20.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 274/25


DIRETTIVA 2009/114/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE dwar il-firxiet ta’ frekwenza li għandhom jiġu rriżervati għall-introduzzjoni koordinata ta’ komunikazzjonijiet mobbli terrestri pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej fil-Komunità

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 87/372/KEE (3), ikkomplementata bir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 1987 dwar l-introduzzjoni koordinata ta’ komunikazzjonijiet mobbli terrestri pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej fil-Komunità (4) u bir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 1990 dwar l-aħħar fażi tal-introduzzjoni koordinata ta’ komunikazzjonijiet mobbli terrestri pubbliċi ċellulari diġitali pan-Ewropej fil-Komunità (il-GSM) (5), għarfu il-ħtieġa li jużaw bis-sħiħ ir-riżorsi offruti min networks moderni tat-telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari r-radju mobbli, fl-interessi tal-iżvilupp ekonomiku tal-Komunità. Intgħarfet ukoll l-opportunità waħdanija offruta mill-mogħdija għas-sistema mobbli ċellulari diġitali tat-tieni ġenerazzjoni sabiex jiġu stabbiliti komunikazzjonijiet mobbli fuq livell tassew pan-Ewropew.

(2)

Il-firxiet tal-frekwenzi ta’ 890-915 MHz u 935-960 MHz kienu riżervati għal servizz pubbliku ta’ komunikazzjonijiet mobbli ċellulari diġitali pan-Ewropew li jkun provdut f’kull Stat Membru skont speċifikazzjoni komuni, magħrufa bħala GSM. Wara l-hekk imsejħa firxa ta’ estensjoni (880-890 MHz u 925-935 MHz) saret disponibbli għall-operazzjonijiet GSM, u flimkien dawn il-firxiet ta’ frekwenza huma magħrufin bħala l-firxa tad-900 Mhz.

(3)

Sa mill-1987, żviluppaw teknoloġiji ġodda diġitali tar-radju li kienu kapaċi jipprovdu komunikazzjonijiet elettroniċi pan-Ewropej, li jistgħu jeżistu flimkien mal-GSM fil-firxa ta’ 900 MHz f’kuntest regolatorju iktar newtrali minn qabel fuq livell teknoloġiku. Il-firxa ta’ 900 MHz għandha karatteristiċi tajbin ta’ propagazzjoni, li jkopru distanzi itwal minn firxiet ta’ frekwenzi ogħla, u li jippermettu servizzi moderni bil-vuċi, data u multimedjali sabiex ikunu estiżi għal zoni anqas ippopolati u rurali.

(4)

Sabiex tikkontribwixxi għall-objettivi tas-suq intern u tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ġunju 2005 bit-titolu “Inizjattiva i2010 - Soċjetà Ewropea ta’ Informazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi”, filwaqt li tinżamm id-disponibbiltà tal-GSM għall-utenti madwar l-Ewropa, u sabiex tiġi mmassimizzata l-kompetizzjoni billi tiġi offruta lill-utenti għażla wiesgħa ta’ servizzi u teknoloġiji, l-użu tal-firxa tad-900 MHz għandu jkun disponibbli għal teknoloġiji oħra għall-forniment ta’ servizzi oħra pan-Ewropej kompatibbli u avvanzati li jistgħu jeżistu flimkien mal-GSM.

(5)

L-użu futur tal-firxa tad-900 MHz, u b’mod partikolari l-kwistjoni dwar kemm il-GSM se jdum ikun t-teknoloġija ta’ riferiment għall-koeżistenza teknika f’din il-firxa, huwa kwistjoni ta’ importanza strateġika għas-suq intern. Dan għandu jiġi eżaminat flimkien mal-kwistjonijiet l-oħra tal-politika ta’ aċċess mingħajr fili tal-Komunità fil-programmi futuri ta’ politika dwar l-ispettrum tar-radju, li għandhom jiġu adottati skont id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (6). Dawk il-programmi jistabbilixxu orjentamenti u objettivi politiċi għall-ippjanar strateġiku tal-użu tal-ispettrum tar-radju, b’koperazzjoni mill-qrib mal-Grupp tal-Politika għall-Ispettrum tar-Radju (RSPG) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE (7).

(6)

Il-liberalizzazzjoni tal-użu tal-firxa tad-900 MHz tista’ possibilment twassal għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. B’mod partikolari, fejn fil-każ ta’ xi operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli ma ġiex assenjat lilhom spettru fil-firxa tad-900 MHz, dawn jistgħu jkunu fi żvantaġġ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kost u effiċjenza meta mqabbel ma’ operaturi li se jkunu kapaċi jipprovdu servizzi 3G f’dik il-firxa. Fl-ambitu tal-qafas regolatorju dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, u b’mod partikolari d-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonjiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (8), l-Istati Membri jistgħu jemendaw u/jew jirrivedu d-drittijiet tal-użu tal-ispettru u b’hekk ikollhom il-għodod biex jittrattaw, fejn meħtieġ, dawn id-distorsjonijiet possibbli.

(7)

Fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva 87/372/KEE kif emendata. Filwaqt li dan, minnu nnifsu, ma jirrikjedix li l-Istati Membri jimmodifikaw id-drittijiet eżistenti tal-użu jew li jibdew proċedura ta’ awtorizzazzjoni, huma għandhom jiġu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2002/20/KE ladarba l-firxa tad-900 MHz tkun saret disponibbli skont din id-Direttiva. Huma u jagħmlu hekk, huma għandhom jeżaminaw b’mod partikolari jekk l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tistax toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli kkonċernati. Fil-każ li jikkonkludu li dan ikun il-każ, għandhom jikkunsidraw jekk ikunx oġġettivament iġġustifikat u proporzjonat li jemendaw id-drittijiet tal-użu ta’ dawk l-operaturi li kienu ngħataw id-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tad-900 MHz u fejn proporzjonat, jirrivedu dawn id-drittijiet ta’ użu u jirridistribwixxu dawn id-drittijiet sabiex jindirizzaw dawn id-distorsjonijiet. Għandha ssir konsultazzjoni pubblika qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni fir-rigward ta’ din il-proċedura.

(8)

Kwalunkwe spettru li jsir disponibbli taħt din id-Direttiva għandu jiġi allokat b’mod trasparenti u b’tali mod li jiġi żgurat li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti.

(9)

Sabiex is-sistemi l-oħra jeżistu flimkien ma’ sistemi GSM fl-istess firxa, għandhom jevitaw interferenza li tagħmel il-ħsara billi jkunu applikati kundizzjonijiet dwar l-użu tekniku li jistgħu jkunu applikati għal teknoloġiji għajr dawk GSM li jużaw il-firxa tad-900 MHz.

(10)

Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar il-qafas regolatorju dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju) (9) tippermetti lill-Kummissjoni tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni teknika sabiex tiżgura kundizzjonijiet armonizzati għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju.

(11)

Kif mitlub mill-Kummissjoni, il-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT) ipproduċiet rapporti tekniċi li juru li s-sistemi UMTS (Sistema ta’ Telekomunikazzjoni Mobbli Universali) jistgħu jeżistu flimkien ma’ sistemi GSM fil-firxa tad-900 MHz. Il-firxa tad-900 MHz għandha għalhekk tinfetaħ għall-UMTS, sistema li tista’ teżisti flimkien mas-sistemi GSM, kif ukoll għal sistemi oħra hekk kif ikun jista’ jiġi ppruvat li huma jistgħu jeżistu flimkien mas-sistemi GSM skont il-proċedura stipulata fid-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju għall-adozzjoni ta’ kundizzjonijiet armonizzati għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-użu tal-ispettru tar-radju. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jassenja drittijiet tal-użu għal sistemi li jużaw l-ispeċifikazzjoni UMTS 900, l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju, u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/21/KE, għandhom jiżguraw li dawn is-sistemi jkunu protetti minn interferenza li jagħmlu l-ħsara minn sistemi oħra li jkunu qed jitħaddmu.

(12)

Għandha tkun żgurata protezzjoni xierqa bejn l-utenti tal-firxiet koperti minn din id-Direttiva u għall-utenti eżistenti fil-firxiet adjaċenti. Barra minn hekk, għandhom ikunu kkunsidrati sistemi prospettivi għal komunikazzjonijiet aeronawtiċi ‘l fuq minn 960 MHz, li jgħinu jissodisfaw il-miri tal-politika tal-Komunità f’dan is-settur. Is-CEPT tat parir tekniku f’dan ir-rigward.

(13)

Għandha tiżdied il-flessibbiltà fil-maniġment tal-ispettru u fl-aċċess għall-ispettru sabiex isir kontribut għall-objettivi tas-suq intern fil-komunikazzjonijiet elettroniċi. Għalhekk il-firxa ta’ 900 MHz għandha tkun miftuħa għal sistemi oħra għall-forniment ta’ servizzi oħra pan-Ewropej hekk kif ikun jista’ jintwera li dawk is-sistemi jistgħu jeżistu flimkien ma’ sistemi ta’ GSM.

(14)

Sabiex tippermetti teknoloġiji diġitali ġodda li jkunu mwaqqfa fil-firxa tad-900 MHz flimkien ma’ sistemi tal-GSM, id-Direttiva 87/372/KEE għandha tkun emendata u għandha titneħħa r-riżerva esklussiva ta’ din il-firxa għall-GSM,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 87/372/KEE

Id-Direttiva 87/372/KEE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-firxiet tal-frekwenzi 880-915 MHz u 925-960 MHz (il-firxa tad-900 MHz) disponibbli għas-sistemi tal-GSM u tal-UMTS, kif ukoll għal sistemi oħra terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jistgħu jeżistu flimkien mas-sistemi tal-GSM, skont l-implimentazzjoni teknika tal-miżuri adottati skont id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-radju) (*).

2.   L-Istati Membri għandhom, meta jimplimentaw din id-Direttiva, jeżaminaw jekk l-assenjazzjoni tal-ispettru tal-firxa tad-900 MHz lill-operaturi tat-telefonija mobbli li jikkompetu fit-territorju tagħhom għandhiex it-tendenza li xxekkel il-kompetizzjoni fis-swieq konċernati tat-telefonija mobbli u fejn ikun ġustifikat u proporzjonat, għandhom jindirizzaw dan ix-xkiel skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (**).

(*)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1 (Ħarġa Speċjali bil-Malti, Kap 13, Vol 29, p. 317)."

(**)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21 (Ħarġa Speċjali bil-Malti, Kap 13, Vol 29, p. 337).”;"

(2)

l-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘sistema GSM’ tfisser network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li huma konformi, mal-istandards tal-GSM, kif ippubblikati mill-ETSI, b’mod partikulari l-EN 301 502 u l-EN 301 511;

(b)

‘sistema UMTS’ tfisser network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li huma konformi, mal-istandards tal-UMTS, kif ippubblikati mill-ETSI, b’mod partikulari l-EN 301 908-1, EN 301 908-2, EN 301 908-3 u l-EN 301 908-11.”;

(3)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sad-9 ta’ Mejju 2010. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk il-miżuri u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.”;

(4)

l-Artikolu 4 huwa mħassar.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  Opinjoni tal-25 ta’ Frar 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Mejju 2009 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2009.

(3)  ĠU L 196, 17.7.1987, p. 85.

(4)  ĠU L 196, 17.7.1987, p. 81.

(5)  ĠU C 329, 31.12.1990, p. 25.

(6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(7)  ĠU L 198, 27.7.2002, 49.

(8)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

(9)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.