5.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/16


DIRETTIVA 2009/24/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter

(Verżjoni kodifikata)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li ikkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li ikkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li ikkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2)

Billi:

(1)

Il-kontenut tad-Direttiva 91/250/KEE tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter (3) ġie emendat (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

(2)

L-iżvilupp ta’ programmi tal-kompjuter jeħtieġ investiment ta’ riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji konsiderevoli, filwaqt li programmi tal-kompjuter jistgħu jiġu ikkupjati b’parti tal-ispiża meħtieġa għall-iżvilupp tagħhom indipendentement.

(3)

Il-programmi tal-kompjuter qegħdin ikollhom parti dejjem aktar importanti fil-firxa wiesa’ tal-industriji u t-teknoloġija tal-programmi tal-kompjuter tista’ f’dan is-sens tiġi ikkunsidrata li hi ta’ importanza fundamentali għall-iżvilupp industrijali tal-Komunità.

(4)

Ċerti differenzi fil-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter offruta bil-liġijiet tal-Istati Membri għandhom effetti diretti u negattivi fuq it-tħaddim tas-suq intern dwar programmi tal-kompjuter.

(5)

Differenzi eżistenti li jkollhom dawn l-effetti hemm bżonn li jitneħħew u oħrajn ġodda ma jitħallewx jinqalgħu, filwaqt li d-differenzi li ma jkollhomx effett kontra it-tħaddim tas-suq intern sa grad sostanzjali m’għandhomx bżonn li jitneħħew jew li ma jitħallewx li jqumu.

(6)

Il-qafas legali tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta’ programmi tal-kompjuter jista’ f’dan is-sens primarjament ikun limitat li jistabbilixxi li Stati Membri għandhom jagħtu protezzjoni lill-programmi tal-kompjuter skont liġi tad-drittijiet tal-awtur bħal xogħlijiet letterarji u, ukoll, biex jiġi stabbilit min jew xiex għandu jkun protett, id-drittijiet esklussivi li permezz tagħhom persuni protetti għandhom ikunu jistgħu jafdaw sabiex jawtorizzaw jew jipprojbixxu ċerti atti u għal kemm żmien il-protezzjoni għandha tapplika.

(7)

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, it-terminu “programm tal-kompjuter” għandu jinkludi programmi f’kull forma, inklużi dawk li jkunu mdaħħla fil-hardware. Dan it-terminu jinkludi wkoll xogħol preparatorju ta’ disinn li jwassal għall-iżvilupp ta’ programm tal-kompjuter kemm-il darba n-natura tax-xogħol preparatorju huwa hekk li programm tal-kompjuter jista’ jirriżulta minnu fi stadju aktar ’il quddiem.

(8)

Fir-rigward tal-kriterji li għandhom jiġu applikati biex jistabbilixxu jekk programm tal-kompjuter huwiex oriġinali jew le, ebda testijiet m’għandhom jiġu applikati dwar il-merti kwalitattivi jew estetiċi tal-programm.

(9)

Il-Komunità hija impenjata bi sħiħ għall-promozzjoni ta’ standardizzazzjoni internazzjonali.

10)

Il-funzjoni ta’ programm tal-kompjuter hija li jikkomunika u jaħdem flimkien ma’ komponenti oħra f’sistema ta’ kompjuters u ma’ utenti u, għal dan l-iskop, interkonnessjoni u interazzjoni loġika u, fejn ikun xieraq, waħda fiżika hija meħtieġa biex tippermetti l-elementi kollha tas-software u hardware li jaħdmu ma’ software u hardware ieħor u ma’ utenti fil-modi kollha li fihom huma maħsuba li jiffunzjonaw. Il-partijiet tal-programm li jipprovdu għal din l-interkonnessjoni u l-interazzjoni bejn l-elementi tas-software u l-hardware huma ġeneralment magħrufa bħala “interfaces”. Din l-interkonnessjoni u l-interazzjoni funzjonali hija ġeneralment magħrufa bħala “interoperabilità”; din l-interoperabilità tista’ tiġi imfissra bħala l-kapaċità li tagħmel skambju tal-informazzjoni u li tuża’ b’mod reċiproku l-informazzjoni li tkun ġiet skambjata.

(11)

Biex jiġi evitat id-dubju, għandu jkun ċar li l-espressjoni biss ta’ programm tal-kompjuter hija protetta u li l-ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element fil-programm, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, mhumiex protetti bid-drittijiet tal-awtur skont din id-Direttiva. Skont dan il-prinċipju tad-drittijiet tal-awtur, sal-punt li l-loġika, l-algoritmi u lingwi tal-programmi jinkludu ideat u prinċipji, dawk l-ideat u prinċipji mhumiex protetti skont din id-Direttiva. Skont il-leġiżlazzjoni u l-każistika tal-Istati Membri u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur, l-espressjoni ta’ dawk l-ideat u l-prinċipji għandha tkun protetta bid-drittijiet tal-awtur.

(12)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “kirja” ifisser li tagħmel disponibbli għall-użu, għal perijodu limitat ta’ żmien u għal finijiet ta’ qligħ, programm ta’ kompjuter jew kopja tiegħu. Dan it-terminu ma jinkludix self lill-pubbliku, li, f’dan is-sens, jibqa’ barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva.

(13)

Id-drittijiet esklussivi tal-awtur li jipprevjenu r-riproduzzjoni mhux awtorizzata ta’ dan ix-xogħol għandhom ikunu soġġetti għall-eċċezzjoni limitata fil-każ ta’ programm tal-kompjuter li tippermetti r-riproduzzjoni teknika meħtieġa għall-użu ta’ dak il-programm minn min jiksbu legalment. Dan ifisser li l-atti li jtellgħu u jħaddmu, meħtieġa għall-użu ta’ kopja ta’ programm li jkun inkiseb legalment, u l-att ta’ korrezzjoni tal-iżbalji tiegħu, jistgħu ma jkunux projbiti b’kuntratt. Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi, inkluż meta kopja ta’ programm tkun inbiegħet, kull att ieħor meħtieġ għall-użu tal-kopja ta’ programm jista’ jitwettaq skont l-iskop maħsub tiegħu minn min ikun kiseb legalment dik il-kopja.

(14)

Persuna li għandha d-dritt li tuża programm tal-kompjuter m’għandhiex tkun ipprojbita milli twettaq atti meħtieġa biex tosserva, tistudja jew tittestja l-iffunzjonar tal-programm, kemm-il darba dawk l-atti ma jiksrux id-drittijiet tal-awtur fil-programm.

(15)

Ir-riproduzzjoni, traduzzjoni, adattament jew trasformazzjoni mhix awtorizzata tal-forma taċ-ċifrarju li fih kopja ta’ programm tal-kompjuter tkun saret disponibbli, tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet esklussivi tal-awtur. Minkejja dan, jistgħu jeżistu ċirkostanzi meta din ir-riproduzzjoni taċ-ċifrarju u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu huma indispensabbli biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ta’ programm maħluq indipendentement minn programmi oħra. Għalhekk għad għandu jiġi ikkunsidrat li dawn iċ-ċirkostanzi limitati biss, twettiq tal-atti ta’ riproduzzjoni u traduzzjoni minn jew f’isem persuna li għandha d-dritt li tuża’ kopja tal-programm hija leġittima u kompatibbli ma’ prattika ġusta u għandha għalhekk titqies li ma jkollhiex bżonn l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt. Skop ta’ din l-eċċezzjoni huwa li jagħmilha possibbli li jikkonnettja l-komponenti kollha ta’ sistema tal-kompjuter, inklużi dawk ta’ manifatturi differenti, biex ikunu jistgħu jaħdmu flimkien. Din l-eċċezzjoni tad-drittijiet esklussivi tal-awtur ma tistax tintuża’ b’mod li tippreġudika l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew li tmur kontra l-isfruttar normali tal-programm.

(16)

Protezzjoni ta’ programmi tal-kompjuter skont liġijiet tad-drittijiet tal-awtur għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni, f’każi xierqa, ta’ forom oħra ta’ protezzjoni. B’danakollu, kull dispożizzjoni kuntrattwali kontrarja għad- dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija għar-rigward id-dekumpilazzjoni jew għall-eċċezzjonijiet li hemm previsti b’din id-Direttiva għar-rigward l-għemil ta’ kopja ta’ rinforz jew għall-osservazzjoni, l-istudju jew l-ittestjar tal-funzjonament ta’ programm għandha tkun nulla u bla effett.

(17)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat jekk fornitur dominanti jirrifjuta li jagħmel disponibbli l-informazzjoni li hija meħtieġa għall-interoperabilità kif imfissra f’din id-Direttiva.

(18)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti speċifiċi tal-liġi tal-Komunità li tkun diġà għaddiet dwar il-pubblikazzjoni ta’ interfaces fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet jew Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-istandardizzazzjoni fil-qasam tal-informatika u t-telekomunikazzjoni.

(19)

Din id-Direttiva ma taffettwax derogi li hemm provdut dwarhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali skont il-Konvenzjoni ta’ Berna fuq punti li m’humiex regolati b’din id-Direttiva.

(20)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri għar-rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-għan tal-protezzjoni

1.   Skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “programmi tal-kompjuter” għandu jinkludi l-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom.

2.   Protezzjoni skont din id-Direttiva għandha tapplika għall-espressjoni f’kull forma ta’ programm tal-kompjuter. Ideat u prinċipji li jservu ta’ bażi għal kull element ta’ programm tal-kompjuter, inklużi dawk li jservu ta’ bażi għall-interfaces tiegħu, m’humiex protetti bid-drittijiet tal-awtur skont din id-Direttiva.

3.   Programm tal-kompjuter għandu jkun protett jekk ikun oriġinali fis-sens li jkun il-ħolqien intellettwali tal-awtur stess. L-ebda kriterji oħra ma għandhom jiġu applikati biex tiġi stabbilita l-eliġibilità tiegħu għall-protezzjoni.

4.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jgħoddu wkoll għall-programmi maħluqa qabel l-1 ta’ Jannar tal-1993 mingħajr preġudizzju għal kull att konkluż u drittijiet miksuba qabel dik id-data.

Artikolu 2

L-awtur ta’ programmi tal-kompjuter

1.   L-awtur ta’ programm tal-kompjuter għandu jkun il-persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi li jkun ħoloq il-programm jew, fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tippermetti, il-persuna ġuridika maħtura bħala detentur tad-drittijiet minn dik il-leġiżlazzjoni.

Fejn xogħlijiet kollettivi huma rikonoxxuti bil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, il-persuna ikkunsidrata mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li tkun ħolqot ix-xogħol għandha titqies bħala l-awtur tiegħu.

2.   Fir-rigward ta’ programm tal-kompjuter maħluq minn grupp ta’ persuni fiżiċi flimkien, id-drittijiet esklussivi għandhom ikunu ipposseduti flimkien.

3.   Fejn programm tal-kompjuter jinħoloq minn impjegat fit-twettiq ta’ dmirijietu jew billi jsegwi struzzjonijiet mogħtija mill-prinċipal tiegħu, il-prinċipal b’mod esklussiv għandu jkun intitolat biex jeżerċita d-drittijiet ekonomiċi kollha fil-programm hekk maħluq, kemm-il darba ma jkunx hemm provdut mod ieħor bil-kuntratt.

Artikolu 3

Il-benefiċjarji tal-protezzjoni

Protezzjoni għandha tingħata lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha eliġibbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur kif applikata għal xogħlijiet letterarji.

Artikolu 4

Atti ristretti

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2 għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

(a)

ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha. In kwantu għat-tlugħ, wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna tal-programm tal-kompjuter ikun hemm bżonn din ir-riproduzzjoni, dawn l-atti għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet;

(b)

it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm;

(c)

kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, inkluż il-kiri, tal-programm oriġinali tal-kompjuter jew kopji tiegħu.

2.   L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja ta’ programm mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu għandu jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni fil-Komunità ta’ dik il-kopja, bl-eċċezzjoni tad-dritt biex jikkontrolla aktar il-kiri tal-programm jew kopja tiegħu.

Artikolu 5

Eċċezzjonijiet għall-atti ristretti

1.   Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skont il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.

2.   It-twettiq ta’ kopja ta’ rinforz minn persuna li jkollha dritt li tħaddem il-programm tal-kompjuter tista’ ma tkunx miżmuma b’kuntratt għal kemm żmien ikun meħtieġ għal dak l-użu.

3.   Il-persuna li jkollha dritt tuża kopja ta’ programm tal-kompjuter għandha tkun intitolata, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, li tosserva, tistudja jew tittestja l-funzjonament tal-programm sabiex tiddeċiedi l-ideat u l-prinċipji li huma l-bażi ta’ kull element tal-programm jekk hu jagħmel hekk waqt li jkun iwettaq kull att ta’ tlugħ, wiri, tħaddim, trasmissjoni jew ħażna ta’ programm li hu jkun intitolat li jagħmel.

Artikolu 6

Dekumpilazzjoni

1.   L-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet m’għandhiex tkun meħtieġa fejn ir-riproduzzjoni taċ-ċifrarju u t-traduzzjoni tal-forma tiegħu skont it-tifsira tal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) huma indispensabbli biex tottjeni l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement minn programmi oħra, kemm-il darba jsiru skont dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

dawk l-atti jitwettqu mill-persuna li tingħatalha l-liċenzja jew minn persuna oħra li jkollha d-dritt li tuża’ kopja ta’ programm, jew f’isimhom minn persuna awtorizzata li tagħmel dan;

(b)

l-informazzjoni meħtieġa biex tikseb l-interoperabilità ma tkunx minn qabel disponibbli għall-persuni msemmija fil-punt (a); u

(c)

dawk l-atti jkunu limitati għall-partijiet tal-programm oriġinali li huma meħtieġa biex jiksbu l-interoperabilità.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma għandhomx jippermettu l-informazzjoni miksuba permezz tal-applikazzjoni tiegħu:

(a)

li tintuża għal għanijiet oħra għajr biex tikseb l-interoperabilità tal-programm tal-kompjuter maħluq indipendentement;

(b)

li tingħata lill-oħrajn, għajr meta jkun meħtieġ għall-interoperabilità ta’ programm tal-kompjuter maħluq indipendentement; jew

(c)

li tintuża għall-iżvilupp, produzzjoni jew kummerċ ta’ programm tal-kompjuter sostanzjalment simili fl-espressjoni tiegħu, jew għal kull att ieħor li jikser id-drittijiet tal-awtur.

3.   Skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jippermettu l-applikazzjoni tiegħu li tintuża b’mod li tippreġudika b’mod mhux raġunat l-interessi ġusti tad-detentur leġittimu jew imorru kontra l-isfruttar normali tal-programm tal-kompjuter.

Artikolu 7

Miżuri speċjali ta’ protezzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4, 5 u 6, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, rimedji xierqa kontra persuna li tikkommetti xi wieħed mill-atti li ġejjin:

(a)

kull att li jqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni kopja ta’ programm tal-kompjuter waqt li jaf, jew li jkollu raġuni għalfejn jemmen, li hija kopja illegali;

(b)

il-pussess, għal finijiet kummerċjali, ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter waqt li jkun jaf, jew ikollu raġuni għalfejn jemmen, li tkun kopja illegali;

(c)

kull att li jqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni, jew il-pussess għal finijiet kummerċjali ta’ kull mezz li l-uniku għan maħsub għalih hu li jħaffef, li jneħħi mingħajr awtorità jew li jeħles minn xi strument tekniku li jista’ jkun applikat biex jipproteġi programm tal-kompjuter.

2.   Kull kopja illegali ta’ programm tal-kompjuter tista’ tiġi sekwestrata skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru interessat.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għas-sekwestru b’kull mezz imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1.

Artikolu 8

Applikazzjoni kontinwa ta’ dispożizzjonijiet legali oħra

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni legali oħra bħal dik dwar id-drittijiet tal-privattivi, trademarks, kompetizzjoni inġusta, sigrieti tas-sengħa, protezzjoni ta’ prodotti semikundutturi jew liġi ta’ kuntratt.

Kull dispożizzjoni kuntrattwali kuntrarja għall-Artikolu 6 jew għall-eċċezzjonijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 5(2) u (3) għandhom ikunu nulli u bla effett.

Artikolu 9

Komunikazzjoni

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 10

Deroga

Id-Direttiva 91/250/KEE, kif emendata mid-Direttiva imniżżla fl-Anness I, Parti A hi mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri għar-rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B.

Riferenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala riferenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strażburgu, 23 ta’ April 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

P. NEČAS


(1)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 24.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Marzu 2009.

(3)  ĠU L 122, 17.5.1991, p. 42.

(4)  Ara l-Anness I, Parti A.


ANNESS I

PARTI A

Direttiva imħassra flimkien ma’ lista ta’ l-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 10)

Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE

(ĠU L 122, 17.5.1991, p. 42)

 

Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE

(ĠU L 290, 24.11.1993, p. 9)

Artikolu 11(1) biss

PARTI B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 10)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

91/250/KEE

31 ta’ Diċembru 1992

93/98/KEE

30 ta’ Ġunju 1995


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Direttiva 91/250/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1), (2) u (3)

Artikolu 1(1), (2) u (3)

Artikolu 2(1), l-ewwel sentenza

Artikolu 2(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 2(1), it-tieni sentenza

Artikolu 2(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 2(2) u (3)

Artikolu 2(2) u (3)

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4, kliem tal-bidu

Artikolu 4(1), kliem tal-bidu

Artikolu 4(a)

Artikolu 4(1), il-punt (a)

Artikolu 4(b)

Artikolu 4(1), il-punt (b)

Artikolu 4(c), l-ewwel sentenza

Artikolu 4(1), il-punt (c)

Artikolu 4(c), it-tieni sentenza

Artikolu 4(2)

Artikoli 5, 6 u 7

Artikoli 5, 6 u 7

Artikolu 9(1), l-ewwel sentenza

Artikolu 8, l-ewwel paragrafu

Artikolu 9(1), it-tieni sentenza

Artikolu 8, it-tieni paragrafu

Artikolu 9(2)

Artikolu 1(4)

Artikolu 10(1)

Artikolu 10(2)

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11

Artikolu 12

Anness I

Anness II