1.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/20


DIRETTIVA 2009/102/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

rigward il-liġijiet tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbiltà limitata

(verżjoni kodifikata)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkundisdra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’ mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

It-tnax-il Direttiva tal-Kunsill 89/667/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 rigward il-liġijiet tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbilità limitata (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.

(2)

Ċerti salvagwardi li, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u ta’ oħrajn, huma mitluba mill-Istati Membri ta’ kumpanniji u ditti fis-sens tal-Artikolu 48(2) tat-Trattat, għandhom jiġu koordinati bil-ħsieb li dawn is-salvagwardji jintgħamlu ekwivalenti ġewwa l-Komunità kollha.

(3)

F’dan il-kamp, l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tat-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 58(2) tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (5) u r-raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (6) u s-seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (7), dwar, rispettivament, l-iżvelar, il-validità tal-impejni, in-nullità, il-kontijiet annwali u l-kontijiet ikkonsolidati, japplikaw għal-kumpanniji kollha b’kapital azzjonarju. Madanakollu, It-tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat-13 ta’ Diċembru 1976 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 58(2) tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (8), it-tielet Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar l-amalgamazzjoni ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata (9), u s-sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b'responsabbilta pubblika limitata (10), dwar, rispettivament, il-formazzjoni u l-kapital, amalgamazzjonijiet u d-diviżjonijiet japplikaw biss għall-kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata.

(4)

Strument legali li jippermetti l-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-imprenditur individwali ġewwa l-Komunità kollha huwa neċessarju, mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Istati Membri li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jeħtieġu li dan l-imprenditur ikun responsabbli għall-obbligi tal-impriża tiegħu.

(5)

Kumpannija privata b’responsabbiltà limitata tista’ tkun kumpannija b’membru wieħed miż-żmien tal-formazzjoni tagħha, jew tista’ ssir hekk għaliex l-ishma tagħha jkunu ġew miżmuma minn azzjonist wieħed. Sakemm isir il-koordinament tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-gruppi, l-Istati Membri jistgħu jistabilixxu ċerti dispożizzjonijiet speċjali u penali għall-każijiet meta persuna naturali tkun il-membru wieħed ta’ diversi kumpanniji jew meta kumpannija b’membru wieħed jew kwalunkwe persuna legali oħra jkunu l-membru waħdieni ta’ kumpannija. L-iskop waħdani ta’ din is-setgħa huwa sabiex jittieħed kont tad-differenzi li jeżistu f’ċerti liġijiet nazzjonali. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu f’każijiet speċifiċi jistabilixxu restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ kumpanniji b’membru wieħed jew ineħħu l-limiti fuq ir-responsabbiltajiet tal-membri waħdiena. L-Istati Membri huma ħielsa li jistabilixxu regoli li jkopru r-riskji li jistgħu jippreżentaw il-kumpanniji b’membru wieħed bħala konsegwenza talli għandhom membru wieħed, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat illi jitħallas il-kapital sottoskritt.

(6)

Il-fatt illi l-ishma kollha jkunu ġew miżmuma minn azzjonist wieħed u l-identità tal-membru waħdieni għandha tiġi żvelata permezz ta’ dħul f’reġistru aċċessibli għall-pubbliku.

(7)

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-membru waħdieni fl-eżerċizzju tas-setgħat tal-laqgħa ġenerali għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub.

(8)

Il-kuntratti bejn membru waħdieni u l-kumpannija tiegħu kif irrapreżentata minnu għandhom jiġu reġistrati bil-miktub, safejn u sakemm dawn il-kuntratti ma jkollhomx x’jaqsmu mal-operazzjonijiet korrenti konklużi taħt kondizzjonijiet normali.

(9)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II, Parti B,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-miżuri ta’ koordinament stabbiliti f’din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tipi ta’ kumpanniji msemmija fl-Anness I.

Artikolu 2

1.   Kumpannija jista’ jkollha membru wieħed meta tiġi ffurmata u wkoll meta l-ishma kollha tagħha jiġu miżmuma minn persuna waħda (kumpannija b’ membru wieħed).

2.   L-Istati Membri jistgħu, sakemm isir il-koordinament tal-liġijiet nazzjonali relatati ma’ gruppi, jistabilixxu dispożizzjonijiet jew penali speċjali għall-każijiet meta:

(a)

persuna naturali tkun il-membru waħdieni ta’ diversi kumpanniji; jew

(b)

kumpannija b’membru wieħed jew kull persuna legali oħra jkunu l-membru waħdieni ta’ kumpannija.

Artikolu 3

Meta kumpannija ssir kumpannija b’membru wieħed minħabba li l-isħma kollha tagħha jiġu miżmuma minn persuna waħda, dan il-fatt flimkien ma l-identità tal-membru waħdieni, għandhom jew jiġu rreġistrati fil-fajl jew imdaħħla fir-reġistru kif imsemmi fl -Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 68/151/KEE jew jiġu mdaħħla f’reġistru miżmum mill-kumpannija u aċċessibli għall-pubbliku.

Artikolu 4

1.   Il-membru waħdieni għandu jeżerċita s-setgħat tal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija.

2.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-membru waħdieni fil-kamp imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati fil-minuti jew imfassla bil-miktub.

Artikolu 5

1.   Il-kuntratti bejn il-membru waħdieni u l-kumpannija tiegħu kif rapreżentata minnu għandhom jiġu rreġistrati fil-minuti jew imfassla bil-miktub.

2.   L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 għall-operazzjonijiet korrenti konklużi taħt kondizzjonijiet normali.

Artikolu 6

Meta Stat Membru jippermetti kumpanniji b’membru wieħed fis-sens ta’l-Artikolu 2(1) anke’ fil-każ tal-kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata, għandha tapplika din id-Direttiva.

Artikolu 7

Stat Membru ma għandux għalfejn jippermetti l-formazzjoni ta’ kumpanniji b’membru wieħed meta l-legiżlazzjoni tiegħu tipprovdi illi imprenditur individwali jista’ jistabbilixxi impriża li r-responsabbiltà tagħha tkun limitata għal somma ddedikata għall-attività dikjarata, bil-kondizzjoni li jiġu stabbiliti salvagwardji għal dawn l-impriżi li jkunu ekwivalenti għal dawk imposti minn din id-Direttiva jew minn kull dispożizzjoni tal-Komunità li tapplika għall-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Diretiva.

Artikolu 9

Id-Direttiva 89/667/KEE, kif emendata mill-atti elenkati fl-Anness II, Parti A hija mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 10

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  ĠU C 77, 31.3.2009 p. 42.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Novemebru 2008 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009.

(3)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 40.

(4)  Ara l-Anness II, Parti A.

(5)  ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8.

(6)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

(7)  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.

(8)  ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1.

(9)  ĠU L 295, 20.10.1978, p. 36.

(10)  ĠU L 378, 31.12.1982, p. 47.


ANNESS I

Tipi ta’ kumpaniji msemmija fl-Artikolu 1

Il-Belġju:

Société privée à responsabilité limitée/besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid;

Il-Bulgarja:

дружество с ограничена отговорност, акционерно дружество;

Ir-Repubblika Ċeka:

Společnost s ručením omezeným;

Id-Danimarka:

Anpartsselskaber;

Il-Ġermanja:

Gesellschaft mit beschränkter Haftung;

L-Estonja:

Aktsiaselts, osaühing;

L-Irlanda:

Private company limited by shares or by guarantee;

Il-Greċja:

εταιρεία περιορισμένης ευθύνης;

Spanja:

Sociedad de responsabilidad limitada;

Franza:

société à responsabilité limitée;

L-Italja:

Società a’ responsabilità limitata;

Ċipru:

Ιδιωτική εταιρεία περιορισμένηςε υθύνης με μετοχές ή με εγγύηση;

Il-Latvja:

Sabiedrība ar ierobežotu atbildību;

Il-Litwanja:

Uždaroji akcinė bendrovė;

Il-Lussemburgu:

Société à responsabilité limitée;

L-Ungerija:

Lorlátolt felelősségű társaság, részvénytárság;

Malta:

Kumpanija privata/private limited liability company;

L-Olanda:

Besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid;

L-Awstrija:

Aktiengesellschaft, Gesellschaft mit beschränkter Haftung;

Il-Polonja:

Spółka z ograniczoną odpowiedzialnością;

Il-Portugall:

Sociedade por quotas;

Ir-Rumanja:

Societate cu răspundere limitată;

Is-Slovenja:

Družba z omejeno odgovornostjo;

Is-Slovakkja:

Spoločnosť s ručením obmedzeným;

Il-Finlandja:

Osakeyhtiö/aktiebolag;

L-Iżvezja:

Aktiebolag;

Ir-Renju Unit:

Private company limited by shares or by guarantee.


ANNESS II

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmi fl-Artikolu 9)

Direttiva tal-Kunsill 89/667/KEE

(ĠU L 395, 30.12.1989, p. 40)

 

Anness I, punt XI.A tal-Att ta’ Adeżjoni 1994

(ĠU C 241, 29.8.1994, p. 194)

 

Anness II, punt 4.A tal-Att ta’ Adeżjoni 2003

(ĠU L 236, 23.9.2003, p. 338)

 

Direttiva tal-Kunsill 2006/99/KE

(ĠU L 363, 20.12.2006, p. 137)

punt A.4 tal-Anness biss

PARTI B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

(imsemmi fl-Artikolu 9)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Data ta’ applikazzjoni

89/667/KEE

fil-31 ta’ Diċembru 1991.

L-1 ta’ Jannar 1993 għal dak li jikkonċerna soċjetajiet li diġà jeżistu fl-1 ta’ Jannar 1992

2006/99/KE

fl-1 ta’ Jannar 2007.

 


ANNESS III

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 89/667/KEE

Din id-Direttiva

Artikoli 1, kliem introduttiv

Artikoli 1

Artikolu 1, l-ewwel sas-seba’ u għoxrin inċiż

Anness I

Artikoli 2 sa 7

Artikoli 2 sa 7

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(3)

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 9

Artikolu 11

Anness I

Anness II

Anness III