1.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/79


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Novembru 2009

dwar in-noninklużjoni ta’ diphenylamine fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 9262)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/859/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b’mod partikolari r-raba’ sottoparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipula li Stat Membru, matul perjodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ dik id-Direttiva, jista’ jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva u li kienu diġà fis-suq sentejn wara n-notifika, waqt li dawk is-sustanzi jkunu qed jiġu investigati gradwalment fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

(2)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 1490/2002 (3) jistipulaw ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu vvalutati, bl-għan li possibbilment jiġu inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinkludi d-diphenylamine.

(3)

Għad-diphenylamine, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew eżaminati skont id-dispożizzjonijiet stipulati mir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 1490/2002 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawk ir-Regolamenti jinnominaw lill-Istati Membri relaturi li għandhom iressqu r-rapporti ta’ valutazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza Alimentari (EFSA) skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002. Għad-diphenylamine l-Irlanda kienet l-Istat Membru relatur u kull tagħrif rilevanti tressaq fl-20 ta’ Ġunju 2007.

(4)

Ir-rapport ta’ valutazzjoni saritlu reviżjoni inter pares mill-Istati Membri u l-EFSA fil-Grupp ta’ Ħidma tagħha għall-Valutazzjoni u ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Settembru 2008 fil-format tal-konklużjoni tal-EFSA fir-rigward tar-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva diphenylamine (4). Dan ir-rapport ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħet l-Annimali u ġie ffinalizzat fis-26 ta’ Frar 2009 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għad-diphenylamine.

(5)

Matul il-valutazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, ġew identifikati xi punti ta’ tħassib. Partikolarment, ma segħetx issir valutazzjoni affidabbli tal-esponiment tal-konsumatur, billi ma kienx hemm dejta dwar il-preżenza u t-tossiċità tal-metaboliti mhux identifikati tas-sustanza, kif ukoll dwar il-formazzjoni possibbli tan-nitrosamini matul il-ħżin tas-sustanza attiva u matul l-ipproċessar tat-tuffieħ ittrattat. Barra minn hekk, ma kienet disponibbli l-ebda dejta dwar il-prodott li jirriżulta mid-disintegrar jew ir-reazzjoni tar-residwi tad-diphenylamine fi prodotti pproċessati. Konsegwentement, ma setgħetx tintlaħaq konklużjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli li d-diphenylamine issodisfa l-kriterji għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(6)

Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex iressaq il-kummenti tiegħu fuq ir-riżultati tar-reviżjoni inter pares u dwar jekk kienx biħsiebu jkompli jappoġġa s-sustanza jew le. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu li ġew eżaminati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, il-punti ta’ tħassib identifikati ma setgħux jitneħħew, u l-valutazzjonijiet li saru fuq il-bażi tat-tagħrif ippreżentat u vvalutat matul il-laqgħat tal-esperti tal-EFSA ma wrewx li wieħed jista’ jistenna li, fil-kundizzjonijiet ta’ użu proposti, il-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom id-diphenylamine jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Għalhekk, id-diphenylamine m’għandux ikun inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

(8)

Għandhom jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom id-diphenylamine jiġu rtirati fi żmien preskritt u ma jiġux imġedda, u li ma jingħatawx awtorizzazzjonijiet ġodda għal prodotti bħal dawn.

(9)

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti minn Stat Membru għar-rimi, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom id-diphenylamine, għandu jkun limitat għal perjodu ta’ tnax-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jiġu użati fi staġun ieħor tat-tkabbir, li jiżgura li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom id-diphenylamine jistgħu jibqgħu jinkisbu mill-bdiewa sa 18-il xahar wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċizjoni.

(10)

Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax it-tressiq ta’ applikazzjoni għad-diphenylamine skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, li r-regoli ta’ implimentazzjoni dettaljati tiegħu ġew stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (5), bil-ħsieb li possibbilment jiġi inkluż fl-Anness I tagħha.

(11)

Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u Saħħet l-Annimali ma tax opinjoni dwar il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu u l-Kummissjoni b’hekk bagħtet proposta lill-Kunsill relatata ma’ dawn il-miżuri. Peress li, mal-iskadenza tal-perjodu stipulat fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, il-Kunsill la kien adotta l-miżuri proposti u lanqas ma indika li hu kontrihom, dawn għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-diphenylamine ma għandux ikun inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom id-diphenylamine jiġu irtirati sat-30 ta’ Mejju 2010;

(b)

l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom id-diphenylamine ma tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard mit-30 ta’ Mejju 2011.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

(3)  ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

(4)  Rapport Xjentifiku tal-EFSA (2008) 188. Konklużjoni dwar ir-reviżjoni esperta tad-diphenylamine (iffinalizzata fit-30 ta’ Settembru 2008).

(5)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.