28.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/14


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/83/KE

tas-27 ta’ Lulju 2009

li temenda ċerti annessi tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet tekniċi li għandhom x’jaqsmu mal-ġestjoni tar-riskju

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tal-kummerċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu [titlu mhux uffiċjali] (1), u b’mod partikulari l-punt (1) tal-Artikolu 150(1) tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex jiżguraw implimentazzjoni u applikazzjoni koerenti tad-Direttiva 2006/48/KE madwar l-UE kollha, fl-2006 l-Kummissjoni u l-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej waqqfu grupp ta’ ħidma (il-Grupp għat-Traspożizzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali – is-CRDTG) li kien inkarigat jiddiskuti u jsolvi kwistjonijiet li kellhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva. Skont is-CRDTG, ċerti dispożizzjonijiet tekniċi inklużi fl-Annessi V, VI, VII, VIII, IX, X u XII tad-Direttiva 2006/48/KE jeħtieġ li jiġu speċifikati iktar sabiex tkun żgurata applikazzjoni konverġenti. Barra minn hekk, ċerti dispożizzjonijiet ma jikkorrispondux ma’ prattiki għaqlin tal-ġestjoni tar-riskju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Għalhekk huwa xieraq li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu aġġustati.

(2)

Bil-għan li jintlaħaq is-suq intern, għandhom jiġu ċċarati l-modi kif istituzzjoni ta’ kreditu tista’ turi li hemm trasferiment sinifikanti tar-riskju mill-karta tal-bilanċ tagħha. Jixraq ukoll li wieħed iżid il-fattur tal-konverżjoni ta’ kreditu għall-faċilitajiet tal-likwidità mogħtija mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-mekkaniżmi li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ.

(3)

Id-Direttiva 2006/48/KE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Banek Ewropej,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/48/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)

Il-punt 8 tal-Anness V qed jitbiddel b’dan li ġej:

“8.

Ir-riskji li jinħolqu minn tranżazzjonijiet tat-titolizzazzjonijiet li fihom l-istituzzjonijiet tal-kreditu jkunu l-investituri, l-oriġinaturi jew il-promoturi, għandhom jiġu evalwati u indirizzati permezz ta’ politiki u proċeduri xierqa. B’mod partikulari, dawn il-politiki u l-proċeduri għandhom jiżguraw li s-sustanza ekonomika tat-tranżazzjoni tkun murija bis-sħiħ fid-deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni tiegħu.”

(2)

Il-Parti 1 tal-Anness VI hija emendata kif ġej:

(a)

Fil-punt 29, il-frażi ta’ introduzzjoni qed titbiddel b’dan li ġej:

“29.

L-iskoperturi għal istituzzjonijiet b’maturità residwa ta’ aktar minn tliet xhur li għalihom tkun disponibbli valutazzjoni tal-kreditu minn ECAI nominata għandhom jingħataw piż għar-riskju skont it-Tabella 4 bi qbil mal-attribuzzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tal-valutazzjonijiet tal-kreditu tal-ECAIs eliġibbli għas-sitt klassijiet tal-iskala tal-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu.”

(b)

Fil-punt 31, il-frażi ta’ introduzzjoni qed titbiddel b’dan li ġej:

“31.

L-iskoperturi għal istituzzjonijiet b’maturità residwa ta’ tliet xhur jew inqas li għalihom tkun disponibbli valutazzjoni tal-kreditu minn ECAI nominata għandhom jingħataw piż għar-riskju skont it-Tabella 5 bi qbil mal-attribuzzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti tal-valutazzjonijiet tal-kreditu tal-ECAIs eliġibbli għas-sitt klassijiet tal-iskala tal-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu:”

(c)

Il-punt 14 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“14.   

SKOPERTURI GĦAL ISTITUZZJONIJIET U KUMPANIJI B’VALUTAZZJONI TAL-KREDITU GĦAT-TERMINU QASIR”.

(d)

Fil-punt 73, il-frażi ta’ introduzzjoni qed titbiddel b’dan li ġej:

“73.

L-iskoperturi għal istituzzjonijiet fejn japplikaw il-punti 29 sa 32, u l-iskoperturi għal kumpaniji li għalihom hija disponibbli evalwazzjoni tal-kreditu għat-terminu qasir minn ECAI nominata għandhom jingħataw piż għar-riskju skont it-Tabella 7, bi qbil mal-attribuzzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-valutazzjonijiet tal-kreditu tal-ECAIs eliġibbli għas-sitt klassijiet tal-iskala tal-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu:”

(e)

Qed jiżdied il-punt 90 li ġej:

“90.

Il-valur tal-iskopertura għal kuntratti ta’ kiri għandu jkun il-ħlas skontat tal-ammont minimu tal-kirja. Il-ħlasijiet tal-ammont minimu tal-kirja huma l-ħlasijiet matul il-perjodu tal-kiri li l-kerrej jista’ jagħmel jew jista’ jitġiegħel jagħmel u kwalunkwe opzjoni ta’ ffrankar (jiġifieri opzjoni li dwarha hemm kważi ċertezza sħiħa li se tiġi eżerċitata). Kwalunkwe valur residwu ggarantit li jissodisfa s-sett ta’ kundizzjonijiet mogħtija fil-punti 26, 27 u 28 tal-Parti I tal-Anness VIII rigward l-eliġibbiltà tal-fornituri tal-protezzjoni kif ukoll ir-rekwiżiti minimi biex ikun hemm rikonoxximent ta’ tipi ta’ garanziji oħrajn mogħtija fil-punti 14 sa 19 tal-Parti 2 tal-Anness VIII għandu jiġi inkluż ukoll fil-ħlasijiet tal-ammont minimu tal-kirja. Dawn l-iskoperturi għandhom jiġu assenjati fil-klassi rilevanti tal-iskopertura skont l-Artikolu 79. Meta l-iskopertura tkun valur residwu ta’ proprjetajiet mikrija, l-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju għandhom jinħadmu kif ġej: 1/t * 100 % * il-valur tal-iskopertura, fejn ‘t’ hija l-ikbar minn 1 u l-eqreb numru ta’ snin sħaħ li fadal tal-kirja.”

(3)

Il-Parti 1 tal-Anness VII hija emendata kif ġej:

(a)

Il-punt 25 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“25.

L-ammont tal-iskopertura ppeżat għar-riskju għandu jkun it-telf potenzjali fuq l-iskoperturi tal-ekwità tal-istituzzjoni tal-kreditu kif idderivat bl-użu ta’ mudelli interni tal-valur fir-riskju (‘value-at-risk’) suġġett għall-intervall ta’ kunfidenza unilaterali (‘one-tailed’) fil-perċentil 99 tad-differenza bejn id-dħul trimestrali u rata xierqa mingħajr riskju kkalkulata fuq perjodu twil bħala kampjun, immultiplikati bi 12.5. L-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju fil-livell tal-portafoll tal-ekwità ma għandux ikun inqas mill-ammont totali tal-għadd tal-ammonti minimi tal-iskopertura ppeżati għar-riskju meħtieġ taħt l-Approċċ tal-PD/LGD u l-ammonti korrispondenti tat-telf mistennija mmultiplikati bi 12.5 u kkalkulati abbażi tal-valuri tal-PD stabbiliti fil-punt 24 tal-Parti 2 u l-valuri korrispondenti tal-LGD stabbiliti fil-punti 25 u 26 tal-Parti 2.”

(b)

Il-punt 27 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“27.

L-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju għandhom ikunu kkalkulati skont il-formula li ġejja:

 

l-ammont tal-iskopertura ppeżat għar-riskju = 100 % × il-valur tal-iskopertura,

 

għajr meta l-iskopertura tkun valur residwu ta’ proprjetajiet mikrija, f’liema każ l-ammont għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

 

1/t * 100 % * il-valur tal-iskopertura,

 

fejn “t” hija l-ikbar minn 1 u l-eqreb numru ta’ snin sħaħ li fadal tal-kirja.”

(4)

Il-Parti 2 tal-Anness VII hija emendata kif ġej:

(a)

Il-punt 13(c) qed jitbiddel b’dan li ġej:

“(c)

Għall-iskoperturi li ġejjin minn tranżazzjonijiet ta’ strumenti dderivati megħjuna b’mod sħiħ jew kważi minn kollateral (elenkati fl-Anness IV) jew minn tranżazzjonijiet ta’ self ta’ marġini megħjuna b’mod sħiħ jew kważi minn kollateral, li huma suġġetti għal ftehim ewlieni ta’ kalkolu fuq bażi netta, M għandha tkun il-maturità residwa medja b’piż iddifferenzjat ta’ dawn it-tranżazzjonijiet u għandha tkun talanqas perjodu ta’ għaxart ijiem. Għal tranżazzjonijiet ta’ xiri mill-ġdid jew tranżazzjonijiet ta’ għoti u teħid b’self ta’ titolizzazzjonijiet jew kommoditajiet li huma suġġetti għal ftehim ewlieni ta’ kalkolu fuq bażi netta, M għandha tkun il-maturità residwa medja b’piż iddifferenzjat tat-tranżazzjonijiet u għandha tkun talanqas perjodu ta’ ħamest ijiem. Għall-piż tal-maturità għandu jintuża l-ammont nozzjonali ta’ kull tranżazzjoni;”

(b)

Fil-punt 14, il-frażi ta’ introduzzjoni qed titbiddel b’dan li ġej:

“14.

Minkejja l-punti 13(a), (b), (c), (d) u (e), M għandha tkun talanqas ġurnata għal:”

(5)

Fil-Parti 4 tal-Anness VII, il-punt 96 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“96.

Ir-rekwiżiti fil-punti 97 sa 104 m’għandhomx japplikaw għall-garanziji pprovduti minn istituzzjonijiet, amministrazzjonijiet ċentrali u banek ċentrali, u kumpaniji li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-punt 26(g) tal-parti 1 tal-Anness VIII jekk l-istituzzjoni tal-kreditu tkun irċeviet aċċettazzjoni biex jiġu applikati r-regoli tal-Artikoli 78 sa 83 għall-iskoperturi għal entitajiet bħal dawn. F’dan il-każ għandhom japplikaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 90 sa 93.”

(6)

Il-Parti 1 tal-Anness VIII hija emendata kif ġej:

(a)

Fil-punt 9 qed jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Jekk l-impriża għall-investiment kollettiv (is-CIU) ma tillimitax ruħha għall-investiment fi strumenti li jkunu eliġibbli għar-rikonoxximent skont il-punti 7 u 8, l-unitajiet jistgħu jiġu rrikonoxxuti bil-valur ta’ assi eliġibbli bħala kollateral jekk wieħed jassumi li s-CIU investiet f’assi li mhumiex eliġibbli sal-limitu massimu permess taħt il-mandat tagħħa. F’każijiet fejn assi li mhumiex eliġibbli jista’ jkollhom valur negattiv minħabba obbligazzjonijiet jew obbligazzjonijiet kontinġenti li ġejjin mis-sjieda, l-istituzzjoni tal-kreditu għandha tikkalkula l-valur totali tal-assi li mhumiex eliġibbli u għandha tnaqqas il-valur tal-assi eliġibbli b’dak tal-assi li mhumiex eliġibbli f’każ li dan tal-aħħar ikun negattiv.”

(b)

Fil-punt 11 qed jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Jekk l-impriża għall-investiment kollettiv (is-CIU) ma tillimitax ruħha għall-investiment fi strumenti li jkunu eliġibbli għar-rikonoxximent skont il-punti 7 u 8 u għall-affarijiet imsemmija fil-punt (a) ta’ dan il-punt, l-unitajiet jistgħu jiġu rrikonoxxuti bil-valur ta’ assi eliġibbli bħala kollateral jekk wieħed jassumi li s-CIU investiet f’assi li mhumiex eliġibbli sal-limitu massimu permess taħt il-mandat tagħħa. F’każijiet fejn assi li mhumiex eliġibbli jista’ jkollhom valur negattiv minħabba obbligazzjonijiet jew obbligazzjonijiet kontinġenti li ġejjin mis-sjieda, l-istituzzjoni tal-kreditu għandha tikkalkuka l-valur totali tal-assi li mhumiex eliġibbli u għandha tnaqqas il-valur tal-assi eliġibbli b’dak tal-assi li mhumiex eliġibbli f’każ li dan tal-aħħar ikun negattiv.”

(7)

Il-Parti 2 tal-Anness VIII hija emendata kif ġej:

(a)

Il-punt 13 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“13.

Sabiex poloz tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja mirhana bħala garanzija lill-istituzzjoni ta’ kreditu li ssellef ikunu rrikonoxxuti għandhom ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja għandha tintrahan bħala garanzija jew tkun assenjata bil-miftuħ lill-istituzzjoni ta’ kreditu li ssellef;

(b)

il-kumpanija li tipprovdi l-assigurazzjoni fuq il-ħajja tkun avżata bir-rahan jew l-assenju u b’riżultat ma tistax tħallas ammonti li għandhom jitħallsu skont il-kuntratt mingħajr il-kunsens tal-istituzzjoni ta’ kreditu li ssellef;

(c)

l-istituzzjoni ta’ kreditu li ssellef għandha d-dritt li tħassar il-polza u li tirċievi l-valur ta’ ċediment fil-każ tal-inadempjenza tad-debitur;

(d)

l-istituzzjoni ta’ kreditu li ssellef għandha tkun infurmata dwar kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-polza min-naħa mit-titular tal-polza;

(e)

il-protezzjoni tal-kreditu għandha tkun ipprovduta għall-maturità tas-self. F’każ li dan ma jkunx possibbli minħabba li r-relazzjoni tal-assigurazzjoni tispiċċa qabel dik tas-self, l-istituzzjoni tal-kreditu trid tiżgura li l-ammont li jkun ġej mill-kuntratt tal-assigurazzjoni jservi bħala garanzija għall-istituzzjoni ta’ kreditu sa ma jintemm il-perjodu tal-ftehim tal-kreditu;

(f)

ir-rahan jew l-assenju jkun effettiv u jista’ jiġi infurzat b’mod legali fil-ġurisdizzjonijiet kollha li jkunu rilevanti fil-waqt meta jkun qed jiġi konkluż il-ftehim tal-kreditu;

(g)

il-valur ta’ ċediment ikun iddikjarat mill-kumpanija li tipprovdi l-assigurazzjoni fuq il-ħajja u ma jkunx jista’ jitnaqqas;

(h)

il-valur ta’ ċediment għandu jitħallas f’waqtu meta jintalab;

(i)

il-valur ta’ ċediment ma jistax jintalab minħajr il-kunsens tal-istituzzjoni ta’ kreditu;

(j)

il-kumpanija li tipprovdi l-assigurazzjoni fuq il-ħajja hija suġġetta għad-Direttiva 2002/83/KE u għad-Direttiva 2001/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) jew hija suġġetta għas-superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz li japplika arranġamenti superviżorji u regolatorji li huma talanqas ekwivalenti għal dawk applikati fil-Komunità.

(*)  ĠU L 110, 20.4.2001, p. 28.”"

(b)

Fil-punt 16, il-frażi ta’ introduzzjoni qed titbiddel b’dan li ġej:

“16.

Meta skopertura tkun protetta minn garanzija megħjuna minn kontrogaranzija ta’ amministrazzjoni jew bank ċentrali, amminisrazzjoni reġjonali jew awtorità lokali, li l-pretensjonijiet kontrihom jitqiesu bħala pretensjonijiet kontra l-amministrazzjoni ċentrali tal-pajjiż li fih huma stabbiliti taħt l-Artikoli 78 sa 83, ta’ bank multilaterali ta’ żvilupp jew organizzazzjoni internazzjonali li għalihom huwa assenjat piż għar-riskju ta’ 0 % taħt jew permezz tal-Artikoli 78 sa 83, jew ta’ entità tas-settur pubbliku, li l-pretensjonijiet kontriha jitqiesu bħala pretensjonijiet kontra istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt l-Artikoli 78 sa 83, l-iskopertura tista’ titqies bħala protetta minn garanzija pprovduta mill-entità kkonċernata jekk kemm-il darba jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:”

(8)

Il-Parti 3 tal-Anness VIII hija emendata kif ġej:

(a)

Il-punt 24 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“24.

Il-Metodu Sempliċi għall-Kollateral Finanzjarju għandu jkun disponibbli biss meta l-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju jinħadmu skont l-Artikoli 78 sa 83. Istituzzjoni ta’ kreditu ma għandhiex tuża kemm il-Metodu Sempliċi għall-Kollateral Finanzjarju kif ukoll il-Metodu Komprensiv għall-Kollateral Finanzjarju, sakemm dan ma jsirx għall-għanijiet tal-Artikoli 85(1) u 89(1). L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom juru lill-awtoritajiet kompetenti li din l-applikazzjoni straordinarja taż-żewġ metodi mhijiex użata b’mod selettiv sabiex jintlaħqu rekwiżiti kapitali minimi mnaqssin u ma twassalx għal arbitraġġ regolatorju.”

(b)

Il-punt 26 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“26.

Il-piż għar-riskju li kieku jiġi assenjat taħt l-Artikoli 78 sa 83 jekk min qed isellef kellu skopertura diretta għall-istrument kollaterali għandu jiġi assenjat għal dawk il-porzjonijiet tal-valuri tal-iskopertura li jkunu koperti mill-valur tas-suq tal-kollateral rikonoxxut. Għal dan il-għan, il-valur tal-iskopertura ta’ oġġett li ma jidhirx fuq il-karta tal-bilanċ u li hu mniżżel fl-Anness II għandu jkun ta’ 100 % tal-valur tiegħu u mhux il-valur tal-iskopertura indikat fl-Artikolu 78(1). Il-piż għar-riskju fuq il-porzjon ikkollateralizzat għandu jkun minimu ta’ 20 % minbarra kif speċifikat fil-punti 27 sa 29. Il-bqija tal-valur tal-iskopertura għandu jirċievi l-piż għar-riskju li kieku jiġi assenjat għal skopertura mhux iggarantita lill-kontroparti skont l-Artikoli 78 sa 83.”

(c)

Fil-punt 33, id-definizzjoni tal-kwantità varjabbli “E” qed titbiddel b’dan li ġej:

“E hija l-valur tal-iskopertura kif kieku jiġi ddeterminat skont l-Artikoli 78 sa 83 jew l-Artikoli 84 sa 89 kif xieraq jekk l-iskopertura ma kenitx ikkollateralizzata. Għal dan il-għan, għal istituzzjonijiet tal-kreditu li jaħdmu l-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju skont l-Artikoli 78 sa 83, il-valur tal-iskopertura ta’ oġġett li ma jidhirx fuq il-karta tal-bilanċ u li hu mniżżel fl-Anness II għandu jkun ta’ 100 % tal-valur tiegħu u mhux il-valur tal-iskopertura indikat fl-Artikolu 78(1), u għal istituzzjonijiet tal-kreditu li jaħdmu l-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju skont l-Artikoli 84 sa 89, il-valur tal-iskopertura tal-oġġetti mniżżlin fil-punti 9 sa 11 tal-Parti 3 tal-Anness VII għandu jinħadem bl-użu ta’ fattur tal-konverżjoni ta’ 100 % u mhux bl-użu tal-fatturi ta’ konverżjoni jew il-perċentwali indikati f’dawk il-punti.”

(d)

Fil-punt 69, qed tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Għal dan il-għan, il-valur tal-iskopertura tal-oġġetti mniżżlin fil-punti 9, 10 u 11 tal-Parti 3 tal-Anness VII għandu jinħadem bl-użu ta’ fattur tal-konverżjoni jew perċentwal ta’ 100 % u mhux bl-użu tal-fatturi ta’ konverżjoni jew il-perċentwali indikati f’dawk il-punti.”

(e)

Il-punt 75 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“75.

Fejn id-diskrezzjoni li dwarha hemm dispożizzjoni fil-punt 73 titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jistgħu jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet tal-kreditu tagħhom jassenjaw il-piżijiet għar-riskju permessi taħt it-trattament tal-punt 73 fir-rigward tal-iskoperturi kkollateralizzati bi proprjetà residenzjali jew proprjetà kummerċjali li tinsab fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, suġġetti għall-istess kundizzjonijiet li japplikaw fl-ewwel Stat Membru.”

(f)

Il-punt 80 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“80.

F’każ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 13 tal-Parti 2, il-porzjon tal-iskopertura kkollateralizzat bil-valur attwali ta’ ċediment tal-protezzjoni tal-kreditu li jaqa’ fi ħdan it-termini tal-punt 24 tal-Parti 1 għandu jkun wieħed milli ġej:

(a)

suġġett għall-piżijiet għar-riskju speċifikati fil-punt 80a f’każ fejn l-iskopertura tkun suġġetta għall-Artikoli 78 sa 83;

(b)

assenjat LGD ta’ 40 % f’każ fejn l-iskopertura tkun suġġetta għall-Artikoli 84 sa 89 iżda mhux suġġetta għall-istimi tal-LGD tal-istituzzjoni tal-kreditu stess.

F’każ li jkun hemm nuqqas ta’ qbil fil-munita, il-valur attwali ta’ ċediment għandu jitnaqqas skont il-punt 84, u l-valur tal-protezzjoni ta’ kreditu għandu jkun il-valur attwali ta’ ċediment tal-polza tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja.”

(g)

Il-punt il-ġdid 80a li ġej qed jiddaħħal wara l-punt 80:

“80a.

Għall-għanijiet tal-punt 80(a), il-piżijiet għar-riskju li ġejjin għandhom ikunu assenjati abbażi tal-piż għar-riskju assenjat għal skopertura tal-ogħla grad mhux iggarantita lill-kumpanija li tipprovdi l-assigurazzjoni fuq il-ħajja:

(a)

piż għar-riskju ta’ 20 %, f’każ fejn l-iskopertura tal-ogħla grad mhux iggarantita lill-kumpanija li tipprovdi l-assigurazzjoni fuq il-ħajja tkun assenjata piż għar-riskju ta’ 20 %;

(b)

piż għar-riskju ta’ 35 %, f’każ fejn l-iskopertura tal-ogħla grad mhux iggarantita lill-kumpanija li tipprovdi l-assigurazzjoni fuq il-ħajja tkun assenjata piż għar-riskju ta’ 50 %;

(c)

piż għar-riskju ta’ 70 %, f’każ fejn l-iskopertura tal-ogħla grad mhux iggarantita lill-kumpanija li tipprovdi l-assigurazzjoni fuq il-ħajja tkun assenjata piż għar-riskju ta’ 100 %;

(d)

piż għar-riskju ta’ 150 %, f’każ fejn l-iskopertura tal-ogħla grad mhux iggarantita lill-kumpanija li tipprovdi l-assigurazzjoni fuq il-ħajja tkun assenjata piż għar-riskju ta’ 150 %.”

(h)

Il-punt 87 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“87.

Għall-għanijiet tal-Artikolu 80, ‘g’ għandu jkun il-piż għar-riskju li għandu jiġi assenjat għal skopertura li l-valur tal-iskopertura (‘E’) tagħha huwa protett għal kollox mill-protezzjoni mhux iffinanzjata (GA), fejn:

 

E huwa l-valur tal-iskopertura skont l-Artikolu 78; għal dan il-għan, il-valur tal-iskopertura ta’ oġġett li ma jidhirx fuq il-karta tal-bilanċ u li hu mniżżel fl-Anness II għandu jkun ta’ 100 % tal-valur tiegħu u mhux il-valur tal-iskopertura indikat fl-Artikolu 78(1);

 

g huwa l-piż għar-riskju tal-iskoperturi lil min qed jipprovdi l-protezzjoni kif speċifikat skont l-Artikoli 78 sa 83; kif ukoll

 

GA huwa l-valur ta’ G* kif maħdum skont il-punt 84 u aġġustat aktar għal kwalunkwe nuqqas ta’ qbil fil-maturità kif stipulat fil-Parti 4.”

(i)

Fil-punt 88, id-definizzjoni tal-kwantità varjabbli “E” qed titbiddel b’dan li ġej:

“E huwa l-valur tal-iskopertura skont l-Artikolu 78. Għal dan il-għan, il-valur tal-iskopertura ta’ oġġett li ma jidhirx fuq il-karta tal-bilanċ u li hu mniżżel fl-Anness II għandu jkun ta’ 100 % tal-valur tiegħu u mhux il-valur tal-iskopertura indikat fl-Artikolu 78(1);”

(j)

Il-punti 90, 91 u 92 qed jitbiddlu b’dan li ġej:

“90.

Għall-porzjon kopert tal-valur tal-iskopertura (E) (ibbażat fuq il-valur aġġustat għall-protezzjoni tal-kreditu GA), il-PD għall-għanijiet tal-Parti 2 tal-Anness VII jista’ jkun il-PD ta’ min jipprovdi l-protezzjoni, jew PD bejn dak ta’ min jissellef u l-garanti jekk sostituzzjoni sħiħa ma titqiesx bżonnjuża. Fil-każ ta’ skoperturi subordinati u protezzjoni mhux iffinanzjata mhux subordinata, l-LGD li għandu jiġi applikat għall-għanijiet tal-Parti 2 tal-Anness VII jista’ jkun dak assoċjat mal-pretensjonijiet tal-ogħla grad.”

91.

Għal kwalunkwe porzjon mhux kopert tal-valur tal-iskopertura (E), il-PD għandu jkun dak ta’ min jissellef u l-LGD għandu jkun dak tal-iskopertura li fuqha huwa msejjes.

92.

GA huwa l-valur ta’ G* kif maħdum skont il-punt 84 u aġġustat aktar għal kwalunkwe nuqqas ta’ qbil fil-maturità kif stipulat fil-Parti 4. E huwa l-valur tal-iskopertura skont il-Parti 3 tal-Anness VII. Għal dan il-għan, il-valur tal-iskopertura tal-oġġetti mniżżlin fil-punti 9 sa 11 tal-Parti 3 tal-Anness VII għandu jinħadem bl-użu ta’ fattur tal-konverżjoni jew perċentwal ta’ 100 % u mhux bl-użu tal-fatturi ta’ konverżjoni jew il-perċentwali indikati f’dawk il-punti.

(9)

Il-Parti 2 tal-Anness IX hija emendata kif ġej:

(a)

Il-punt 1 qed jiġi emendat kif ġej:

(i)

Il-frażi ta’ introduzzjoni qed titbiddel b’dan li ġej:

“1.

L-istituzzjoni tal-kreditu tal-oriġini ta’ titolizzazzjoni tradizzjonali tista’ teskludi l-iskoperturi titolizzati mill-kalkolu tal-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju u l-ammonti tat-telf mistennija jekk tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

riskju tal-kreditu sinifikanti assoċjat mal-iskoperturi titolizzati jitqies li jkun ġie ttrasferit lil partijiet terzi;

(b)

l-istituzzjoni tal-kreditu tal-oriġini tapplika piż għar-riskju ta’ 1 250 % għall-pożizzjonijiet kollha tat-titolizzazzjoni li għandha f’din it-titolizzazzjoni jew tnaqqas dawn il-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni mill-fondi proprji skont l-Artikolu 57(r).”

(ii)

Il-punti 1a sa 1d li ġejjin qed jiddaħħlu wara l-frażi ta’ introduzzjoni:

“1a.

Sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix, f’każ partikulari, li t-tnaqqis possibbli fl-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju li l-istituzzjoni tal-kreditu tal-oriġini tikseb permezz ta’ din it-titolizzazzjoni mhuwiex iġġustifikat bi trasferiment korrispondenti tar-riskju tal-kreditu lil partijiet terzi, fil-każijiet li ġejjin se jitqies li ġie ttrasferit riskju tal-kreditu sinifikanti:

(a)

l-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju tal-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni intermedji tal-istituzzjoni tal-kreditu tal-oriġini f’din it-titolizzazzjoni ma jaqbżux il-50 % tal-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju tal-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni intermedji kollha li jeżistu f’din it-titolizzazzjoni;

(b)

fejn m’hemm l-ebda pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni intermedji f’titolizzazzjoni partikulari, u l-istituzzjoni tal-oriġini tista’ turi li l-valur tal-iskopertura tal-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni li jkun suġġett għat-tnaqqis mill-fondi proprji jew għal piż għar-riskju ta’ 1 250 % jaqbeż stima raġonevoli tat-telf mistenni fuq l-iskoperturi titolizzati b’marġini sostanzjali, l-istituzzjoni tal-kreditu tal-oriġini m’għandhiex iktar minn 20 % tal-valuri tal-iskopertura tal-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni li jkunu suġġetti għat-tnaqqis mill-fondi proprji jew għal piż għar-riskju ta’ 1 250 %.

1b.

Għall-għanijiet tal-punt 1a, pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni intermedji jfissru pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni li għalihom japplika piż għar-riskju ta’ inqas minn 1 250 % u li huma fi grad iktar baxx mill-ogħla pożizzjoni f’din it-titolizzazzjoni u li huma fi grad iktar baxx minn kwalunkwe pożizzjoni tat-titolizzazzjoni f’din it-titolizzazzjoni li għaliha:

(a)

jiġi assenjat grad ta’ kwalità tal-kreditu bin-numru 1 fil-każ ta’ pożizzjoni tat-titolizzazzjoni suġġetta għall-punti 6 sa 36 tal-parti 4; jew

(b)

jiġi assenjat grad ta’ kwalità tal-kreditu bin-numru 1 jew 2 skont il-Parti 3, fil-każ ta’ pożizzjoni tat-titolizzazzjoni suġġetta għall-punti 37 sa 76 tal-parti 4.

1c.

Bħala alternattiva għall-punti 1a u 1b, jista’ jitqies li jkun ġie ttrasferit riskju tal-kreditu sinifikanti jekk l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li istituzzjoni ta’ kreditu jkollha politiki u metodoloġiji li jiżguraw li t-tnaqqis possibbli tar-rekwiziti kapitali li l-istituzzjoni tal-oriġini tikseb permezz tat-titolizzazzjoni huwa ġġustifikat bi trasferiment korrispondenti tar-riskju tal-kreditu lil partijiet terzi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu sodisfatti biss jekk l-istituzzjoni tal-kreditu tal-oriġini tista’ turi li t-tali trasferiment tar-riskju tal-kreditu lil partijiet terzi huwa rrikonoxxut ukoll għall-għanijiet tal-ġestjoni interna tar-riskju tal-istituzzjoni tal-kreditu u għall-allokazzjoni interna tagħha tal-kapital.

1d.

Minbarra l-punti 1 sa 1c, għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin kollha:”

(b)

Il-punt 2 qed jiġi emendat kif ġej:

(i)

il-frażi ta’ introduzzjoni qed titbiddel b’dan li ġej:

“2.

L-istituzzjoni tal-kreditu tal-oriġini ta’ titolizzazzjoni sintetika tista’ tikkalkula l-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju, u skont kif inhu rilevanti, l-ammonti tat-telf mistennija, għall-iskoperturi titolizzati skont il-punti 3 u 4, jekk tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

riskju tal-kreditu sinifikanti jitqies li jkun ġie ttrasferit lil partijiet terzi permezz ta’ protezzjoni tal-kreditu ffinanzjata jew le;

(b)

l-istituzzjoni tal-kreditu tal-oriġini tapplika piż għar-riskju ta’ 1 250 % għall-pożizzjonijiet kollha tat-titolizzazzjoni li għandha f’din it-titolizzazzjoni jew tnaqqas dawn il-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni mill-fondi proprji skont l-Artikolu 57(r).”

(ii)

Il-punti 2a sa 2d li ġejjin qed jiddaħħlu wara l-frażi ta’ introduzzjoni:

“2a.

Sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix, abbażi ta’ każ b’każ, li t-tnaqqis possibbli fl-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju li l-istituzzjoni tal-kreditu tal-oriġini tikseb permezz ta’ din it-titolizzazzjoni mhuwiex iġġustifikat bi trasferiment korrispondenti tar-riskju tal-kreditu lil partijiet terzi, se jitqies li ġie ttrasferit riskju tal-kreditu sinifikanti jekk tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju tal-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni intermedji tal-istituzzjoni tal-kreditu tal-oriġini f’din it-titolizzazzjoni ma jaqbżux il-50 % tal-ammonti tal-iskopertura ppeżati għar-riskju tal-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni intermedji kollha li jeżistu f’din it-titolizzazzjoni;

(b)

fejn m’hemm l-ebda pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni intermedji f’titolizzazzjoni partikulari, u l-istituzzjoni tal-oriġini tista’ turi li l-valur tal-iskopertura tal-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni li jkun suġġett għat-tnaqqis mill-fondi proprji jew għal piż għar-riskju ta’ 1 250 % jaqbeż stima raġonevoli tat-telf mistenni fuq l-iskoperturi titolizzati b’marġini sostanzjali, l-istituzzjoni tal-kreditu tal-oriġini m’għandhiex iktar minn 20 % tal-valuri tal-iskopertura tal-pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni li jkunu suġġetti għat-tnaqqis mill-fondi proprji jew għal piż għar-riskju ta’ 1 250 %.

2b.

Għall-għanijiet tal-punt 2a, pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni intermedji jfissru pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni li għalihom japplika piż għar-riskju ta’ inqas minn 1 250 % u li huma fi grad iktar baxx mill-ogħla pożizzjoni f’din it-titolizzazzjoni u li huma fi grad iktar baxx minn kwalunkwe pożizzjoni tat-titolizzazzjoni f’din it-titolizzazzjoni li għaliha:

(a)

jiġi assenjat grad ta’ kwalità tal-kreditu bin-numru 1 fil-każ ta’ pożizzjoni tat-titolizzazzjoni suġġetta għall-punti 6 sa 36 tal-parti 4; jew

(b)

jiġi assenjat grad ta’ kwalità tal-kreditu bin-numru 1 jew 2 skont il-Parti 3, fil-każ ta’ pożizzjoni tat-titolizzazzjoni suġġetta għall-punti 37 sa 76 tal-parti 4.

2c.

Bħala alternattiva għall-punti 2a u 2b, jista’ jitqies li jkun ġie ttrasferit riskju tal-kreditu sinifikanti jekk l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li istituzzjoni ta’ kreditu jkollha politiki u metodoloġiji li jiżguraw li t-tnaqqis possibbli tar-rekwiziti kapitali li l-istituzzjoni tal-oriġini tikseb permezz tat-titolizzazzjoni huwa ġġustifikat bi trasferiment korrispondenti tar-riskju tal-kreditu lil partijiet terzi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu sodisfatti biss jekk l-istituzzjoni tal-kreditu tal-oriġini tista’ turi li t-tali trasferiment tar-riskju tal-kreditu lil partijiet terzi huwa rrikonoxxut ukoll għall-għanijiet tal-ġestjoni interna tar-riskju tal-istituzzjoni tal-kreditu u għall-allokazzjoni interna tagħha tal-kapital.

2d.

Barra minn hekk, it-trasferiment għandu jkun konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:”

(10)

Il-Parti 4 tal-Anness IX hija emendata kif ġej:

(a)

Fil-punt 13 il-frażi ta’ introduzzjoni qed titbiddel b’dan li ġej:

“F’każ fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin, tista’ tiġi applikata ċifra tal-konverżjoni ta’ 50 % għall-ammont nominali ta’ faċilità tal-likwidità sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-iskopertura tagħha:”

(b)

Il-punti 2.4.2 u 14 qed jitħassru.

(c)

Il-punt 48 qiegħed jitħassar.

(d)

Il-punti 3.5.1 u 56 qed jitħassru.

(11)

Fil-Parti 2 tal-Anness X, il-punt 1 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“1.

Ir-rekwiżit kapitali għar-riskju operattiv għandu jinħadem bħala l-medja, fuq tliet snin, tal-ammonti totali annwali tar-rekwiżiti kapitali fil-linji tan-negozju msemmija fit-Tabella 2. Fi kwalunkwe sena, rekwiżiti kapitali negattivi (li jkunu ġejjin minn dħul gross negattiv) fi kwalunkwe linja tan-negozju jistgħu jibbilanċjaw rekwiżiti kapitali pożittivi f’linji oħrajn tan-negozju mingħajr limitu. Madanakollu, f’każ fejn, f’sena partikulari, ir-rekwiżiti kapitali totali fil-linji tan-negozju kollha huma negattivi, iċ-ċifra mdaħħla fin-numeratur għal dik is-sena għandha tkun żero.”

(12)

Il-Parti 3 tal-Anness X hija emendata kif ġej:

(a)

Il-punt 14 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“14.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom ikunu kapaċi jikklassifikaw id-dejta storika interna tat-telf tagħhom skont il-linji tan-negozju ddefiniti fil-Parti 2 u skont it-tipi ta’ avvenimenti ddefiniti fil-Parti 5, u jipprovdu dik id-dejta lill-awtoritajiet kompetenti meta dawn jitolbuhielhom. Avvenimenti ta’ telf li jaffettwaw lill-istituzzjoni kollha jistgħu jkunu allokati għal linja tan-negozju oħra msejħa ‘affarijiet tal-kumpanija’ minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali. Irid ikun hemm kriterji ddokumentati u oġġettivi għall-allokazzjoni tat-telf għal-linji tan-negozju u avvenimenti speċifikati. It-telf tar-riskju operattiv li hu relatat mar-riskju tal-kreditu u li storikament ġie inkluż fil-bażijiet tad-dejta interni tar-riskju tal-kreditu għandu jkun irreġistrat fil-bażijiet tad-dejta tar-riskju operattiv u identifikat separatament. Dan it-tip ta’ telf m’għandux ikun suġġett għat-tnaqqis għar-riskju operattiv, sakemm ikompli jkun ittrattat bħala riskju ta’ kreditu għall-għanijiet tal-kalkolu tar-rekwiżiti minimi kapitali. It-telf tar-riskju operattiv li hu relatat mar-riskji tas-suq għandu jkun inkluż fl-ambitu tar-rekwiżit kapitali għar-riskju operattiv.”

(b)

Il-punt 29 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“29.

It-taffija tar-rekwiżiti kapitali mir-rikonoxximent tal-assigurazzjonijiet u tal-mekkaniżmi l-oħrajn tat-trasferiment tar-riskju m’għandux jaqbeż l-20 % tar-rekwiżit kapitali għar-riskju operattiv qabel ir-rikonoxximent tal-metodi tal-mitigazzjoni tar-riskju.”

(13)

Fil-punt 10 tal-parti 2 tal-Anness XII, qed jiżdiedu l-punti (d) u (e) li ġejjin:

“(d)

l-ogħla miżura minn dawk ta’ kuljum tal-valur fir-riskju matul il-perjodu ta’ rrappurtar, l-iktar waħda baxxa u dik medja, u l-miżura tal-valur fir-riskju ta’ tmiem il-perjodu;

(e)

taqbil tal-miżuri tal-valur fir-riskju ta’ tmiem il-jum ta’ kuljum mat-tibdiliet tal-ġurnata fil-valur tal-portafoll sal-aħħar tal-ġurnata tan-negozju sussegwenti flimkein ma’ analiżi ta’ kwalunkwe qbiż importanti eċċessiv tal-livell imbassar fil-kalkolu (‘overshootings’) matul il-perjodu ta’ rrappurtar.”

(14)

Fil-Parti 3 tal-Anness XII, il-punt 3 qed jitbiddel b’dan li ġej:

“3.

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jużaw il-metodu stabbilit fl-Artikolu 105 għall-kalkolu tar-rekwiżiti tagħhom tal-fondi proprji għar-riskju operattiv għandhom jiżvelaw deskrizzjoni tal-użu tal-assigurazzjonijiet u tal-mekkaniżmi l-oħrajn tat-trasferiment tar-riskju sabiex inaqqsu dan ir-riskju.”

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2010. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-31 ta’ Diċembru 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew jinkludu din ir-referenza meta jippubblikawhom b’mod uffiċjali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, is-27 ta’ Lulju 2009.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.