29.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 348/53


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Diċembru 2009

li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/473/KE dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea

(2009/1016/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) u (8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Il-protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea, li ġie inizjalizzat fl-20 ta’ Diċembru 2008, ilu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-1 ta’ Jannar 2009, kif miftiehem mill-Partijiet permezz ta’ skambju ta’ ittri approvat bid-Deċiżjoni 2009/4783/KE (1), soġġett għall-konklużjoni tal- Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd (FSS) bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea.

(2)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira l-proposta tagħha għal Regolament tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-FSS fid-dawl tal-avvenimenti traġiċi tat-28 ta’ Settembru 2009, meta forzi tal-Gvern fetħu n-nar fuq folol ta’ protestanti, li rriżultaw f’150 mewta.

(3)

Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi revokata d-Deċiżjoni 2009/473/KE u li tiġi infurmata r-Repubblika tal-Ginea mill-aktar fis possibbli, f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar it-terminazzjoni ta’ din l-applikazzjoni proviżorja f’konformità mal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2009/473/KE dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea hija b’dan revokata.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar persuna/i, awtorizzata/i biex jinnotifikaw lir-Repubblika tal-Ginea, f’konformità mal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, li l-Unjoni Ewropea m’għadx għandha intenzjoni ssir parti għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea li kien inizjalizzat fl-20 ta’ Diċembru 2008. Dik in-notifika għandha ssir fil-forma ta’ ittra.

It-test tal-ittra huwa anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

A. CARLGREN


(1)  ĠU L 156, 19.6.2009, p. 31.


ANNESS

Sinjur,

B'riferiment għall-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea, li ġie inizjalizzat fl-20 ta’ Diċembru 2008, dwar l-applikazzjoni proviżorja tiegħu, kif maqbul mill-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea, permezz ta’ Skambju ta’ Ittri fit-28 ta’ Mejju 2009:

L-Unjoni Ewropea b’dan tinnotifika lir-Repubblika tal-Ginea li, f’konformità mal-Artikolu 25(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, hi m’għadx għandha intenzjoni li ssir parti għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd imsemmi hawn fuq.

Nitolbok taċċetta, Sinjur, l-assigurazzjoni tal-ogħla stima tiegħi.

F’isem l-Unjoni Ewropea,