10.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/20


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/917/ĠAI

tat-30 ta’ Novembru 2009

dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet doganali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 30(1)(a) u l-Artikolu 34(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Franċiża,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-amministrazzjonijiet doganali huma responsabbli, flimkien ma’ awtoritajiet kompetenti oħra, fil-fruntieri esterni tal-Komunità u ġewwa t-territorju tagħha, għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati mhux biss kontra r-regoli Komunitarji, iżda wkoll kontra l-liġijiet nazzjonali.

(2)

Ix-xejra li qed tiżviluppa lejn traffikar illegali ta’ kull tip tikkostitwixxi theddida serja għas-saħħa, il-moralità u s-sigurtà pubbliċi.

(3)

Huwa neċessarju li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali, billi jiġu stabbiliti proċeduri li taħthom l-amministrazzjonijiet doganali jkunu jistgħu jaġixxu konġuntament u jiskambjaw data personali u data oħra dwar attivitajiet ta’ traffikar illegali, bl-użu ta’ teknoloġija ġdida għall-ġestjoni u t-trasmissjoni ta’ tali informazzjoni, b’kont meħud tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (2) u l-prinċipji li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tas-17 ta’ Settembru 1987 li tirregola l-użu tad-data personali fis-settur tal-pulizija (minn issa msejjħa “r-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15”).

(4)

Hu wkoll neċessarju li tissaħħaħ il-komplementarjetà mal-azzjonijiet fil-kuntest tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) u l-Unità ta’ Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni (Eurojust), billi dawn il-korpi jingħataw aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, inkluż il-bażi ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali, sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom fil-mandat tagħhom.

(5)

L-aċċess permezz tal-qari għas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għandu jippermetti lill-Europol jagħmel verifika reċiproka tal-informazzjoni miksuba b’mezzi oħrajn mal-informazzjoni disponibbli f’dawk il-bażijiet ta’ data, li jidentifika rabtiet ġodda li sa issa ma kinux identifikabbli u għalhekk li jipproduċi analiżi aktar komprensiva. L-aċċess permezz tal-qari għall-bażi ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali għandu jippermetti lill-Europol li jiskopri konnessjonijiet bejn każijiet ta’ investigazzjonijiet kriminali, li sa issa ma kinux magħrufa mill-Europol u li għandhom dimensjoni ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea.

(6)

L-aċċess permezz tal-qari għas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għandu jippermetti lill-Europol sabiex jikseb informazzjoni immedjata meħtieġa għal ħarsa ġenerali inizjali preċiża li tippermetti li jiġu identifikati u megħluba l-ostakli legali u li jinkisbu riżultati aħjar fil-prosekuzzjoni. L-aċċess permezz tal-qari għall-bażi ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali jippermetti lill-Europol jirċievi informazzjoni dwar investigazzjonijiet li jkunu għaddejja u dawk konklużi fi Stati Membri differenti u għalhekk li jittejjeb l-appoġġ tal-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri.

(7)

Peress li l-amministrazzjonijiet doganali jridu jimplimentaw id-dispożizzjonijiet kemm Komunitarji kif ukoll non-Komunitarji fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum, hemm meħtieġ li jkun żgurat li d-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza reċiproka u l-kooperazzjoni amministrattiva jevolvu parallelament. Għaldaqstant għandu jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet rigward is-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali u tal-bażi ta’ data għall-identifikazzjoni ta’ fajls doganali fir-Regolament (KE) Nru 766/2008 (3).

(8)

L-Istati Membri jirrikonoxxu l-vantaġġ li l-użu sħiħ tal-bażi ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali ser jipprovdi għall-koordinazzjoni u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kriminalità tarsnkonfini u għalhekk jimpenjaw ruħhom li jdaħħlu d-data f’dik il-bażi ta’ data sal-akbar livell possibbli.

(9)

L-esperjenza miksuba sa mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet doganali (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Konvenzjoni SID”) (4) uriet li l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali esklussivament għall-finijiet ta’ lemħa u ta’ rappurtar, ta’ sorveljanza diskreta jew ta’ kontrolli speċifiċi ma jippermettix li jinkiseb interament l-objettiv tas-sistema, li hu li tassisti fil-prevenzjoni, fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ ksur gravi tal-liġijiet nazzjonali.

(10)

Analiżi strateġika għandha tgħin lil dawk responsabbli fl-ogħla livell biex jiddeterminaw il-proġetti, l-objettivi u l-linji ta’ politika għall-ġlieda kontra l-frodi, biex ifasslu l-attivitajiet u japplikaw ir-riżorsi meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi operattivi stabbiliti.

(11)

Analiżi operattiva tal-attivitajiet, ir-riżorsi u l-intenzjonijiet ta’ ċerti persuni jew negozji li ma jikkonformawx jew li jidhru li ma jikkonformawx mal-liġijiet nazzjonali għandha tgħin lill-awtoritajiet doganali biex jieħdu l-miżuri adatti f’każijiet speċifiċi biex jinkisbu l-objettivi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi.

(12)

Għaldaqstant il-Konvenzjoni SID għandha tiġi sostitwita.

(13)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(14)

Din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ma żżommx lill-Istati Membri milli japplikaw ir-regoli kostituzzjonali tagħhom fir-rigward tal-aċċess pubbliku għal dokumenti uffiċjali,

IDDEĊIDA KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

STABBILIMENT TA’ SISTEMA TA’ INFORMAZZJONI DOGANALI

Artikolu 1

1.   Sistema ta’ informazzjoni konġunta u awtomatika għal skopijiet doganali (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Sistema ta’ Informazzjoni Doganali” jew “is-Sistema”) hija b’dan stabbilita.

2.   L-objettiv tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, skont din id-Deċiżjoni, għandu jkun li tassisti fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ ksur serju tal-liġijiet nazzjonali billi tagħmel id-data disponibbli iktar rapidament, u b’hekk isaħħaħ l-effettività tal-proċeduri ta’ koperazzjoni u ta’ kontroll tal-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri.

KAPITOLU II

DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:

1.

“liġijiet nazzjonali” tfisser il-liġijiet jew ir-regolamenti ta’ Stat Membru, li l-applikazzjoni tagħhom taqa’ interament jew parzjalment taħt il-kompetenza tal-amministrazzjoni doganali ta’ dak l-Istat Membru, fir-rigward ta’:

(a)

il-moviment ta’ merkanzija soġġett għal miżuri ta’ projbizzjoni, restrizzjoni jew kontroll, b’mod partikolari dawk il-miżuri koperti bl-Artikoli 30 u 296 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (“it-Trattat tal-KE”);

(b)

miżuri biex jikkontrollaw il-movimenti ta’ flus kontanti fil-Komunità, fejn tali miżuri huma skont l-Artikolu 58 tat-Trattat tal-KE;

(c)

it-trasferiment, il-konverżjoni, id-dissimulazzjoni jew it-travestiment tal-beni jew tar-rikavat akkwistat jew miksub direttament jew indirettament permezz ta’ traffiku internazzjonali illegali ta’ droga jew bi ksur ta’:

(i)

il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru li l-applikazzjoni tagħhom taqa’ interament jew parzjalment taħt il-kompetenza tal-amministrazzjoni doganali ta’ dak l-Istat Membru, rigward il-moviment transkonfini tal-merkanzija soġġett għal miżuri ta’ projbizzjoni, restrizzjoni jew kontroll, b’mod partikolari, dawk il-miżuri msemmijin fl-Artikoli 30 u 296 tat-Trattat tal-KE, kif ukoll id-dazji tas-sisa mhux armonizzati;

(ii)

il-korp tad-dispożizzjonijiet Komunitarji u d-dispożizzjonijiet implimentattivi assoċjati li jirregolaw l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-transitu u l-preżenza tal-merkanzija nnegozjata bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, u bejn l-Istati Membri fil-każ tal-merkanzija li ma jkollhiex status Komunitarju fit-tifsira tal-Artikolu 23 tat-Trattat tal-KE jew merkanzija soġġetta għal kontrolli jew investigazzjonijiet addizzjonali għall-finijiet tal-istabbiliment tal-istatus Komunitarju tagħhom;

(iii)

it-totalita’ tad-dispożizzjonijiet adottati fil-livell Komunitarju taħt il-politika agrikola komuni u r-regoli speċifiċi adottati rigward merkanzija li tirriżulta mill-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli; jew

(iv)

il-korp tad-dispożizzjonijiet adottati fil-livell Komunitarju għad-dazji tas-sisa armonizzati u għat-taxxa fuq il-valur miżjud rigward l-importazzjoni flimkien mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentawhom, jew dawk li ntużaw f’dak il-kuntest;

2.

“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”), fejn persuna identifikabbli hija waħda li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal numru ta’ identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tagħha;

3.

“Stat Membru fornitur” tfisser l-Istat Membru li jintroduċi punt ta’ data fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali;

4.

“analiżi operattiva” tfisser analiżi tal-operazzjonijiet li jikkostitwixxu jew li jidhru li jikkostitwixxu ksur tal-liġijiet nazzjonali permezz tal-fażijiet li ġejjin:

(a)

il-ġbir ta’ informazzjoni, inkluża d-data personali;

(b)

l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tas-sors tal-informazzjoni u tal-istess informazzjoni;

(c)

ir-riċerka, il-preżentazzjoni u l-interpretazzjoni metodiċi tar-rabtiet bejn din l-informazzjoni jew bejn din l-informazzjoni u data sinifikanti oħra;

(d)

il-formulazzjoni ta’ osservazzjonijiet, ipoteżijiet jew rakkomandazzjonijiet li jistgħu jkunu sfruttati b’mod dirett bħala informazzjoni dwar ir-riskji mill-awtoritajiet kompetenti biex jipprevjenu u jidentifikaw operazzjonijiet oħra li jiksru l-liġijiet nazzjonali u/jew biex ikunu identifikati bi preċiżjoni l-persuni jew in-negozji implikati f’tali operazzjonijiet;

5.

“analiżi strateġika” tfisser ir-riċerka u l-preżentazzjoni tax-xejriet ġenerali fil-ksur tal-liġijiet nazzjonali permezz ta’ evalwazzjoni tat-theddida, l-iskala u l-impatt ta’ ċerti tipi ta’ operazzjonijiet li jiksru l-liġijiet nazzjonali, bil-ħsieb li jiġu determinati l-prijoritajiet, li jkun hemm stampa aħjar tal-fenomenu jew tat-theddida, li l-azzjonijiet ta’ prevenzjoni u identifikazzjoni tal-frodi jiġu riorjentati u li tiġi riveduta l-organizzazzjoni tas-servizzi. Għall-analiżi strateġika tista’ tintuża biss dik id-data li tneħħewlha l-fatturi ta’ identifikazzjoni.

KAPITOLU III

FUNZJONAMENT U UŻU TAS-SISTEMA TA’ INFORMAZZJONI DOGANALI

Artikolu 3

1.   Is-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għandha tikkonsisti f’bażi ta’ data ċentrali aċċessibbli permezz ta’ terminals f’kull Stat Membru. Din għandha tinkludi esklussivament data meħtieġa biex jikseb l-għan tagħha kif iddikjaratfl-Artikolu 1(2), inkluża data personali, fil-kategoriji li ġejjin:

(a)

il-komoditajiet;

(b)

il-mezzi ta’ trasport;

(c)

in-negozji;

(d)

il-persuni;

(e)

ix-xejriet ta’ frodi;

(f)

il-ħiliet disponibbli;

(g)

oġġetti miżmuma, sekwestrati jew ikkonfiskati;

(h)

kontanti miżmuma, sekwestrati jew ikkonfiskati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tassigura l-ġestjoni teknika tal-infrastruttura tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali skont ir-regoli previsti mid-dispożizzjonijiet implimentattivi adottati mill-Kunsill.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-amministrazzjoni lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Kumitat imsemmi l-arranġamenti prattiċi addottati għall-ġestjoni teknika.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-punti li għandhom jiddaħħlu fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali li jikkorrispondu għal kull waħda mill-kategoriji msemmijin fl-Artikolu 3(1), safejn dan huwa neċessarju biex jinkiseb l-għan tas-Sistema. Fl-ebda każ m’għandha tiddaħħal data personali fil-kategorija msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 3(1).

2.   Rigward il-kategoriji msemmijin fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 3(1), il-punti ta’ informazzjoni mdaħħlin fir-rigward ta’ persuni għandhom jinkludu mhux aktar minn:

(a)

il-kunjom, il-kunjom ta’ xebba, l-isem/ismijiet, il-kunjomijiet ta’ qabel u l-psewdonomi;

(b)

id-data u l-post tat-twelid;

(c)

iċ-ċittadinanza;

(d)

is-sess;

(e)

in-numru u l-post u d-data tal-ħruġ tad-dokumenti ta’ identità (passaporti, karti tal-identità, liċenzji tas-sewqan);

(f)

l-indirizz;

(g)

kwalunkwe karatteristika fiżika objettiva u permanenti partikolari;

(h)

ir-raġuni għad-dħul tad-data;

(i)

l-azzjoni ssuġġerita;

(j)

kodiċi ta’ twissija li jindika xi passat fejn il-persuna kienet armata, vjolenti jew li ħarbet mill-awtoritajiet;

(k)

in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-mezz tat-trasport.

3.   Rigward il-kategorija msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 3(1), il-punti ta’ informazzjoni mdaħħlin fir-rigward ta’ persuni għandhom jinkludu mhux aktar mill-kunjomijiet u l-ismijiet tal-esperti.

4.   Rigward il-kategoriji msemmija fil-punt (g) u (h) tal-Artikolu 3(1), il-punti ta’ informazzjoni mdaħħlin fir-rigward ta’ persuni għandhom jinkludu mhux aktar minn:

(a)

il-kunjom, il-kunjom ta’ xebba, l-isem/ismijiet, il-kunjomijiet ta’ qabel u l-psewdonomi;

(b)

id-data u l-post tat-twelid;

(c)

iċ-ċittadinanza;

(d)

is-sess;

(e)

l-indirizz.

5.   Fl-ebda każ m’għandha tiġi mdaħħla fir-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali data personali elenkata fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008.

Artikolu 5

1.   Id-data tal-kategoriji msemmijin fl-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 3(1) għandha tiddaħħal fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali esklussivament għall-fini ta’ lemħa u ta’ rappurtar, ta’ sorveljanza diskreta, ta’ verifiki speċifiċi u ta’ analiżi strateġika jew operattiva.

Id-data fil-kategorija msemmija fil-ount (h) Artikolu 3(1) għandha tiddaħħal fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali esklussivament għall-fini ta’ analiżi strateġika jew operattiva.

2.   Għall-fini tal-azzjonijiet msemmijin fil-paragrafu 1, id-data personali li taqa’ fi kwalunkwe waħda mill-kategoriji msemmijin fl-Artikolu 3(1) tista’ tiddaħħal fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali biss jekk, hemm indikazzjonijiet reali, b’mod partikolari abbażi ta’ attivitajiet illegali preċedenti, li jissuġġerixxu li l-persuna kkonċernata wettqet, qiegħda twettaq, jew ser twettaq ksur serju tal-liġijiet nazzjonali.

Artikolu 6

1.   Jekk l-azzjonijiet msemmijin fl-Artikolu 5(1) jitwettqu, l-informazzjoni li ġejja tista’, kollha jew parti minnha, tinġabar u tiġi ttrasferita lill-Istat Membru fornitur:

(i)

il-fatt li l-komodità, il-mezzi ta’ trasport, in-negozju jew il-persuna in kwistjoni kienu lokalizzati;

(ii)

il-post, il-ħin u r-raġuni għall-kontroll;

(iii)

ir-rotta u d-destinazzjoni tal-vjaġġ;

(iv)

il-persuni li jakkumpanjaw il-persuna in kwistjoni jew l-okkupanti tal-mezzi ta’ trasport użati;

(v)

il-mezzi ta’ trasport użati;

(vi)

il-merkanzija trasportata;

(vii)

iċ-ċirkostanzi li nstabu fihom il-komodità, il-mezzi ta’ trasport, in-negozju jew il-persuna.

Meta tinġabar din l-informazzjoni waqt operazzjoni ta’ sorveljanza diskreta jridu jittieħdu passi biex ikun żgurat li n-natura sigrieta tas-sorveljanza ma tkunx ippreġudikata.

2.   Fil-kuntest tal-kontrolli speċifiċi msemmija fl-Artikolu 5 (1), il-persuni, il-mezzi tat-trasport u l-oġġetti jistgħu jkunu mfittxija safejn ikun permissibli u skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri tal-Istat Membru fejn isseħħ it-tfittxija. Jekk il-kontrolli speċifiċi ma jkunux awtorizzati mil-liġi ta’ Stat Membru, huma jkunu awtomatikament mibdula f’lemħa u rappurtar jew f’sorveljanza diskreta minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 7

1.   L-aċċess dirett għal data mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għandu jkun riżervat għall-awtoritajiet nazzjonali nominati minn kull Stat Membru. Dawk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu amministrazzjonijiet doganali, iżda jistgħu jinkludu wkoll awtoritajiet kompetenti oħra, skont il-liġi, ir-regolamenti, u l-proċeduri tal-Istat Membru in kwistjoni, biex jaġixxu b’mod li jiksbu l-għan imsemmi fl-Artikolu 1(2).

2.   Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 lista tal-awtoritajiet kompetenti tiegħu li ġew innominati f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, biex ikollhom aċċess dirett għas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali filwaqt li jiddikjara, għal kull awtorità, għal liema data hija jista’ jkollha aċċess u għal liema finijiet.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, il-Kunsill jista’, b’deċiżjoni unanima, jippermetti aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali lil organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali. Fit-teħid ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill għandu jieħu kont ta’ kwalunkwe arranġament reċiproku u kwalunkwe opinjoni rigward l-adegwatezza ta’ miżuri ta’ protezzjoni tad-data mill-Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta msemmija fl-Artikolu 25.

Artikolu 8

1.   L-Istati Membri, l-Europol u l-Eurojust jistgħu jużaw biss data miksuba mis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali biex jiksbu l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 1(2). Madankollu, jistgħu jużawha għal finijiet amministrattivi jew finijiet oħra b’awtorizzazzjoni minn qabel, u soġġetta għal kwalunkwe kondizzjoni imposta mill-Istat Membru li daħħal id-data fis-Sistema. Tali użu ieħor simili għandu jkun f’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri tal-Istat Membru li jfittex li jużaha f’konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI, u għandu jittieħed kont tal-Prinċipju 5.2.i tar-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu, tal-Artikolu 7(3) u tal-Artikoli 11 u 12, id-data miksuba mis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għandha tintuża biss mill-awtoritajiet nazzjonali f’kull Stat Membru nominat mill-Istat Membru in kwistjoni, li huma kompetenti, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri ta’ dak l-Istat Membru, biex jaġixxu biex jinkiseb l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 1(2).

3.   Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 lista tal-awtoritajiet kompetenti li hu nnomina b’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Id-data miksuba mis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, b’awtorizzazzjoni minn qabel tal-Istat Membru li daħħalha fis-Sistema, u soġġetta għal kwalunkwe kondizzjoni li hu impona, għandha tiġi ttrasferita lill-awtoritajiet nazzjonali oħrajn minbarra dawk nominati taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, lil terzi pajjiżi, u lil organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali li jixtiequ jagħmlu użu minnha. Kull Stat Membru għandu jieħu miżuri speċjali biex jiżgura s-sigurtà ta’ din id-data meta tkun qed tiġi ttrasferita lil servizzi li qegħdin barra mit-territorju tiegħu. Id-dettalji ta’ dawn il-miżuri iridu jiġu kkomunikati lill-Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta msemmija fl-Artikolu 25.

Artikolu 9

1.   Id-dħul tad-data fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għandha tkun irregolata mil-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri tal-Istat Membru li qed iforniha sakemm din id-Deċiżjoni ma tistabbilixxix dispożizzjonijiet aktar stretti.

2.   L-użu ta’ data miksuba mis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, inkluż it-twettiq tal-azzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 5(1) u suġġerita mill-Istat Membru li forna d-data, għandu jkun regolat mil-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri tal-Istat Membru li juża din id-data, sakemm din id-Deċiżjoni ma tistabbilixxix dispożizzjonijiet aktar stretti.

Artikolu 10

1.   Kull Stati Membru għandu jinnomina amministrazzjoni doganali kompetenti li jkollha responsabbiltà nazzjonali għas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali.

2.   L-amministrazzjoni imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun responsabbli għall-funzjonament korrett ta’ Sistema ta’ Informazzjoni Doganali fit-territorju tal-Istat Membru u għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tassigura konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin bl-amministrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 11

1.   Il-Europol, fil-limiti tal-mandat tiegħu u għat-twettiq tal-kompiti tiegħu, għandu d-dritt li jkollu aċċess għad-data mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali f’konformità mal-Artikoli 1, 3 sa 6, 15 sa 19 u li jfittex dik id-data.

2.   Fejn tfittxija mill-Europol tiżvela l-eżistenza ta’ qbil bejn informazzjoni pproċessata mill-Europol u entrata fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, l-Europol, permezz tal-kanali ddefiniti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (5), għandu jinforma b’dan lill-Istat Membru li għamel l-entrata.

3.   L-użu ta’ informazzjoni miksuba minn tfittxija fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali huwa soġġett għall-kunsens tal-Istat Membru li jkun introduċa d-data fis-Sistema. Jekk dak l-Istat Membru jawtorizza l-użu ta’ din l-informazzjoni, it-trattament tagħha għandu jkun irregolat mid-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI. L-Europol jista’ jittrasferixxi din l-informazzjoni lil pajjiżi terzi u lil korpi terzi biss bil-kunsens tal-Istat Membru li jkun daħħal id-data fis-Sistema.

4.   L-Europol jista’ jitlob aktar informazzjoni mill-Istati Membri kkonċernati, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 3 u 4, m’huwiex il-kompitu tal-Europol li jikkollega l-partijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali li għandu aċċess għalihom ma’ sistema kompjuterizzata għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data użata mill-Europol jew fi ħdanha u li jittrasferixxi d-data li hemm fiha f’sistema oħra bħal din, kif ukoll li jniżżel jew li jikkopja b’xi mod ieħor kwalunkwe parti tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali;

L-Europol għandu jillimita l-aċċess għad-data mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għall-persunal debitament awtorizzat tal-Europol.

L-Europol għandu jippermetti lill-Korp ta’ Sorveljanza Konġunta, stabbilit bl-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI, biex jirrevedi l-attivitajiet tal-Europol fl-eżerċizzju tad-dritt tiegħu għal aċċess għal u l-konsultazzjoni ta’ data mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali.

6.   Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jiġi interpretat li jkollu effett fuq id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI dwar il-protezzjoni tad-data u r-responsabbiltà għal kwalunkwe pproċessar mhux awtorizzat jew skorrett ta’ tali data mill-persunal tal-Europol, jew li jkollu effett fuq is-setgħat tal-Korp ta’ Sorveljanza Konġunta stabbilit skont dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 12

1.   Il-membri nazzjonali tal- Eurojust, id-deputati tagħhom, l-assistenti u l-persunal awtorizzat speċifikament, fil-limiti tal-mandat tagħhom u għat-twettiq tal-kompiti tal-Eurojust, għandhom id-dritt li jkollhom aċċess għad-data mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali b’konformità mal-Artikoli 1, 3 sa6, 15 sa 19 u li jikkonsultaha.

2.   F’każ li tfittxija minn membru nazzjonali tal-Eurojust, id-deputati tagħhom, l-assistenti jew l-persunal awtorizzat speċifikament jiżvela l-eżistenza ta’ qbil bejn l-informazzjoni pproċessata mill-Eurojust u entrata fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, dan għandu jinforma lill-Istat Membru li għamel l-entrata. L-informazzjoni miksuba waqt konsultazzjoni bħal din ma tistax tiġi kkomunikata lil pajjiżi jew lil korpi terzi jekk mhux bil-kunsens tal-Istat Membru li jkun għamel l-entrata.

3.   Xejn f’dan l-Artikolu m’għandu jiġi interpretat bħala li jaffettwa d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/426/ĠAI tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tal-Eurojust u li temenda d-Deċiżjoni 2002/187/ĠAI li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (6) dwar il-protezzjoni tad-data u r-responsabbiltà għal kwalunkwe pproċessar mhux awtorizzat jew skorrett ta’ tali data min-naħa tal-membri nazzjonali tal-Eurojust, id-deputati tagħhom, l-assistenti u l-persunal awtorizzat speċifikament, jew li jkollha effett fuq is-setgħat tal-Korp ta’ Sorveljanza Konġunta stabbilit skont dik id-Deċiżjoni.

4.   L-ebda parti mis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali li għaliha għandhom aċċess il-membri nazzjonali tal-Eurojust, id-deputati tagħhom, l-assistenti u l-persunal awtorizzat speċifikament ma għandha tkun konnessa ma’ sistema tal-informatika għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data użata mill-Eurojust jew fi ħdanha, u l-ebda data li tinsab f’dawn tal-ewwel ma għandha tkun trasferita lil tat-tieni, u l-ebda parti tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali ma tista’ tkun imniżżla.

5.   L-aċċess għad-data mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għandu jkun limitat għall-membri nazzjonali tal-Eurojust, id-deputati tagħhom, l-assistenti u l-persunal awtorizzat speċifikament u m’għandux ikun estiż għal persunal ieħor tal-Eurojust.

KAPITOLU IV

MODIFIKA TAD-DATA

Artikolu 13

1.   Huwa biss l-Istat Membru fornitur li għandu jkollu d-dritt li jimmodifika, jissuplimenta, jikkoreġi jew iħassar data li jkun daħħal fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali.

2.   Jekk Stat Membru fornitur jinnota, jew tinġibidlu l-attenzjoni, li d-data li daħħal hija fattwalment ineżatta jew ġiet imdaħħla, jew hija maħżuna kuntrarjament għal din id-Deċiżjoni, huwa għandu jemenda, jissupplimenta, jikkoreġi jew iħassar id-data, kif adatt, u jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn, lill-Europol u lill-Eurojust b’dan.

3.   Jekk Stati Membru, l-Europol jew l-Eurojust ikollu provi li jindikaw li xi element tad-data huwa fattwalment ineżatt jew ġie introdott jew huwa maħżun fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali kuntrarjament għal din id-Deċiżjoni, huwa għandu jinforma malajr kemm jista’ jkun b’dan lill-Istat Membru fornitur. Dan tal-aħħar għandu jivverifika d-data kkonċernata u, jekk neċessarju, jikkoreġi jew iħassar il-punt mingħajr dewmien. L-Istat Membru fornitur għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra, lill-Europol, u lill-Eurojust dwar kwalunkwe retifika jew taħsira li hu jwettaq.

4.   Jekk, meta jdaħħal data fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, Stat Membru jinnota li r-rapport tiegħu jikkontradixxi rapport preċedenti dwar il-kontenut jew l-azzjoni meħtieġa, hu għandu immedjatament jinforma lill-Istat Membru li għamel ir-rapport preċedenti b’dan. Iż-żewġ Stati Membri għandhom jippruvaw jirrisolvu l-kwistjoni. F’każ ta’ diżgwid, ikun validu l-ewwel rapport, iżda dawk l-elementi tar-rapport il-ġdid li mhumiex f’kontradizzjoni mal-ewwel rapport għandhom jiddaħħlu fis-Sistema.

5.   Soġġett għal din id-Deċiżjoni, meta, fi kwalunkwe Stat Membru, qorti jew awtorità kompetenti oħra f’dak l-Istat Membru, tieħu deċiżjoni definittiva li timmodifika, tissuplimenta, tirrettifika jew tħassar data fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, l-Istati Membri jimpenjaw lilhom infushom reċiprokament biex jinfurzaw din id-deċiżjoni. F’każ ta’ kunflitt bejn dawn id-deċiżjonijiet ta’ qrati jew awtoritajiet kompetenti oħrajn fi Stati Membri differenti, inklużi dawk imsemmijin fl-Artikolu 23(1), dwar ir-rettifika jew it-tħassir, l-Istat Membru li daħħal id-data inkwistjoni għandu jħassarha mis-Sistema.

KAPITOLU V

ŻAMMA TAD-DATA

Artikolu 14

1.   Id-data mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għandha tinżamm biss għaż-żmien neċessarju biex jinkiseb l-objettiv li għalih kienet iddaħħlet. Il-ħtieġa għaż-żamma tagħha għandha tkun riveduta mill-inqas darba fis-sena mill-Istat Membru fornitur.

2.   L-Istat Membru fornitur jista’, fil-perijodu ta’ reviżjoni, jiddeċiedi li jżomm din id-data sar-reviżjoni li jkun imiss jekk din iż-żamma hija meħtieġa għall-objettivi li għalihom kienet iddaħħlet. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 22 u 23, jekk m’hemmx deċiżjoni biex tinżamm din id-data, awtomatikament għandha tkun trasferita għall-parti tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali li għaliha jkun hemm aċċess limitat skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Is-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għandha tinforma awtomatikament lill-Istat Membru fornitur, dwar it-trasferiment skedat tad-data mis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali taħt il-paragrafu 2, u għandha tagħmel dan xahar minn qabel.

4.   Id-data trasferita skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tibqa’ tinżamm għal sena fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali iżda, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 22 u 23, għandha tkun aċċessibbli biss għal rappreżentant tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 jew għall-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-Artikolu 24 u 25(1). Matul dak il-perijodu huma jistgħu jikkonsultataw id-data biss għall-finijiet ta’ verifika tal-eżattezza u l-legalità tagħha, u wara din id-data trid titħassar.

KAPITOLU VI

ĦOLQIEN TA’ BAŻI TA’ DATA TA’ IDENTIFIKAZZJONI TA’ FAJLS DOGANALI

Artikolu 15

1.   Is-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għandha tinkludi data skont dan il-Kapitolu, barra d-data li tinkludi skont l-Artikolu 3, f’bażi ta’ data speċjali (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-bażi ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali”). Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu u tal-Kapitoli VII u VIII, id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw ukoll għall-bażi ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali. Madnakollu, l-eċċezzjoni fl-Artikolu 21(2) ma għandhiex tapplika.

2.   L-għan tal-bażi ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali għandu jkun li tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għat-tmexxija ta’ investigazzjonijiet doganali nominati skont l-Artikolu 7, meta jinfetaħ fajl dwar jew investigazzjoni ta’ persuna jew negozju wieħed/waħda jew aktar u għall-Europol u l-Eurojust, biex jidentifikaw l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra li qed jinvestigaw jew li investigaw dawn il-persuni jew negozji, sabiex, permezz tal-informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ fajls ta’ investigazzjoni, jilħqu l-għan imsemmi fl-Artikolu 1(2).

3.   Għall-finijiet tal-bażi ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Istati Membri l-oħrajn, lill-Europol, ill-Eurojust u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 lista ta’ ksur serju tal-liġijiet nazzjonali tiegħu.

Din il-lista għandha tinkludi biss dak il-ksur li hu punibbli:

(a)

b’tiċħid tal-libertà jew ordni ta’ detenzjoni ta’ tul massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar, jew

(b)

b’multa ta’ mill-inqas EUR 15 000.

4.   Jekk l-Istat Membru li jieħu d-data mill-bażi ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali jeħtieġ aktar informazzjoni dwar il-fajl ta’ investigazzjoni maħżun dwar persuna jew negozju, dan għandu jitlob l-assistenza tal-Istat Membru fornitur abbażi tal-istrumenti fis-seħħ relatati mal-assistenza reċiproka.

KAPITOLU VII

L-OPERAT U L-UŻU TA’ BAŻI TA’ DATA TA’ IDENTIFIKAZZJONI TA’ FAJLS DOGANALI

Artikolu 16

1.   Id-data minn fajls ta’ investigazzjoni ser tiddaħħal fil-bażi ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali unikament għall-finijiet imniżżlin fl-Artikolu 15(2). Id-data għandha tkopri biss il-kategoriji li ġejjin:

(a)

persuna jew negozju li huwa jew kien suġġett ta’ fajl ta’ investigazzjoni miftuħ minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, u li:

(i)

f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, hu suspettat li qed jikkommetti jew ikkommetta, jew qed tipparteċipa jew ipparteċipa fit-twettiq ta’ ksur serju tal-liġijiet nazzjonali, jew;

(ii)

kien is-suġġett ta’ rapport li jistabbilixxi li dan il-ksur seħħ; jew

(iii)

kien is-suġġett ta’ sanzjoni amministrattiva jew legali għal dan il-ksur;

(b)

il-qasam ikkonċernat mill-fajl ta’ investigazzjoni;

(c)

l-isem, in-nazzjonalità u l-informazzjoni fejn tista’ tkun ikkuntattjata l-awtorità tal-Istat Membru li tittratta l-każ, flimkien man-numru ta-fajl.

Id-data msemmija fil-punti (a) sa (c) għandha tiddaħħal f’reġistru ta’ data separatament għal kull persuna jew negozju. Konnessjonijiet bejn ir-reġistri tad-data m’għandux ikun permess.

2.   Id-data personali msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tikkonsisti biss f’dawn li ġejjin:

(a)

għall-persuni: il-kunjom, il-kunjom ta’ xebba, l-isem/ismijiet, il-kunjomijiet anterjuri u l-psewdonomi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza u s-sess;

(b)

għan-negozji: l-isem tan-negozju, l-isem użat li taħtu jitwettaq il-kummerċ, l-indirizz, l-identifikatur tal-uffiċċju u tal-VAT, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tas-sisa.

3.   Id-data għandha tkun introdotta għal perijodu limitat skont l-Artikolu 19.

Artikolu 17

Stat Membru m’għandux ikun obbligat li jintroduċi skont l-Artikolu 16 fi kwalunkwe każ partikolari jekk, u għal dak iż-żmien li, dan jista’ jkun ta’ ħsara għall-ordni pubbliku jew interessi essenzjali oħra, speċjalment minħabba li dan jippreżenta theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika tiegħu jew għas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz; jew fejn interessi essenzjali oħrajn ta’ importanza ugwali huma involuti; jew fejn tali entrati jistgħu joħolqu dannu serju lid-drittijiet ta’ individwi jew jippreġudikaw investigazzjoni li tkun għaddejja.

Artikolu 18

1.   Id-dħul ta’ data fid-bażi ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali u l-konsultazzjoni tagħha għandu jkun eskussivament riżervat għall-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 15(2).

2.   Kull konsultazzjoni li tikkonċerna l-bażi ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali għandha tkopri d-data personali li ġejja:

(a)

għall-persuni: l-isem, u/jew il-kunjom, u/jew il-kunjom, u/jew il-kunjom ta’ xebba, u/jew il-kunjomijiet preċedenti, u/jew il-psewdonomi, u/jew id-data tat-twelid;

(b)

għan-negozji: isem tan-negozju, u/jew l-isem użat li taħtu jitwettaq in-negozju u/jew l-indirizz, u/jew l-identifikatur tal-VAT u/jew in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa tas-sisa.

KAPITOLU VIII

PERIJODU TAŻ-ŻAMMA TAD-DATA FIL-BAŻI TA’ DATA TA’ IDENTIFIKAZZJONI TA’ FAJLS DOGANALI

Artikolu 19

1.   L-iskadenzi għaż-żamma tad-data għandhom ikunu determinati skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri tal-Istat Membru li jdaħħal id-data. Madankollu, l-iskadenzi li ġejjin, li jibdew mid-data li fiha d-data ddaħħlet fil-fajl, ma jistgħux jinqabżu:

(a)

id-data dwar fajls ta’ investigazzjoni kurrenti m’għandhiex tinżamm għal iktar minn tliet snin jekk ma kienx stabbilit li kien seħħ ksur f’dak il-periojodu ta’ żmien. Id-data għandha titħassar qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ tlett snin jekk ikunu għaddew 12-il xahar minn l-aħħar att investigattiv;

(b)

id-data dwar fajls ta’ investigazzjoni li stabbilixxew li seħħ ksur iżda li għadhom ma wasslux għal kundanna jew impożizzjoni ta’ multa m’għandhomx jinżammu għal perijodu ta’ iktar minn 6 snin;

(c)

id-data dwar fajls ta’ investigazzjoni li wasslu għal kundanna jew multa m’għandhomx jinżammu għal perijodu ta’ iktar minn 10 snin.

2.   Fl-istadji kollha ta’ investigazzjoni kif imsemmi fil-punti (a) sa (c) tal-paragrafu 1, kif persuna jew negozju fl-ambitu tal-Artikolu 16 jiġi eliminat minn investigazzjoni skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Membru fornitur, kull data konnessa ma’ dik il-persuna jew negozju għandha titħassar immedjatament.

3.   Id-data għandha titħassar awtomatikament mill-bażi ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali mid-data li fiha jiskadu l-perijodi massimi ta’ żmien ta’ żamma tad-data stabbiliti fil-paragrafu 1.

KAPITOLU IX

PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI

Artikolu 20

Id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI għandha tapplika għall-protezzjoni tal-iskambju ta’ data f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 21

1.   Id-data tista’ tkun idduplikata biss għal raġunijiet tekniċi, sakemm tali dupplikazzjoni tkun meħtieġa għal finijiet ta’ tiftix ta’ informazzjoni mwettaq mill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 7.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 8(1), id-data personali imdaħħla minn Stati Membri oħra ma tistax tkun ikkuppjata mis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għal fajls oħra ta’ data nazzjonali ħlief fil-każ ta’ kopji fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju użati biex jorjentaw il-kontrolli doganali fil-livell nazzjonali jew fil-każ ta’ kopji fis-sistema ta’ analiżi operattiva użati biex l-azzjonijiet ikunu kkoordinati. Tali kopji jistgħu jsiru sal-punt meħtieġ għal każijiet jew investigazzjonijiet speċifiċi.

3.   Fiż-żewġ każijiet eċċezzjonali msemmijin fil-paragrafu 2, huma biss l-analisti awtorizzati mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jkollhom is-setgħa li jipproċessaw id-data personali miksuba mis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali fil-qafas ta’ sistema ta’ ġestjoni tar-riskju użata mill-awtoritajiet nazzjonali għat-twettiq ta’ kontrolli doganali jew ta’ sistema ta’ analiżi operattiva użata għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet.

4.   Kull Stat Membru għandu jibgħat lil Stati Membri oħra u lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 lista tad-dipartimenti tal-ġestjoni tar-riskju li l-analisti tagħhom huma awtorizzati li jikkupjaw u jipproċessaw id-data personali mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali.

5.   Id-data personali kkupjata mis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għandha tinżamm biss għat-tul ta’ żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-għan li għalih tkun ġiet ikkupjata. Il-ħtieġa taż-żamma tagħha għandha tkun riveduta mill-anqas darba kull sena mill-Istat Membru li jkun ikkupjaha. L-iskadenza għall-ħżin ma tistax taqbeż l-għaxar snin. Id-data personali li mhix meħtieġa għat-tkomplija tal-analiżi operattiva għandha titħassar minnufih jew jitneħħa kwalunkwe fattur ta’ identifikazzjoni.

Artikolu 22

Id-drittijiet ta’ persuni fir-rigward tad-data personali fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għal aċċess, rettifika, tħassir jew imblukkar għandu jiġi eżerċitat f’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri tal-Istat Membru li jimplimenta d-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI fejn huma invokati dawn id-drittijiet. L-aċċess għandu jkun miċħud sal-punt li fih tali ċaħda tkun neċessarja u proporzjonata biex ma tiġi mxikla ebda investigazzjoni nazzjonali kurrenti, jew matul il-perijodu ta’ sorveljanza diskreta jew ta’ lemħ u rappurtar. Meta ssir valutazzjoni tal-applikabbiltà ta’ eżenzjoni, għandu jittieħed kont tal-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata.

Artikolu 23

1.   Fit-territorju ta’ kull Stat Membru, kwalunkwe persuna tista’, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri tal-Istati Membru in kwistjoni, tressaq azzjoni jew, jekk adatt, tressaq talba quddiem il-qrati jew l-awtorità kompetenti taħt il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri ta’ dak l-Istat Membru dwar data personali dwarha stess fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, biex:

(a)

tirrettifika jew tħassar data personali fattwalment mhux eżatta;

(b)

tirrettifika jew tħassar data personali mdaħħla jew maħżuna fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali opposta għal din id-Deċiżjoni;

(c)

tikseb aċċess għal data personali;

(d)

timblokka data personali;

(e)

tikseb kumpens skont l-Artikolu 30(2).

2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31, l-Istati Membri kkonċernati reċiprokament jimpenjaw ruħhom li jinfurzaw id-deċiżjonijiet finali li ttieħdu minn qorti, jew awtorità kompetenti oħra, skont il-punti (a) sa (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 24

Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza jew awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tad-data biex iwettqu sorveljanza indipendenti ta’ tali data inkluża fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

Artikolu 25

1.   Għandha tiġi stabbilita Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta, komposta minn żewġ rappreżentanti mill-awtorità jew awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza indipendenti ta’ kull wieħed mill-Istati Membri.

2.   L-Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta għandha tissorvelja u tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI fejn jikkonċerna l-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali.

3.   Għal dan l-għan, l-Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta għandha tkun kompetenti biex tissorvelja t-tħaddim tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, biex teżamina kwalunkwe diffikultà ta’ applikazzjoni jew interpretazzjoni li tista’ tinqala’ waqt it-tħaddim tagħha, biex tistudja problemi li jistgħu jinqalgħu dwar l-eżerċizzju ta’ sorveljanza indipendenti mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tal-Istati Membri, jew fl-eżerċizzju ta’ drittjiet ta’ aċċess minn individwi għas-Sistema, u tfassal proposti sabiex jinstabu soluzzjonijiet konġunti għall-problemi.

4.   Biex teżerċita r-responsabbiltajiet tagħha, l-Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta għandu jkollha aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali.

5.   Rapporti mfassla mill-Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta għandhom jintbagħtu lill-awtoritajiet li lilhom l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jibagħtu r-rapporti tagħhom, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 26

1.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jissorvelja l-attivitajiet tal-Kummissjoni fir-rigward tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali. Id-dmirijiet u s-setgħat imsemmija fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (7) għandhom għaldaqstant japplikaw.

2.   L- Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, kull wieħed jaġixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi rispettivi tiegħu, għandhom jikkooperaw fil-qafas tar-responsabbiltajiet tagħhom u għandhom jiżguraw superviżjoni koordinata tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, inkluż għall-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet relevanti.

3.   L- Awtorità ta’ Sorveljanza Konġunta u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, għandhom jiltaqgħu għal dak il-fini mill-inqas darba fis-sena. L-ispejjeż u s-servizzi ta’ appoġġ ta’ dawn il-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

KAPITOLU X

QAFAS ISTITUZZJONALI

Artikolu 27

1.   Għandu jiġi stabbilit Kumitat li jikkonsisti minn rappreżentanti mill-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri. Il-Kumitat għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’mod unanimu fejn jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 2 u b’maġġoranza ta’ żewġ terzi fejn jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 2. Hu għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’unanimità.

2.   Il-Kumitat għandu jkun responsabbli:

(a)

għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta ta’ din id-Deċiżjoni, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikoli 24, 25(1) u 26;

(b)

għall-funzjonament tajjeb tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, rigward l-aspetti tekniċi u operattivi. Il-Kumitat għandu jieħu l-passi neċessarji biex jiżgura li l-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 14 u 28 jiġu implementati tajjeb fir-rigward tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, il-Kumitat jista’ jkollu aċċess dirett għal, u użu ta’ data mis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali.

3.   Il-Kumitat għandu jirrapporta kull sena lill-Kunsill, skont it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-effiċjenza u l-effettività tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, u jagħmel rakkomandazzjonijiet kif meħtieġ. Dak ir-rapport għandu jintbgħat lill-Parlament Ewropew għal informazzjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-proċedimenti tal-Kumitat.

KAPITOLU XI

SIGURTÀ TAS-SISTEMA TA’ INFORMAZZJONI DOGANALI

Artikolu 28

1.   Għandhom jittieħdu l-miżuri amministrattivi meħtieġa kollha biex tinżamm is-sigurtà:

(a)

mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar it-terminals ta’ Sistema ta’ Informazzjoni Doganali li jinsabu fl-Istati rispettivi tagħhom u mill-Europol u l-Eurojust;

(b)

mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali u t-terminals li jinsabu fl-istess postijiet tas-Sistema u li huma użati għal finijiet tekniċi u l-ispezzjonijiet meħtieġa fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   B’mod partikolari l-awtoritajiet kompetenti, l-Europol, l-Eurojust u l-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 għandhom jieħdu miżuri biex:

(a)

jipprevjenu kwalunkwe persuna mhux awtorizzata milli jkollha aċċess għall-installazzjonijiet użati għall-ipproċessar tad-data;

(b)

jipprevjenu data u mezzi li jwasslu d-data milli jinqraw, ikunu kkupjati, immodifikati jew imħassra minn persuni mhux awtorizzati;

(c)

jipprevjenu d-dħul mhux awtorizzat ta’ data kif ukoll kull konsultazzjoni, modifika jew tħassir mhux awtorizzati tad-data;

(d)

jipprevjenu li jkun hemm aċċess għal data fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali minn persuni mhux awtorizzati permezz ta’ apparat ta’ trasmissjoni tad-data;

(e)

jiggarnatixxu li, b’rispett għall-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, persuni awtorizzati għandhom dritt ta’ aċċess biss għal data li dwarha għandhom kompetenza;

(f)

jiggarantixxu li jkun possibbli li jkun spezzjonat u stabbilit liema awtoritajiet jistgħu jirċievu data b’apparat ta’ trasmissjoni tad-data;

(g)

jiggarantixxu li jkun possibbli li jkun sorveljat u stabbilit a posteriori liema data ġiet imdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali, meta u minn min, u biex tkun sorveljata l-interrogazzjoni;

(h)

jipprevjenu kull qari, ikkupjar, immodifikar jew tħassir mhux awtorizzat ta’ data waqt it-trasmissjoni tad-data u t-trasport tal-mezzi li jwasslu d-data.

3.   Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 27 għandu jissorvelja l-mistoqsijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għall-fini ta’ sorveljanza li r-riċerki li saru kienu permessi u li saru minn utenti awtorizzati. Mill-inqas 1 % tar-riċerki kollha għandhom jiġu ċċekjati. Għandu jinżamm rekord ta’ dawn ir-riċerki u ta’ dan l-iċċekjar fis-Sistema u dan għandu jintuża biss għall-iskop imsemmi hawn fuq minn dak il-Kumitat u mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza msemmija fl-Artikoli 24 u 25. Dan għandu jitħassar wara sitt xhur.

Artikolu 29

L-amministrazzjoni doganali kompetenti msemmija fl-Artikolu 10(1) għandha tkun responsabbli għall-miżuri ta’ sigurtà mniżżlin fl-Artikolu 28, rigward it-terminals allokati fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, il-funzjonijiet ta’ reviżjoni mniżżlin fl-Artikolu 14(1) u (2) u l-Artikolu 19, kif ukoll, barra minn hekk, għall-applikazzjoni korretta ta’ din id-Deċżjoni safejn huwa meħtieġ skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri ta’ dak l-Istat Membru.

KAPITOLU XII

RESPONSABBILTAJIET U OBBLIGI

Artikolu 30

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li d-data li huwa jkun daħħal fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali f’konformità mal-Artikoli 3, 4(1) u 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI hija preċiża, aġġornata, kompleta, affidabbli u mdaħħla legalment.

2.   Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli skont il-liġi nazzjonali tiegħu għal kwalunkwe dannu kkawżat lil persuna minħabba l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali. Dan għandu japplika wkoll għal dannu kkawżat minn Stat Membru li jdaħħal data mhux preċiża jew li jdaħħal jew jaħżen data illegalment.

3.   Jekk Stat Membru riċevitur iħallas kumpens għal dannu kkawżat mill-użu ta’ data mhux preċiża mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali minn Stat Membru ieħor, dan l-aħħar Stat Membru għandu jħallas lura lill-Istat Membru riċevitur l-ammont imħallas f’danni, b’kont meħud ta’ kwalunkwe tort li jista’ jkollu l-Istat Membru riċevitur.

4.   L-Europol u l-Eurojust għandhom ikunu responsabbli skont l-atti li stabbilewhom.

Artikolu 31

1.   L-ispejjeż marbutin mal-akkwist, l-istudju, l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-infrastruttura informatika ċentrali (hardware), is-software u l-konnessjonijiet ta’ netwerks ddedikati, u marbutin ma’ servizzi ta’ produzzjoni, appoġġ u taħriġ, li ma jistgħux jinfirdu mill-tħaddim tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali għall-fini tal-applikazzjoni tar-regoli doganali u agrikoli tal-Komunità, kif ukoll l-ispejjeż marbutin mal-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali mill-Istati Membri fit-territorji tagħhom, inklużi spejjeż ta’ komunikazzjoni għandhom jinġarru mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

2.   L-ispejjeż relatati mal-manteniment tal-istazzjonijiet/terminals nazzjonali ta’ ħidma involuti fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jinġarru mill-Istati Membri.

KAPITOLU XIII

IMPLIMENTAZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 32

L-informazzjoni fornuta kif previst f’din id-Deċiżjoni għandha tkun skambjata direttament bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Artikolu 33

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġi nazzjonali tagħhom hija konformi ma’ din id-Deċiżjoni sas-27 ta’ Mejju 2011.

Artikolu 34

1.   Din id-Deċiżjoni tissostitwixxi l-Konvenzjoni SID, kif ukoll il-Protokoll tat-12 ta’ Marzu 1999 magħmul fuq bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ laundering minn rikavati fil-Konvenzjoni dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet doganali u l-inklużjoni tan-numru tar-reġistrazzjoni tal-mezzi ta’ trasport fil-Konvenzjoni (8) u l-Protokoll tat-8 ta’ Mejju 2003 stabbilit skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jemenda, f’dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ database ta’ identifikazzjoni ta’ fajls doganali, il-Konvenzjoni dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet doganali (9), b’effet mis-27 ta’ Mejju 2011.

2.   Konsegwentement, il-Konvenzjoni SID u l-Protokolli msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu mħassra b’effett mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 35

Sakemm mhuwiex previst mod ieħor f’din id-Deċiżjoni, il-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Konvenzjoni SID u l-protokolli msemmija fl-Artikolu 34(1) għandhom jiġu mħassra b’effett mis-27 ta’ Mejju 2011.

Artikolu 36

1.   Din id-Deciżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Hija għandha tapplika mis-27 ta’ Mejju 2011.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Ghall-Kunsill

Il-President

B. ASK


(1)  L-Opinjoni tal-24 ta’ Novembru 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 766/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 48).

(4)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 33.

(5)  ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37.

(6)  ĠU L 138, 4.6.2009, p. 14.

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(8)  ĠU C 91, 31.3.1999, p. 2.

(9)  ĠU C 139, 13.6.2003, p. 2.