26.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/45


DIRETTIVA 2009/54/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2009

dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali

(Tfassil mill-ġdid)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 80/777/KEE tal-15 ta’ Lulju 1980 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minjerali naturali (3) ġiet emendata diversi drabi b’mod sostanzjali  (4). Peress li għandhom isiru emendi oħra, għal finijiet ta’ ċarezza, din għandha titfassal mill-ġdid.

(2)

Il-liġijiet tal-Istati Membri jiddefinixxu l-ilmijiet minerali naturali. Dawn il-liġijiet jistabbilixxu l-kondizzjonijiet li fuqhom l-ilmijiet minerali naturali huma rikonoxxuti bħala tali u jirregolaw il-kondizzjonijiet għall-isfruttament tan-nixxigħat. Barra minn hekk, huma jippreskrivu regoli speċifiċi għat-tqegħid fis-suq tal-ilmijiet inkwistjoni.

(3)

Id-differenzi bejn dawk il-liġijiet ifixklu l-moviment ħieles tal-ilmijiet minerali naturali, billi jikkrejaw sitwazzjonijiet kompetittivi diversi, u konsegwentement jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern.

(4)

F’dan il-każ partikolari, l-eliminazzjoni ta’ dawn l-ostakoli tista’ tinkiseb kemm b’obbligu fuq kull Stat Membru li jippermetti t-tqegħid fis-suq fuq it-territorju tiegħu ta’ ilmijiet minerali naturali rikonoxxuti bħala tali minn kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra u wkoll bl-istabbiliment ta’ regoli komuni li jikkonċernaw b’mod partikolari r-rekwiżiti mikrobijoloġiċi li għandhom jiġu ssodisfati u l-kondizzjonijiet fejn għandhom jintużaw ismijiet speċifiċi għal ċerti ilmijiet minerali.

(5)

L-għanijiet primarji ta’ kull regola dwar ilmijiet minerali naturali għandhom ikunu biex iħarsu s-saħħa tal-konsumaturi, biex jevitaw li l-konsumaturi jisfaw mqarrqa u jassiguraw kummerċ ġust.

(6)

Sakemm jiġi konkluż il-ftehim dwar ir-rikonnoxximent reċiproku ta’ ilmijiet minerali naturali bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, għandhom jiġu stipulati l-kondizzjonijiet li fuqhom, sakemm jiġu implimentati dawk l-istrumenti ta’ ftehim, prodotti simili impurtati minn pajjiżi terzi jistgħu jitħallew jidħlu fil-Komunità bħala ilmijiet minerali naturali.

(7)

Wieħed irid jieħu ħsieb li jassigura li l-ilmijiet minerali naturali jżommu fl-istadju tat-tqegħid fis-suq dawk il-karatteristiċi li ppermettewlhom li jiġu rikonoxxuti bħal tali. Għaldaqstant, il-kontenituri użati għall-imballaġġ tagħhom għandhom ikollhom għeluq adattat.

(8)

Fir-rigward tal-ittikkettar, l-ilmijiet minerali naturali huma soġġetti għar-regoli ġenerali stabbiliti mid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u reklamar ta’ oġġetti tal-ikel (5). Għal din ir-raġuni, din id-Direttiva tista’ tiġi limitata għall-provvediment ta’ żidiet u derogi li għandhom isiru għal dawk ir-regoli ġenerali.

(9)

L-inklużjoni tad-dikjarazzjoni tal-kompożizzjoni analitika tal-ilma minerali naturali għandha tkun obbligatorja biex tassigura li l-konsumaturi jkunu informati.

(10)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (6).

(11)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tadotta limiti għall-konċentrazzjonijiet ta’ konstitwenti ta’ ilmijiet minerali naturali, kwalunkwe dispozzizjoni meħtieġa għall-indikazzjoni fuq it-tikketta ta’ livelli ogħlja ta’ ċerti konstitwenti, il-kondizzjonijiet għall-użu ta’ arja arrikita bl-ożonu għat-trattamemt ta’ ilma minerali naturali, l-informazzjoni dwar it-trattament ta’ ilma minerali naturali, metodi ta’ analiżi biex tiġi determnata l-assenza ta’ tniġġiż tal-ilmijiet minerali naturali u t-teħid ta’ kampjuni u metodi ta’ analiżi meħtieġa għall-kontroll tal-karatteristiċi mikrobijoloġiċi tal-ilmijiet minerali naturali. Peress li dawn il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva inter alia, billi jissupplimentawha, dawn għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(12)

Meta, għal raġunijiet ta’ urġenza imperattiva, m’huwiex possibbli li jiġu osservati l-limiti ta’ żmien normalment applikabbli għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, il-Kummissjoni għandha jkollha l-possibbiltà li tirrikorri għall-proċedura ta’ urġenza prevista fl-Artiolu 5a(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għall-adozzjoni tal-emendi għal din id-Direttiva meħtieġa sabiex jiżguraw il-ħarsien tas-saħħa pubblika.

(13)

L-elementi ġodda introdotti f’din id-Direttiva jikkonċernaw biss il-proċeduri tal-kumitati. Għalhekk m’hemmx bżonn li jiġu trasposti mill-Istati Membri.

(14)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness IV, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1.   Din id-Direttiva tikkonċerna l-ilmijiet estratti mill-art ta’ Stat Membru u rikonoxxuti mill-awtorità responsabbli ta’ dak l-Istat Membru bħala ilmijiet minerali naturali li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-Anness I, Taqsima I.

2.   Din id-Direttiva tikkonċerna wkoll l-ilmijiet estratti mill-art ta’ pajjiż terz, importati fil-Komunità u rikonoxxuti bħala ilmijiet minerali naturali mill-awtorità responsabbli ta’ Stat Membru.

L-ilmijiet msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala tali biss jekk l-awtorità responsabbli fil-pajjiż tal-estrazzjoni tkun iċċertifikat li huma jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-Anness I, Taqsima I, u li qed isiru kontrolli regolari fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Anness II, punt 2.

Il-validità taċ-ċertifikazzjoni msemmija fit-tieni sub-paragrafu ma tistax teċċedi perijodu ta’ ħames snin. M’għandux ikun neċessarju li tittenna l-proċedura tar-rikonoxximent msemmija fl-ewwel subparagrafu jekk iċ-ċertifikazzjoni tiġġedded qabel l-aħħar ta’ dak il-perijodu.

3.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal:

(a)

ilmijiet li huma prodotti mediċinali fit-tifsira tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-Kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (7);

(b)

ilmijiet minerali naturali użati fis-sors għal skopijiet kurattivi fi stabbilimenti termali jew idrominerali.

4.   Ir-raġunijiet li għalihom jiġi mogħti r-rikonoxximent imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu ddikjarati fil-forma adegwata mill-awtorità responsabbli tal-Istat Membru u għandhom jiġu ppubblikati uffiċjalment.

5.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-każijiet fejn ir-rikonoxximent imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ikun mogħti jew irtirat. Il-lista ta’ ilmijiet minerali naturali rikonoxxuti bħala tali għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li huma biss l-ilmijiet imsemmija fl-Artikolu 1 li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, li jistgħu ikunu mqiegħda fis-suq bħala ilmijiet minerali naturali.

Artikolu 3

Nixxiegħat ta’ ilma minerali naturali jistgħu jiġu sfruttati u l-ilmijiet tagħhom ibbottiljati biss skont l-Anness II.

Artikolu 4

1.   Ilma minerali naturali, fl-istat tiegħu fis-sors, ma jistax ikun is-suġġett ta’ xi trattament ħlief għal:

(a)

is-separazzjoni tal-elementi tiegħu li m’humiex stabbli, bħall-komposti tal-ħadid u tal-kubrit, b’filtrazzjoni jew dekantazzjoni, possibbilment preċeduta b’ossiġinazzjoni, safejn dan it-trattament ma jbiddilx il-kompożizzjoni tal-ilma fir-rigward tal-kostitwenti essenzjali li jagħtuh il-proprjetajiet tiegħu;

(b)

is-separazzjoni ta’ komposti tal-ħadid, tal-magneżju u tal-kubrit u arseniku minn ċerti ilmijiet minerali naturali bi trattament ta’ arja arrikkita bl-ożonu safejn dan it-trattament ma jibdilx il-kompożizzjoni tal-ilma fir-rigward tal-kostitwenti essenzjali li jagħtuh il-proprjetajiet tiegħu, u bil-kondizzjoni li:

(i)

it-trattament jikkonforma mal-kondizzjonijiet għall-użu li għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (8);

(ii)

it-trattament hu notifikat lil, u speċifikament kontrollat minn, l-awtoritajiet kompetenti;

(ċ)

is-separazzjoni ta’ kostitwenti li m’humiex mixtieqa ħlief għal dawk speċifikati fil-punti (a) jew (b), safejn dan it-trattament ma jbiddilx il-kompożizzjoni tal-ilma fir-rigward tal-kostitwenti essenzjali li jagħtuh il-propjetajiet tiegħu, u bil-kondizzjoni li:

(i)

it-trattament jikkonforma mal-kondizzjonijiet għall-użu li għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel;

(ii)

it-trattament hu notifikat lil, u speċifikament kontrollat minn, l-awtoritajiet kompetenti;

(d)

l-eliminazzjoni totali jew parzjali tad-dijossidju tal-karbonju ħieles b’metodi esklussivament fiżiċi.

Il-miżuri msemmija fil-punti (b)(i) u (c)(i) maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(2).

L-ewwel subparagrafu m’għandux jikkostitwixxi impediment għall-utilizzazzjoni tal-ilmijiet minerali naturali u ilmijiet tan-nixxiegħa fil-fabbrikazzjoni tax-xorb mhux alkoħoliku.

2.   Ilma minerali naturali, fil-istat tiegħu fis-sors, ma jistax ikun soġġett għal xi żieda oħra ħlief għall-introduzzjoni jew ir-ri-introduzzjoni tad-diossidu tal-karbonju skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Taqsima III.

3.   Kull trattament ta’ disinfettar b’kull mezz u, soġġett għall-paragrafu 2, iż-żieda ta’ elementi batterjostatiċi jew kull trattament ieħor li x’aktarx ibiddel l-għadd ta’ kolonja vijabbli tal-ilma minerali naturali, għandu jkun ipprojbit.

Artikolu 5

1.   L-għadd totali li jista’ jerġa’ jitqajjem tal-kolonja ta’ ilma minerali naturali fis-sors għandu jikkonforma mal-għadd vijabbli normali tal-kolonja tiegħu, u jagħti evidenza sodisfaċenti tal-ħarsien tas-sors kontra kull kontaminazzjoni. Dan l-għadd totali tal-kolonja għandu jiġi ddeterminat skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Taqsima II, punt 1.3.3.

Wara l-ibbottiljar, l-għadd totali tal-kolonja fis-sors ma jistax jaqbeż 100 għal kull millilitru f’20 sa 22 °C f’72 siegħa fuq taħlita agar-agar jew agar-ġelatina u 20 għal kull millilitru f’37 °C f’24 siegħa fuq agar-agar. L-għadd totali tal-kolonja għandu jiġi mkejjel fi 12-il siegħa wara l-ibbottiljar, fejn l-ilma jinżamm f’4 °C ± 1 °C matul dan il-perijodu ta’ 12-il siegħa.

Fis-sors, jeħtieġ li dawn il-valuri normalment ma jaqbżux l-20 għal kull millilitru f’20 sa 22 °C fi 72 siegħa u 5 għal kull millilitru f’37 °C f’24 siegħa rispettivament, fuq il-fehim li dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala figuri gwida u mhux bħala l-konċentrazzjonijiet massimi permessi.

2.   Fis-sors u matul it-tqegħid fis-suq tiegħu, ilma minerali naturali għandu jkun ħieles minn:

(a)

parassiti u mikro-organiżmi patoġeniċi;

(b)

Escherichia coli u coliforms oħrajn u faecal streptococci fi kwalunkwe kampjun ta’ 250 ml eżaminat;

(ċ)

anerobi sporulati li jnaqqsu s-sulfat fi kwalunkwe kampjun ta’ 50 ml eżaminat;

(d)

Pseudomanas aeruginosa fi kwalunkwe kampjun ta’ 250 ml eżaminat.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2 u għall-kondizzjonijiet ta’ sfruttament stabbiliti fl-Anness II, fil-fażi ta’ tqegħid fis-suq:

(a)

l-għadd totali li jista’ jerġa jitqajjem tal-kolonja tal-ilma minerali naturali jista’ jkun biss dak li jirriżulta miż-żieda normali fl-għadd tal-batterji li jkollu fis-sors;

(b)

l-ilma minerali naturali ma jistax ikollu xi difetti organolettiċi.

Artikolu 6

Il-kontenituri kollha użati għall-imballaġġ ta’ ilmijiet minerali naturali għandu jitwaħħlilhom għeluq iddisinjat biex tiġi evitata kull possibbiltà ta’ adulterazzjoni jew kontaminazzjoni.

Artikolu 7

1.   Id-deskrizzjoni tal-bejgħ ta’ ilmijiet minerali naturali għandha tkun “ilma minerali naturali” jew, fil-każ ta’ ilma minerali naturali effervexxenti kif definit fl-Anness I, it-Taqsima III, skont il-każ, “ilma minerali naturali kkarbonizzat b’mod naturali”, “ilma minerali naturali ffortifikat bil-gass min-nixxiegħa”, jew “ilma minerali naturali kkarbonizzat”.

Id-deskrizzjoni tal-bejgħ ta’ ilmijiet minerali naturali li jkunu għaddew minn xi wieħed mit-trattamenti msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) għandu jkollha miżjud magħha, skont il-każ, l-indikazzjoni “iddekarbonizzat kompletament” jew “iddekarbonizzat parzjalment”.

2.   It-tikketti fuq ilmijiet minerali naturali għandhom jagħtu wkoll l-informazzjoni obbligatorja li ġejja:

(a)

dikjarazzjoni tal-kompożizzjoni analitika, li tagħti l-kostitwenti karatteristiċi tagħha;

(b)

il-post fejn in-nixxiegħa hi sfruttata u l-isem tan-nixxiegħa;

(ċ)

informazzjoni dwar kull trattament imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1).

3.   Fl-assenza tad-dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar informazzjoni dwar kull trattament msemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu iżommu id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom.

Artikolu 8

1.   L-isem ta’ lokalità, raħal żgħir jew post jistgħu jidhru fit-test tad-deskrizzjoni kummerċjali bil-kondizzjoni li din tirreferi għal ilma minerali naturali li n-nixxiegħa tiegħu hija sfruttata fil-post indikat b’dik id-deskrizzjoni u bil-kondizzjoni li din mhix qarrieqa fir-rigward tal-post tal-isfruttament tan-nixxiegħa.

2.   Għandu jkun ipprojbit li wieħed iqiegħed fis-suq ilma minerali naturali mill-istess nixxiegħa waħdanija taħt iktar minn deskrizzjoni kummerċjali waħda.

3.   Meta t-tikketti jew l-iskrizzjonijiet tal-kontenituri li fihom l-ilmijiet minerali naturali huma offruti għall-bejgħ jinkludu deskrizzjoni kummerċjali differenti mill-isem tan-nixxiegħa jew il-post tal-isfruttament tagħha, dak il-post tal-isfruttament jew l-isem tan-nixxiegħa għandhom jiġu indikati f’ittri li għandhom ikunu tal-anqas darba u nofs tat-tul u l-wisa’ tal-akbar ittra użata għal dik id-deskrizzjoni kummerċjali.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika, mutatis mutandis u bl-istess intenzjoni fir-rigward tal-importanza mogħtija għall-isem tan-nixxiegħa jew il-post tal-isfruttament tagħha, fir-rigward tad-deskrizzjoni kummerċjali użata fir-riklamar, fi kwalunkwe forma, relatata mal-ilmijiet minerali naturali.

Artikolu 9

1.   Għandu jkun ipprojbit, kemm fuq l-imballaġġ jew fuq it-tikketti u fir-reklamar fi kwalunkwe forma, li jintużaw indikazzjonijiet, denominazzjonijiet, marki kummerċjali, ismijiet tal-marka, stampi jew sinjali oħrajn, kemm jekk dawn ikunu figurattivi u kemm jekk le, li:

(a)

fil-każ ta’ ilma minerali naturali, jissuġġerixxu karatteristika li l-ilma m’għandux, b’mod partikolari fir-rigward tal-oriġini tiegħu, id-data tal-awtorizzazzjoni biex dan jiġi sfruttat, ir-riżultati ta’ analiżi jew referenzi simili għall-garanzija ta’ awtentiċità;

(b)

fil-każ ta’ ilma tax-xorb imballat f’kontenituri, li ma jissodisfax id-dispożizzjonijiet tal-Anness I, Taqsima I, għandhom tendenza li joħolqu konfużjoni ma’ ilma minerali naturali, b’mod partikolari d-deskrizzjoni “ilma minerali”.

2.   L-indikazzjonijiet kollha li jattribwixxu lill-ilma minerali naturali karatteristiċi relatati mal-prevenzjoni, it-trattament jew il-kura ta’ xi marda umana għandhom ikunu pprojbiti.

Madankollu, l-indikazzjonijiet elenkati fl-Anness III għandhom ikunu awtorizzati jekk dawn jissodisfaw il-kriterji rilevanti stabbiliti f’dak l-Anness jew, fin-nuqqas ta’ dawn, kriterji stabbiliti f’dispożizzjonijiet nazzjonali u sakemm dawn ikunu ġew imfassla fuq il-bażi ta’ analiżi fiżiko-kimika u, fejn neċessarju, eżamijiet farmakoloġiċi, fiżjoloġiċi u kliniċi mwettqa skont il-metodi xjentifiċi rikonoxxuti, skont l-Anness I, Taqsima I, punt 2.

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-indikazzjonijiet “jistimula d-diġestjoni”, “jista’ jiffaċilita l-funzjonijiet epato-biljari” jew indikazzjonijiet simili. Huma jistgħu jawtorizzaw ukoll l-inklużjoni ta’ indikazzjonijiet oħrajn, bil-kondizzjoni li dawn tal-aħħar ma jmorrux kontra l-prinċipji previsti fl-ewwel subparagrafu u huma kompatibbli ma’ dawk previsti fit-tieni subparagrafu.

3.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ indikazzjonijiet – kemm dwar l-imballaġġ jew it-tikketti u fir-reklamar – li tikkonċerna kemm l-ilma minerali naturali huwa adattat għall-ikel tat-tfal żgħar. Dispożizzjonijiet bħal dawn jistgħu jikkonċernaw ukoll il-karatteristiċi tal-ilma li jiddeterminaw l-użu ta’ dawk l-indikazzjonijiet.

L-Istati Membri li għandhom l-intenzjoni li jieħdu miżuri bħal dawn għandhom jinformaw minn qabel lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

4.   It-terminu “ilma tan-nixxiegħa” għandu jkun riservat għal ilma li hu maħsub għall-konsum tal-bniedem fl-istat naturali tiegħu, u bbottiljat fis-sors, li:

(a)

jissodisfa l-kondizzjonijiet tal-isfruttar stabbiliti fl-Annessi II, punt 2 u 3, li għandhom ikunu kompletament applikabbli għall-ilmijiet tan-nixxiegħa;

(b)

jissodisfa r-rekwiżiti mikrobijoloġiċi stabbiliti fl-Artikolu 5;

(ċ)

jissodisfa r-rekwiżiti tal-ittikkettar tal-Artikolu 7(2), punti (b) u (c), u l-Artikolu 8;

(d)

ma jkunx sarlu xi trattament ħlief għal dak imsemmi fl-Artikolu 4. Trattamenti oħrajn jistgħu jkunu awtorizzati mill-Kummissjoni.

Il-miżuri msemmija fil-punt (d) maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(2).

Barra minn dan, l-ilmijiet tan-nixxiegħa għandhom iħarsu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (9).

5.   Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar it-trattament tal-ilmijiet tan-nixxiegħa msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jżommu d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom fuq it-trattamenti.

Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-kummerċ ta’ ilmijiet minerali naturali li jikkonformaw mad-definizzjonijiet u r-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva ma jistax jiġi mfixkel mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mhux armonizzati li jirregolaw il-karatteristiċi, il-kompożizzjoni, il-kondizzjonijiet ta’ sfruttament, l-imballaġġ, it-tikkettar jew ir-reklamar ta’ ilmijiet minerali naturali jew ta’ oġġetti tal-ikel b’mod ġenerali.

Artikolu 11

1.   Fejn Stat Membru għandu raġunijiet dettaljati biex jikkonsidra li l-ilma minerali naturali ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, jew jipperikola s-saħħa pubblika, għalkemm jiċċirkula ħieles fi Stat Membru wieħed jew iżjed, dak l-Istat Membru jista’ temporanjament jirrestrinġi jew jissospendi l-kummerċ f’dak il-prodott fit-territorju tiegħu. Huwa għandu jinforma immedjatament lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħrajn b’dan u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2.   Fuq talba ta’ kull Stat Membru jew tal-Kummissjoni, l-Istat Membru li rrikonoxxa li l-ilma għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna r-rikonoxximent ta’ dak l-ilma, flimkien mar-riżultati tal-kontrolli regolari.

3.   Il-Kummissjoni għandha teżamina malajr kemm jista’ jkun ir-raġunijet imqajma mill-Istat Membru msemmija fil-paragrafu 1 fil-Kumitat Permanenti msemmi fl-Artikolu 14(1), u għandu jagħti l-opinjoni tiegħu mill-ewwel u jieħu l-miżuri xierqa.

4.   Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li huma neċessarji emendi għal din id-Direttiva biex tassigura l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, hi għandha tadotta dawk l-emendi.

Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(2). Għal raġunijiet ta’ urġenża imperattiva, il-Kummissjoni tista’ tirrikorri għall-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 14(3).

L-Istat Membru li adotta miżuri ta’ salvagwardji jista’, f’dik l-eventwalità, iżommhom sakemm l-emendi jkunu adottati.

Artikolu 12

Il-miżuri li ġejjin għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni:

(a)

limiti għall-konċentrazzjonijiet tal-kostitwenti tal-ilma minerali naturali;

(b)

kull dispożizzjoni meħtieġa għall-indikazzjoni fuq l-ittikkettar ta’ livelli għoljin ta’ ċerti kostitwenti;

(ċ)

il-kondizzjonijet għall-użu ta’ arja arrikkita bl-ożonu msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1);

(d)

l-informazzjoni dwar it-trattamenti msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 7(2);

(e)

metodi ta’ analiżi, inklużi l-limiti ta’ skoperta, biex jivverifikaw l-assenza ta’ tniġġis tal-ilmijiet minerali naturali;

(f)

il-proċeduri ta’ teħid ta’ kampjun u l-metodi ta’ analiżi neċessarji għall-iċċekkjar tal-karatteristiċi mikrobijoloġiċi tal-ilmijiet minerali naturali.

Dawk il-miżuri, maħsuba biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 14(2).

Artikolu 13

Kull deċiżjoni li x’aktarx tħalli effett fuq is-saħħa pubblika għandha tkun adottata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

Artikolu 14

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, waqt li jitqiesu d-disposizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1),(2),(4) u (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, waqt li jitqiesu d-disposizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 15

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ilmijiet minerali naturali għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

Artikolu 16

Id-Direttiva 80/777/KEE, kif emendata mill-atti elenkati fl-Anness IV, Parti A, hija b’dan imħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-trasposizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness IV, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness V.

Artikolu 17

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

Š. FÜLE


(1)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 87.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Settembru 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2009.

(3)  ĠU L 229, 30.8.1980, p. 1.

(4)  Ara l-Anness IV, Parti A.

(5)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(7)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

(8)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(9)  ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32.


ANNESS I

I.   DEFINIZZJONI

1.

“Ilma minerali naturali” tfisser ilma mikrobijoloġikament tajjeb għas-saħħa, fit-tifsira tal-Artikolu 5, li joriġina minn water table ta’ taħt l-art jew minn depożitu ta’ taħt l-art u li joħroġ minn nixxiegħa meħud minn ħruġ naturali wieħed jew aktar jew minn ħruġ imtaqqab.

Ilma minerali naturali jista’ jingħaraf faċilment minn ilma tax-xorb ordinarju:

(a)

min-natura tiegħu, li hi karatterizzata mill-kontenut minerali tagħha, minn oligo-elementi jew minn kostitwenti oħrajn u, fejn adattat, minn ċerti effetti;

(b)

mill-purità oriġinali tiegħu,

fejn iż-żewġ karatteristiċi ġew ikkonservati intatti minħabba l-oriġini minn taħt l-art ta’ ilma bħal dan, li ġie protett minn kull riskju ta’ tniġġis.

2.

Il-karatteristiċi msemmija fil-punt 1, li jistgħu jagħtu lill-ilma minerali naturali propjetajiet li huma favorevoli għas-saħħa, għandhom ikunu ġew ivvalutati:

(a)

mill-aspetti li ġejjin:

(i)

ġeoloġiku u idroloġiku;

(ii)

fiżiku, kimiku u fisjo-kimiku;

(iii)

mikrobijoloġiku;

(iv)

jekk ikun neċessarju, farmakoloġiku, fiżjoloġiku u kliniku;

(b)

skont il-kriterji elenkati fit-Taqsima II;

(ċ)

skont il-metodi xjentifiċi approvati mill-awtorità responsabbli.

L-analiżi msemmija fil-punt (a)(iv) tal-ewwel subparagrafu jistgħu jkunu fakultattivi fejn l-ilma jippreżenta l-karatteristiċi ta’ kompożizzjoni li bis-saħħa tagħhom hu jkun ikkunsidrat bħala ilma minerali naturali fl-Istat Membru ta’ oriġini qabel is-17 ta’ Lulju 1980. Dan huwa il-każ, b’mod partikolari meta l-ilma kkonċernat ikun fih, għal kull kg, kemm fis-sors kif ukoll wara li jiġi bbottiljat, minimu ta’ 1 000 mg ta’ solidi totali fit-taħlita jew minimu ta’ 250 mg ta’ diossidu tal-karbonju liberu.

3.

Il-kompożizzjoni, it-temperatura u l-karatteristiċi essenzjali l-oħra tal-ilma minerali naturali għandhom jibqgħu stabbli fil-limiti ta’ varjazzjoni naturali; b’mod partikolari, m’għandhomx jiġu affettwati bil-varjazzjonijiet possibbli fir-rata ta’ ċirkolazzjoni.

Fit-tifsira tal-Artikolu 5(1), l-għadd vijabbli normali tal-kolonja tal-ilma minerali naturali ifisser l-għadd totali tal-kolonja li hu raġonevolment kostanti fis-sors qabel kull trattament, li l-kompożizzjoni kwalittattiva u kwantitattiva tiegħu ikkunsidrata fir-rikonoxximent ta’ dak l-ilma, hija kkontrollata b’analiżi perijodiċi.

II.   REKWIŻITI U KRITERJI GĦALL-APPLIKAZZJONI TAD-DEFINIZZJONI

1.1.   Rekwiżiti għal stħarriġ ġeoloġiku u idroloġiku

Għandu jkun hemm rekwiżit biex jiġu pprovduti d-dettalji li ġejjin:

1.1.1.

Is-sit eżatt tal-ġbir tal-ilma b’indikazzjoni tal-altitudni tiegħu, fuq mappa bi skala ta’ mhux aktar minn 1: 1 000;

1.1.2.

rapport ġeoloġiku dettaljat dwar l-oriġini u n-natura tat-terren;

1.1.3.

l-istratigrafija tal-istrat idroġeoloġiku;

1.1.4.

deskrizzjoni tal-operazzjonijiet tal-ġbir tal-ilma;

1.1.5.

id-demarkazzjoni tal-arja jew dettalji ta’ miżuri oħra li jipproteġu n-nixxiegħa mit-tniġġis.

1.2.   Rekwiżiti għal stħarriġ fiżiku, is-servej kimiku u dak fisjo-kimiku

Dan l-istħarriġ għandu jistabbilixxi:

1.2.1.

ir-rata taċ-ċirkolazzjoni tal-ilma tan-nixxiegħa;

1.2.2.

it-temperatura tal-ilma fis-sors u t-temperatura tal-post;

1.2.3.

ir-relazzjoni bejn in-natura tat-terren u n-natura u t-tip ta’ minerali fl-ilma;

1.2.4.

ir-residwi nexfin f’180 °C sa 260 °C;

1.2.5.

il-konduttività jew il-forza ta’ reżistenza elettrika, fejn għandha tkun speċifikata t-temperatura tal-kejl;

1.2.6.

il-konċentrazzjoni tal-jone idroġenu (pH);

1.2.7.

l-anions u l-cations;

1.2.8.

l-elementi mhux jonizzati;

1.2.9.

l-oligo-elementi;

1.2.10.

il-kwalitajiet radjo-attinoloġiċi fis-sors;

1.2.11.

fejn jixraq, il-livelli isotopiċi relattivi tal-elementi kostitwenti tal-ilma, ossiġnu (16O – 18O) u idroġenu (protium, deuterium, tritium);

1.2.12.

it-tossiċità ta’ ċerti elementi kostitwenti tal-ilma, billi wieħed jikkunsidra l-limiti stabbiliti għal kull wieħed minnhom.

1.3.   Kriterji għall-analiżijiet mikrobijoloġiċi fis-sors

Dawn l-analiżi għandhom jinkludu:

1.3.1.

wirja tal-assenza ta’ parassiti u mikro-organismi patoġeniċi;

1.3.2.

determinazzjoni kwantitattiva tal-għadd li jista’ jerġa jitqajjem tal-kolonja indikattiv tal-kontaminazzjoni fekali:

(a)

assenza ta’ Escherichia coli u ta’ coliforms oħrajn f’250 ml f’37 °C u 44,5 °C;

(b)

assenza ta’ streptoccoci fekali f’250 ml;

(ċ)

assenza ta’ anerojbi li jnaqqsu s-sulfat sporulati f’50 ml;

(d)

assenza ta’ Pseudomonas aeruginosa f’250 ml.

1.3.3.

determinazzjoni tal-għadd totali li jista’ jerġa jitqajjem tal-kolonja għal kull ml ta’ ilma:

(a)

f’20 sa 22 °C f’72 siegħa fuq taħlita agar-agar jew agar-gelatina,

(b)

f’37 °C f’24 siegħa fuq agar-agar.

1.4.   Rekwiżiti għall-analiżi klinika u l-analiżi farmokoloġika

1.4.1.

Dawn l-analiżi, li għandhom isiru skont il-metodi xjentifikament rikonoxxuti, għandhom ikunu adatti għall-karatteristiċi partikolari tal-ilma minerali naturali u l-effetti tiegħu fuq l-organiżmu uman, bħall-funzjonijiet ta’ djuresi, gastriċi u intestinali, kumpens għal defiċjenzi minerali.

1.4.2.

L-istabbiliment tal-konsistenza u l-konkordanza ta’ numru sostanzjali ta’ osservazzjonijiet kliniċi jista’, jekk xieraq, jieħu l-post tal-analiżi msemmija fil-punt 1.4.1. L-analiżi kliniċi jistgħu, f’każijiet adatti, jieħdu l-post tal-analiżi msemmija fil-punt 1.4.1 bil-kondizzjoni li l-konsistenza u l-konkordanza ta’ numru sostanzjali ta’ osservazzjonijiet jippermettu li jinkisbu l-istess riżultati.

III.   KWALIFIKAZZJONIJIET SUPPLIMENTARI RELATATI mal-ILMIJIET MINERALI NATURALI EFFERVEXXENTI

Fis-sors u wara l-ibbottiljar, l-ilmijiet minerali naturali effervexxenti jerħu diossidu tal-karbonju spontanjament u b’mod viżibbli b’mod ċar f’kondizzjonijiet normali ta’ temperatura u pressjoni. Dawn jaqgħu fi tliet kategoriji li għalihom id-denominazzjonijiet riżervati li ġejjin għandhom japplikaw rispettivament:

(a)

“ilma minerali naturali kkarbonizzat b’mod naturali” tfisser ilma li l-kontenut ta’ diossidu tal-karbonju tiegħu min-nixxiegħa wara d-dekantazzjoni, jekk dan isir, u wara l-ibbottiljar huwa l-istess bħal fis-sors, meta wieħed jikkonsidra, fejn jixraq, li terġa’ tiġi introdotta kwantità ta’ diossidu tal-karbonju mill-istess water table jew minn depożitu ekwivalenti għal dak rilaxxat matul dawk l-operazzjonijiet u soġġett għat-tolleranzi tekniċi tas-soltu;

(b)

“ilma minerali naturali bil-gass min-nixxiegħa” tfisser ilma li l-kontenut tiegħu ta’ diossidu tal-karboniku mill-istess water table jew mill-istess depożitu wara li dan jitferra’, jekk dan isir, u l-ibbottiljar huwa aktar minn dak stabbilit fis-sors;

(ċ)

“ilma minerali naturali karbonizzat” tfisser ilma li żdiedlu d-diossidu tal-karbonju li ma joriġinax mill-water table jew mid-depożitu minn fejn ikun ġej l-ilma.


ANNESS II

KONDIZZJONIJIET GĦALL-ISFRUTTAMENT U T-TQEGĦID FIS-SUQ TA’ ILMA MINERALI NATURALI

1.

L-isfruttament ta’ nixxiegħa ta’ ilma minerali naturali għandha tkun soġġetta għall-permess mill-awtorità responsabbli tal-pajjiż minn fejn l-ilma jkun ġie estratt, wara li jkun ġie stabbilit li l-ilma kkonċernat jikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Taqsima I.

2.

It-tagħmir għall-isfruttament tal-ilma għandu jkun installat b’tali mod li jevita kull possibbiltà ta’ kontaminazzjoni u li jippreżerva l-kwalitajiet, skont dawk attribwiti lilu, li jkollu l-ilma fis-sors.

Għal dak il-għan, b’mod partikolari:

(a)

in-nixxiegħa jew l-iżbokk għall-ħruġ tal-ilma għandu jkun protett kontra r-riskji ta’ tniġġis;

(b)

il-ġbir tal-ilma, il-pajpijiet u l-ġibjuni għandhom ikunu ta’ materjali adatti għall-ilma u mibnija b’tali mod li jipprevienu kull alterazzjoni kimika, fiżjo-kimika jew mikrobijoloġika tal-ilma;

(ċ)

il-kondizzjonijiet tal-isfruttament, b’mod partikolari t-tagħmir tal-ħasil u tal-ibbottiljar, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ iġjene; b’mod partikolari, il-kontenituri għandhom ikunu ttrattati jew iffabrikati b’tali mod li jiġu evitati effetti negattivi fuq il-karatteristiċi mikrobijoloġiċi u kimiċi tal-ilma minerali naturali;

(d)

it-trasport tal-ilma minerali naturali f’kontenituri minbarra dawk awtorizzati għad-distribuzzjoni għall-konsumatur finali għandu jkun projbit.

Madankollu, il-punt (d) jista’ ma jiġix applikat għall-ilmijiet minerali estratti, sfruttati u mqiegħda fis-suq fit-territorju ta’ Stat Membru jekk, f’dak l-Istat Membru fis-17 ta’ Lulju 1980, it-trasport tal-ilma minerali naturali ġo tankijiet min-nixxiegħa għall-fabbrika tal-ibbottiljar kien awtorizzat.

B’mod simili, il-punt (d) jista’ ma jiġix applikat għall-ilmijiet minn nixxiegħat estratti, sfruttati u mqiegħda fis-suq fit-territorju ta’ Stat Membru, jekk f’dak l-Istat Membru fit-13 ta’ Diċembru 1996, it-trasport tal-ilma minerali naturali ġo tankijiet min-nixxiegħa għall-fabbrika tal-ibbottiljar kien awtorizzat.

3.

Fejn jinsab matul l-isfruttament, li l-ilma minerali naturali huwa kkontaminat u ma jibqax jippreżenta l-karatteristiċi mikrobijoloġiċi stabbiliti fl-Artikolu 5, il-persuna li tkun qed tisfrutta n-nixxiegħa għandha minn dak il-mument ‘il quddiem tissospendi kull sfruttament, b’mod partikolari l-proċess tal-ibbottiljar, sakemm tinqered il-kawża tat-tniġġis u sakemm l-ilma jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5.

4.

L-awtorità responsabbli fil-pajjiż tal-oriġni għandha tagħmel kontrolli perjodiċi biex tara jekk:

(a)

l-ilma minerali naturali li għalih ġiet awtorizzata l-isfruttament tan-nixxiegħa jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Anness I, Taqsima I;

(b)

id-dispożizzjonijiet tal-punti 2 u 3 qed jiġu applikati mill-persuna li tkun qed tisfrutta n-nixxiegħa.


ANNESS III

INDIKAZZJONIJIET U KRITERJI STABBILITI FL-ARTIKOLU 9(2)

Indikazzjonijiet

Kriterji

Kontenut minerali baxx

Kontenut ta’ melħ minerali, kkalkulat bħala residwu fiss mhux akbar minn 500 mg/l

Kontenut minerali baxx ħafna

Kontenut ta’ melħ minerali, kkalkulat bħala residwu fiss mhux akbar minn 50 mg/l

Li għandu ħafna melħ minerali

Kontenut ta’ melħ minerali, kkalkulat bħala residwu fiss akbar minn 1 500 mg/l

Fih il-bikarbonat

Kontenut ta’ bikarbonat akbar minn 600 mg/l

Fih is-sulfat

Kontenut ta’ sulfat akbar minn 200 mg/l

Fih il-klorur

Kontenut ta’ klorur akbar minn 200 mg/l

Fih il-kalċju

Kontenut ta’ kalċju akbar minn 150 mg/l

Fih il-manjesju

Kontenut ta’ manjesju akbar minn 50 mg/l

Fih il-fluworidu

Kontenut ta’ floworidu akbar minn 1 mg/l

Fih il-ħadid

Kontenut ta’ ħadid bivalenti akbar minn 1 mg/l

Aċiduż

Kontenut ta’ diossidu karboniku liberu akbar minn 250 mg/l

Fih is-sodju

Kontenut ta’ sodju akbar minn 200 mg/l

Adatt għall-preparazzjoni tal-ikel tat-tfal żgħar

Adatt għall-dieta baxxa fis-sodju

Kontenut ta’ sodju inqas minn 20 mg/l

Jista’ jkun purganti

Jista’ jkun dijuretiku


ANNESS IV

PARTI A

Direttiva Mħassra b’lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 16)

Direttiva tal-Kunsill 80/777/KEE

(ĠU L 229, 30.8.1980, p. 1)

 

Direttiva tal-Kunsill 80/1276/KEE

(ĠU L 375, 31.12.1980, p. 77)

Artikolu 1, it-tielet inċiż biss

Direttiva tal-Kunsill 85/7/KEE

(ĠU L 2, 3.1.1985, p. 22)

Artikolu 1, punt 10 biss

Punt B.1.(o) tal-Anness I għall-Att ta’ Adeżjoni tal-1985

(ĠU L 302, 15.11.1985, p. 214)

 

Direttiva 96/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 299, 23.11.1996, p. 26)

 

Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1)

Anness III, punt 4 biss

PARTI B

Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 16)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Permess għall-kummerċ fil-prodotti li huma konformi ma’ din id-Direttiva

Projbizzjoni għall-kummerċ fil-prodotti li m’humiex konformi ma’ din id-Direttiva

80/777/KEE

fit-18 ta’ Lulju 1982.

fit-18 ta’ Lulju 1984.

80/1276/KEE

85/7/KEE

96/70/KE

fit-28 ta’ Ottubru 1997.

28 ta’ Ottubru 1998 (1)


(1)  Madankollu, il-kummerċ fi prodotti mqiegħda fis-suq jew ittikkettati qabel din id-data u li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva jistgħu jkomplu sa kemm il-ħażniet jispiċċaw.


ANNESS V

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 80/777/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(1)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(2)

Artikolu 1(3), l-ewwel u t-tieni inċiż

Artikolu 1(3)(a) u (b)

Artikolu 1(4)

Artikolu 1(4)

Artikolu 1(5)

Artikolu 1(5)

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4(1)(a)

Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, (a)

Artikolu 4(1)(b), l-ewwel u t-tieni inċiż

Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, (b)(i) u (ii)

Artikolu 4(1)(c), l-ewwel u t-tieni inċiż

Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, (c)(i) u (ii)

Artikolu 4(1)(d)

Artikolu 4(1), l-ewwel subparagrafu, (d)

Artikolu 4(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(3)

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(3), l-ewwel u t-tieni inċiż

Artikolu 5(3)(a) u (b)

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(2a)

Artikolu 7(3)

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9(1)

Artikolu 9(1)

Artikolu 9(2)(a), (b) u (c)

Artikolu 9(2), l-ewwel, it-tieni u it-tielet subparagrafi

Artikolu 9(3)

Artikolu 9(3)

Artikolu 9(4)

Artikolu 9(4a), l-ewwel subparagrafu,l-ewwel sar-raba’ inċiż

Artikolu 9(4), l-ewwel subparagrafu, (a) sa (d)

Artikolu 9(4a), it-tieni subparagrafu

Artikolu 9(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 9(4b)

Artikolu 9(5)

Artikolu 10(1)

Artikolu 10

Artikolu 10a

Artikolu 11

Artikolu 11(1), l-ewwel sar-raba’ inċiż

Artikolu 12(a) sa (d)

Artikolu 11(2), l-ewwel u t-tieni inċiż

Artikolu 12(e) u (f)

Artikolu 11a

Artikolu 13

Artikolu 12 (1)

Artikolu 14 (1)

Artikolu 12(2)

Artikolu 14(2) u (3)

Artikolu 12(3)

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 17

Artikolu 18

Anness I(I)(1)

Anness I(I)(1)

Anness I(I)(2), l-ewwel subparagrafu, (a)(1) sa (4)

Anness I(I)(2), l-ewwel subparagrafu, (a)(i) sa (iv)

Anness I(I)(2), l-ewwel subparagrafu, (b)

Anness I(I)(2), l-ewwel subparagrafu, (b)

Anness I(I)(2), l-ewwel subparagrafu, (c)

Anness I(I)(2), l-ewwel subparagrafu, (c)

Anness I(I)(2), it-tieni subparagrafu

Anness I(I)(2), it-tieni subparagrafu

Anness I(I)(3)

Anness I(I)(3)

Anness I(II), 1.1

Anness I(II), 1.1

Anness I(II), 1.2

Anness I(II), 1.2

Anness I(II), 1.3

Anness I(II), 1.3

Anness I(II), 1.3.1

Anness I(II), 1.3.1

Anness I(II), 1.3.2

Anness I(II), 1.3.2

Anness I(II), 1.3.3, (i) u (ii)

Anness I(II), 1.3.3, (a) u (b)

Anness I(II), 1.4

Anness I(II), 1.4

Anness I(III)

Anness I(III)

Anness II

Anness II

Anness III

Anness III

Anness IV

Anness V