28.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/114


DIRETTIVA 2009/18/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2009

li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttiv tal-Kunsill 1999/35/KE u d-Diriettiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunisdraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fit-3 ta’ Jannar 2009 (3),

Billi:

(1)

Għandu jinżamm livell ġenerali għoli ta’ sigurtà fit-trasport marittimu fl-Ewropa u għandu jsir kull sforz sabiex jitnaqqas l-għadd ta’ diżgrazzji u inċidenti marittimi.

(2)

L-investigazzjonijiet tekniċi fil-pront meta jseħħu xi diżgrazzji fuq il-baħar itejbu s-sigurtà marittima billi jgħinu ħalli jiġu pprevenuti milli jseħħu mill-ġdid diżgrazzji simili li jwasslu għal imwiet, telf ta’ vapuri u t-tniġġis tal-ambjent marittimu.

(3)

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ April 2004 sabiex tittejjeb is-sigurtà fuq il-baħar (4), ħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta għal Direttiva dwar l-investigazzjoni tal-aċċidenti marittimi.

(4)

L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt Marittimu tal-10 ta’ Diċembru 1982 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “UNCLOS”), jistabbilixxi d-dritt tal-Istati kostali sabiex jinvestigaw il-kawża ta’ kwalunkwe diżgrazzja marittima li sseħħ fil-limiti tal-ibħra territorjali tagħhom li għandha mnejn tkun ta’ riskju għall-ħajja jew għall-ambjent, li tinvolvi l-awtoritajiet tat-tiftix u s-salvataġġ tal-Istat kostali, jew li b’xi mod ieħor taffettwa lill-Istat kostali.

(5)

L-Artikolu 94 tal-UNCLOS jistabbilixxi li l-Istati tal-bandiera inkwistjoni għandhom jaraw li ssir inkjesta minn jew quddiem persuna jew persuni kkwalifikata(i) kif jixraq dwar ċerti diżgrazzji jew inċidenti tan-navigazzjoni fl-ibħra internazzjonali.

(6)

Ir-Regolament I/21 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar tal-1 ta’ Novembru 1974 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “SOLAS 74”), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sinjal tat-Tagħbija, tal-5 ta’ April 1966 u l-Konvenzjoni Internazzjoanli għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, tat-2 ta’ Novembru 1973 jistabbilixxu r-responsabbiltajiet tal-Istati tal-bandiera sabiex dawn imexxu investigazzjonijiet dwar id-diżgrazzji u jgħaddu dak kollu li jirriżulta li jkollu x’jaqsam ma’ dan lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO).

(7)

L-Kodiċi għall-implimentazzjoni tal-Istrumenti Mandatorji tal-IMO, anness mar-Riżoluzzjoni A.996(25) tal-Assemblea tal-IMO tad-29 ta’ Novembru 2007, ifakkar l-obbligu tal-Istati tal-bandiera sabiex dawn jiżguraw li l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà marittima jitmexxew minn investigaturi kkwalifikati kif jixraq, li jkunu kompetenti f’dak li għandu x’jaqsam mad-diżgrazzji u l-inċidenti marittimi. Barra minnhekk, dak il-Kodiċi jirrikjedi lill-Istati tal-bandiera sabiex ikunu ppreparati li jipprovdu investigaturi kkwalifikati għal dak il-għan, irrispettivament mill-inħawi tad-diżgrazzja jew l-inċident.

(8)

Għandu jittieħed kont ukoll tal-Kodiċi għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji u l-Inċidenti Marittimi anness mar-Riżoluzzjoni A.849 tal-Assemblea tal-IMO fis-27 ta’ Novembru 1997 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Kodiċi tal-IMO għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji u l-Inċidenti Marittimi”), li jipprovdi għall-implimentazzjoni ta’ metodu komuni għall-investigazzjoni tas-sigurtà f’dak li għandhom x’jaqsmu d-diżgrazzji u l-inċidenti marittimi u l-koperazzjoni bejn l-Istati sabiex jiġu identifikati l-fatturi li jwasslu għal diżgrazzji u inċidenti marittimi. Għandu jittieħed kont tar-Riżoluzzjoni A.861(20) tal-Assemblea tal-IMO tas-27 ta’ Novembru 1997 u tar-Riżoluzzjoni MSC. 163(78) tal-Kumitat tas-Sigurta’ Marittima tal-IMO tas-17 ta’ Mejju 2004, li jipprovdu definizzjoni ta’ reġistraturi tad-data tul il-vjaġġ.

(9)

Il-baħħara huma magħrufa bħala kategorija speċjali ta’ ħaddiema u, meta jitqiesu n-natura globali tal-industrija tat-tbaħħir u l-ġurisdizzjonijiet differenti li huma jistgħu jiddaħħlu f’kuntatt magħhom, jeħtieġu protezzjoni speċjali partikolarment relattivament għal kuntatti ma’ awtoritajiet pubbliċi. Fl-interess ta’ iżjed sigurtà marittima, il-baħħara għandhom ikunu jistgħu iserrħu wkoll fuq trattament ġust fil-każ ta’ aċċident marittimu. Id-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tagħhom għandhom ikunu dejjem osservati u l-investigazzjonijiet kollha ta’ sigurtà għandhom jitwettqu b’mod ġust u rapidament. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom, taħt il-liġijiet nazzjonali tagħhom, iqisu wkoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-linji gwida tal-IMO dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ ta’ aċċident marittimu.

(10)

L-Istati Membri, fejn jaġixxu fil-qafas tas-sistemi legali tagħhom, għandhom jipproteġu d-dikjarazzjonijiet tax-xhieda wara xi aċċident u jimpedixxu l-użu tagħhom għal xi skop divers minn dak tal-investigazzjoni dwar is-sigurtà, bil-għan li jevitaw kwalunkwe miżura diskriminatorja jew vendikattiva meħuda kontra xhieda minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-investigazzjonijiet.

(11)

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE tad-29 ta’ April 1999 dwar sistema ta’ stħarriġ obbligatorju għall-operazzjoni bla periklu ta’ laneċ ro-ro regolari u servizzi ta’ inġenji tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri (5) tirrikjedi li l-Istati Membri jiddeffinixxu, fil-qafas tas-sistemi ġuridiċi rispettivi tagħhom, status ġuridiku li jippermettilhom u lil kwalunkwe Stat Membru li jkollu interess sostanzjali sabiex jipparteċipaw, jikkoperaw, jew, fejn ikun previst konformement mal-Kodiċi tal-IMO għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji u Inċidenti Marittimi, li jwettqu kwalunkwe investigazzjoni ta’ xi diżgrazzja jew inċident marittimu li jkun jinvolvi lanċa ro-ro jew inġenji tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri.

(12)

Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema ta’ informazzjoni u monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti tal-Komunità (6) tirrikjedi li l-Istati Membri jkunu konformi mal-Kodiċi tal-IMO għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji u l-Inċidenti Marittimi u jiżguraw li l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet tal-aċċidenti jiġu ppubblikati mill-aktar fis possibbli wara l-konklużjoni tagħhom.

(13)

It-twettiq ta’ investigazzjonijiet dwar is-sigurtà ta’ disgrazzji u inċidenti li jinvolvu bastimenti marittimi, jew bastimenti oħrajn f’portijiet jew żoni marittimi ristretti oħra, b’mod imparzjali huwa ta’ importanza ewlenija għall-istabbiliment effettiv taċ-ċirkostanzi u l-kawżi ta’ tali diżgrazzja jew inċident. Għaldaqstant, investigazzjonijiet bħal dawn għandhom jitwettqu minn investigaturi kwalifikati taħt il-kontroll ta’ korp jew entità indipendenti mogħtija s-setgħat meħtieġa sabiex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess.

(14)

L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġijiet tagħhom fir-rigward tas-setgħat tal-awtoritajiet responsabbli għall-inkjesta ġudizzjarja u permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ dawk l-awtoritajiet, fejn ikun il-każ, jiżguraw li dawk responsabbli għall-inkjesta teknika jitħallew iwettqu l-kompiti tagħhom taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli.

(15)

Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (7).

(16)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi legali tagħhom jippermettu lilhom u lil kwalunkwe Stat Membru ieħor li jkollu interess sostanzjali li jipparteċipaw jew li jikkoperaw fi, jew li jmexxu investigazzjonijiet dwar aċċidenti abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi tal-IMO għall-Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji u Inċidenti Marittimi.

(17)

Fil-prinċipju, kull disgrazzja jew inċident marittimi għandhom ikunu suġġetti għal investigazzjoni waħda biss imwettqa minn Stat Membru jew minn Stat Membru li jmexxi l-investigazzjoni bil-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe Stat ieħor li jkun interessati b’mod sostanzjali. F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati li jinvolvu żewġ Stati Membri jew aktar f’ konnessjoni mal-bandiera mtajra mill-vapur konċernat, il-post tad-disgrazzja jew in-nazzjonalità tal-vittmi, għandhom jitwettqu investigazzjonijiet paralleli.

(18)

Stat Membru jista’ jiddelega lil Stat Membru ieħor il-kompitu li jmexxi investigazzjoni dwar is-sigurtà dwar diżgrazzji jew inċidenti marittimi (minn hawn ’il quddiem: “investigazzjoni dwar is-sigurtà”) jew kompiti speċifiċi ta’ tali investigazzjoni, jekk hekk jiġi miftiehem fuq bażi reċiproka.

(19)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex ma jitolbux ħlas għall-ispejjeż għal assistenza mitluba fil-qafas ta’ investigazzjonijiet ta’ sigurtà li jinvolvu żewġ Stati Membri jew aktar. Fejn hija meħtieġa assistenza minn Stat Membru li mhuwiex involut fl-investigazzjoni dwar is-sigurtà, l-Istati Membri għandhom jaqblu dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imwettqa.

(20)

Konformement mar-Regolament V/20 ta’ SOLAS 74, il-vapuri tal-passiġġieri u l-vapuri l-oħrajn għajr dawk tal-passiġġieri ta’ tunnellaġġ gross ta’ 3 000 jew aktar mibnija fl-1 ta’ Lulju 2002 jew wara għandhom iġorru reġistraturi tad-data tul il-vjaġġ li jkunu ta’ għajnuna fl-investigazzjonijiet dwar l-aċċidenti. Minħabba l-importanza tiegħu fit-tfassil ta’ politika sabiex jiġu pprevenuti l-aċċidenti fit-trasport martittimu, tali apparat għandu jkun meħtieġ sistematikament abbord il-vapuri li jbaħħru fuq vjaġġi nazzjonali jew internazzjonali li jidħlu fil-portijiet Komunitarji.

(21)

Id-data pprovduta permezz ta’ sistema ta’ reġistraturi tad-data tul il-vjaġġ, flimkien ma’ apparat elettroniku ieħor, tista’ tintuża kemm retrospettivament wara xi diżgrazzja jew aċċident marittimu sabiex jiġi investigat x’wassal għal dan, kif ukoll bil-ħsieb ta’ prevenzjoni sabiex tinkiseb esperjenza taċ-ċirkustanzi li jafu jwasslu għal aċċidenti ta’ dan it-tip. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali data, meta tkun disponibbli, tintuża kif jixraq għaż-żewġ għanijiet.

(22)

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jirrikjedi li l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (minn hawn ’il quddiem imsejħa: “l-Aġenzija”) taħdem mal-Istati Membri sabiex tiżviluppa soluzzjonijiet tekniċi u tipprovdi assistenza teknika konnessa mal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja. Fil-qasam tal-investigazzjoni tal-aċċidenti, l-Aġenzija għandha l-kompitu speċifiku li tiffaċilita l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-iżvilupp, b’kunsiderazzjoni xierqa lis-sistemi ġuridiċi differenti fl-Istati Membri, ta’ metodoloġija komuni għall-investigazzjoni tal-aċċidenti marittimi konformement ma’ prinċipji internazzjonali miftiehma.

(23)

Konformement mar-Regolament (KE) Nru 1406/2002, l-Aġenzija tiffaċilita l-koperazzjoni f’dak li huwa forniment ta’ appoġġ mogħti mill-Istati Membri f’attivitajiet dwar investigazzjonijiet, u fl-analiżi tar-rapporti investigattivi dwar l-aċċidenti eżistenti.

(24)

Kwalunkwe lezzjoni rilevanti li toħroġ mill-investigazzjonijiet ta’ aċċidenti għandha tiġi kkunsidrata fl-iżvilupp jew fil-modifika ta’ metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti marittimi.

(25)

Għandu jittieħed kont dovut mill-Istati Membri u mill-Komunità tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà li jirriżultaw minn investigazzjoni dwar is-sigurtà.

(26)

Ladarba l-għan tal-investigazzjoni teknika dwar is-sigurtà huwa l-prevenzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti marittimi, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà m’għandhom fl-ebda ċirkostanza jiddeterminaw ir-responsabbilità jew jattribwixxu l-ħtija.

(27)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-titjib tas-sigurtà marittima fil-Komunità u b’hekk it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżgrazzji marittimi fil-futur, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni jew tal-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fl-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipji tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(28)

Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati f’konformita’ mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għal eżerċizju ta’ setgħat implementattivi mogħtija lill-Kummissjoni (9).

(29)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda din id-Direttiva sabiex jiġu applikati emendi sussegwenti relattivi għall-konvenzjonijet internazzjonali, protokolli, kodiċijiet u riżoluzzjonijet relatati u li tadotta jew timmodifika l-metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta’ diżgrazzji u aċċidenti marittimi. Ġaladarba dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(30)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (10), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess, li sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tittejjeb is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis mill-vapuri, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ diżgrazzji marittimi futuri, billi:

(a)

jiġu ffaċilitati t-twettiq fil-pront ta’ investigazzjonijiet ta’ sigurtà u l-analiżi adegwata ta’ diżgrazzji u aċċidenti marittimi sabiex jiġu ddeterminati l-kawżi tagħhom u

(b)

jiġu żgurati r-rappurtar f’waqtu u preċiż ta’ investigazzjonijiet dwar is-sigurtà u proposti għal azzjoni ta’ rimedju.

2.   Investigazzjonijiet taħt din id-Direttiva m’għandhomx ikunu konċernati bid-determinazzjoni ta’ responsabbiltà jew l-għoti ta’ tort. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp investigattiv jew entita’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa il-“korp investigattiv”) mhux qed iżomm lura milli jirrapporta bis-sħiħ il-kawżi tad-diżgrazzja jew inċident marittimuminħabba li t-tort jew ir-responsabbiltà jistgħu jkunu dedotti mill-konklużjonijiet.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal diżgrazzji u inċidenti marittimi li:

(a)

jinvolvu vapuri li jtajru l-bandiera ta’ xi wieħed mill-Istati Membri;

(b)

jseħħu fil-baħar territorjali u l-ilmijiet interni tal-Istati Membri kif definiti f’UNCLOS; jew

(c)

jinvolvu interessi sostanzjali oħra tal-Istati Membri.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal diżgrazzji u inċidenti marittmi li jinvolvu biss:

(a)

vapuri tal-gwerra u vapuri li jġorru s-suldati u vapuri oħra li jkunu proprjetà jew li jitħaddmu minn Stat Membru u jintużaw biss għal servizz mhux kummerċjali tal-gvern;

(b)

vapuri li ma jitħaddmux b’mezzi mekkaniċi, vapuri tal-injam ta’ kostruzzjoni primittiva, jotts għad-divertiment u inġenji għad-divertiment li mhumiex impenjati fil-kummerċ, ħlief jekk ikunu jew ser ikunu ekwipaġġati u jġorru aktar minn 12-il passiġġier għal skopijiet kummerċjali;

(c)

vapuri ta’ mgħodijiet tal-ilma interni li jitħaddmu f’mogħdijiet tal-ilma interni;

(d)

bastimenti tas-sajd ta’ tul ta’ anqas minn 15-il metru;

(e)

unitajiet fissi tat-tħaffir lil hinn mill-art.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

1)

“il-Kodiċi tal-IMO għall-Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji u Inċidenti Marittimi” tfisser il-Kodiċi għall-Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji u Inċidenti Marittimi anness mar-Riżoluzzjoni A.849(20) tal-Assemblea tal-IMO tas-27 ta’ Novembru 1997, fil-verżjoni aġġornata tagħha;

2)

it-termini li ġejjin għandhom jinftiehmu konformement mad-definizzjonijiet misjuba fil-Kodiċi tal-IMO għall-Investigazzjoni ta’ Diżgrazzji u Inċidenti Marittimi:

(a)

“diżgrazzja marittima”;

(b)

“diżgrazzja serja ħafna”;

(c)

“inċident marittimu”;

(d)

“investigazzjoni dwar is-sigurtà marbuta ma’ diżgrazzja jew inċident marittimu”;

(e)

“Stat li jmexxi l-investigazzjoni”;

(f)

“Stat li għandu interess sostanzjali”.

3)

It-terminu “diżgrazzja serja” għandu jinftiehem konformement mad-definizzjoni aġġornata li tinsab fiċ-Ċirkulari MSC-MEPC.3/Circ.3 tal-Kumitat dwar is-Sigurtà Marittima u l-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marittimu tal-IMO tat-18 ta’ Diċembru 2008.

4)

Il-“Linji Gwida tal-IMO dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ ta’ inċident marittimu” tfisser il-linji gwida kif annesi mar- Riżoluzzjoni LEG.3(91) tal-Kumitat Legali tal-IMO tas-27 ta’ April 2006 u kif approvati mill-Korp ta’ Tmexxija tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol fil-296 sessjoni tiegħu ta’ bejn it-12 u s-16 ta’ Ġunju 2006

5)

It-termini “lanċa ro-ro” u “inġenji tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri” għandhom jinftiehmu konformement mad-definizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/35/KE;

6)

“Reġistratur tad-data tul il-vjaġġ (voyage data recorder, minn hawn ”il quddiem imsejjaħ “VDR”) għandu jinftiehem konformement mad-definizzjoni misjuba fir-Riżoluzzjoni A.861(20) tal-Assemblea tal-IMO u r-Riżoluzzjoni MSC.163(78) tal-Kumitat tas-Sigurta’ Marittima tal-IMO.

7)

“Rakkomandazzjoni dwar is-sigurtà” tfisser kwalunkwe proposta magħmula, inkluża proposta għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni u kontroll:

(a)

mill-korp investigattiv tal-Istat li jwettaq, jew imexxi, l-investigazzjoni dwar is-sigurtà abbażi tal-informazzjoni meħuda minn dik l-investigazzjoni; jew, fejn ikun il-każ,

(b)

mill-Kummissjoni abbażi ta’ analiżi ta’ data astratta u tar-riżultati tal-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà li jkunu saru.

Artikolu 4

Status tal-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà

1.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu, konformement mas-sistemi legali tagħhom, l-istatus legali tal-investigazzjoni dwar is-sigurtà b’tali mod li tali investigazzjonijiet jistgħu jitwettqu bl-aktar mod effettiv u rapidu possibbli.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw, konformement mal-liġijiet tagħhom u, fejn ikun il-każ, permezz ta’ kollaborazzjoni mal-awtoritajiet responsabbli għall-inkjesta ġudizzjarja, li investigazzjonijiet dwar is-sigurtà jkunu:

(a)

indipendenti minn investigazzjonijiet kriminali jew oħrajn parallelli sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà jew biex jingħata t-tort; u

(b)

mhux preklużi, sospiżi jew imdewma bla ħtieġa minħabba tali investigazzjonijiet.

2.   Ir-regoli li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għandhom jinkludu, konformement mal-qafas permanenti ta’ koperazzjoni msemmi fl-Artikolu 10, dispożizzjonijiet biex jippermettu:

(a)

il-koperazzjoni u l-assistenza reċiproka fl-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà mmexxija minn Stati Membri oħrajn, jew id-delega lil Stat Membru ieħor tal-kompitu li jmexxi tali investigazzjoni skond l-Artikolu 7; u

(b)

il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-korpi investigattivi rispettivi tagħhom sal-punt meħtieġ biex jinkiseb l-għan ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 5

Obbligu ta’ investigazzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li investigazzjoni dwar is-sigurtà titwettaq mill-korp investigattiv imsemmi fl-Artikolu 8 wara diżgrazzji marittimi serji ħafna:

(a)

li jinvolvu vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu, irrispettivament mill-post tad-diżgrazzja;

(b)

li jseħħu fil-baħar territorjali u l-ilmijiet interni kif definiti f’UNCLOS, irrispettivament mill-bandiera tal-vapur jew vapuri involuti fid-diżgrazzja; jew

(c)

li jinvolvu interess sostanzjali tal-Istat Membru, irrispettivament mill-post tad-diżgrazzja u mill-bandiera tal-vapur jew vapuri involuti.

2.   Barra minn dan, f’każ ta’ diżgrazzji serji, il-korp investigattiv għandu jwettaq valutazzjoni preliminari sabiex jiġi deċiż jekk għandhiex titwettaq jew le investigazzjoni dwar is-sigurtà. Fejn il-korp investigattiv jiddeċiedi li ma jwettaqx investigazzjoni dwar is-sigurtà, ir-raġuni għal dik id-deċiżjoni għandha tiġi rreġistrata u nnotifikata konformement mal-Artikolu 17(3).

Fil-każ ta’ kwalunkwe diżgrazzja jew inċident marittimi oħrajn, il-korp investigattiv għandu jiddeċiedi jekk għandhiex titwettaq jew le investigazzjoni dwar is-sigurtà.

Fid-deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-korp investigattiv għandu jieħu kont tas-serjetà tad-diżgrazzja jew l-inċident marittimu, it-tip ta’ bastimentu/jew merkanzija involuti, u l-potenzjal li l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni dwar is-sigurtà jwasslu għall-prevenzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti futuri.

3.   L-ambitu u l-arranġamenti prattiċi għall-amministrazzjoni tal-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà għandhom jiġu ddeterminati mill-korp investigattiv tal-Istat Membru li jkun qed imexxi l-investigazzjoni b’koperazzjoni mal-entitajiet ekwivalenti tal-Istati l-oħrajn li jkollhom interess sostanzjali, b’tali mod u manjiera li jidhrilha li l-aktar li jkunu jistgħu jwasslu għall-kisba tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva, u bil-ħsieb li jilqgħu kontra diżgrazzji u inċidenti futuri.

4.   Fit-twettiq tal-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà, il-korp investigattiv għandu jsegwi l-metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti marittimi żviluppata konformement mal-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002. L-investigaturi jistgħu ma jsegwux il-metodoloġija f’każ speċifiku meta dan jista’ jkun ġustifikat kif meħtieġ, fil-fehma professjonali tagħhom, u fejn meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-investigazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta jew timmodifika il-metodoloġija għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, b’kont meħud ta’ kwalunkwe lezzjoni rilevati minn investigazzjonijiet dwar is-sigurtà.

Dik il-miżura mfassla sabiex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia billi tissupplimentaha, għandha tiġi adottata konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3).

5.   Għandha tinbeda investigazzjoni dwar is-sigurtà kemm ikun prattikabbilment malajr wara li sseħħ id-diżgrazzja marittima jew l-inċident marittimu u f’kull każ, mhux aktar tard minn xahrejn wara li jseħħu.

Artikolu 6

Obbligu ta’ notifika

Stat Membru għandu jeħtieġ, fil-qafas tas-sistema legali tiegħu, li l-korp investigattiv tiegħu jiġi notifikat mingħajr dewmien, mill-awtoritajiet responsabbli u/jew mill-partijiet involuti, bl-avveniment tad-diżgrazzji u l-aċċidenti kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 7

Tmexxija ta’ u parteċipazzjoni fi, investigazzjonijiet dwar is-sigurtà

1.   Fil-prinċipju, kull disgrazzja jew inċident marittimi għandhom ikunu suġġetti għal investigazzjoni waħda biss imwettqa minn xi Stat Membru jew minn Stat Membru li jmexxi l-investigazzjoni bil-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe Stati oħra li jkunu interessati b’mod sostanzjali.

F’każijiet ta’ investigazzjonijiet dwar is-sigurtà li jinvolvu żewġ Stati Membri jew aktar, l-Istati Membri kkonċernati għandhom għalhekk jikkoperaw bil-ħsieb li jaqblu malajr dwar min minnhom għandu jkun l-Istat Membru li jmexxi l-investigazzjoni. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jaqblu dwar il-proċeduri ta’ investigazzjoni. Fil-qafas ta’ dan il-ftehim, Stati oħrajn li jkollhom interess sostanzjali għandhom ikollhom drittijiet u aċċess ugwali għax xhieda u għall-evidenza bħall-Istat Membru li jmexxi l-investigazzjoni dwar is-sigurtà. Huma għandhu jkollhom ukoll id-dritt li jaraw li l-perspettiva tagħhom qiegħda tiġi kkunsidrata mill-Istat Membru li jmexxi l-investigazzjoni.

It-twettiq ta’ investigazzjonijiet paralleli dwar is-sigurta’ dwar l-istess diżgrazzja jew inċident marittimi għandhom ikunu limitati għal każijiet eċċezzjonali. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għat twettiq ta’ dawn l-investigazzjonijiet paralleli. L-Istati Membri li jwettqu investigazzjonijiet paralleli dwar is-sigurtà għandhom jiikkoperaw ma xulxin. B’mod partikolari, il-korpi investigattivi involuti għandhom jiskambjaw kwalunkwe tagħrif rilevanti miġbur waqt l-investigazzjonijiet rispettivi tagħhom, b’mod partikolari sabiex jaslu, sa fejn ikun possibbli, għal konklużjonijiet konġunti.

L-Istati Membri għandhom jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista’ bla raġuni tipprekludi, tissospendi jew tittardja t-twettiq ta’ investigazzjoni dwar is-sigurtà fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jibqa’ responsabbli għall-investigazzjoni u l-koordinazzjoni mal-Istati Membri l-oħrajn li jkollhom interess sostanzjali sakemm jasal iż-żmien meta jiġi miftiehem reċiprokament min minnhom għandu jkun l-Istat li jmexxi l-investigazzjoni dwar is-sigurtà.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tiegħu taħt din id-Direttiva u d-dritt internazzjonali, Stat Membru jista’, abbażi ta’ każ b’każ, jiddelega bi ftehim reċiproku lil Stat Membru ieħor il-kompitu li jmexxi investigazzjoni dwar is-sigurtà jew kompiti speċifiċi għat-twettiq ta’ tali investigazzjoni.

4.   Meta lanċa ro-ro jew inġenju tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri ikunu involuti f’diżgrazzja jew inċident marittimu, il-proċedura ta’ investigazzjoni dwar is-sigurtà għandha tiġi mnedija mill-Istat Membru li fil-baħar territorjali jew fl-ilmijiet interni tiegħu, kif definiti f’UNCLOS, iseħħ l-aċċident jew l-inċident jew, jekk ikun seħħ f’ibħra oħrajn, mill-aħħar Stat Membru fejn dik il-lanċa jew il-biċċa tal-baħar tkun żaret. Dak l-Istat għandu jibqa’ responsabbli għall-investigazzjoni dwar is-sigurtà u l-koordinazzjoni mal-Istati Membri l-oħrajn li jkollhom interess sostanzjali sakemm jiġi miftiehem reċiprokament min minnhom għandu jkun l-Istat investigattiv ewlieni.

Artikolu 8

Korpi Investigattivi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà jitwettqu taħt ir-responsabbiltà ta’ korp investigattiv permanenti imparzjali, mogħti s-setgħat meħtieġa, u minn investigaturi adegwatament kwalifikati, li jkunu kompetenti fil-kwistjonijiet relatati mad-diżgrazzji u l-aċċidenti marittimi.

Sabiex investigazzjoni dwar is-sigurtà titwettaq b’mod imparzjali, il-korp investigattiv għandu jkun indipendenti fl-organizzazzjoni, l-istruttura legali u t-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu minn kwalunkwe parti li l-interess tagħha jista’ jkun f’kunflitt mal-kompitu fdat lilha.

Stati Membri mdawwrin bl-art li m’għandhom la vapuri u lanqas bastimenti li jtajjru l-bandiera tagħhom jidentifikaw punt fokali indipendenti biex jikkoperaw fl-investigazzjoni taħt l-Artikolu 5(1)(c).

2.   Il-korp investigattiv għandu jiżgura li l-investigaturi individwali ikunu jafu x-xoghol f’dawk l-oqsma li jkollhom x’jaqsmu mad-dmirijiet investigattivi normali tagħhom u jkollhom esperjenza prattika fihom. Barra minn hekk, il-korp investigattiv għandu jiżgura li jkun lest li jagħti aċċess lil esperti adatti, kif ikun meħtieġ.

3.   L-attivitajiet fdati lill-korp investigattiv jistgħu jiġu estiżi għall-ġbir u l-analiżi ta’ data relatata mas-sigurtà marittima, b’mod partikolari għal skopijiet ta’ prevenzjoni, sakemm dawn l-attivitajiet ma jaffetwawx l-indipendenza tiegħu u ma jinkludux responsabbilità f’affarijiet regolatorji, amministrattivi jew ta’ standardizzazzjoni.

4.   L-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu fil-qafas tas-sistemi legali rispettivi tagħhom, għandhom jiżguraw li l-investigaturi tal-korp investigattiv tagħhom, jew ta’ kwalunkwe korp investigattiv ieħor li lilu ddelega l-kompitu tal-investigazzjoni dwar is-sigurtà, fejn ikun il-każ, permezz ta’ kollaborazzjoni mal-awtoritajiet responsabbli mill-inkjesta ġudizzjarja, ikunu ġew mogħtija kull informazzjoni pertinenti sabiex iwettqu l-investigazzjoni dwar is-sigurtà u għaldaqstant ikunu awtorizzati li:

(a)

jkollhom aċċess liberu għal kwalunkwe żona rilevanti jew sit ta’ diżgrazzja kif ukoll għal kwalunkwe vapur, relitt, jew struttura tinklużi merkanzija, tagħmir jew debris;

(b)

jiżguraw li minnufih isir elenku tal-evidenza u t-tiftix ikkontrollat għar-relitt, bċejjeċ li jirriżultaw mid-diżgrazzja jew komponenti jew sustanzi oħra u t-tneħħija tagħhom ħalli dawn jiġu eżaminati jew analizzati;

(c)

jesiġu l-eżami jew l-analiżi tal-oġġetti msemmija fil-punt (b), u jkollhom aċċess liberu għar-riżultati tat-tali eżamijiet jew analiżi;

(d)

ikollhom aċċess liberu għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti u data rreġistrata, inkluża d-data ta’ VDR, konnessa ma’ xi vapur, vjaġġ, merkanzija, ekwipaġġ jew kwalunkwe persuna, oġġett, kundizzjoni jew ċirkustanza, flimkien mal-jedd li jikkupjawha u jużawha;

(e)

ikollhom aċċess liberu għar-riżultati tal-eżamijiet tal-iġsma tal-vittmi jew ta’ testijiet fuq kampjuni li jkunu ttieħdu mill-iġsma tal-vittmi;

(f)

jeħtieġu u jkollhom aċċess liberu għar-riżultati tal-eżamijiet ta’ persuni involuti fl-operat tal-vapur jew kwalunkwe persuna rilevanti oħra, jew ta’ testijiet fuq kampjuni mittieħda minnhom;

(g)

jintervistaw xhieda fl-assenza ta’ kwalunkwe persuna li l-interessi tagħha jistgħu jitqiesu bħala ta’ xkiel għall-investigazzjoni dwar is-sigurtà;

(h)

jakkwistaw reġistri ta’ survery u informazzjoni rilevanti miżmuma mill-Istat tal-bandiera, is-sidien, is-soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni jew kwalunkwe parti rilevanti oħra, kull meta dawk il-partijiet jew ir-rappreżentanti tagħhom ikunu stabbiliti fl-Istat Membru;

(i)

jsejħu għall-assistenza tal-awtoritajiet rilevanti fl-Istati rispettivi, inklużi s-surveyors tal-Istat tal-port u tal-Istat tal-bandiera, l-uffiċjali li jgħassu l-kosta, l-operaturi tas-servizzi tat-traffiku tal-basimenti, l-iskwadri tat-tiftix u s-salvataġġ, il-bdoti jew staff tal-port jew staff marittimu ieħor.

5.   Il-korp investigattiv għandu jingħata l-jedd li jaġixxi minnufih kull meta jiġi mgħarref b’xi diżgrazzja, u li jikseb riżorsi suffiċjenti sabiex iwettaq ħidmietu b’mod indipendenti. L-investigaturi tiegħu għandhom jingħataw status li jintitolhom għall-garanziji neċessarji ta’ indipendenza.

6.   Il-korp investigattiv jista’ jgħaqqad il-kompiti tiegħu taħt din id-Direttiva mal-ħidma ta’ investigazzjonijiet ta’ aċċidenti għajr diżgrazzji marittimi bil-kundizzjoni li t-tali investigazzjonijiet ma jipperikolawx l-indipendenza tiegħu.

Artikolu 9

Kunfidenzjalità

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri, filwaqt li jaġixxu fil-qafas tas-sistemi legali tagħhom, għandhom jiżguraw li r-reġistri li ġejjin ma jkunux disponibbli ħlief għall-iskopijiet tal-investigazzjoni dwar is-sigurtà, sakemm l-awtorità kompetenti f’dak l-Istat ma tiddeterminax li l-iżvelar għandu interess pubbliku soprastanti:

(a)

kull evidenza tax-xhieda u stqarrijiet, rakkonti u noti oħra meħuda jew riċevuti mill-korp investigattiv matul l-investigazzjoni dwar is-sigurtà;

(b)

rekords li juru l-identità tal-persuni li jkunu taw xhieda fil-kuntest tal-investigazzjoni dwar is-sigurtà;

(c)

informazzjoni relatata ma’ persuni involuti fid-diżgrazzja marittima jew inċident marittimu li tkun ta’ natura partikolarment sensittiva u privata, inkluża informazzjoni dwar saħħithom.

Artikolu 10

Qafas ta’ koperazzjoni permanenti

1.   L-Istati Membri, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, għandhom jistabbilixxu qafas ta’ koperazzjoni permanenti li jippermetti lill-korpi investigattivi rispettivi tagħhom biex jikkoperaw bejniethom safejn ikun meħtieġ biex jinkiseb l-għan ta’ din id-Direttiva.

2.   Ir-regoli proċedurali tal-qafas ta’ koperazzjoni permanenti u l-arranġamenti organizzattivi rikjesti għal dan il-għan għandhom jiġu deċiżi konformement mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2).

3.   Fi ħdan il-qafas permanenti ta’ koperazzjoni, il-korpi investigattivi fl-Istati Membri għandhom jaqblu, b’mod partikolari, fuq l-aqwa modalitajiet ta’ koperazzjoni sabiex:

(a)

korpi investigattivi jkunu jistgħu jikkondividu l-istallazzjonijiet, il-faċilitajiet u t-tagħmir għall-investigazzjoni teknika tar-relitt u t-tagħmir tal-vapur u oġġetti oħrajn rilevanti għall-investigazzjoni dwar is-sigurtà, inklużi l-estrazzjoni u l-evalwazzjoni tal-informazzjoni mill-VDRs u tagħmir elettroniku ieħor;

(b)

jipprovdu lil xulxin il-koperazzjoni u l-ħiliet tekniċi meħtieġa sabiex jitwettqu kompiti speċifiċi;

(c)

jiksbu u jikkondividu bejniethom informazzjoni rilevanti għall-analiżi tad-data dwar id-diżgrazzja u jagħmlu rakkomandazzjonijiet xierqa dwar is-sigurtà fuq livell Komunitarju;

(d)

ifasslu prinċipji komuni għas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà u għall-addattament ta’ metodi investigattivi għall-iżvilupp ta’ progress tekniku u xjentifiku;

(e)

jamministraw b’mod adegwat l-allarmi bikrija, imsemmija fl-Artikolu 16;

(f)

jistabbilixxu regoli ta’ kunfidenzjalità għall-kondiviżjoni, fir-rigward ta’ regoli nazzjonali, ta’ evidenza ta’ xhieda u l-ipproċessar ta’ data u reġistri oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 9, inklużi f’relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi;

(g)

jorganizzaw, fejn ikun il-każ, l-attivitajiet ta’ taħriġ rilevanti għall-investigaturi individwali;

(h)

jippromwovu l-koperazzjoni ma’ korpi investigattivi ta’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali għall-investigazzjoni tal-aċċidenti marittimi fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva;

(i)

jipprovdu korpi investigattivi li jkunu qed iwettqu investigazzjonijiet dwar is-sigurtà bi kwalunkwe informazzjoni pertinenti.

Artikolu 11

Spejjeż

1.   Fejn l-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà jinvolvu żewġ Stati Membri jew aktar, l-attivitajiet rispettivi għandhom ikunu mingħajr ħlas.

2.   Fejn tintalab assistenza ta’ Stat Membru li ma jkunx involut fl-investigazzjoni dwar is-sigurtà, l-Istati Membri għandhom jaqblu dwar ir-rimborż tal-ispejjeż magħmula.

Artikolu 12

Koperazzjoni ma’ pajjiżi li jkollhom interess sostanzjali

1.   L-Istati Membri għandhom jikkoperaw, safejn hu possibbli,ma’ pajjiżi terzi oħrajn li jkollhom interess sostanzjali fl-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà.

2.   Il-pajjiżi terzi li jkollhom interess sostanzjali għandhom, bi ftehim reċiproku, jitħallew jissieħbu f’investigazzjoni dwar is-sigurtà mmexxija minn Stat Membru taħt din id-Direttiva fi kwalunkwe stadju tal-investigazzjoni.

3.   Il-koperazzjoni ta’ Stat Membru f’investigazzjoni dwar is-sigurtà mmexxija minn pajjiż terz li jkollu interess sostanzjali għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-ħtiġijiet ta’ twettiq u ta’ rappurtar tal-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà taħt din id-Direttiva. Meta pajjiż terz li jkollu interess sostanzjali ikun qed imexxi investigazzjoni dwar is-sigurtà li tinvolvi Stat Membru wieħed jew aktar, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jwettqux investigazzjoni dwar is-sigurtà b’mod parallell, kemm-il darba l-investigazzjoni dwar is-sigurtà mmexxija minn pajjiż terz titwettaq konformement mal-Kodiċi tal-IMO għall-Investigazzjoni tad-Diżgrazzji u l-Inċidenti Marittimi.

Artikolu 13

Preservazzjoni ta’ evidenza

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri biex jiżguraw li l-partijiet kkonċernati b’diżgrazzji u inċidenti taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jagħmlu kull sforz biex:

(a)

jirreġistraw l-informazzjoni kollha minn tabelli, ġurnal ta’ abbord, każetts tal-vidjo u reġistrazzjonijiet elettroniċi u manjetiċi, inkluża l-informazzjoni mill-VDRs u apparat elettroniku ieħor konness mal-perjodu ta’ qabel, waqt u wara xi aċċident;

(b)

iżommu milli t-tali informazzjoni titħassar billi tiġi rreġistrata fuqha informazzjoni oħra jew titbiddel b’xi mod ieħor;

(c)

iwaqqfu milli ssir interferenza ma’ kwalunkwe apparat ieħor li jista’ b’mod raġjonevoli jitqies bħala konness mal-investigazzjoni dwar is-sigurtà tal-aċċident;

(d)

minnufih, jiġbru u jżommu kull evidenza għall-finijiet tal-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà.

Artikolu 14

Rapporti ta’ aċċidenti

1.   L-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà mwettqa taħt din id-Direttiva għandhom jirriżultaw f’rapport pubblikat preżentat f’format definit mill-korp investigattiv kompetenti u konformement mat-taqsimiet rilevanti tal-Anness I.

Korpi investigattivi jistgħu jiddeċiedu li investigazzjoni dwar is-sigurtà, li ma tikkonċernax diżgrazzja marittima serja ħafna, jew abbażi tal-każ, diżgrazzja marittima serja, u l-konklużjonijiet tagħha ma jkollhomx il-potenzjal li jwasslu għall-prevenzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti fututi, għandhom jirriżultaw f’rapport simplifikat li għandu jiġi ppubblikat.

2.   Il-korpi investigattivi għandhom jagħmlu kull sforz biex jagħmlu r-rapport msemmi fil-paragrafu 1, inklużi l-konklużjonijiet tiegħu u kull rakkomandazzjoni possibbli, disponibbli lill-pubbliku, u speċjalment lis-settur marittimu, fi żmien 12-il xahar mid-data tad-diżgrazzja. Jekk ma jkunx possibbli li r-rapport finali joħroġ f’dak iż-żmien, għandu jiġi ppubblikat rapport interim fi żmien 12-il xahar mid-data tad-diżgrazzja.

3.   Il-korp investigattiv tal-Istat Membru li jmexxi l-inestigazzjoni għandu jibgħat kopja tar-rapport finali, simplifikat jew interim lill-Kummissjoni. Hija għandha tieħu kont tal-osservazzjonijiet tekniċi possibbli tal-Kummissjoni dwar rapporti finali, li ma jolqtux is-sustanza tal-konklużjonijiet, għat-titjib tal-kwalità tar-rapport bil-mod li l-aktar iwassal għall-kisba tal-għan ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 15

Rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħed kont debitu tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà magħmla mill-korpi investigattivi minn dawk indirizzati u, fejn ikun il-każ, tittieħed azzjoni ta’ segwitu taħt il-liġi Komunitarja u internazzjonali.

2.   Fejn ikun il-każ, il-korp investigattiv jew il-Kummissjoni għandhom jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà abbażi ta’ analiżi ta’ data astratta u tar-riżultati globali tal-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà li jkunu saru.

3.   Rakkomandazzjoni dwar is-sigurtà fl-ebda ċirkustanza m’għandha tiddetermina r-responsabbiltà jew tassenja t-tort għal xi diżgrazzja.

Artikolu 16

Sistema ta’ allarm bikri

Mingħajr preġudizzju għad-dritt tiegħu li jagħti allarm bikri, il-korp investigattiv ta’ Stat Membru għandu, fi kwalunkwe stadju ta’ investigazzjoni dwar is-sigurtà, jekk ikun tal-fehma li hija meħtieġa azzjoni urġenti fil-livell Komunitarju sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ diżgrazzji ġodda, jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bil-ħtieġa li jingħata allarm bikri.

Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha toħroġ nota ta’ avviż għall-attenzjoni tal-awtoritajiet responsabbli fl-Istati Membri l-oħra kollha, l-industrija tat-tbaħħir, u lil kwalunkwe parti rilevanti oħra.

Artikolu 17

Database Ewropea għal disgrazzji marittimi

1.   Id-data dwar id-diżgrazzji u l-inċidenti marittimi għandha tinżamm u tiġi analizzata permezz ta’ database elettroniku Ewropew li għandu jitwaqqaf mill-Kummissjoni, li għandu jissejjaħ il-Pjattaforma Ewropea ta’ Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar (EMCIP).

2.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet intitolati li jingħatalhom aċċess għad-database.

3.   Il-korpi investigattivi tal-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar id-diżgrazzji u l-aċċidenti marittimi konformement mal-format tal-Anness II. Huma għandhom jipprovdu wkoll lill-Kummissjoni d-data li tirriżulta mill-investigazzjonijiet dwar is-sigurtà taħt l-iskema tad-database EMCIP.

4.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw l-iskema tad-database u metodu għan-notifika tad-data f’perijodu ta’ żmien xieraq.

Artikolu 18

Trattament ġust tal-baħħara

Konformement mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom iqisu id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-linji gwida tal-IMO dwar it-trattament ġust tal-baħħara fil-każ ta’ inċident marittimu fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

Artikolu 19

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti (COSS) stabbilit permezz tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (11).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahrejn.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 20

Setgħat ta’ emenda

Il-Kummissjoni tista’ taġġorna d-definizzjonijiet f’din id-Direttiva, u r-riferenzi għall-atti Komunitarji u l-istrumenti tal-IMOsabiex tikkonformahom mal-miżuri Komunitarji jew tal-IMO li daħlu fis-seħħ, suġġett għall-osservanza tal-limiti ta’ din id-Direttiva.

Dawk il-miżuri, mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3).

Filwaqt li taġixxi skond l-istess proċedura, il-Kummissjoni tista’ temenda wkoll l-Annessi.

Emendi għall-Kodiċi tal-IMO jistgħu jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002.

Artikolu 21

Miżuri addizzjonali

Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jżomm lil xi Stat Membru milli jieħu miżuri addizzjonali dwar is-sikurezza marittima li mhumiex koperti minnha,sakemmdawn il-miżuri la jiksru din id-Direttiva, la jolqtu ħażin b’xi mod il-kisba tal-għan tagħha u lanqas jipperikolaw it-twettiq tal-finijiet tagħha.

Artikolu 22

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali li jistgħu jiġu applikati għall-kontravenzjonijiet kontra d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.

Artikolu 23

Rapport ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha, kull ħames snin, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’, u l-konformita’ ma’, din id-Direttiva, u, jekk ikun meħtieġ, tipproponi miżuri oħra fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet msemmija fih

Artikolu 24

Emendi ta’ atti eżistenti

1.   L-Artikolu 12 tad-Direttiva 1999/35/KE huwa b’dan imħassar.

2.   L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/59/KE huwa b’dan imħassar.

Artikolu 25

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva tas-17 ta’ Ġunju 2011.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-publikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 27

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strażburgu, 23 ta’ April 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Ghall-Kunsill

Il-President

P. NEČAS


(1)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 195.

(2)  ĠU C 229, 22.9.2006, p. 38.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ April 2007 (ĠU C 74 E, 30.2.2008, p. 546), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2008 (ĠU C 184 E, 22.7.2008, p. 23), il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2008 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 u r-Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU C 104 E, 30.04.2004, p. 730.

(5)  ĠU L 138, 1.6.1999, p. 1.

(6)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10.

(7)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(8)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.

(9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(10)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(11)  ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.


ANNESS I

Kontenut tar-rapport ta’ investigazzjoni dwar is-sigurtà

Kelmtejn qabel

Dan jidentifika l-uniku għan tal-investigazzjoni dwar is-sigurtà u jindika li rakkomandazzjoni dwar is-sigurtà fl-ebda każ ma toħloq preżunzjoni ta’ responsabbiltà jew tort u li r-rapport ma jkunx inkiteb, f'dawk li huma kontenut u stil, bl-intenzjoni li jintuża fi proċeduri ġuridiċi.

(Ir-rapport m’għandu jagħmel l-ebda referenza għal evidenza tax-xhieda u lanqas jorbot lil xi ħadd li jissemma fir-rapport ma’ xi persuna li tkun tat xhieda matul l-investigazzjoni dwar is-sigurtà.)

1.   SOMMARJU

Din il-parti tagħti ħarsa ġenerali tal-fatti bażiċi tad-diżgrazzja jew l-inċident tal-baħar: x'ġara, meta, fejn u kif; tiddikjara ukoll jekk bħala riżultat kienx hemm mwiet, korrimenti, ħsara lill-vapur, l-merkanzija, persuni terzi jew l-ambjent.

2.   INFORMAZZJONI FATTWALI

Din il-parti tinkludi numru ta’ taqsimiet diskreti, u tagħti biżżejjed informazzjoni li l-korp investigattiv jinterpreta bħala fattwali, tissustanzja l-analiżi u tiffaċilita l-fehim.

Dawn it-taqsimiet jinkludu, b'mod partikolari, l-informazzjoni li ġejja:

2.1.   Dettalji tal-vapur

Bandiera /reġistru,

Identifikazzjoni,

Karatteristiċi ewlenin,

Sidien u dawk li jimmaniġġjawh,

Dettalji tal-kostruzzjoni,

Ekwipażż minimu biex tiġi assigurata s-sigurtà,

Merkanzija awtorizzata.

2.2.   Dettalji tal-vjaġġ

Portijiet li żar,

Tip ta’ vjaġġ,

Informazzjoni dwar il-merkanzija,

Ekwipaġġ.

2.3.   Informazzjoni dwar id-diżgrazzja jew l-inċident marittimu

Tip ta’ diżgrazzja jew inċident marittimu,

Data u l-ħin,

Pożizzjoni u l-inħawi tad-diżgrazzja jew inċident marittimu,

Ambjent estern u intern,

Operat tal-vapur u t-taqsima tal-vjaġġ (voyage segment),

Post abbord,

Data dwar il-fatturi umani,

Konsegwenzi (għall-persuni, għall-vapur, għall-merkanzija, għall-ambjent, oħrajn).

2.4.   Involviment tal-awtorità tax-xatt u r-reazzjoni ta’ emerġenza

Min kien involut,

Mezzi użati,

Ħeffa tar-reazzjoni,

Azzjonijiet meħuda,

Riżultati miksuba.

3.   NARRATTIVA

Din il-parti tirrakonta d-diżgrazzja jew inċident marittimu permezz ta’ sekwenza ta’ ġrajjiet, f'ordni kronoloġika li twassal sa qabel, waqt u wara d-diżgrazzja jew inċident marittimu u l-involviment ta’ kulmin kien imdaħħal fiha (jiġifieri persuni, materjal, l-ambjent, apparat jew aġenti esterni). Il-perjodu kopert min-narrattiva jiddependi mis-sekwenza taż-żmien ta’ dawk il-ġrajjiet aċċidentali partikolari li kkontribwew direttament għad-diżgrazzja jew l-inċident marittimu. Din il-parti tinkludi wkoll kwalunkwe dettal rilevanti tal-investigazzjoni dwar is-sigurtà mwettqa, inklużi r-riżultati tal-eżamijiet jew it-testijiet.

4.   ANALIŻI

Din il-parti tinkludi għadd ta’ taqsimiet diskreti, li jipprovdu analiżi ta’ kull ġrajja inċidentali, b’kummenti marbuta mar-riżultati ta’ kwalunkwe eżamijiet jew testijiet relevanti li jkunu saru tul l-investigazzjoni dwar is-sigurtà u kwalunkwe azzjoni ta’ sigurtà li għandha mnejn tkun diġà ttieħdet sabiex jiġu pprevenuti d-diżgrazzji marittimi.

Dawn it-taqsimiet għandhom ikopru kwistjonijiet bħal:

il-kuntest u l-ambjent tal-ġrajja inċidentali,

azzjonijiet żbaljati jew nuqqasijiet umani, ġrajjiet li jinvolvu materjal perikoluż, effetti fuq l-ambjent, ħsarat fl-apparat, u influwenzi esterni,

il-fatturi kontributorji li jinvolvu funzjonijiet marbuta ma’ persuni, operazzjonijiet abbord il-vapur, amministrazzjoni tax-xatt jew influwenza regolatorja.

L-analiżi u l-kummentarju jagħmluha possibbli għar-rapport sabiex jagħmel konklużjonijiet loġiċi, jistabbilixxi l-fatturi kontributorji kollha, jinkludi dawk b’riskji li għalihom id-difiżi eżistenti mmirati lejn il-prevenzjoni ta’ ġrajjiet inċidentali, u/jew dawk immirati lejn l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tal-konsegwenzi tagħhom, jinstabu li jew mhumiex adegwati inkella nieqsa.

5.   KONKLUŻJONIJIET

Din il-parti tikkonsolida l-fatturi kontributorji stabbiliti u d-difiżi nieqsa jew inadegwati (materjali, funzjonali, simboliċi jew proċedurali) li għalihom għandhom jiġu żviluppati azzjonijiet ta’ sigurtà sabiex jiġu pprevenuti d-diżgrazzji marittimi.

6.   RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IS-SIGURTÀ

Meta jkun il-każ, din il-parti tar-rapport tinkludi rakkomandazzjonijiet tas-sigurtà dderivati mill-analiżi u l-konklużjonijiet u li jorbtu ma’ oqsma partikolari, bħal-leġislazzjoni, it-tifsil, il-proċeduri, l-ispezzjoni, it-tmexxija, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, it-taħriġ, ix-xogħol ta’ tiswija, il-manutenzjoni, l-assistenza max-xatt u r-reazzjoni ta’ emerġenza.

Ir-rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà huma indirizzati lil dawk li jkunu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jimplimentawhom, bħal sidien il-vapuri, il-maniġers, organizzazzjonijiet rikonoxxuti, awtoritajiet marittimi, servizzi ta’ traffiku tal-vapurii, entitajiet tal-emerġenza, organizzazzjonijiet marittimi internazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej, bil-ħsieb li jiġu pprevenuti d-diżgrazzji marittimi.

Din il-parti tinkludi wkoll kwalunkwe rakkomandazzjonijet tas-sigurtà interim li setgħu saru jew kwalunkwe azzjoni ta’ sigurtà meħuda matul l-investigazzjoni tas-sigurtà.

7.   APPENDIĊI

Fejn ikun il-każ, il-lista li ġejja li mhix waħda eżawrjenti tinthemeż mar-rapport f’format elettroniku u/jew stampat:

ritratti, xbihat iffilmjati, reġistrazzjonijiet ta’ ħsejjes, tabelli, tpinġijiet,

standards applikabbli,

termini tekniċi u l-abbrevjazzjonijiet użati,

studji speċjali dwar is-sigurtà,

tagħrif mixxellanju.


ANNESS II

DATA DWAR IN-NOTIFIKA TA’ DIŻGRAZZJI JEW INĊIDENTI MARITTIMI

(Parti mill-Pjattaforma Ewropea ta’ Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar)

Nota:

In-numri sottolineati jfissru li d-data għandha tiġi pprovduta għal kull vapur jekk aktar minn vapur wieħed ikun involut fid-diżgrazzja jew l-inċident marittimu.

01.

L-Istat Membru responsabbli / persuna li għandha tiġi kkuntattjata

02.

L-Istat Membru investigatur

03.

Ir-rwol tal-Istat Membru

04.

L-Istat kostali affettwat

05.

In-numru ta’ Stati li għandhom interess sostanzjali

06.

L-Istati li għandhom interessi sostanzjali

07.

Il-korp notifikatur

08.

Ħin tan notifika

09.

Data tan notifika

10.

Isem il vapur

11.

In-numru tal-IMO / ittri distintivi

12.

Bandiera mtajra mill vapur

13.

It-tip ta’ diżgrazzja jew l-inċident marittimu

14.

It-tip ta’ vapur

15.

Data tad diżgrazzja jew l-inċident marittimu

16.

Ħin tad diżgrazzja jew l-inċident marittimu

17.

Pożizzjoni Latitudni

18.

Pożizzjoni Lonġitudni

19.

L-inħawi tad-diżgrazzja jew l-inċident marittimu

20.

Il-port minn fejn salpa l-vapur

21.

Il-port fejn kien destinat

22.

L-iskema ta’ separazzjoni tat-traffiku

23.

It-taqsima tal-vjaġġ

24.

L-operat tal-vapur

25.

Il-post abbord

26.

Imwiet:

Ekwipaġġ

Passiġġieri

Oħrajn

27.

Korrimenti gravi:

Ekwipaġġ

Passiġġieri

Oħrajn

28.

Tniġġis

29.

Ħsara lill vapur

30.

Ħsara lill merkanzija

31.

Ħsara oħra

32.

Deskrizzjoni qasira tad diżgrazzja jew l-inċident marittimu

33.

Deskrizzjoni qasira tar-raġunijiet għaliex m'għandhiex issir investigazzjoni dwar is-sigurtà