7.11.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 291/40 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/820/PESK
tat-23 ta’ Ottubru 2009
dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu,
Billi:
(1) |
B’segwitu tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill lill-Presidenza fis-26 ta’ April 2002, bl-assistenza tal-Kummissjoni, biex tidħol f’negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika, ġew negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika żewġ Ftehimiet dwar il-koperazzjoni internazzjonali f’materji kriminali, wieħed dwar l-estradizzjoni u wieħed dwar l-assistenza legali reċiproka. |
(2) |
Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/516/KE tas-6 ta’ Ġunju 2003 (1), il-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika (2) u l-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika (3) ġew iffirmati f’isem l-Unjoni Ewropea fil-25 ta’ Ġunju 2003. |
(3) |
Il-Ftehimiet issa għandhom jiġu approvati. |
(4) |
Il-Ftehimiet jipprevedu fl-Artikolu 3(2) tagħhom li jridu jiġu skambjati strumenti bil-miktub bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Istati Membri tal-Unjoni dwar l-applikazzjoni ta’ trattati bilaterali. L-Artikolu 3(3) tal-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka jipprovdi obbligu simili għal dawk l-Istati Membri li m’għandhomx trattat ta’ għajnuna legali reċiproka mal-Istati Uniti. Dawn l-istrumenti bil-miktub ġew skambjati bejn l-Istati Membri kollha u l-Istati Uniti tal-Amerika. |
(5) |
Fid-19 ta’ Frar 2009 s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill innotifika lill-Istati Uniti tal-Amerika bid-desinjazzjonijiet skont l-Artikoli 2(3) u 10(2) tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni u skont l-Artikoli 4(3) u 8(2)(b) tal-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka, kif ukoll bil-limitazzjonijiet invokati taħt l-Artikolu 4(4) tal-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika huma b’dan approvati f’isem l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar il-persuna bis-setgħa, f’isem l-Unjoni Ewropea, li tiskambja l-istrumenti ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 22 tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika u fl-Artikolu 18 tal-Ftehim dwar l-għajnuna legali reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppublikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2009.
Għall-Kunsill
Il-President
T. BILLSTRÖM
(1) ĠU L 181, 19.7.2003, p. 25.
(2) ĠU L 181, 19.7.2003, p. 27.
(3) ĠU L 181, 19.7.2003, p. 34.