24.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/24


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Ottubru 2009

li tiffaċilita l-liberazzjoni tad-dividend diġitali fl-Unjoni Ewropea

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/848/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 211 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kunsill, fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 2008, stieden lill-Kummissjoni biex tħejji bażi koerenti għall-ġestjoni kkoordinat tal-ispettru lliberat bħala riżultat tal-bidla minn xandir analogue għal xandir diġitali (id-dividend diġitali), fuq bażi mhux esklużiva u mhux mandatorja. Din għandha tinkludi notevolment l-aspetti tekniċi, l-analiżi tal-ispejjeż u l-impatt soċjo-ekonomiku tal-alternattivi differenti u l-kundizzjonijiet regolatorji għall-aċċess tal-ispettru.

(2)

Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar il-kisba tal-benefiċċji sħaħ tad-dividend diġitali fl-Ewropa: strateġija komuni għall-użu tal-ispettru lliberat mill-bidla għad-diġitali (1), enfasizza wkoll il-benefiċċji potenzjali għal strateġija kkordinata għall-ġestjoni tal-ispettru fl-Unjoni Ewropea mil-lat ta’ ekonomiji tal-iskala, l-iżvilupp tas-servizzi interoperabbli bla wajers u l-evitar tal-frammentazzjoni li twassal għal użu mhux ideali ta’ dak ir-riżors skars. Għalhekk, il-Parlament talab kooperazzjoni attiva bejn l-Istati Membri biex jegħlbu l-ostakli nazzjonali għal (ri)allokazzjoni effiċjenti tad-dividend diġitali.

(3)

Fil-Konklużjonijiet tiegħu preċedenti tal-1 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill kien diġà stieden lill-Istati Membri biex, jekk jista’ jkun, ilestu l-bidla sal-2012.

(4)

Fl-ambitu tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjoni elettronika, l-Istati Membri għandhom iħeġġu l-użu effiċjenti u jiżguraw il-ġestjoni effettiva tal-ispettru tar-radju. Flimkien mal-prinċipju tar-regolamentazzjoni aħjar, dan jimplika li l-ispettru tar-radju għandu jiġi allokat b’tali mod li jagħti l-aqwa benefiċċju għas-soċjetà mil-lat kulturali, ekonomiku u soċjali. Minkejja dan, fid-dawl tal-kuntesti nazzjonali varji u l-qagħdiet differenti li ntirtu, dan il-prinċipju jrid jiġi applikat b’mod gradwali u bi flessibilità suffiċjenti.

(5)

Il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi potenzjali minn servizzi futuri li għandhom joperaw fid-dividend diġitali ma jistgħux jintlaħqu kompletament sakemm l-ispettru tar-radju użat qabel jew li qed jintuża bħalissa għax-xandir analogue ma jiġix illiberat. Barra minn hekk, it-teknoloġija tat-televiżjoni terrestri diġitali hija dejjem iżjed disponibbli għall-utenti u l-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli. Bosta Stati Membri diġà ddiżattivaw it-teknoloġiji tax-xandir analogue u bosta oħrajn ddeċidew li jiżguraw li x-xandir kollu juża t-teknoloġija diġitali sal-2012.

(6)

Għalhekk huwa essenzjali li tiġi żgurata politika koerenti fil-livell Ewropew fir-rigward tat-tranżizzjoni tat-teknoloġija diġitali u d-diżattivazzjoni tax-xandir analogue, ħalli din titlesta malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-pjanijiet bikrin ta’ ċerti Stati Membri. Meta jingħataw sussidji statali għal dan il-għan, dawn għandhom ikunu konformi mar-regoli tal-għajnuna statali.

(7)

Il-kriżi ekonomika attwali enfasizzat l-urġenza li jsir disponibbli biżżejjed spettru tar-radju għall-iżvilupp tal-infrastruttura bla wajers ta’ veloċità għolja għall-provvista ta’ servizzi broadband, biex jinħolqu akkwisti ta’ produttività u ffrankar tal-ispejjeż fl-ekonomija usa’. Dan huwa f’konformità mal-miri tal-Pjan ta’ Rilanċ Ekonomiku, imħaddan mil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta’ Diċembru 2008, li tistipula mira tal-kopertura tal-broadband ta’ 100 % li għandha tinkiseb bejn l-2010 u l2013. Kif enfasizzat fid-Dokument tal-Kwistjonijiet Ewlenin tal-Kunsill ta’ Marzu 2009, dan jista’ jinkiseb kompletament biss bl-użu tat-teknoloġiji ta’ bla wajers, pereżempju fiż-żoni rurali fejn l-infrastruttura bil-wajers mhijiex prattika. Għalhekk id-diżattivazzjoni f’waqtha tax-xandir analogue hija kritika biex jiġi żgurat li s-servizzi l-ġodda li saru possibbli bl-użu tal-ispettru tar-radju lliberat mid-dividend diġitali, jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-isforzi tar-rilanċ ekonomiku tal-UE.

(8)

Ftehimiet internazzjonali, inklużi dawk li nqablu fl-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni, Il-Konferenza Reġjonali tal-Komunikazzjoni bir-Radju (RRC-06) f’Ġunju 2006 u l-Konferenza Dinjija tal-Komunikazzjoni bir-Radju (WRC-07) f’Novembru 2007, diġà kkonkludew dwar l-allokazzjoni ta’ parti mill-frekwenzi tad-dividend diġitali, is-subfaxxa 790-862 MHz, fuq bażi koprimarja għas-servizzi mobbli flimkien max-xandir u s-servizzi fissi mill-2015, jew saħansitra qabel dik id-data skont, meta meħtieġa, il-koordinazzjoni teknika mal-pajjiżi l-oħra. Barra dan, bosta Stati Membri diġà ħabbru li qed jippjanaw jew qed iqisu b’mod attiv li jiftħu s-subfaxxa 790-862 MHz għal servizzi apparti x-xandir terrestri ta’ qawwa għolja.

(9)

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, teżisti l-ħtieġa urġenti biex tiġi żviluppata stratreġija kkoordinata għad-dividend diġitali fl-Unjoni Ewropea biex tevita li titfaċċa qagħda frammentata fost l-Istati Membri. Jekk le t-twaqqif ta’ suq waħdieni għas-serrvizzi u t-tagħmir se jixxekkel, l-ekonomiji tal-iskala relatati se jintilfu u d-dividend diġitali mhux se jirnexxilu jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-irkupru ekonomiku fil-livell tal-UE. Barra minn dan, biex tgħin biex jinkiseb dan il-għan, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi għajnuna lill-Istati Membri fin-negozjati tagħhom ma’ pajjiżi li mhumiex parti mill-UE fuq bażi bilaterali u multilaterali.

(10)

Il-Grupp tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju, fl-Opinjoni tiegħu tat-18 ta’ Settembru 2009 dwar id-dividend diġitali, irrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea taġixxi qabel il-31 ta’ Ottubru 2009 biex tnaqqas kemm jista’ jkun l-inċertezza fil-livell tal-UE fir-rigward tal-kapaċità tal-Istati membri li jagħmlu s-subfaxxa 790-862 MHz disponibbli, biex jippromwovu it-tkabbir ekonomiku, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni fil-provvista tan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika. Huwa ħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri li qed jagħmlu s-subfaxxa 790-862 MHz disponibbli għal netwerks u servizzi ġodda u/jew imtejba tal-komunikazzjoni elettronika biex japplikaw, b’mod partikolari, il-prinċipji tan-newtralità tas-servizzi u t-teknoloġija f’kundizzjonijiet li jiżguraw li s-servizzi tax-xandir ma jintlaqtux b’mod negattiv.

(11)

Studji dwar l-aspetti soċjo-ekonomiċi ta’ strateġija kkordinata diretta lejn id-dividend diġitali wrew benefiċċji soċjali u ekonomiċi sinifikanti fil-koordinazzjoni fil-livell tal-UE tal-allokazzjoni ta’ parti mid-dividend diġitali għal użi ġodda bħalma huma servizzi tal-broadband f’żoni rurali u b’mod aktar ġenerali għat-tnaqqis tal-lakuna tal-broadband li toriġina min-nuqqas ta’ disponibilità ta’ dawn is-servizzi.

(12)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni qed tippjana li tadotta fix-xhur li ġejjin Deċiżjoni li tistipula r-rekwiżiti tekniċi armonizzati għall-użu futur tas-subfaxxa 790-862 MHz għan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika ta’ qawwa baxxa u medja. Il-miżura teknika ta’ implimentazzjoni għandha tiġi adottata bl-għajnuna tal-Kumitat tal-Ispettru tar-radju skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Ispettru tar-Radju (2). Il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għandhom jiġu applikati minn Stat Membru biss u meta dak l-Istat Membru jiddeċiedi li jiftaħ il-faxxa għal servizzi apparti x-xandir.

(13)

Biex tħejji din l-armonizzazzjoni teknika, il-Kummissjoni ddiriġiet il-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet tal-Posta u t-Telekomunikazzjoni (KEPT) biex tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tekniċi applikabbli għas-subfaxxa 790-862 MHz li jiġu żviluppati bl-aqwa mod, għal netwerks tal-komunikazzjoni bla wajers fissi u/jew mobbli, iżda li ma jkunux limitati għalihom. B’riżultat ta’ dan, il-KEPT forniet il-Kummissjoni b’bosta rapporti li fihom il-kundizzjonijiet tekniċi l-inqas restrittivi u l-gwida assoċjata, li għandhom jiġu applikati lil stazzjonijiet ta’ bażi u stazzjonijiet terminali li joperaw is-subfaxxa 790-862 MHz, biex jiġi ġestjonat ir-riskju ta’ interferenza ta’ ħsara.

(14)

Minħabba li l-iżvilupp ulterjuri tas-subfaxxa 790-862 MHz għal xandir ta’ qawwa għolja fi Stat Membru wieħed jista’ jwaqqaf b’mod serju l-użu ta’ parti tal-ispettru tad-dividend diġitali għal użi potenzjali ġodda fl-Istati Membri ġirien minħabba l-fatt li s-sinjali ta’ qawwa għolja jivvjaġġaw distanzi twal u jistgħu jikkawżaw interferenza ta’ ħsara, l-Istati Membri, filwaqt li mhumiex obbligati li jneħħu t-trażmettituri tax-xandir ta’ qawwa għolja jew li jiftħu s-subfaxxa għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, għandhom jiffaċilitaw l-organizzazzjoni mill-ġdid fil-futur tas-subfaxxa biex jippermettu, fuq medda twila ta’ żmien, l-aqwa użu mis-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika ta’ qawwa baxxa u medja.

(15)

Għalhekk huwa essenzjali li l-Istati Membri joqgħodu lura milli jintroduċu miżuri nazzjonali li jistgħu jikkompromettu l-implimentazzjoni tal-atti tal-Kmunità li japplikaw l-istess faxxa, partikolarment kwalunkwe miżura ta’ armonizzazzjoni teknika għal servizzi ġodda tal-komunikazzjoni elettronika li għandha tiġi varata fis-subfaxxa 790-862 MHz.

B’ DAN TIRRAKKOMANDA:

1.

Li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li s-servizzi terrestri kollha tax-xandir televiżiv jużaw teknoloġija ta’ trażmissjoni diġitali u jieqfu jużaw teknoloġija ta’ trażmissjoni analogue fit-territorju tagħhom sal-1 ta’ Jannar 2012;

2.

L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw sforzi regolatorji diretti lejn kundizzjonijiet armonizzati ta’ użu fil-Komunità tas-subfaxxa 790-862 MHz għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika apparti minn, u flimkien ma’, servizzi tax-xandir, u joqgħodu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista’ xxekkel jew twaqqaf it-tnedija ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni bħal dawn f’dik is-subfaxxa.

3.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  2008/2099(INI).

(2)  Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1).