11.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 40/19


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2009/8/KE

tal-10 ta' Frar 2009

li temenda l-Anness I għad-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli massimi ta’ koċċidijostati jew istomonostati mit-trażmissjoni inevitabbli ta’ dawn is-sustanzi fil-għalf mhux fil-mira

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 2002 dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(1) tagħha,

Billi:

(1)

Il-koċċidijostati u l-istomonostati huma sustanzi maħsuba biex joqtlu jew ixekklu l-protożoa li jistgħu, inter alia, jkunu awtorizzati għall-użu bħala addittivi fl-għalf skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (2). L-awtorizzazzjonijiet għall-koċċidijostati u l-istomonostati bħala addittivi fl-għalf jistipulaw kundizzjonijiet speċifiċi għall-użu bħall-ispeċi jew kategoriji tal-annimali fil-mira li l-addittivi huma maħsuba għalihom.

(2)

L-operaturi tal-kummerċ tal-għalf jistgħu jipproduċu ġewwa stabbiliment wieħed medda wiesgħa ta’ għalf, u tipi differenti ta’ prodotti jista’ jkollhom jiġu manifatturati wara xulxin fl-istess linja ta’ produzzjoni. Jista’ jiġri li jibqgħu xi traċċi inevitabbli ta’ prodott fil-linja ta’ produzzjoni u jispiċċaw fil-bidu tal-produzzjoni ta’ prodott ieħor tal-għalf. Dan it-trasferiment minn lott ta’ produzzjoni għal ieħor jissejjaħ “trażmissjoni (carry over)” jew “transkontaminazzjoni” u jista’ jseħħ, pereżempju, meta l-koċċidijostati jew l-istomonostati jintużaw bħala addittivi awtorizzati fl-għalf. Dan jista’ jirriżulta fil-kontaminazzjoni tal-għalf prodott sussegwentement minħabba l-preżenza ta’ traċċi li huma teknikament inevitabbli ta’ dawk is-sustanzi fl-“għalf mhux fil-mira”, jiġifieri fl-għalf li fih mhux awtorizzat l-użu ta' koċċidijostati jew istomonostati, bħal għalf maħsub għal speċi u kategoriji ta’ annimali li m’hemmx dispożizzjoni dwarhom fl-awtorizzazzjoni għall-addittivi. Din it-transkontaminazzjoni inevitabbli tista’ sseħħ fl-istadji kollha tal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-għalf imma wkoll tul il-ħżin u t-trasport tal-għalf.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (3) jistipula rekwiżiti speċifiċi għan-negozji tal-għalf li jużaw il-koċċidijostati u l-istomonostati fil-produzzjoni tal-għalf. B’mod partikolari, l-operaturi kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha fir-rigward tal-faċilitajiet u t-tagħmir, il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasport sabiex tkun evitata kwalunkwe transkontaminazzjoni, u dan skont l-obbligi stipulati fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament imsemmi hawn fuq. L-iffissar tal-livelli massimi tat-trażmissjoni inevitabbli tal-koċċidijostati u l-istomonostati fl-għalf mhux fil-mira skont id-Direttiva 2002/32/KE m’għandux ixekkel l-obbligu ewlieni tal-operaturi li japplikaw prattiki tajba tal-manifattura li jimmiraw li jevitaw din it-transkontaminazzjoni. Għalhekk, għad hemm il-ħtieġa ta' sforz kontinwu min-naħa tal-operaturi kkonċernati sabiex jevitaw il-preżenza ta' sustanzi mhux mixtieqa bħal dawn fl-għalf tal-annimali.

(4)

Mat-tħaddim ta' prattiki tajba tal-manifattura, għandhom jiġu stabbiliti l-livelli massimi tat-trażmissjoni inevitabbli tal-koċċidijostati u l-istomonostati fl-għalf mhux fil-mira skont il-prinċipju ALARA (As Low As Reasonably Achievable) [Baxx kemm jista’ jkun raġonevolment possibbli]. Sabiex il-manifattur tal-għalf jiġi megħjun jiġġestixxi t-trażmissjoni inevitabbli msemmija hawn fuq, għandha titqies rata ta’ trażmissjoni ta' madwar 3 % meta mqabbla mal-kontenut massimu fir-rigward tal-għalf għal speċijiet ta’ annimali mhux fil-mira li huma inqas sensittivi, filwaqt li għandha tinżamm ir-rata ta’ trażmissjoni ta’ madwar 1 % meta mqabbla mal-kontenut massimu awtorizzat għall-għalf magħmul għall-ispeċijiet ta’ annimali mhux fil-mira li huma sensittivi u għal “withdrawal feed”, jiġifieri għalf li jintuża fil-perjodu ta’ qabel il-qatla. Ir-rata tat-trażmissjoni ta’ 1 % għandha titqies ukoll għat-transkontaminazzjoni ta’ għalf ieħor għall-ispeċijiet fil-mira li miegħu ma jkunux żdiedu l-ebda koċċidijostati u istomonostati, u fir-rigward tal-għalf mhux fil-mira għal “annimali li kontinwament jipproduċu l-ikel”, bħalma huma l-baqar tal-ħalib jew it-tiġieġ li jbidu, fejn jidher li hemm evidenza ta’ trażmissjoni mill-għalf għall-ikel ta’ oriġini mill-annimali. Jekk il-materjali tal-għalf jingħalfu direttament lill-annimali jew jekk jintuża l-għalf komplementari, l-użu tagħhom fir-razzjon ta’ kuljum m’għandux jirriżulta fl-esponiment tal-annimali għal livelli ogħla ta’ koċċidijostati jew istomonostati mil-livelli massimi korrispondenti ta’ esponiment fejn jintuża biss għalf sħiħ fir-razzjon ta' kuljum.

(5)

Sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jadottaw regoli nazzjonali li jindirizzaw il-kwistjoni tat-trażmissjoni inevitabbli tal-koċċidijostati jew tal-istomonostati awtorizzati f’għalf mhux fil-mira u l-preżenza tagħhom li tirriżulta f’oġġetti ta’ ikel derivat, b'mod li jkun hemm xkiel għat-tħaddim tas-suq intern, jinħtieġ li jiġu addotati regoli armonizzati tal-Komunità fuq din il-kwistjoni.

(6)

It-trażmissjoni inevitabbli f’għalf mhux fil-mira ta’ sustanzi attivi li jinsabu fil-koċċidijostati u l-istomonostati awtorizzati għandha titqies bħala sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 2002/32/KE u l-preżenza tagħhom m’għandhiex tqiegħed fil-periklu s-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. Għalhekk, il-livelli massimi għal dawn is-sustanzi fl-għalf tal-annimali għandhom jiġu stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva msemmija sabiex ikunu evitati effetti mhux mixtieqa u ta’ ħsara.

(7)

Meta l-LMR jiġu stabbiliti fil-qafas tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 tas-26 ta’ Ġunju 1990 li jistabbilixxi proċedura tal-Komunità għal iffissar ta’ limiti massimi ta’ residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji fi prodotti tal-ikel ta’ oriġini mill-annimali (4) jew fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, għandha tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet meta jiġu stabbiliti l-livelli massimi tal-koċċidijostati u l-istomonostati fl-għalf mhux fil-mira.

(8)

L-okkorrenza tat-trażmissjoni inevitabbli ta’ koċċidijostati u istomonostati f’għalf mhux fil-mira, anke inqas mil-livelli minimi stabbiliti skont id-Direttiva 2002/32/KE, tista’ tirriżulta fil-preżenza ta’ residwi ta’ dawn is-sustanzi fi prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali. Għalhekk, sabiex titħares is-saħħa pubblika, u sakemm ma jkunx għad hemm stabbilit limitu massimu tar-residwi (LMR) għall-ikel speċifiku ikkonċernat, ġew stabbiliti tolleranzi massimi għall-preżenza ta’ sustanzi attivi li jinsabu fil-koċċidijostati u l-istomonostati permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 124/2009 tal-10 ta' Frar 2009 li ffissa l-livelli massimi għall-preżenza tal-koċċidijostati u l-istomonostati fl-ikel li jirriżultaw mit-trażmissjoni inevitabbli ta’ dawn is-sustanzi fl-għalf mhux fil-mira (5), fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (6).

(9)

Fuq talba mill-Kummissjoni, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat diversi opinjonijiet (7) dwar ir-riskji involuti għas-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika bħala konsegwenza tat-trażmissjoni inevitabbli ta’ koċċidijostati jew istomonostati awtorizzati bħala addittivi għall-għalf f’għalf mhux fil-mira. Għal kull koċċidijostat jew istomonostat awtorizzat bħala addittiv tal-għalf, il-valutazzjoni tal-Awtorità qieset rati ipotetiċi ta’ trażmissjoni ta’ 2 %, 5 % u 10 % minn għalf prodott bl-ogħla doża awtorizzata ta’ koċċidijostati jew istomonostati f’għalf mhux fil-mira prodott iktar tard.

(10)

Meta wieħed iqis il-konklużjonijiet tal-opinjonijiet xjentifiċi individwali, jista’ jingħad li b’mod ġenerali l-Awtorità kkonkludiet li l-preżenza tal-koċċidijostati jew l-istomonostati awtorizzati bħala addittiv l-għalf f’għalf mhux fil-mira fuq livelli li jirriżultaw minn trażmissjoni inevitabbli, u meta wieħed iqis il-miżuri kollha ta’ prevenzjoni, mhuwiex probabbli li din il-preżenza tirriżulta f’effetti ta’ ħsara għal saħħet l-annimali u li r-riskju għas-saħħa tal-konsumatur mill-inġestjoni tar-residwi fi prodotti minn annimali esposti għall-għalf ikkontaminat huwa negliġibbli.

(11)

Wara li tqiesu l-opinjonijiet tal-Awtorità u l-approċċi attwali differenti applikati fl-Istati Membri biex jindirizzaw it-transkontaminazzjoni inevitabbli, qed jiġi propost li jiġu stabbiliti livelli massimi għall-għalf kif stipulat fl-Annessi ta’ din id-Direttiva, biex jiġi żgurat tħaddim tajjeb tas-suq intern u biex titħares is-saħħa pubblika u tal-annimali.

(12)

L-iffissar ta’ livelli massimi ta’ sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali għandu jsir permezz ta’ adattazzjoni tal-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE, kif previst fl-Artikolu 8(1) ta’ dik id-Direttiva. Filwaqt li ġew adattati d-dispożizzjonjiet tekniċi tal-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE, tqiesu l-iżviluppi fl-għarfien xjentifiku u tekniku permezz ta’ kunsiderazzjoni tal-opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità u tal-iżvilupp tal-metodi analitiċi fl-għalf. Id-dispożizzjonijiet previsti fl-Anness għandhom jiġu riveduti sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2011 biex jitqiesu l-iżviluppi fl-għarfien xjentifiku u tekniku.

(13)

Il-livelli massimi ffissati fl-Anness għal din id-Direttiva għandhom jiġu adattati kontinwament għall-kundizzjonijiet ta' użu stipulati fl-awtorizzazzjonijiet tal-koċċidijostati u l-istomonostati bħala additivi tal-għalf. Fid-dawl tal-possibbiltà li jkun hemm perjodu ta’ żmien bejn l-awtorizzazzjoni – jew il-modifika, is-sospensjoni, jew ir-revoka tal-awtorizzazzjoni – ta’ koċċidijostat jew istomonostat bħala addittiv fl-għalf u l-addattament konsegwenti għal-livelli massimi stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Direttiva, dan tal-aħħar għandu jitqies bħala bla ħsara għal-livelli ta’ koċċidijostati jew istomonostati awtorizzati bħala addittivi fl-ikel fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(14)

Minħabba l-fatt li t-trażmissjoni inevitabbli tal-koċċidijostati jew istomonostati f’għalf mhux fil-mira jista’ jirriżulta fil-preżenza ta’ dawn is-sustanzi bħala kontaminanti f’ikel derivat, huwa xieraq li jittieħed approċċ komprensiv u integrat li jindirizza l-kwistjoni permezz tal-adozzjoni u l-applikazzjoni simultanja ta’ din id-Direttiva billi jiġu stabbiliti livelli massimi għat-trażmissjoni inevitabbli tal-koċċidijostati jew istomonostati f’għalf mhux fil-mira u tar-Regolament tal-Kummissjoni bl-iffissar tal-livelli massimi għall-preżenza aħħarija ta’ dawn is-sustanzi fl-ikel.

(15)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2009. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 10 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 140, 30.5.2002, p. 10.

(2)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(3)  ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1.

(4)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 1.

(5)  Ara paġna 7 ta' dan.

(6)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(7)  L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar Kontaminazzjoni ta’ prodotti tal-għalf mhux fil-mira mil-lasaloċidu awtorizzat għall-użu bħala addittiv għall-għalf, The EFSA Journal (2007)553, 1-46.

http://www.efsa.europa.eu/cs/BlobServer/Scientific_Opinion/CONTAM_ej553_lasalocid_en.pdf?ssbinary=true

L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar Kontaminazzjoni ta’ għalf mhux fil-mira min-narasin awtorizzat għall-użu bħala addittiv għall-għalf, The EFSA Journal (2007)552, 1-35.

http://www.efsa.europa.eu/cs/BlobServer/Scientific_Opinion/CONTAM_ej552_narasin_en.pdf?ssbinary=true

L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar Kontaminazzjoni ta’ għalf mhux fil-mira mill-maduramicin awtorizzat għall-użu bħala addittiv għall-għalf, The EFSA Journal (2008)594, 1-30.

http://www.efsa.europa.eu/cs/BlobServer/Scientific_Opinion/contam_op_ej594_maduramicin_en.pdf?ssbinary=true

L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar Kontaminazzjoni ta’ għalf mhux fil-mira mis-semiduramicin awtorizzat għall-użu bħala addittiv għall-għalf, The EFSA Journal (2008)593, 1-27.

http://www.efsa.europa.eu/cs/BlobServer/Scientific_Opinion/contam_op_ej593_semduramicin_en.pdf?ssbinary=true

L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar Kontaminazzjoni ta’ għalf mhux fil-mira mis-salinomycin awtorizzat għall-użu bħala addittiv għall-għalf, The EFSA Journal (2008)591, 1-38.

http://www.efsa.europa.eu/cs/BlobServer/Scientific_Opinion/contam_op_ej591_salinomycin_en.pdf?ssbinary=true

L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar Kontaminazzjoni ta’ għalf mhux fil-mira mill-monensin awtorizzat għall-użu bħala addittiv għall-għalf, The EFSA Journal (2008)592, 1-40.

http://www.efsa.europa.eu/cs/BlobServer/Scientific_Opinion/contam_op_ej592_monensin_en.pdf?ssbinary=true

L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar Kontaminazzjoni ta’ għalf mhux fil-mira mill-halofuginone awtorizzat għall-użu bħala addittiv għall-għalf, The EFSA Journal (2008)657, 1-31.

http://www.efsa.europa.eu/cs/BlobServer/Scientific_Opinion/contam_op_ej657_halofuginone_en.pdf?ssbinary=true

L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar Kontaminazzjoni ta’ għalf mhux fil-mira mid-decoquinate awtorizzat għall-użu bħala addittiv għall-għalf, The EFSA Journal (2008)656, 1-26.

http://www.efsa.europa.eu/cs/BlobServer/Scientific_Opinion/contam_op_ej656_decoquinate_en.pdf?ssbinary=true

L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar Kontaminazzjoni ta’ għalf mhux fil-mira mir-robenidine awtorizzat għall-użu bħala addittiv għall-għalf, The EFSA Journal (2008)655, 1-29.

http://www.efsa.europa.eu/cs/BlobServer/Scientific_Opinion/contam_op_ej655_robenidine_en,0.pdf?ssbinary=true

L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar Kontaminazzjoni ta’ għalf mhux fil-mira min-nicarbazin awtorizzat għall-użu bħala addittiv għall-għalf, The EFSA Journal (2008)690, 1-34.

http://www.efsa.europa.eu/cs/BlobServer/Scientific_Opinion/contam_op_ej690_nicarbazin_en.pdf?ssbinary=true

L-Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar l-Aġenti ta’ Kontaminazzjoni fil-Katina Alimentari fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea dwar Kontaminazzjoni ta’ għalf mhux fil-mira minn diclazuril awtorizzat għall-użu bħala addittiv għall-għalf, The EFSA Journal (2008)716, 1-31.

http://www.efsa.europa.eu/cs/BlobServer/Scientific_Opinion/contam_op_ej716_diclazuril_en.pdf?ssbinary=true


ANNESS

Il-punti li ġejjin jiddaħħlu fl-Anness I tad-Direttiva 2002/32/KE:

‘Sustanzi mhux mixtieqa

Prodotti maħsuba għall-għalf tal-annimali (*)

Livelli massimi f'mg/kg (ppm) Meta mqabbel ma’ għalf b’kontenut ta’ umdità ta’ 12%

1.

Lasalocid sodium

Materjali għall-għalf

1,25

Għalf kompost għal:

 

klieb, għoġġiela, fniek, speċi ekwini, annimali tal-ħalib, għasafar li jbidu, dundjani (> 12-il ġimgħa) u tiġieġ imrobbija biex ibidu (> 16-il ġimgħa);

1,25

tiġieġ għat-tismin, tiġieġ imrobbija biex ibidu (< 16-il ġimgħa) u dundjani (< 12-il ġimgħa) għall-perjodu ta’ qabel il-qatla fejn mhuwiex permess l-użu tal-lasalocid sodium (withdrawal feed);

1,25

speċi ta’ annimali oħra.

3,75

Pretaħlitiet għall-uzu fl-għalf fejn mhux awtorizzat l-użu tal-lasalocid sodium.

 (**)

2.

Narasin

Materjali għall-għalf

0,7

Għalf kompost għal

 

dundjani, fniek, speċi ekwini, għasafar li jbidu, u tiġieġ imrobbija biex ibidu (> 16-il ġimgħa);

0,7

tiġieġ għat-tismin għall-perjodu qabel il-qatla fejn mhux permess l-użu tan-narasin (withdrawal feed);

0,7

speċi ta’ annimali oħra.

2,1

Pretaħlitiet għall-uzu fl-għalf fejn mhux awtorizzat l-użu tan-narasin.

 (**)

3.

Salinomycin sodium

Materjali għall-għalf

0,7

Għalf kompost għal

 

speċi ekwini, dundjani, għasafar li jbidu, u tiġieġ imrobbija biex ibidu (> 12-il ġimgħa);

0,7

tiġieġ għat-tismin, tiġieġ imrobbija biex ibidu (< 12-il ġimgħa) u fniek għat-tismin għall-perjodu ta’ qabel il-qatla fejn mhuwiex permess l-użu tas-salinomycin sodium (withdrawal feed);

0,7

speċi ta’ annimali oħra.

2,1

Pretaħlitiet għall-uzu fl-għalf fejn mhux awtorizzat l-użu tas-salinomycin sodium.

 (**)

4.

Monensin sodium

Materjali għall-għalf

1,25

Għalf kompost għal

 

speċi ekwini, klieb, annimali żgħar li jixtarru, nagħaġ u mogħoż, papri, bovini, bhejjem tal-ħalib, għasafar li jbidu, tiġieġ imrobbija biex ibidu (> 16-il ġimgħa) u dundjani (> 16-il ġimgħa);

1,25

tiġieġ għat-tismin, tiġieġ imrobbija biex ibidu (< 16-il ġimgħa) u dundjani (< 16-il ġimgħa) għall-perjodu ta’ qabel il-qatla fejn mhuwiex permess l-użu tal-monensin sodium (withdrawal feed);

1,25

speċi ta’ annimali oħra.

3,75

Pretaħlitiet għall-uzu fl-għalf fejn mhux awtorizzat l-użu tal-monensin sodium.

 (**)

5.

Semduramicin sodium

Materjali għall-għalf

0,25

Għalf kompost għal

 

għasafar li jbidu, u tiġieġ imrobbija biex ibidu (> 16-il ġimgħa);

0,25

tiġieġ għat-tismin għall-perjodu qabel il-qatla fejn mhux permess l-użu tas-semduramicin sodium (withdrawal feed);

0,25

speċi ta’ annimali oħra.

0,75

Pretaħlitiet għall-uzu fl-għalf fejn mhux awtorizzat l-użu tas-semduramicin sodium.

 (**)

6.

Maduramicin ammonium alpha

Materjali għall-għalf

0,05

Għalf kompost għal

 

speċi ekwini, fniek, dundjani (> 16-il ġimgħa), għasafar li jbidu, u tiġieġ imrobbija biex ibidu (> 16-il ġimgħa);

0,05

tiġieġ għat-tismin u dundjani (< 16-il ġimgħa) għall-perjodu qabel il-qatla fejn mhux permess l-użu tal-maduramicin ammonium alpha (withdrawal feed);

0,05

speċi ta’ annimali oħra.

0,15

Pretaħlitiet għall-uzu fl-għalf fejn mhux awtorizzat l-użu tal-maduramicin ammonium alpha.

 (**)

7.

Robenidine hydrochloride

Materjali għall-għalf

0,7

Għalf kompost għal

 

għasafar li jbidu, u tiġieġ imrobbija biex ibidu (> 16-il ġimgħa);

0,7

tiġieġ għat-tismin, fniek għat-tismin u għat-tgħammir u dundjani għall-perjodu qabel il-qatla fejn mhux permess l-użu tar-robenidine hydrochloride (withdrawal feed);

0,7

speċi ta’ annimali oħra.

2,1

Pretaħlitiet għall-uzu fl-għalf fejn mhux awtorizzat l-użu tar-robenidine hydrochloride.

 (**)

8.

Decoquinate

Materjali għall-għalf

0,4

Għalf kompost għal

 

għasafar li jbidu, u tiġieġ imrobbija biex ibidu (> 16-il ġimgħa);

0,4

tiġieġ għat-tismin għall-perjodu qabel il-qatla fejn mhux permess l-użu tad-decoquinate (withdrawal feed);

0,4

speċi ta’ annimali oħra.

1,2

Pretaħlitiet għall-uzu fl-għalf fejn mhux awtorizzat l-użu tad-decoquinate.

 (**)

9.

Halofuginone hydrobromide

Materjali għall-għalf

0,03

Għalf kompost għal

 

għasafar li jbidu, u tiġieġ imrobbija biex ibidu (> 16-il ġimgħa) u dundjani (> 12-il ġimgħa);

0,03

tiġieġ għat-tismin u dundjani (< 12-il ġimgħa) għall-perjodu qabel il-qatla fejn mhux permess l-użu tal-halofuginone hydrobromide (withdrawal feed);

0,03

speċi ta' annimali oħra ħlief it-tiġieġ imrobbija biex ibidu (< 16-il ġimgħa).

0,09

Pretaħlitiet għall-uzu fl-għalf fejn mhux awtorizzat l-użu tal-halofuginone hydrobromide.

 (**)

10.

Nicarbazin

Materjali għall-għalf

0,5

Għalf kompost għal

 

speċi ekwini, għasafar li jbidu, u tiġieġ imrobbija biex ibidu (> 16-il ġimgħa);

0,5

tiġieġ għat-tismin għall-perjodu qabel il-qatla fejn mhux permess l-użu tan-nicarbazin (imħallat man-narasin) (withdrawal feed);

0,5

speċi ta’ annimali oħra.

1,5

Pretaħlitiet għall-uzu fl-għalf fejn mhux awtorizzat l-użu tan-nicarbazin (imħallat man-narasin).

 (**)

11.

Diclazuril

Materjali għall-għalf

0,01

Għalf kompost għal

 

għasafar li jbidu, u tiġieġ imrobbija biex ibidu (> 16-il ġimgħa) u dundjani għat-tismin (> 12-il ġimgħa);

0,01

fniek għat-tismin u għat-tgħammir għall-perjodu qabel il-qatla fejn mhux permess l-użu tad-diclazuril (withdrawal feed);

0,01

speċi ta' annimali oħra ħlief it-tiġieġ imrobbija biex ibidu (< 16-il ġimgħa), tiġieġ għat-tismin u dundjani għat-tismin (< 12-il ġimgħa).

0,03

Pretaħlitiet għall-uzu fl-għalf fejn mhux awtorizzat l-użu tad-diclazuril.

 (**)


(*)  Bla ħsara għal-livelli awtorizzati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-additivi għall-użu fl-għalf tal-annimali

(**)  Il-livell massimu tas-sustanza fil-pretaħlitiet huwa l-konċentrazzjoni li ma tirriżultax fil-livell tas-sustanza ogħla minn 50 % tal-livelli massimi stabbiliti fl-għalf meta jiġu segwiti l-istruzzjonijiet għall-użu tal-pretaħlitiet.’