tal-karburant fi stazzjon ta’ servizz u li jittrasferixxi dak il-fwar tal-petrol f’tank għall-ħżin fi stazzjon ta’ servizz jew lura fid-distributur tal-petrol biex jerġa’ jinbiegħ;

7.

“l-effiċjenza fil-qbid tal-fwar tal-petrol” tfisser l-ammont ta’ fwar tal-petrol maqbud mis-sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II paragunat mal-ammont ta’ fwar tal-petrol li joħroġ fl-atmosfera fin-nuqqas ta’ sistema bħal din u espress f’perċentwal;

8.

“il-proporzjon fwar/petrol” tfisser il-proporzjon bejn il-volum fi pressjoni atmosferika tal-fwar tal-petrol li jgħaddi mis-sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II u l-volum ta’ petrol li jkun ħareġ;

9.

“il-fluss” tfisser it-total tal-kwantità annwali ta’ petrol li jinħatt mill-kontejners mobbli għal ġo stazzjon ta’ servizz.

Artikolu 3

Stazzjonijiet ta’ servizz

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta’ servizz ġdid għandu jkun mgħammar b’sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II jekk:

(a)

il-fluss reali jew maħsub tiegħu jkun ikbar minn 500 m3 fis-sena; jew

(b)

il-fluss reali jew maħsub tiegħu ikun akbar minn 100 m3 fis-sena u jkun jinsab f’bini użat b’mod permanenti bħala post ta’ residenza jew ta’ xogħol.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta’ servizz eżistenti li jkun ser isir xogħol estensiv ta’ rinnovament fuqu għandu jiġi mgħammar b’sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II waqt il-proċess ta’ rinnovament jekk:

(a)

il-fluss reali jew maħsub tiegħu jkun ikbar minn 500 m3 fis-sena; jew

(b)

il-fluss reali jew maħsub tiegħu jkun ikbar minn 100 m3 fis-sena u jkun jinsab f’bini użat b’mod permanenti bħala post ta’ residenza jew ta’ xogħol.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe stazzjon ta’ servizz eżistenti li għandu fluss li jaqbeż it-3 000 m3 fis-sena għandu jiġi mgħammar b’sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 m’għandhomx japplikaw għall-istazzjonijiet ta’ servizz użati esklussivament b’rabta mal-bini u l-kunsinna ta’ vetturi ġodda bil-mutur.

Artikolu 4

Livell minimu għall-irkupru tal-fwar tal-petrol

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’effett mid-data li fiha s-sistemi għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II isiru obbligatorji skont l-Artikolu 3, li l-effiċjenza tal-qbid tal-fwar tal-petrol ta’ sistemi bħal dawn tkun daqs jew ikbar minn 85 % kif iċċertifikat mill-manifattur skont l-istandards tekniċi jew proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip Ewropej rilevanti msemmija fl-Artikolu 8 jew, jekk ma jkunx hemm standards jew proċeduri bħal dawn, skont kwalunkwe standard nazzjonali rilevanti.

2.   B’effett mid-data li fiha s-sistemi għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II isiru obbligatorji skont l-Artikolu 3, fejn il-fwar irkuprat tal-petrol jiġi trasferit għal tank tal-ħżin fi stazzjon ta’ servizz, il-proporzjon tal-fwar/petrol għandu jkun daqs jew akbar minn 0,95 iżda inqas jew daqs 1,05.

Artikolu 5

Kontrolli perjodiċi u informazzjoni lill-konsumatur

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effiċjenza tal-qbid tal-fwar tal-petrol waqt it-tħaddim tas-sistemi għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II tkun ittestjata mill-inqas darba fis-sena jew billi jiġi ċċekkjat li l-proporzjon fwar/petrol f’kondizzjonijiet simulati ta’ fluss tal-petrol ikun f’konformità mal-Artikolu 4(2) jew billi tintuża kwalunkwe metodoloġija oħra xierqa.

2.   Fejn ikun hemm sistema awtomatika ta’ monitoraġġ installata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-effiċjenza tal-qbid tal-fwar tal-petrol tiġi ttestjata mill-inqas darba kull tliet snin. Kull sistema awtomatika ta’ monitoraġġ bħal din għandha tirreġistra awtomatikament difetti fil-funzjonament xieraq tas-sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II u fis-sistema awtomatika tal-monitoraġġ innifisha, tindika n-nuqqasijiet lill-operatur tal-istazzjon ta’ servizz u twaqqaf awtomatikament il-fluss tal-petrol mill-pompa difettuża jekk id-difett ma jiġix irranġat fi żmien sebat ijiem.

3.   Meta stazzjon ta’ servizz ikun installa sistema għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan juri tabella, stiker jew avviż ieħor qrib il-pompa tal-petrol jew fuqu, li jinforma lill-konsumaturi dwar dan il-fatt.

Artikolu 6

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk id-dispożizzjonijiet sal-1 ta’ Jannar 2012 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta’ Diċembru 2014, twettaq reviżjoni tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u, b’mod partikolari:

(a)

il-limitu ta’ 100 m3 fis-sena msemmi fl-Artikolu 3(1)(b) u (2)(b) ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 94/63/KE;

(b)

ir-rekord ta’ konformità waqt it-tħaddim tas-sistemi għall-irkupru tal-fwar tal-petrol tat-tip Fażi II; u

(c)

il-ħtieġa ta’ tagħmir awtomatiku ta’ monitoraġġ.

Għandha tirrapporta r-riżultati ta’ dik ir-reviżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tinkludi magħhom, jekk ikun xieraq, proposta leġiżlattiva.

Artikolu 8

Adattamenti tekniċi

Jistgħu jiġu adottati metodi u standards armonizzati għall-finijiet tal-Artikoli 4 u 5. Fejn ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-konsistenza ma’ kwalunkwe standard rilevanti mfassal mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), dawk l-Artikoli, bl-eċċezzjoni tal-effikaċja tal-qbid tal-fwar tal-petrol u l-proporzjon fwar/petrol imsemmija fl-Artikolu 4 u l-perijodi ta’ żmien speċifikati fl-Artikolu 5, jistgħu jiġu adattati għall-progress tekniku.

Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2).

Artikolu 9

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

2.   Fejn isir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 10

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 2012. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikollhom magħhom referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  Opinjoni tat-13 ta’ Mejju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2009.

(3)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 179, 17.7.2003, p. 3.

(5)  ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.

(6)  ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22.

(7)  ĠU L 365, 31.12.1994, p. 24.

(8)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

(9)  ĠU L 118, 27.4.2001, p. 41.

(10)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(11)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.