3.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 260/20


DEĊIŻJONI Nru 922/2009/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 156 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 154 tat-Trattat, biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikoli 14 u 158 tiegħu u biex iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, l-operaturi ekonomiċi u l-komunitajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu jieħdu benefiċċju sħiħ mill-istabbiliment ta’ żona mingħajr fruntieri interni, il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ netwerks trans-Ewropej permezz ta’ azzjonijiet li jippromwovu l-interkonnettività, l-interoperabbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ dawk in-netwerks.

(2)

Il-Kunsill enfasizza fil-konklużjonijiet tiegħu tal-1 ta’ Diċembru 2005 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “i2010 – Soċjetà ta’ Informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi” li linji ta’ politika dwar it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) aktar iffokati, effikaċi u integrati fil-livelli kemm Ewropej kif ukoll nazzjonali huma essenzjali biex jinkisbu l-miri ta’ tkabbir u produttività ekonomika. Il-Kummissjoni kienet mistiedna biex tinkoraġġixxi l-użu effiċjenti tal-ICT fis-servizzi pubbliċi permezz tal-iskambju ta’ esperjenza u l-iżvilupp ta’ metodi komuni dwar kwistjonijiet prinċipali bħall-interoperabbiltà u l-użu effiċjenti ta’ standards miftuħin.

(3)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2006 dwar soċjetà tal-informazzjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjegi (4) il-Parlament Ewropew appella biex issir enfasi fuq il-kwistjonijiet tal-interoperabbiltà u l-aħjar prattiki fis-servizzi elettroniċi tas-settur pubbliku għaċ-ċittadini u n-negozji, bl-għan prinċipali li jiġu ffaċilitati l-moviment liberu u mingħajr xkiel, l-istabbiliment u l-impjieg taċ-ċittadini fl-Istati Membri. Il-Parlament Ewropew ħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-inizjattivi u l-programmi i2010 fir-riforma tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom sabiex jipprovdu servizzi aħjar, aktar effiċjenti u aktar aċċessibbli faċilment lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u liċ-ċittadini tagħhom.

(4)

Fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Manchester tal-24 ta’ Novembru 2005, il-Ministri responsabbli għall-politika tal-ICT ftiehmu, fost l-oħrajn, li jaħdmu flimkien u mal-Kummissjoni biex jikkondividu l-għodod eżistenti, speċifikazzjonijiet, standards u soluzzjonijiet komuni b’mod aktar effettiv u biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp kollaborattiv ta’ soluzzjonijiet, fejn meħtieġ.

(5)

Fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Liżbona tad-19 ta’ Settembru 2007, il-Ministri stiednu lill-Kummissjoni biex, fost oħrajn, tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex tkun iddefinita, żviluppata, implimentata u ssorveljata l-interoperabbiltà transkonfinali u transsettorjali, u ddikjaraw li l-leġiżlazzjoni Komunitarja futura għandha, b’mod partikolari, tantiċipa u tivvaluta l-impatt ta’ dik il-leġiżlazzjoni fuq l-infrastrutturi tal-ICT u fuq it-trasformazzjoni tas-servizz.

(6)

Bl-iżvilupp rapidu tal-ICT, hemm riskju li l-Istati Membri jagħżlu soluzzjonijiet differenti jew inkompatibbli u li jistgħu jfiġġu ostakli elettroniċi ġodda li jfixklu l-funzjonament adatt tas-suq intern u l-libertajiet assoċjati tal-moviment. Dan jista’ jkollu effetti negattivi fuq il-ftuħ u l-kompetittività tas-swieq u fuq it-twassil ta’ xi servizzi ta’ interess ġenerali liċ-ċittadini u lill-impriżi, kemm ekonomiċi kif ukoll mhux ekonomiċi. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jevitaw il-frammentazzjoni tas-suq, jilħqu l-interoperabbiltà u jippromwovu soluzzjonijiet tal-ICT miftiehma b’mod komuni, filwaqt li jiżguraw governanza adatta.

(7)

Iċ-ċittadini u l-intrapriżi jkunu jistgħu wkoll jibbenefikaw minn soluzzjonijiet komuni, riutilizzabbli u interoperabbli u minn proċessi back-office amministrattivi interoperabbli, billi dawk is-soluzzjonijiet u l-proċessi jkunu jistgħu jippromwovu t-twassil transkonfinali u transsettorjali effiċjenti u effettiv ta’ servizzi pubbliċi liċ-ċittadini u lin-negozji.

(8)

Huma meħtieġa sforzi kontinwi biex ikunu żgurati l-interoperabbiltà transkonfinali u transsettorjali, l-iskambju tal-esperjenza, l-istabbiliment u ż-żamma ta’ metodi, speċifikazzjonijiet, standards u soluzzjonijiet komuni u kondiviżi u l-ivvalutar tal-implikazzjonijiet tal-ICT tal-leġiżlazzjoni Komunitarja bil-ħsieb li jkunu appoġġjati interazzjonijiet transkonfinali effiċjenti u effikaċi, fost l-oħrajn, fl-implimentazzjoni ta’ dik il-leġiżlazzjoni, filwaqt li jitnaqqsu l-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi.

(9)

Biex jingħelbu dawn l-isfidi, tali sforzi għandhom isiru permezz ta’ kooperazzjoni stretta, koordinazzjoni u djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, b’interazzjoni stretta mas-setturi responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni Ewropea u, fejn adatt, ma’ partijiet interessati, oħra, filwaqt li jiġu debitament ikkunsidrati l-prijoritajiet u d-diversità lingwistika tal-Unjoni Ewropea u l-iżvilupp ta’ approċċi komuni dwar kwistjonijiet ewlenin bħalma huma l-interoperabbiltà u l-użu effikaċi ta’ standards miftuħin.

(10)

Is-servizzi infrastrutturali għandhom jinżammu u jiġu operati b’mod sostenibbli f’konformità mad-Deċiżjoni 2004/387/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar it-twassil interoperabbli ta’ servizzi ta’ eGovernment pan-Ewropej lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini (IDABC) (5), li teħtieġ li l-Kummissjoni tiddefinixxi mekkaniżmi biex tiżgura s-sostenibbiltà finanzjarja u operattiva tas-servizzi infrastrutturali. Dawn is-servizzi infrastrutturali ġew miftiehma mal-Istati Membri waqt l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar serje ta’ linji gwida, inkluża l-identifikazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni, għal networks trans-Ewropej għall-iskambju reċiproku elettroniku ta’ tagħrif bejn l-amministrazzjonijiet (IDA) (6) u d-Deċiżjoni Nru 1720/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 1999 li tadotta serje ta’ azzjonijiet u miżuri biex tiżgura l-interoperabbiltà ta’ u l-aċċess għan-networks trans-Ewropej għall-iskambju reċiproku elettroniku ta’ tagħrif bejn l-amministrazzjonijiet (IDA) (7) u waqt l-implimentazzjoni tal-IDABC u programmi rilevanti oħrajn.

(11)

Il-programm IDABC jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2009 u għandu jkun segwit minn programm Komunitarju dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (il-programm ISA) li jegħleb l-isfidi msemmija hawn fuq.

(12)

Il-programm ISA għandu jkun ibbażat fuq l-esperjenza miksuba mill-programmi IDA u IDABC. Il-konklużjonijiet misluta mill-evalwazzjonijiet tal-programm IDABC, li jindirizzaw ir-rilevanza, l-effiċjenza, l-effikaċja, l-utilità u l-koerenza ta’ dak il-programm, għandhom jitqiesu wkoll. Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll lill-ħtiġijiet espressi mill-utenti. Intwera li metodu kkoordinat, permezz ta’ soluzzjonijiet komuni u kondiviżi stabbiliti u operati f’koperazzjoni mal-Istati Membri, jista’ jikkontribwixxi biex jagħti riżultati aktar malajr u ta’ kwalità ogħla u biex jintlaħqu r-rekwiżiti amministrattivi.. L-attivitajiet taħt il-programmi IDA u IDABC diġà taw kontributi importanti biex tkun żgurata l-interoperabbiltà b’appoġġ għall-iskambju elettroniku tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, b’effetti pożittivi li jkollhom riperkussjonijiet fuq is-suq uniku, u qed ikomplu jagħmlu dan.

(13)

Sabiex tkun evitata l-frammentazzjoni u biex ikun żgurat metodu ħolistiku, għandhom jiġu debitament meqjusa l-Istrateġija Ewropea dwar l-Interoperabbiltà u l-Qafas Ewropew dwar l-Interoperabbiltà meta jkunu stabbiliti l-prijoritajiet għall-programm ISA.

(14)

Is-soluzzjonijiet stabbiliti jew operati taħt il-programm ISA għandhom ikunu mmexxija mid-domanda u, sa fejn huwa possibbli, jifformaw parti minn ekosistema konsistenti ta’ servizzi li jiffaċilitaw l-interazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u jiżguraw, jiffaċilitaw jew jippermettu l-interoperabbiltà transkonfinali u transsettorjali.

(15)

Il-programm ISA għandu jiżgura d-disponibbiltà ta’ oqfsa komuni, servizzi komuni u għodod ġeneriċi b’appoġġ għall-interazzjoni transkonfinali u transsettorjali bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u jappoġġja setturi fl-ivvalutar tal-implikazzjonijiet tal-ICT tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u fl-ippjanar tal-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet rilevanti.

(16)

L-oqfsa komuni għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, speċifikazzjonijiet komuni, linji gwida u metodoloġiji u strateġiji komuni. Dawn l-oqfsa għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti.

(17)

Waqt li jkunu żgurati l-operat u t-titjib tas-servizzi komuni eżistenti stabbiliti taħt il-programmi IDA u IDABC u taħt inizjattivi simili, il-programm ISA għandu jappoġġja l-istabbiliment, l-industrijalizzazzjoni, l-operat u t-titjib ta’ servizzi komuni ġodda b’rispons għal ħtiġijiet u rekwiżiti ġodda.

(18)

Minħabba fil-kompitu tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali li jiżguraw il-funzjonament u l-interoperabbiltà effettivi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, huwa importanti li s-soluzzjonijiet iqisu l-ħtiġijiet tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali.

(19)

Waqt li jiżgura t-titjib ta’ għodod ġeneriċi riutilizzabbli eżistenti stabbiliti taħt il-programmi IDA u IDABC u taħt inzijattivi simili oħrajn, il-programm ISA għandu jappoġġja l-istabbiliment, it-twassil u t-titjib ta’ għodod ġeneriċi riutilizzabbli ġodda b’risposta għal ħtiġijiet jew rekwiżiti ġodda, inklużi dawk determinati permezz tal-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-ICT tal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

(20)

Fl-istabbiliment, it-titjib jew l-operat ta’ soluzzjonijiet komuni l-programm ISA għandu, fejn adatt, jibni fuq jew ikun akkumpanjat mill-qsim ta’ esperjenza u soluzzjonijiet u l-iskambju u l-promozzjoni ta’ prattiki tajbin. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu promossi l-konformità mal-Qafas Ewropew dwar l-Interoperabbiltà u standards u speċifikazzjonijiet miftuħa.

(21)

Is-soluzzjonijiet stabbiliti jew operati taħt il-programm ISA għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju tan-newtralità u l-adattabbiltà teknoloġika bil-ħsieb li jkun żgurat ukoll li ċ-ċittadini, l-impriżi u l-amministrazzjonijiet ikunu ħielsa li jagħżlu t-teknoloġija li għandha tintuża.

(22)

Il-prinċipji tas-sigurtà, il-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali għandhom ikunu applikati fl-attivitajiet kollha koperti mill-programm ISA.

(23)

Waqt li għandu jkun imħeġġeġ l-involviment tal-Istati Membri kollha f’azzjonijiet taħt il-programm ISA, għandhom ikunu possibbli azzjonijiet minn għadd ta’ Stati Membri. L-Istati Membri mhux involuti f’dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu mħeġġa li jingħaqdu fi stadju aktar tard.

(24)

Il-programm ISA għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe inizjattiva ta’ segwitu tal-i2010 u, sabiex tkun evitata kull duplikazzjoni tal-isforzi, għandu jikkunsidra programmi Komunitarji oħrajn fil-qasam tal-ICT, b’mod partikolari l-Programm ta’ Appoġġ għall-Politika tal-ICT tal-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) kif previst fid-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(25)

L-interazzjoni mas-settur privat u entitajiet oħra diġà tat prova tal-effiċjenza u l-valur miżjud tagħha. Għaldaqstant, għandhom jinħolqu sinerġiji ma’ dawn il-partijiet interessati biex, fejn jixraq, tingħata prijorità lil soluzzjonijiet disponibbli fis-suq u sostnuti minnu. F’dan il-kuntest, il-prattika eżistenti tal-organizzazzjoni ta’ konferenzi, workshops, u laqgħat oħra sabiex dak li jkun jitħallat ma’ dawn il-partijiet interessati għandha titkompla. Għandu jkompli jiġi promoss ukoll l-użu kontinwat tal-pjattaformi elettroniċi. Bl-istess mod, għandu jkun utilizzat kwalunkwe mezz xieraq ieħor biex jinżamm il-kuntatt ma’ dawn il-partijiet interessati.

(26)

Il-programm ISA għandu jkun implimentat skont ir-regoli Komunitarji tal-akkwist pubbliku.

(27)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (9).

(28)

Il-programm ISA għandu jkun sorveljat u evalwat regolarment sabiex jippermetti li jsiru riaġġustamenti.

(29)

Għandha tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni internazzjonali u f’dan ir-rigward il-programm ISA għandu wkoll ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni mill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi kandidati. Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħrajn u ma’ organizzazzjonijiet jew korpi internazzjonali għandha wkoll tkun imħeġġa, b’mod partikolari fil-qafas tas-Sħubija Ewro-Mediterranja u tas-Sħubija tal-Lvant u mal-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari dawk tal-Balkani tal-Punent u tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed.

(30)

Il-possibbiltà tal-użu tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni biex tkun iffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi kandidati fil-programm ISA u tal-kofinanzjament mill-Fondi Strutturali u l-utenti għall-użu ta’ oqfsa komuni u għodod ġeneriċi stabbiliti jew imtejba bil-programm ISA għandha tiġi mistħarrġa aktar fil-fond.

(31)

Sabiex tkun żgurata t-tmexxija b’saħħitha tar-riżorsi finanzjarji tal-Komunità u biex ikunu evitati l-proliferazzjoni bla bżonn ta’ tagħmir, ir-ripetizzjoni ta’ investigazzjonijiet u metodi diverġenti, għandu jkun possibbli li jintużaw soluzzjonijiet stabbiliti jew operati mill-programm ISA f’inizjattivi mhux Komunitarji, bil-kondizzjoni li ma jkun hemm l-ebda spiża għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, u l-għan Komunitarju ewlieni tas-soluzzjoni ma jiġix kompromess.

(32)

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi għall-programm pluriennali pakkett finanzjarju li għandu jikkostitwixxi r-referenza primarja, skont it-tifsira tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (10), għall-awtorità baġitarja matul il-proċedura baġitarja annwali. Dan il-pakkett għandu jkopri wkoll in-nefqa relatata ma’ miżuri preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ verifika u ta’ evalwazzjoni meħtieġa direttament għall-ġestjoni tal-programm u biex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu, u b’mod partikolari studji, laqgħat ta’ esperti, miżuri ta’ informazzjoni u pubblikazzjoni, spejjeż relatati ma’ sistemi u netwerks tal-ICT għall-iskambju u l-ipproċessar ta’ informazzjoni, flimkien ma’ spejjeż ta’ għajnuna teknika u amministrattiva li l-Kummissjoni jista’ jkollha għall-ġestjoni tal-programm.

(33)

Ladarba l-għan ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tiffaċilita l-interazzjoni transkonfinali u transsettorjali elettronika effiċjenti u effettiva bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej li tippermetti t-twassil ta’ servizzi pubbliċi elettroniċi li jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ linji ta’ politika u attivitajiet Komunitarji, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba r-raġuni ta’ skala u effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lilhinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett u għan

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għall-perijodu 2010-2015, programm dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, inklużi l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali u l-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji, li jforni soluzzjonijiet komuni u kondiviżi li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà (il-programm ISA).

2.   L-għan tal-programm ISA huwa li jappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej billi jiffaċilita l-interazzjoni transkonfinali u transsettorjali elettronika effiċjenti u effettiva bejn dawn l-amministrazzjonijiet, inklużi l-korpi li jwettqu funzjonijiet pubbliċi f’isimhom, li tippermetti t-twassil ta’ servizzi pubbliċi elettroniċi li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-linji ta’ politika u l-attivitajiet Komunitarji.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

“interoperabbiltà” tfisser il-kapaċità ta’ organizzazzjonijiet dispari u diversi li jinteraġixxu lejn miri komuni miftiehma u ta’ benefiċċju reċiproku, li jinvolvu l-qsim ta’ informazzjoni u għarfien bejn l-organizzazzjonijiet, permezz tal-proċessi tan-negozju li huma jappoġġjaw, bl-użu tal-iskambju ta’ data bejn is-sistemi tal-ICT rispettivi tagħhom;

(b)

“soluzzjonijiet” tfisser oqfsa komuni, servizzi komuni u għodod ġeneriċi;

(c)

“oqfsa komuni” tfisser strateġiji, speċifikazzjonijiet, linji gwida u metodi u dokumenti simili;

(d)

“servizzi komuni” tfisser applikazzjonijiet operattivi u infrastrutturi ta’ natura ġenerika li jissodisfaw rekwiżiti tal-utent komuni fil-firxa tal-oqsma ta’ politika;

(e)

“għodod ġeneriċi” tfisser pjattaformi ta’ referenza, pjattaformi kondiviżi u kollaborattivi, komponenti komuni u elementi bażiċi simili li jilħqu r-rekwiżiti tal-utent komuni fil-firxa tal-oqsma ta’ politika;

(f)

“azzjonijiet” tfisser studji, proġetti u miżuri ta’ akkumpanjament;

(g)

“miżuri ta’ akkumpanjament” tfisser miżuri strateġiċi u ta’ sensibilizzazzjoni, miżuri li jappoġġjaw il-ġestjoni tal-programm ISA u miżuri relatati mal-qsim ta’ esperjenza u mal-iskambju u l-promozzjoni ta’ prattiki tajba.

Artikolu 3

Attivitajiet

Il-programm ISA għandu jappoġġja u jippromwovi:

(a)

l-istabbiliment u t-titjib ta’ oqfsa komuni li jappoġġjaw l-interoperabbiltà transkonfinali u transsettorjali;

(b)

il-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-ICT ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja proposta jew adottata u l-ippjanar għall-introduzzjoni ta’ sistemi tal-ICT biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħal din;

(c)

l-operat u t-titjib ta’ servizzi komuni eżistenti u l-istabbiliment, l-industrijalizzazzjoni, l-operat u t-titjib ta’ servizzi komuni ġodda, inkluża l-interoperabbiltà ta’ infrastrutturi public key (Public Key Infrastructures, PKI);

(d)

it-titjib ta’ għodod ġeneriċi riutilizzabbli eżistenti u l-istabbiliment, it-twassil u t-titjib ta’ għodod ġeneriċi riutilizzabbli ġodda.

Artikolu 4

Prinċipji ġenerali

L-azzjonijiet imnedija jew li jitkomplew taħt il-programm ISA għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji li ġejjin:

(a)

in-newtralità u l-adattabbiltà teknoloġika;

(b)

il-ftuħ;

(c)

l-użu mill-ġdid;

(d)

il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali; u

(e)

is-sigurtà.

Artikolu 5

Azzjonijiet

1.   Il-Komunità għandha, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, timplimenta l-azzjonijiet speċifikati fil-programm ta’ ħidma li jkompli fserje ta’ stadji stabbilit fl-Artikolu 9, skont ir-regoli ta’ implimentazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 8. Azzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu implimentati mill-Kummissjoni.

2.   Studju għandu jkollu fażi waħda u jiġi konkluż bir-rapport finali.

3.   Proġett għandu, fejn xieraq, ikollu tliet fażijiet:

(a)

il-fażi tal-bidu, li twassal għall-istabbiliment tad-dokument tal-proġett;

(b)

il-fażi tat-twettiq, li tmiemha għandu jkun immarkat b’rapport tat-twettiq; u

(c)

il-fażi operattiva, li tibda meta ssir disponibbli soluzzjoni għall-użu.

Il-fażijiet rilevanti tal-proġett għandhom ikunu ddefiniti meta l-azzjoni tkun inkluża fil-programm ta’ ħidma li jkompli f’serje ta’ stadji.

4.   L-impliemtazzjoni tal-programm ISA għandha tkun appoġġjata minn miżuri ta’ akkumpanjament.

Artikolu 6

Dokument tal-proġett u rapport ta’ eżekuzzjoni

1.   Id-dokument tal-proġett għandu jinkludi deskrizzjoni ta’:

(a)

il-kamp ta’ applikazzjoni, l-għanijiet u l-problema jew l-opportunità, inklużi l-benefiċjarji u l-benefiċċji mistennija ta’ soluzzjoni u l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi biex jitkejlu benefiċċji bħal dawn;

(b)

il-metodu, inklużi l-aspetti organizzattivi tal-proġett, bħal fażijiet, l-ammonti ta’ produzzjoni u stadji sinifikanti, u miżuri biex tkun iffaċilitata l-komunikazzjoni multilingwi;

(c)

il-partijiet interessati u l-utenti, u l-istruttura ta’ governanza relatata;

(d)

dettalji tas-soluzzjoni, inklużi l-koerenza u d-dipendenzi tagħha fir-rigward ta’ soluzzjonijiet oħrajn, tqassim tal-ispejjeż antiċipati, l-iskedar u r-rekwiżiti u stima tal-ispejjeż totali tad-dritt ta’ proprjetà, inklużi l-ispejjeż operattivi annwali;

(e)

il-karatteristiċi tas-soluzzjoni; u

(f)

il-limiti, inklużi r-rekwiżiti ta’ sigurtà u ta’ protezzjoni tad-data.

2.   Ir-rapport ta’ eżekuzzjoni għandu jinkludi deskrizzjoni ta’:

(a)

il-kamp ta’ applikazzjoni, l-għanijiet u l-problema jew opportunità mkejlin skont id-dokument tal-proġett;

(b)

l-effikaċja tal-proġett, inkluż il-kejl tal-kisbiet, spejjeż li jsiru, skedar reali u rekwiżiti skont id-dokument tal-proġett, analiżi tad-dħul mistenni fuq l-investiment u l-ispejjeż totali tad-dritt ta’ proprjetà, inklużi l-ispejjeż operattivi annwali;

(c)

aspetti organizzattivi, inkluża l-adattabbiltà tal-istruttura ta’ governanza applikata u, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet dwar struttura ta’ governanza ta’ wara t-twettiq;

(d)

fejn xieraq, il-pjan propost għall-introduzzjoni tas-soluzzjoni għall-fażi operattiva u l-indikaturi tal-livell tas-servizz; u

(e)

l-utent finali u l-materjal ta’ għajnuna teknika disponibbli.

Artikolu 7

Soluzzjonijiet

1.   Għandhom ikunu stabbiliti u miżmumin oqfsa komuni permezz ta’ studji.

L-istudji għandhom iservu wkoll bħala mezz ta’ appoġġ tal-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-ICT tal-leġiżlazzjoni Komunitarja proposta jew adottata u l-ippjanar għall-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet li jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħal din.

2.   L-istudji għandhom jiġu ppubblikati u ppreżentati lill-kumitati tal-Parlament Ewropew responsabbli bħala bażi għal kwalunkwe emenda leġiżlattiva fil-futur biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-sistemi ICT mill-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej.

3.   Għandhom ikunu stabbiliti u miżmumin għodod ġeneriċi permezz ta’ proġetti. Il-proġetti għandhom ikunu wkoll mezz kif ikunu stabbiliti, industrijalizzati, operati u miżmumin servizzi komuni.

Artikolu 8

Regoli ta’ implimentazzjoni

1.   Fl-implimentazzjoni tal-programm ISA għandhom jiġu debitament meqjusal-Istrateġija Ewropea għall-Interoperabbiltà u l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà.

2.   Għandu jiġi mħeġġeġ l-involviment tal-akbar numru possibbli ta’ Stati Membri fi studju jew fi proġett. L-istudju jew il-proġett għandu jkun miftuħ għall-aċċess f’kull stadju, u l-Istati Membri li ma jkunux involuti f’xi studju jew proġett għandhom jiġu inkoraġġiti jissieħbu fi stadju aktar tard.

3.   Sabiex tkun żgurata l-interoperabbiltà bejn is-sistemi nazzjonali u dawk tal-Komunità, għandhom jiġu speċifikati oqfsa komuni, servizzi komuni u għodod ġeneriċi b’referenza għall-istandards Ewropej eżistenti jew speċifikazzjonijiet li huma jew disponibbli b’mod pubbliku jew miftuħa għall-iskambju tal-informazzjoni u l-integrazzjoni tas-servizzi.

4.   L-istabbiliment jew it-titjib ta’ soluzzjonijiet għandu, fejn xieraq, jibni fuq jew ikun akkumpanjat mill-qsim tal-esperjenza u mill-iskambju u l-promozzjoni tal-aħjar prattika.

5.   Sabiex tkun evitata d-duplikazzjoni u jitħaffef l-istabbiliment tas-soluzzjonijiet, ir-riżultati miksuba permezz ta’ inizjattivi rilevanti oħra tal-Komunità jew tal-Istati Membri għandhom ikunu kkunsidrati, fejn xieraq.

Sabiex ikunu massimizzati s-sinerġiji u jkunu żgurati sforzi komplementarji u kkombinati, l-azzjonijiet għandhom, fejn xieraq, ikunu kkordinati ma’ inizjattivi Komuniatarji oħra.

6.   Il-bidu tal-azzjonijiet, id-definizzjoni tal-fażijiet ta’ dawn l-azzjonijiet u l-istabbiliment tad-dokumenti tal-proġetti u tar-rapporti ta’ eżekuzzjoni għandhom jitwettqu u jkunu sorveljati mill-Kummissjoni bħala parti mill-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma li jkompli f’serje ta’ stadji stabbilit skont l-Artikolu 9.

Artikolu 9

Programm ta’ ħidma li jkompli f’serje ta’ stadji

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm ta’ ħidma li jkompli fserje ta’ stadji biex timplimenta l-azzjonijiet, għall-perijodu kollu tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tapprova l-programm ta’ ħidma li jkompli f’serje ta’ stadji u, tal-inqas darba fis-sena, kwalunkwe emenda għalih.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(4), il-proċedura tal-amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) għandha tapplika fir-rigward tal-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-programm ta’ ħidma li jkompli f’serje ta’ stadji u kwalunkwe emenda għalih.

4.   Għal kull azzjoni, il-programm ta’ ħidma li jkompli f’serje ta’ stadji għandu, fejn xieraq, jinkludi:

(a)

deskrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni, l-għanijiet, il-problema jew l-opportunità, il-benefiċjarji u l-benefiċċji mistennija u l-metodu organizzattiv u tekniku;

(b)

diviżjoni tal-ispejjeż antiċipati u, fejn xieraq, il-punti tal-wasla li jridu jintlaħqu.

5.   Proġett jista’ jkun inkluż fil-programm ta’ ħidma li jkompli f’serje ta’ stadji fi kwalunkwe waħda mill-fażijiet tiegħu.

Artikolu 10

Dispożizzjonijiet baġitarji

1.   Il-fondi għandhom ikunu rilaxxati fuq il-bażi li jinkisbu l-objettivi intermedji speċifiċi li ġejjin:

(a)

għall-bidu ta’ studju, miżura ta’ akkumpanjament jew il-fażi tal-bidu ta’ proġett, l-inklużjoni tal-azzjoni fil-programm ta’ ħidma li jkompli f’serje ta’ stadji;

(b)

għall-bidu tal-fażi tal-eżekuzzjoni ta’ proġett, id-dokument tal-proġett;

(c)

għall-bidu tal-fażi operattiva sussegwenti ta’ proġett, ir-rapport tal-eżekuzzjoni.

2.   L-objettivi intermedji li għandhom jintlaħqu waqt il-fażi tal-eżekuzzjoni u waqt il-fażi operattiva, jekk ikun hemm, għandhom jiġu ddefiniti fil-programm ta’ ħidma li jkompli f’serje ta’ stadji.

3.   Meta proġett ikun inkluż fil-programm ta’ ħidma li jkompli f’serje ta’ stadji fil-fażi tal-eżekuzzjoni jew operattiva tiegħu, il-fondi għandhom jiġu rilaxxati mal-inklużjoni ta’ dak il-proġett fil-programm ta’ ħidma li jkompli f’serje ta’ stadji.

4.   L-emendi għall-programm ta’ ħidma li jkompli f’serje ta’ stadji li jikkonċernaw l-allokazzjonijiet baġitarji ta’ aktar minn EUR 400 000 għal kull azzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(2).

5.   Il-programm ISA għandu jkun implimentat skont ir-regoli Komunitarji tal-akkwist pubbliku.

Artikolu 11

Kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja

1.   L-istabbiliment u t-titjib ta’ oqfsa komuni u għodod ġeneriċi għandhom ikunu ffinanzjati b’mod sħiħ mill-programm ISA. L-użu ta’ oqfsa u għodod bħal dawn għandu jkun iffinanzjat mill-utenti.

2.   L-istabbiliment, l-industrijalizzazzjoni u t-titjib ta’ servizzi komuni għandhom ikunu ffinanzjati b’mod sħiħ mill-programm ISA. L-operat ta’ servizzi bħal dawn għandu jkun iffinanzjat b’mod sħiħ mill-programm ISA sakemm l-użu tagħhom iservi l-interessi Komunitarji. F’każijiet oħrajn, l-użu ta’ dawk is-servizzi, inkluż l-operat tagħhom fuq bażi deċentralizzata, għandu jiġi ffinanzjat mill-utenti.

3.   Il-miżuri ta’ akkumpanjament għandhom ikunu ffinanzjati b’mod sħiħ mill-programm ISA.

Artikolu 12

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar Soluzzjonijiet ta’ Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej (il-Kumitat tal-ISA).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

3.   Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat għal wieħed ta’ tliet xhur.

Artikolu 13

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja regolarment l-implimentazzjoni tal-programm ISA. Hija għandha tesplora s-sinerġiji ma’ programmi Komunitarji komplementari.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta annwalment lill-Kumitat tal-ISA dwar l-implimentazzjoni tal-programm ISA.

2.   Is-soluzzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni kull sentejn.

3.   Il-programm ISA għandu jkun soġġett għal evalwazzjoni interim u evalwazzjoni finali, u r-riżultati tagħhom għandhom ikunu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2012 u l-31 ta’ Diċembru 2015 rispettivament. F’dan il-kuntest, il-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni u twieġeb mistoqsijiet li jsirulha mill-membri tagħha.

L-evalwazzjonijiet għandhom jeżaminaw kwistjonijiet bħar-rilevanza, l-effikaċja, l-effiċjenza, l-utilità, is-sostenibbiltà u l-koerenza tal-azzjonijiet tal-programm ISA u għandhom jivvalutaw il-prestazzjoni f’relazzjoni mal-għan tal-programm ISA u l-programm ta’ ħidma li jkompli f’serje ta’ stadji. L-evalwazzjoni finali għandha, barra minn hekk, teżamina sa fejn il-programm ISA laħaq l-għan tiegħu.

L-evalwazzjonijiet għandhom jeżaminaw ukoll il-benefiċċji tal-azzjonijiet lill-Komunità għall-avvanz tal-linji ta’ politika komuni, jidentifikaw oqsma għal titjib potenzjali u jivverifikaw sinerġiji ma’ inizjattivi Komunitarji oħrajn fil-qasam tal-interoperabbiltà transkonfinali u transsettorjali.

Artikolu 14

Interazzjoni mal-partijiet interessati

Il-Kummissjoni għandha tlaqqa’ lill-partijiet interessati rilevanti bil-għan li jkun hemm skambju ta’ opinjonijiet bejniethom u mal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet indirizzati mill-programm ISA. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha torganizza konferenzi, workshops u laqgħat oħra. Il-Kummissjoni għandha wkoll tagħmel użu minn pjattaformi interattivi elettroniċi u tista’ tuża kwalunkwe mezz ieħor għall-interazzjoni li tqis li jkun xieraq.

Artikolu 15

Kooperazzjoni internazzjonali

1.   Il-programm ISA għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni, fil-qafas tal-ftehimiet rispettivi tagħhom mal-Komunità, mill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi kandidati.

2.   Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħrajn u ma’ organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali għandha tkun imħeġġa, b’mod partikolari fil-qafas tas-Sħubija Ewro-Mediterranja u u tas-Sħubija tal-Lvant u mal-pajjiżi ġirien, b’mod partikolari dawk tal-Balkani tal-Punent u tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed. L-ipejjeż relatati m’għandhomx ikunu koperti mill-programm ISA.

3.   Il-programm ISA għandu jippromwovi, fejn xieraq, l-użu mill-ġdid tas-soluzzjonijiet tiegħu minn pajjiżi terzi.

Artikolu 16

Inizjattivi mhux Komunitarji

Mingħajr ħsara għal politiki Komunitarji oħrajn, is-soluzzjonijiet stabbiliti jew operati mill-programm ISA jistgħu jintużaw minn inizjattivi mhux Komunitarji, bil-kondizzjoni li ma jkun hemm l-ebda spejjeż żejda għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u l-għan Komunitarju prinċipali tas-soluzzjoni ma jiġix kompromess.

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-azzjoni Komunitarja taħt din id-Deċiżjoni għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2015 għandu jkun stabbilit għal EUR 164 100 000, li minnhom EUR 103 500 000 huma għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Għall-perijodu wara l-31 ta’ Diċembru 2013, l-ammont għandu jitqies ikkonfermat jekk ikun konsistenti għal din il-fażi mal-qafas finanzjarju fis-seħħ għall-perijodu li jibda fl-2014.

2.   L-approprijazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2015.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  L-Opinjoni tal-25 ta’ Frar 2009 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 200, 25.8.2009, p. 58.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ April 2009 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2009.

(4)  ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 133.

(5)  ĠU L 144, 30.4.2004, p. 62 (Deċiżjoni li tinsab fil-ĠU L 181, 18.5.2004, p. 25).

(6)  ĠU L 203, 3.8.1999, p. 1.

(7)  ĠU L 203, 3.8.1999, p. 9.

(8)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.

(9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(10)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.