10.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Novembru 2009

li temenda d-Deċiżjoni 2000/265/KE tas-27 ta' Marzu 2000 dwar it-twaqqif ta' regolament finanzjarju li jirregola l-aspetti li għandhom x'jaqsmu mal-budget tat-treġija mid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, ta' kuntratti konklużi f'ismu, f'isem ċerti Stati Membri, li jirrelataw għall-installazzjoni u l-ħidma tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni għall-ambjent ta' Schengen, “SISNET”

(2009/915/KE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-Protokoll anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ġie awtorizzat mid-Deċiżjoni 1999/870/KE (1) u d-Deċiżjoni 2007/149/KE (2) biex jaġixxi, fil-kuntest tal-integrazzjoni tal-acquis ta' Schengen fl-Unjoni Ewropea, bħala rappreżentant ta' ċerti Stati Membri bil-għan li jikkonkludi kuntratti relatati mal-installazzjoni u l-funzjonament tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni għall-ambjent ta' Schengen (“SISNET”) u li jiġġestixxi tali kuntratti, sakemm iseħħ it-trasferiment tagħha għal infrastruttura ta' komunikazzjoni li tkun inkarigata minnha l-Komunità Ewropea;

(2)

L-obbligi finanzjarji naxxenti minn dawk il-kuntratti jaqgħu taħt baġit speċifiku (minn hawn 'il quddiem “il-Baġit SISNET”) li jiffinanzja l-infrastruttura tal-komunikazzjoni msemmija f'dawk id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill.

(3)

L-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea bl-Att tal-Adeżjoni tal-2005 għandhom jiġu integrati fl-ewwel ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS 1+) f'data li għad trid tiġi deċiża mill-Kunsill skont l-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005. Minn dik id-data, dawk l-Istati Membri għandhom jipparteċipaw fil-baġit.

(4)

Liechtenstein għandu jipparteċipa fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen relatati mas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen mid-data li għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill konformement mal-Artikolu 10 tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunita' Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta' Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunita' Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen. Minn dik id-data Liechtenstein għandu jipparteċipa fil-baġit.

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/265/KE hija b'dan emendata kif ġej:

1.

Fl-Artikolu 25, għandhom jiġu inseriti il-paragrafi li ġejjin:

“(1a)   Mill-1 ta' Jannar 2010, il-lista ta' Stati msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi estiża għall-Bulgarija u r-Rumanija.

(1b)   Mill-1 ta' Jannar 2010, il-lista ta' Stati msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi estiża għall-Liechtenstein.”.

2.

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26 għandu jiġi mħassar.

3.

L-Artikolu 28 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Istati msemmijin fl-Artikolu 25 għandhom jintalbu jħallsu 70 % tal-kontribuzzjoni tagħhom sal-1 ta' April, u 30 % sal-1 ta' Ottubru.”;

(b)

il-paragrafu 1a għandu jiġi mħassar;

(c)

il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   B'deroga mill-paragrafu 1, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 49, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom iħallsu l-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom kollha għall-2010 sal-31 ta' Diċembru 2010. Liechtenstein għandu jħallas il-kontribuzzjoni rispettiva kollha tiegħu għall-2010 sal-31 ta' Diċembru 2010.”;

(d)

il-paragrafu 4 għandu jiġi mħassar.

4.

Il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 37 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Il-Kumitat Konsultattiv għandu jipprova jadotta l-opinjonijiet tiegħu permezz ta' kunsens. Jekk dan il-kunsens mhuwiex possibbli, il-Kumitat Konsultattiv għandu jadotta l-opinjonijiet tiegħu permezz ta' maġġoranza sempliċi tar-rappreżentanti tiegħu. Għandu jkun meħtieġ kworum ta' 19 sabiex il-proċedimenti jkunu validi. F'każ ta' parità ta' voti, il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv. Mid-data msemmija fl-Artikolu 25 (1a), għandu jkun meħtieġ kworum ta' 21.”.

5.

Il-punt (c) tal-Artikolu 49 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

l-aġġustament tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati msemmijin fl-Artikolu 25, sabiex jiġi stabbilit il-proporzjon tal-ispejjeż tal-installazzjoni tas-SISNET li kien hemm qabel li jridu jitħallsu mill-Istat l-ieħor. Dan il-perċentwali għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-proporzjon tar-riżorsi tal-VAT imħallas mill-Istat l-ieħor għat-total tar-riżorsi tal-VAT tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja preċedenti. Jekk m'hija disponibbli l-ebda dataq dwar ir-riżorsi tal-VAT, l-aġġustament tal- kontribuzzjonijiet għandhom jiġu kkalkulati abbażi tas-sehem ta' kull Stat Membru kkonċernat fil-GDP totali tal-Istati Membri imsemmijin fl-Artikolu 25. Il-perċentwali tal-kontribuzzjoni għandu jkun is-suġġett ta' “nota ta' kreditu” lill-Istati msemmijin fl-Artikolu 25, għal ammont pro rata tas-sehem tagħhom kif ikkalkolat skont l-Artikolu 26.”.

Artikolu 2

Fir-rigward ta' Liechtenstein, l-emendi previsti fl-Artikolu 1 għandu jkollhom effett ladarba jidħol fis-seħħ il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunita' Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta' Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunita' Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett mid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussel, it-30 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

B. ASK


(1)  ĠU L 337, 30.12.1999, p. 41.

(2)  ĠU L 66, 6.3.2007, p. 19.