28.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/132


DIRETTIVA 2009/21/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Is-sikurezza tat-trasport marittimu tal-Komunità Ewropea u taċ-ċittadini li jużawh u l-protezzjoni tal-ambjent għandhom ikunu żgurati f’kull ħin.

(2)

Fir-rigward tat-trasport marittimu internazzjonali twaqqaf qafas komprensiv li jtejjeb is-sikurezza marittima u l-protezzjoni tal-ambjent fir-rigward tat-tniġġis minn vapuri permezz tal-adozzjoni ta’ għadd ta’ konvenzjonijiet li għalihom l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) hija depożitarja.

(3)

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta n-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt Marittimu tal-1982 (UNCLOS) u l-konvenzjonijiet li għalihom l-IMO hija depożitarja (minn hawn ‘il quddiem “il-Konvenzjonijiet IMO”), l-Istati li huma partijiet għal dawk l-istrumenti huma responsabbli għall-promulgazzjoni ta’ liġijiet u regolamenti u għat-teħid tal-passi l-oħrajn kollha li jistgħu ikunu neċessarji sabiex dawk l-istrumenti jingħataw effett sħiħ u komplut biex jiġi żgurat li, fir-rigward tas-sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar u l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, vapur ikun tajjeb għas-servizz li għalih ikun maħsub u jkun imħaddem minn ekwipaġġ marittimu kompetenti.

(4)

Għandu jittieħed kont tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu adottata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fl-2006, li tindirizza wkoll l-obbligi relatati mal-Istat tal-bandiera.

(5)

Fid-9 ta’ Ottubru 2008, l-Istati Membri adottaw dikjarazzjoni li fiha huma jirrikonoxxu b’mod unanimu l-importanza tal-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali relatati mal-obbligi tal-Istati tal-bandiera sabiex tittejjeb is-sikurezza marittima u jsir kontribut lejn il-prevenzjoni tat-tniġġis mill-vapuri.

(6)

L-implimentazzjoni tal-proċeduri rakkomandati mill-IMO f’MSC/Circ.1140/MEPC/Circ.424 tal-20 ta’ Diċembru 2004 dwar it-trasferiment ta’ vapuri bejn l-Istati għandha ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjonijiet tal-IMO u tal-leġislazzjoni dwar is-sikurezza marittima tal-Komunità relatati ma’ bidla fil-bandiera u għandha żżid it-trasparenza fir-relazzjoni bejn l-Istati tal-bandiera, fl-interess tas-sikurezza marittima.

(7)

Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar vapuri li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, kif ukoll dwar vapuri li m’għadhomx reġistrati fir-reġistru ta’ Stat Membru, għandha ttejjeb it-trasparenza tal-prestazzjoni tal-flotta u tikkontribwixxi għall-monitoraġġ aħjar tal-obbligi tal-Istat tal-bandiera u tiżgura kundizzjonijiet indaqs bejn l-amministrazzjonijiet.

(8)

Sabiex l-Istati Membri jiġu mgħejuna jtejbu aktar il-prestazzjoni tagħhom bħala Stati tal-bandiera, huma għandhom jaraw li l-amministrazzjoni tagħhom tkun verifikata regolarment.

(9)

Ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-proċeduri amministrattivi skont l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) jew l-istandards ekwivalenti għandhom jassiguraw ukoll kundizzjonijiet indaqs bejn l-amministrazzjonijiet.

(10)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (4).

(11)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa fil-qasam tal-politika tat-trasport marittimu, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa:

(a)

li tiżgura li l-Istati Membri jwettqu l-obbligi tagħhom b’mod effettiv u konsistenti bħala Stati tal-bandiera; u

(b)

li ttejjeb is-sikurezza u tevita t-tniġġis minn vapuri li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru.

2.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni marittima Komunitarja, kif elenkata fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru tal-2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS) (5), u għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta’ Ġunju 1999 dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta’ xogħol tal-baħħara konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti (AKESB) u l-Federazzjoni tal-Unjonijiet tal-Ħaddiema tat-Trasport (FUĦT) (6).

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-amministrazzjoni tal-Istat Membru li tiegħu il-vapur ikun qiegħed itajjar il-bandiera.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“vapur” tfisser vapur jew inġenju tal-baħar, li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet relevanti tal-IMO, u li għalih huwa meħtieġ ċertifikat;

(b)

“amministrazzjoni” tfisser l-awtoritajiet marittimi kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu il- vapur ikun qiegħed itajjar il-bandiera;

(c)

“organizzazzjoni rikonoxxuta” tfisser organizazzjoni rikonoxxuta f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar regoli u standards komuni għall-ispezzjoni tal-vapuri u organizzazzjonijiet ta’ stħarriġ (tfassil mill-ġdid) (7);

(d)

“ċertifikati” tfisser ċertifikati statutorji maħruġa fir-rigward tal-Konvenzjonijiet tal-IMO rilevanti;

(e)

“verifika tal-IMO” tfisser verifika mmexxija skont id-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni A.974(24) adottata mill-Assemblea tal-IMO fl-1 ta’ Diċembru 2005.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet biex vapur jingħata permess jopera

1.   Qabel ma vapur li jkun ingħata d-dritt li jtajjar il-bandiera tiegħu jingħata l-permess li jopera, l-Istat Membru konċernat għandu jieħu l-miżuri li huwa jqis adegwati biex jiġi żgurat li l-vapur in kwistjoni jikkonforma mar-regoli u r-regolamenti internazzjonali applikabbli. B’mod partikolari, għandu jivverifika r-rekords ta’ sikurezza tal-vapur bil-mezzi kollha raġonevoli. Huwa għandu, jekk ikun neċessarju, jikkonsulta mal–Istat tal-bandiera li jkun qed jitlef sabiex jistabbilixxi jekk kwalunkwe nuqqas pendenti jew kwistjoni ta’ sikurezza identifikati minn dan tal-aħħar għadhom mhux solvuti.

2.   Kull meta Stat tal-bandiera ieħor jitlob informazzjoni dwar vapur li preċedentement kien itajjar il-bandiera ta’ Stat Membru, l-Istat Membru għandu minnufih jipprovdi lill-Istat tal-bandiera li jkun ked jitlob dettalji ta’ nuqqasijiet pendenti u informazzjoni rilevanti oħra relatata mas-sikurezza.

Artikolu 5

Detenzjoni ta’ vapur li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Memrbu

Meta l-amministrazzjoni ta’ xi Stat Membru tiġi infurmata li vapur li jtajjar il-bandiera ta’ dak l-Istat Membru ġie detenut minn Stat tal-port, hija għandha, skont il-proċeduri li hija stabbiliet għal dan l-għan, tissorvelja l-vapur waqt li jkun qed jinġieb f’konformità mal-Konvenzjonijiet tal-IMO relevanti.

Artikolu 6

Miżuri ta’ akkumpanjament

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-inqas l-informazzjoni li ġejja dwar vapuri li jtajru l-bandiera tagħhom tinżamm u tibqa’ faċilment aċċessibbli għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

dettalji tal-vapur (Isem, numru tal-IMO, eċċ.);

(b)

dati tal-ispezzjonijiet, inklużi l-ispezzjonijiet addizzjonali u supplimentari, jekk ikun il-każ, u l-verifiki;

(ċ)

identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti involuti fiċ-ċertifikazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-vapur;

(d)

identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti li spezzjonat il-vapur skont id-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll tal-Istat tal-port u d-dati tal-ispezzjonijiet;

(e)

eżitu tal-ispezzjonijiet dwar il-kontroll tal-Istat tal-port (Nuqqasijiet: iva jew le: detenzjonijiet: iva jew le);

(f)

informazzjoni dwar diżgrazzji tal-baħar;

(g)

identifikazzjoni ta’ vapuri li waqfu jtajru l-bandiera tal-Istat Membru kkonċernat matul it-12-il xahar preċedenti.

Artikolu 7

Verifika

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji għal verifika tal-IMO tal-amministrazzjoni tagħhom mill-inqas darba kull seba’ snin, soġġetta għal tweġiba pożittiva mill-IMO għal talba f’waqtha tal-Istat Membru kkonċernat, u għandhom jippubblikaw l-eżitu tal-verifika skont il-leġislazzjoni nazzjonali relevanti dwar il-kunfidenzjalità.

Dan l-Artikolu għandu jiskadi mhux aktar tard mis-17 ta’ Ġunju 2017, jew f’data aktar kmieni, kif stabbilit mill-Kummissjoni skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 10(2), jekk tkun daħlet fis-seħħ Skema obbligatorja ta’ Verifika ta’ Stati Membri tal-IMO.

Artikolu 8

Sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità u evalwazzjoni interna

1.   Sas-17 ta’ Ġunju 2012, Kull Stat Membru għandu jiżviluppa, jimplimenta u jżomm sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità għall-partijiet operattivi tal-attivitajiet tal-amministrazzjoni tiegħu, relatati mal-Istat tal-bandiera. Tali sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità għandha tiġi ċertifikata skont l-istandards ta’ kwalita internazzjonali applikabbli.

2.   L-Istati Membri li jidhru fuq il-lista s-sewda jew li jidhru għal sentejn konsekuttivi fuq il-lista l-griża kif ippubblikata fir-rapport annwali l-aktar reċenti tal-Memorandum ta’ Fehim ta’ Pariġi dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port (minn hawn ‘il quddiem “MOU ta’ Pariġi”) għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport dwar il-prestazzjoni tagħhom ta’ Stati tal-bandiera mhux aktar tard minn erba’ xhur wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-MOU ta’ Pariġi.

Ir-rapport għandu jidentifika u janalizza r-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas ta’ konformità li wassal għad-detenzjonijiet u d-defiċjenzi li rriżultaw fi status ta’ iswed jew griż.

Artikolu 9

Rapporti

Kull ħames snin, u l-ewwel darba sas-17 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Dan ir-rapport għandu jkun fih valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-Istati Membri bħala Stati tal-bandiera.

Artikolu 10

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis mill-Vapuri (COSS) stabbilit mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwarhom minnufih.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal xahrejn.

Artikolu 11

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux iktar tard mis-17 ta’ Ġunju 2011. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif għandhom isiru tali referenzi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strażburgu, 23 ta’ April 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

P. NEČAS


(1)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 195.

(2)  ĠU C 229, 22.9.2006, p. 38.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Marzu 2007 (ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 140), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2008 (ĠU C 330 E, 30.12.2008, p. 13) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(5)  ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 167, 2.7.1999, p. 33.

(7)  Ara paġna 11 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.