1.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/11


DIRETTIVA 2009/101/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti

(verżjoni kodifikata)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 44(2)(g) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Programm Ġenerali għat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment (1), u b’mod partikolari t-Titolu VI tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-ewwel Direttiva 68/151/KEE tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (4) ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali (5). Fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.

(2)

Il-koordinazzjoni ta’ disposizzjonijiet nazzjonali dwar l-iżvelar, il-validità ta’ obbligazzjonijiet li jkunu daħlu għalihom il-kumpaniji limitati b’azzjonijiet jew li diversament ikollhom responsabbiltà limitata u n-nullità tagħhom hija ta’ importanza speċjali, partikolarment għall-iskop ta’ protezzjoni tal-interessi ta’ terzi persuni.

(3)

Id-dokumenti bażiċi tal-kumpanija għandhom jiġu żvelati sabiex partijiet terzi jkunu jistgħu jaċċertaw il-kontenut tagħhom u informazzjoni oħra dwar il-kumpanija, speċjalment dettalji tal-persuni li huma awtorizzati li jorbtu l-kumpanija.

(4)

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti u formalitajiet sostantivi stabbiliti bil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, kumpaniji għandhom ikunu jistgħu jagħżlu biex jippreżentaw id-dokumenti u partikolaritajiet obbligatorji tagħhom permezz ta’ stampat jew mezzi elettroniċi.

(5)

Partijiet interessati għandhom ikunu jistgħu jiksbu mir-reġistru kopja ta’ dawn id-dokumenti u partikolaritajiet permezz ta’ stampat jew mezzi elettroniċi.

(6)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu li jżommu l-gazzetta nazzjonali, nominata għall-pubblikazzjoni ta’ dokumenti u partikolaritajiet obbligatorji, f’forma stampata jew f’forma elettronika, jew biex jipprovdu għal żvelar b’mezzi ugwalment effettivi.

(7)

Aċċess ‘l hinn mill-fruntieri għal informazzjoni fuq kumpaniji għandu jiġi faċilitat billi tiġi permessa, b’żieda ma’ żvelar obbligatorju li jsir f’waħda mil-lingwi li tkun permessa mill-Istat Membru tal-kumpanija, reġistrazzjoni volontarja b’lingwi addizzjonali tad-dokumenti u partikolaritajiet meħtieġa. Partijiet terzi li jaġixxu in bona fede għandhom ikunu jistgħu joqogħdu fuq dawk it-traduzzjonijiet.

(8)

Huwa xieraq li jiġi kjarifikat li l-istqarrija tal-partikolaritajiet obbligatorji stabbiliti f’din id-Direttiva għandha tkun inkluża fl-ittri u formoli tal-ordni kollha, sew jekk ikunu f’forma stampata jew bl-użu kull mezz ieħor. Fl-isfond tal-iżviluppi teknoloġiċi, ikun xieraq ukoll li jkun previst li dawn l-istqarrijiet jitqiegħdu fuq is-sit elettroniku ta’ kull kumpanija.

(9)

Il-protezzjoni ta’ terzi għandha tiġi żgurata b’disposizzjonijiet li jirrestrinġu sa fejn l-iktar possibbli r-raġunijiet li għalihom obbligazzjonijiet assunti f’isem il-kumpanija ma jkunux validi.

(10)

Huwa meħtieġ, sabiex tiġi żgurata ċertezza fil-liġi dwar relazzjonijiet bejn il-kumpanija u terzi, u wkoll bejn membri, li jiġu limitati il-każijiet li fihom tista’ tinqala’ n-nullità u l-effett retroattiv ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità, u biex jiġi ffissat limitu ta’ żmien qasir li fih terzi persuni jistgħu jagħmlu oġġezzjoni għal kull dikjarazzjoni bħal dik.

(11)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness I, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

AMBITU

Artikolu 1

Il-miżuri ta’ koordinazzjoni stipulati b’din id-Direttiva għandhom japplikaw għal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar it-tipi ta’ kumpaniji li ġejjin:

Il-Belġju:

de naamloze vennootschap,

la société anonyme,

de commanditaire vennootschap op aandelen

la société en commandite par actions,

de personenvennootschap met beperkte aansprakelijkheid;

la société de personnes à responsabilité limitée;

Il-Bulgarija:

акционерно дружество, дружество с ограничена отговорност, командитно дружество с акции;

Ir-Repubblika Ċeka:

společnost s ručením omezeným, akciová společnost;

Id-Danimarka:

aktieselskab, kommanditaktieselskab, anpartsselskab;

Il-Ġermanja:

die Aktiengesellschaft, die Kommanditgesellschaft auf Aktien, die Gesellschaft mit beschränkter Haftung;

L-Estonja:

aktsiaselts, osaühing;

L-Irlanda:

companies incorporated with limited liability;

Il-Greċja:

ανώνυμη εταιρία, εταιρία περιωρισμένης ευθύνης, ετερόρρυθμη κατά μετοχές εταιρία;

Spanja:

la sociedad anonima, la sociedad comanditaria por acciones, la sociedad de responsabilidad limitada;

Franza:

la société anonyme, la société en commandite par actions, la société à responsabilité limitée, la société par actions simplifiée;

L-Italja:

società per azioni, società in accomandita per azioni, società a responsabilità limitata;

Ċipru:

δημόσιες εταιρείες περιορισμένης ευθύνης με μετοχές ή με εγγύηση, ιδιωτικές εταιρείες περιορισμένης ευθύνης με μετοχές ή με εγγύηση;

Il-Latvja:

akciju sabiedrība, sabiedrība ar ierobežotu atbildību, komanditsabiedrība;

Il-Litwanja:

akcinė bendrovė, uždaroji akcinė bendrovė;

Il-Lussemburgu:

la société anonyme, la société en commandite par actions, la société à responsabilité limitée;

L-Ungerija:

részvénytársaság, korlátolt felelősségű társaság;

Malta:

kumpanija pubblika/public limited liability company, kumpanija privata/private limited liability company;

L-Olanda:

de naamloze vennootschap, de besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid;

L-Awstrija:

die Aktiengesellschaft, die Gesellschaft mit beschraenkter Haftung;

Il-Polonja:

spółka z ograniczoną odpowiedzialnością, spółka komandytowo-akcyjna, spółka akcyjna;

Il-Portugall:

a sociedade anonima de responsabilidade limitada, a sociedade em comandita por acções, a sociedade por quotas de responsabilidade limitada;

Ir-Rumanija:

societate pe acțiuni, societate cu răspundere limitată, societate în comandită pe acțiuni;

Is-Slovenja:

delniška družba, družba z omejeno odgovornostjo, komaditna delniška družba;

Is-Slovakkja:

akciová spoločnosť, spoločnosť s ručením obmedzeným’;

Il-Finlandja:

yksityinen osakeyhtiö/privat aktiebolag,julkinen osakeyhtiö/publikt aktiebolag;

L-Iżvezja:

aktiebolag;

Ir-Renju Unit:

companies incorporated with limited liability.

KAPITOLU 2

ŻVELAR

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw żvelar obbligatorju minn kumpaniji msemmija fl-Artikolu 1 tal-inqas tadd-dokumenti u d-dettalji li ġejjin:

(a)

id-dokument ta’ kostituzzjoni, u l-istatuti jekk huma jinsabu f’dokument separat;

(b)

kull emenda għad-dokumenti msemmija f’punt (a), inkluża kull estensjoni ta’ kemm ilha l-kumpanija;

(c)

wara kull emenda tad-dokument ta’ kostituzzjoni jew tal-istatuti, it-test komplet tad-dokument jew statuti kif emendati sal-lum;

(d)

il-ħatra, it-tmiem ta’ kariga u d-dettalji tal-persuni li sew bħala korp kostitwit skont liġi u sew bħala membri ta’ kull korp bħal dak:

(i)

huma awtorizzati li jirrappreżentaw il-kumpanija fit-trattattivi ma’ terzi u fi proċedimenti legali; għandu jidher mill-iżvelar sew jekk il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentaw il-kumpanija jistgħux jagħmlu hekk waħedhom jew jekk għandhomx jaġixxu konġuntement;

(ii)

jieħdu parti fl-amministrazzjoni, sorveljanza jew kontroll tal-kumpanija.

(e)

għall-inqas darba fis-sena, l-ammont tal-kapital sottoskritt, fejn d-dokument ta’ kostituzzjoni jew l-istatuti jsemmu kapital awtorizzat, kemm-il darba kull żieda fil-kapital sottoskritt teħtieġ emenda tal-istatuti;

(f)

id-dokumenti tal-accounting għal kull sena finanzjarja, li huma meħtieġa li jkunu ppubblikati skont id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE (6), 83/349/KEE (7), 86/635/KEE (8) u 91/674/KEE (9);

(g)

kull trasferiment tas-sede tal-kumpanija;

(h)

l-istralċ tal-kumpanija;

(i)

kull dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kumpanija mill-qrati;

(j)

il-ħatra ta’ stralċjarji, dettalji dwarhom, u s-setgħat rispettivi tagħhom, kemm-il darba dawn is-setgħat huma espressament u esklussivament meħuda minn liġi jew mill-istatuti tal-kumpanija;

(k)

it-terminazzjoni tal-istralċ u, fi Stati Membri meta tħassir mir-reġistru jinvolvi konsegwenzi legali, il-fatt ta’ kull tħassir bħal dak.

Artikolu 3

1.   F’kull Stat Membru, għandu jinfetaħ fajl fir-reġistru ċentrali, reġistru kummerċjali jew reġistru tal-kumpaniji, għal kull waħda minn dawk il-kumpaniji rreġistrati fih.

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “b’mezzi elettroniċi” għandha tfisser li l-informazzjoni tintbagħat fil-bidu u jirċevuha fid-destinazzjoni tagħha permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u ħażna ta’ data, u tkun trażmessa totalment, imwassla u jkunu rċevuha b’mod li jkun stabbilit mill-Istati Membri bil-wajer, bir-radju b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettromanjetiċi.

3.   Id-dokumenti u partikolaritajiet kollha li għandhom jiġu żvelati skont l-Artikolu 2 għandhom jinżammu fil-fajl, jew jiddaħħlu fir-reġistru; is-suġġett tan-notamenti fir-reġistru għandhom f’kull każ jidhru fil-fajl.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fajling mill-kumpaniji, kif ukoll minn persuni jew korpi oħra meħtieġa li jagħmlu jew jgħinu biex isiru n-notifiki, tad-dokumenti u partikolaritajiet li għandhom ikunu żvelati skont l-Artikolu 2 ikunu jistgħu jsiru permezz ta’ mezzi elettroniċi. B’żieda ma’ dan, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-kumpaniji kollha, jew ċerti kategoriji, li jippreżentaw dawn id-dokumenti u partikolarijiet kollha, jew ċerti tipi tagħhom, b’mezzi elettroniċi.

Id-dokumenti u partikolaritajiet kollha msemmija fl-Artikolu 2 li jkunu ppreżentati, permezz ta’ stampat jew b’mezzi elettroniċi, għandhom jinżammu fil-fajl, jew jiġu annotati fir-reġistru, f’forma elettronika. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn id-dokumenti u partikolaritajiet kollha li jkunu ppreżentati permezz ta’ stampat jinbidlu bir-reġistru f’forma elettronika.

Id-dokumenti u partikolaritajiet li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2 li kienu ppreżentati sal-31 ta’ Diċembru 2006 ma għandhomx ikunu meħtieġa li jinbidlu awtomatikament f’forma elettronika mir-reġistru. L-Istati Membri għandhom b’danakollu jiżguraw li jinbidlu f’forma elettronika mir-reġistru meta jirċievu applikazzjoni biex jiżvelaw b’mezzi elettroniċi li jkunu ntbagħtu skont il-miżuri adottati biex idaħħlu fis-seħħ il-paragrafu 4.

4.   Kopja tad-dokumenti jew partikolaritajiet kollha jew kull parti minnhom li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2 ikollha tkun disponibbli meta japplikaw għaliha. Applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lir-reġistru permezz ta’ stampat jew mezzi elettroniċi skont kif jagħżel l-applikant.

Kopji kif hemm riferenza għalihom fl-ewwel paragrafu għandhom ikunu disponibbli mir-reġistru permezz ta’ stampat jew b’mezzi elettroniċi kif jagħżel l-applikant. Dan għandu japplika fil-każ tad-dokumenti u partikolaritajiet kollha, ippreżentati. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk id-dokumenti u partikolaritajiet kollha, jew ċerti tipi tagħhom, jiġux ippreżentati permezz ta’ stampat jew qabel data li tista’ ma tkunx aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2006 għandhom ikunu disponibbli mir-reġistru permezz ta’ mezzi elettroniċi jekk perjodu speċifiku jkun skada bejn id-data ta’ meta jkun ġie ppreżentat u d-data tal-applikazzjoni li tkun ippreżentata lir-reġistru. Perjodu speċifikat bħal dan ma jistax ikun anqas minn 10 snin.

Il-prezz biex tinkiseb kopja ta’ dokumenti jew partikolaritajiet kollha jew uħud minnhom li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2, sew jekk permezz ta’ stampat u sew jekk permezz ta’ mezzi elettroniċi, m’għandux ikun aktar mill-prezz amministrattiv tagħhom.

Kopji stampati pprovduti għandhom ikunu ċertifikati bħala “veri kopji”, kemm-il darba l-applikant ma jkunx jeħtieġ din iċ-ċertifikazzjoni. Kopji stampati pprovduti m’għandhomx ikunu ċertifikati bħala “ veri kopji”, kemm-il darba l-applikant b’mod espliċitu ma jitlobx din iċ-ċertifikazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li ċ-ċertifikazzjoni ta’ kopji elettroniċi jiggarantixxu sew l-awtentiċità tal-oriġini tagħhom kif ukoll l-integrità tal-kontenut tagħhom, permezz tal-anqas firma elettronika avvanzata skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 1999/93/KE (10).

5.   L-iżvelar ta’ dokumenti u partikolaritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 għandu jsir minn pubblikazzjoni fil-gazzetta nazzjonali nominata għal dak l-iskop minn Stat Membru, jew tat-test kollu jew ta’ parti mit-test, jew permezz ta’ riferenza għad-dokument li jkun ġie depożitat fil-file jew annotat fir-reġistru. Il-gazzetta nazzjonali maħtura għal dak l-iskop tista’ tinżamm f’forma elettronika.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jibdlu l-pubblikazzjoni fil-gazzetta nazzjonali b’mezzi ugwalment effettivi, li jinvolvu tal-anqas l-użu ta’ sistema li biha l-informazzjoni żvelata jista’ jkun hemm aċċess għaliha b’ordni kronoloġiku permezz ta’ bażi elettronika ċentrali.

6.   Id-dokumenti u partikolaritajiet jistgħu jingħataw lil ħaddieħor mill-kumpannija lill-partijiet terzi biss wara li jkunu ġew żvelati skont il-paragrafu 5, kemm-il darba l-kumpannija ma tagħtix prova li l-partijiet terzi kienu jafu biha.

Madankollu, rigward tranżazzjonijiet li jsiru qabel is-16-il jum wara li jiġu żvelati, id-dokumenti u partikolaritajiet għandhom jingħataw lil partijiet terzi li jkunu taw prova li kien impossibbli għalihom li jkunu jafu bihom.

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw kull diskrepanza f’dak li jkun żvelat skont il-paragrafu 5 u dak li jidher fir-reġistru jew fajl.

Madankollu, f’każi ta’ diskrepanza, it-test żvelat skont il-paragrafu 5 jista’ ma jingħatax lil partijiet terzi; dawn il-partijiet terzi jistgħu minkejja dan jafdaw fuqha, kemm-il darba l-kumpannija ma ġġibx provi li kellhom informazzjoni tat-testi depositati fil-fajl jew imdaħħla fir-reġistru.

Partijiet terzi jistgħu, b’żieda ma’ dan, dejjem jafdaw fuq kull dokument u partikolarità li dwaru l-formalitajiet ta’ żvelar għadhom ma ġewx kompluti, bla ħsara fejn il-fatt li ma jkunx hemm żvelar jikkawża li jkunu bla effett.

Artikolu 4

1.   Dokumenti u partikolaritajiet li għandhom jiġu żvelati skont l-Artikolu 2 għandhom jiġu stipulati u ppreżentati f’waħda mil-lingwi li jistgħu jintużaw skont ir-regoli tal-lingwa applikabbli fl-Istati Membri li fihom il-fajl li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 3(1) jinfetaħ.

2.   B’żieda mal-iżvelar obbligatorju msemmija fl-Artikolu 3, Stati Membri għandhom jippermettu li dokumenti u partikolaritajiet li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2 jiġu żvelati volontarjament skont l-Artikolu 3 f’kull lingwa uffiċjali tal-Komunità.

L-Istati Membri jistgħu jippreskrivu li t-traduzzjoni ta’ dawn id-dokumenti u partikolaritajiet tkun ċertifikata.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiffaċilitaw l-aċċess minn partijiet terzi għat-traduzzjonijiet żvelati volontarjament.

3.   B’żieda ma’ dan l-iżvelar obbligatorju msemmi fl-Artikolu 3, u l-iżvelar volontarju previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, Stati Membri jistgħu jippermettu li d-dokumenti u partikolaritajiet relatati li jkunu żvelati, skont l-Artikolu 3, f’kull lingwa oħra.

L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li t-traduzzjoni ta’ dawn id-dokumenti u partikolaritajiet ikunu ċertifikati.

4.   Fil-każi ta’ diskrepanza bejn id-dokumenti u partikolaritajiet żvelati fil-lingwi uffiċjali tar-reġistru u traduzzjonijiet żvelati volontarjament, din tal-aħħar tista’ ma tkunx fdata minn terzi persuni. Terzi persuni jistgħu minkejja dan joqogħdu fuq it-traduzzjonijiet żvelati volontarjament, kemm-il darba l-kumpannija tagħti provi li partijiet terzi ma kellhomx informazzjoni tal-verżjoni li kienet bla ħsara għall-iżvelar obbligatorju.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-ittri u l-formoli tal-ordnijiet, jekk ikunu f’forma stampata jew jużaw kull mezz ieħor, għandhom jiddikjaraw il-partikolaritajiet li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi identifikat ir-reġistru li fih il-fajl imsemmi fl-Artikolu 3 jinżamm, flimkien man-numru tal-kumpannija f’dak ir-reġistru;

(b)

il-forma legali tal-kumpannija, il-lokalità tal-uffiċċju reġistrat tagħha u, fejn hu xieraq, il-fatt li l-kumpannija qiegħda fil-proċess ta’ stralċ.

Fejn, f’dawn id-dokumenti, issir riferenza tal-kapital tal-kumpannija, ir-riferenza għandha tkun għal kapital sottoskritt u mħallas.

L-Istati Membri għandhom jippreskrivu li s-siti elettroniċi tal-kumpannija jkun fihom tal-anqas il-partikolaritajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu u, jekk applikabbli, ir-riferenza għall-kapital sottoskritt u mħallas.

Artikolu 6

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi liema persuni għandhom iwettqu l-formalitajiet tal-iżvelar.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal penali xierqa tal-anqas fil-każ ta’:

(a)

nuqqas ta’ żvelar ta’ dokumenti tal-accounting kif meħtieġ fl-Artikolu 2(f);

(b)

ommissjoni minn dokumenti kummerċjali jew minn kull sit elettroniku ta’ kumpannija tal-partikolaritajiet previsti fl-Artikolu 5.

KAPITOLU 3

VALIDITÀ TA’ OBBLIGAZZJONIJIET ASSUNTI MILL-KUMPANIJA

Artikolu 8

Jekk, qabel kumpanija li qed tiġi ffurmata akkwistat personalità legali, twettqet azzjoni f’isimha u l-kumpanija ma tassumix l-obbligi li joħorġu minn dik l-azzjoni, il-persuni li aġixxew għandhom, mingħajr limitu, ikunu responsabbli għalihom flimkien u separatament, kemm-il darba mhux miftiehem xort’oħra.

Artikolu 9

It-tkomplija tal-formalitajiet tal-iżvelar tad-dettalji dwar il-persuni li, bħala organu tal-kumpanija, huma awtorizzati biex jirrappreżentawha għandha tikkostitwixxi ostakolu għal kull irregolarità fil-ħatra tagħhom li wieħed għandu joqgħod fuqha fil-konfront ta’ terzi kemm-il darba l-kumpanija tipprova li dawk it-terzi kellhom konoxxenza tagħha.

Artikolu 10

1.   Atti magħmula mill-organi tal-kumpanija għandhom jorbtuha anki jekk dawk l-atti mhumiex fl-għanijiet tal-kumpanija, kemm-il darba dawk l-atti ma jeċċedux is-setgħat li l-liġi tagħti jew tħalli li jingħataw lil dawk l-organi.

Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kumpanija m’għandhiex tkun vinkolata meta dawk l-atti huma barra l-għanijiet tal-kumpanija, jekk hija tipprova li l-parti terza kienet taf li l-att kien barra dawk l-għanijiet jew li ma setgħatx in vista taċ-ċirkustanzi ma kienx jaf bihom; l-iżvelar tal-istatuti m’għandux ikun fih innifsu prova suffiċjenti ta’ dawn.

2.   Il-limiti fuq is-setgħat tal-organi tal-kumpanija li joħorġu mill-istatuti jew minn deċiżjoni tal-organi kompetenti, ma jistax wieħed joqgħod fuqhom fil-konfront ta’ terzi, anki jekk huma ġew żvelati.

3.   Jekk il-liġi nazzjonali tipprovdi li awtorità biex tirrappreżenta kumpanija tista’, b’deroga mir-regoli legali li jirregolaw is-suġġett, tiġi mogħtija mill-istatuti lil persuna waħda jew diversi persuni li jaġixxu flimkien, dik il-liġi tista’ tipprovdi li dispożizzjoni bħal dik fl-istatuti jista’ wieħed joqgħod fuqha fil-konfront ta’ terzi bil-kondizzjoni li din tirrelata għas-setgħa ġenerali ta’ rappreżentazzjoni; il-kwistjoni jekk dik id-dispożizzjoni jistax wieħed joqgħod fuqha fil-konfront ta’ terzi għandha tiġi regolata bl-Artikolu 3.

KAPITOLU 4

NULLITÀ TAL-KUMPANIJA

Artikolu 11

Fl-Istati Membri kollha li l-liġijiet tagħhom ma jipprovdux għal kontroll preventiv, amministrattiv jew ġudizzjarju, fiż-żmien tal-formazzjoni ta’ kumpanija, id-dokument ta’ kostituzzjoni, l-istatuti tal-kumpanija u kull emenda għal dawk id-dokumenti għandhom jiġu mfassla u ċċertifikati fil-forma legali xierqa.

Artikolu 12

Il-liġijiet tal-Istati Membri jistgħu jipprovdu għan-nullità ta’ kumpaniji biss fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

in-nullità għandha tiġi ordnata b’deċiżjoni tal-qorti tal-ġustizzja;

(b)

in-nullità tista’ tiġi ordnata biss fil-każijiet msemmijin fil-punti (i) sa (vi):

(i)

li ebda dokument kostituzzjonali ma ġie esegwit jew li r-regoli ta’ kontroll preventiv jew il-formalitajiet legali rikjesti ma ġewx imħarsa;

(ii)

li l-għanijiet tal-kumpanija mhumiex skont il-liġi jew huma kontra l-ordni pubbliku;

(iii)

li d-dokument kostituzzjonali jew l-istatuti ma jiddikjarawx l-isem tal-kumpanija, l-ammont tas-sottoskrizzjonijet individwali ta’ kapital, l-ammont totali tal-kapital sottoskritt jew l-għanijiet tal-kumpanija;

(iv)

nuqqas ta’ konformita’ mad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar l-ammont minimu ta’ kapital li għandu jitħallas;

(v)

l-inkapaċità tas-soċji fundaturi kollha;

(vi)

li, kontra l-liġi nazzjonali li tirregola l-kumpanija, in-numru ta’ soċji fundaturi huwa inqas minn tnejn.

Barra mir-raġunijiet ta’ nullità msemmijin qabel, kumpanija ma għandhiex tkun suġġetta għal xi kawża ta’ nuqqas ta’ eżistenza, nullità assoluta, nullità relattiva jew dikjarazzjoni ta’ nullità.

Artikolu 13

1.   Il-kwistjoni jekk deċiżjoni ta’ nullità dikjarata minn qorti tal-ġustizzja jistax wieħed joqgħod fuqha fil-konfront ta’ terzi għandha tiġi regolata mill-Artikolu 3. Meta l-liġi nazzjonali tagħti s-setgħa lil parti terza li tikkontesta d-deċiżjoni, hija tista’ tagħmel dan fi żmien sitt xhur min-notifika pubblika tad-deċiżjoni li tingħata mill-qorti.

2.   Nullità għandha tfisser l-istralċ tal-kumpanija, kif ukoll jista’ jfisser xoljiment.

3.   Nullità ma tistax fiha nnifisha tolqot il-validità ta’ xi obbligu li bih tkun intrabtet kumpanija jew li oħrajn jkunu ntrabtu magħha, bla ħsara għall-konsegwenzi tal-istralċjar tal-kumpanija.

4.   Il-liġijiet ta’ kull Stat Membru jistgħu jiddisponu għall-konsegwenzi ta’ nullità fejn jidħlu membri tal-kumpanija.

5.   Id-detenturi ta’ azzjonijiet ta’ kapital għandhom jibqgħu obbligati jħallsu l-kapital miftiehem li jkun sottoskritt minnhom iżda li jkun għadu ma ġiex imħallas, safejn obbligi li jsiru ma’ kredituri hekk jeħtieġu.

KAPITOLU 5

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 14

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali fil-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 15

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2012, rapport, flimkien ma’ proposta, jekk ikun xieraq, għall-emenda tad-dispożizzjonijiet tal-punt (f) tal-Artrikolu 2 u l-Artikoli 3, 4, 5 u 7 fl-isfond tal-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet u l-iskopijiet tagħhm u bl-iżviluppi teknoloġiċi osservati dak il-ħin.

Artikolu 16

Id-Direttiva 68/151/KEE, kif emendata mill-atti elenkati fl-Anness I, Parti A hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness I, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 17

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  ĠU 2, 15.1.1962, p. 36/62.

(2)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 25.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2008 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009.

(4)  ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8.

(5)  Ara l-Anness I, Parti A.

(6)  Ir-raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju tal-1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11).

(7)  Is-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju tal-1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn (ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi tal-assigurazzjoni (ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7).

(10)  Id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12).


ANNESS I

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 16)

Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE

(ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8)

 

Anness I, punt III.H tal-Att ta’ Adeżjoni 1972

(ĠU L 73, 27.3.1972, p. 89)

 

Anness I, Punt III.C tal-Att ta’ Adeżjoni 1979

(ĠU L 291, 19.11.1979, p. 89)

 

Anness I, punt II.D tal-Att ta’ Adeżjoni 1985

(ĠU L 302, 15.11.1985, p. 157)

 

Anness I, punt XI.A tal-Att ta’ Adeżjoni 1994

(ĠU C 241, 29.8.1994, p. 194)

 

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/58/KE (ĠU L 221 tal-4.9.2003, p. 13)

 

Anness II, punt II.4.A tal-Att ta’ Adeżjoni 2003

(ĠU L 236, 23.9.2003, p. 338)

 

Direttiva 2006/99/KE tal-Kunsill

(ĠU L 363, 20.12.2006, p. 137)

Punt A.1 tal-Anness biss

PARTI B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 16)

Directive

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

68/151/KEE

fil-11 ta’ Settembru 1969.

2003/58/KE

fit-30 ta’ Diċembru 2006.

2006/99/KE

fl-1 ta’ Jannar 2007.


ANNESS II

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 68/151/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(1)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(3)

Artikolu 3(3)

Artikolu 3(4)

Artikolu 3(4)

Artikolu 3(5)

Artikolu 3(5)

Artikolu 3(6)

Artikolu 3(6), l-ewwel u t-tieni subparagrafu

Artikolu 3(7), l-ewwel u t-tieni subparagrafu

Artikolu 3(7)

Artikolu 3(7), it-tielet subparagrafu

Artikolu 3(8)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3a

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11, kliem introduttiv

Artikolu 12, kliem introduttiv

Artikolu 11, punt 1

Artikolu 12, punt (a)

Artikolu 11, punt 2, kliem introduttiv

Artikolu 12, punt (b), kliem introduttiv

Artikolu 11, punt 2, punti (a) sa (f)

Artikolu 12, punt (b), punti (i) sa (vi)

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13, l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafu

Artikolu 13 ir-raba’ subparagrafu

Artikolu 14

Artikolu 14

Artikolu 18

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 17

Anness I

Anness II