11.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 325/64


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Diċembru 2009

li tawtorizza lir-Repubblika tas-Slovenja biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 167 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2009/939/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/112/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ir-Repubblika tas-Slovenja (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “is-Slovenja”) ġiet awtorizzata, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/133/KE (2), b’deroga mill-Artikolu 167 tad-Direttiva 2006/112/KE, biex tipposponi l-bidu tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) sal-mument meta din titħallas lill-fornitur ta’ merkanzija jew ta' servizzi, għall-persuni taxxabbli li japplikaw skema fakultattiva skont liema, b’mod konformi mal-Artikolu 66(b) tad-Direttiva msemmija, il-VAT fuq il-konsenji tagħhom ta’ merkanzija u l-provvediment tagħhom ta' servizzi jsiru eżiġibbli meta jkunu rċevew il-ħlas (sistema magħrufa bħala tal-kontabilità skont il-ħlasijiet). Biex jibbenefikaw minn din l-iskema, fir-rigward tas-Slovenja, il-fatturat annwali tagħhom m’għandux ikun iktar minn EUR 208 646.

(2)

Is-Slovenja talbet l-awtorizzazzjoni għal estensjoni ta' din il-miżura partikolari ta' deroga permezz ta’ ittri rreġistrati fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-23 u l-31 ta’ Lulju 2009. Is-Slovenja talbet ukoll biex il-limitu ta' fatturat annwali ta' din is-sistema jiżdied għal EUR 400 000.

(3)

Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, permezz tal-ittra tal-25 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni ttrasmettiet it-talba mressqa mis-Slovenja lill-Istati Membri l-oħra. Permezz tal-ittra tad-29 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni infurmat lis-Slovenja li hi kellha l-informazzjoni kollha li kienet tqis neċessarja sabiex tikknusdra t-talba.

(4)

Is-sistema tal-kontabilità skont il-ħlasijiet hija sistema simplifikata u fakultattiva maħsuba għall-impriżi ż-żgħar li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni tat-taxxa. Din tippermetti lil dawn il-persuni taxxabbli sabiex japplikaw regola sempliċi bbażata fuq id-data ta' ħlas tal-ispejjeż ta’ xiri tagħhom u tal-operazzjonijiet ta’ bejgħ tagħhom, biex jiddeterminaw f'liema punt għandhom, rispettivament, jeżerċitaw id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u jħallsu t-taxxa lill-awtoritajiet tat-taxxi interni. Għalhekk din is-sistema tikkostitwixxi miżura ta' simplifikazzjoni għal dawn il-persuni taxxabbli, li tista', barra minn hekk, toħloq vantaġġ għal-likwidità tagħhom.

(5)

Il-Kummissjoni ppreżentat, fit-28 ta’ Jannar 2009, proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2006/112/KE f'dak li jitrigwarda r-regoli ta’ fatturazzjoni u li tippermetti wkoll lill-Istati Membri li jipposponu l-bidu tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT sal-mument meta din tkun imħallsa lill-fornitur ta’ merkanzija jew ta' servizzi, għall-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar minn limitu li jista' jiġi stabbilit mill-Istati Membri sa EUR 2 000 000 u li jibbenefikaw, konsegwentement, minn sistema fakultattiva li permezz tagħha l-VAT applikabbli fuq it-transazzjonijiet tagħhom issir eżiġibbli biss meta jirċievu l-ħlas.

(6)

Il-miżura partikolari ta’ deroga mitluba ma taffettwax l-ammont tad-dħul tal-VAT miksub miis-Slovenja fil-mument tal-konsum finali u m’għandha l-ebda effett fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni derivati mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 167 tad-Direttiva 2006/112/KE, is-Slovenja hija awtorizzata li tipposponi l-bidu tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-persuni taxxabbli msemmijin fit-tieni paragrafu, sal-mument meta din titħallas lill-fornituri ta’ merkanzija jew ta' servizzi.

Il-persuni taxxabbli kkonċernati għandhom ikunu għażlu sistema li permezz tal-applikazzjoni tagħha l-VAT fuq il-konsenji tagħhom ta’ merkanzija u l-għoti tagħhom ta' servizzi ssir eżiġibbli fil-mument meta jirċievu l-ħlas. Skont din is-sistema, il-fatturat annwali tagħhom m’għandux ikun iktar minn EUR 400 000.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-jum li fih tibda tapplika direttiva li tawtorizza lill-Istati Membri biex jipposponu l-bidu tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT sal-mument meta din titħallas lill-fornitur ta’ merkanzija jew ta' servizzi, għall-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx ċertu limitu u li jibbenefikaw għalhekk minn skema fakultattiva li permezz tal-applikazzjoni tagħha t-taxxa fuq il-konsenji tagħhom ta’ merkanzija u l-għoti tagħhom ta’ servizzi ssir eżiġibbli fil-mument meta jircievu l-ħlas. Fi kwalunkwe każ, din id-Deċiżjoni għandha tkun applikabbli, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 57, 24.2.2007, p. 12.