13.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 268/11


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Ottubru 2009

dwar id-definizzjoni tas-Servizz Elettroniku Ewropew tan-Nollijiet u l-elementi tekniċi tiegħu

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 7547)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/750/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-interoperabbiltà ta’ sistemi elettroniċi dwar taxxi [tan-nollijiet] tat-toroq fil-Komunità (1), u partikolarment l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2004/52/KE teħtieġ lill-Kummissjoni tiddefinixxi s-Servizz Elettroniku Ewropew tan-Nollijiet (EETS) skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2) tagħha.

(2)

Kuntratt uniku ma’ Fornitur wieħed tal-EETS għandu jippermetti li l-Utenti tal-EETS jħallsu n-nollijiet tagħhom fid-dominji kollha tan-netwerk Ewropew tat-toroq, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/52/KE permezz, fost l-oħrajn, ta’ tagħmir uniku ta’ abbord (OBE), li jista’ jintuża mad-dominji kollha tal-EETS.

(3)

Din id-deċiżjoni tkopri l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-kolletturi tan-nollijiet, il-fornituri tas-servizzi u l-utenti tat-toroq bil-ħsieb li tiżgura d-dikjarazzjoni korretta tan-nollijiet dovuti fil-kuntest tal-EETS.

(4)

L-introduzzjoni tal-EETS se tinvolvi l-proċessar ta’ dejta personali, li għandu jitwettaq strettament skont ir-regoli rilevanti tal-Komunità, kif stipulati, fost l-oħrajn, fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(5)

Il-Kolletturi tan-Nollijiet għandhom jagħtu aċċess għad-dominju tal-EETS lill-fornituri tal-EETS fuq bażi nondiskriminatorja.

(6)

Biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-aċċess nondiskriminatorju għad-dominij tal-EETS għall-Fornituri kollha tal-EETS, il-Kolletturi tan-Nollijiet għandhom jippubblikaw l-informazzjoni kollha meħtieġa marbuta mad-drittijiet tal-aċċess f'dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS.

(7)

L-EETS hija msejsa fuq il-prinċipji tat-trasparenza u l-effiċjenza u l-ipprezzar ġust.

(8)

Għandha tiġi żgurata proċedura ta’ konċiljazzjoni bil-ħsieb li jissolvew it-tilwimiet bejn il-Kolletturi tan-Nollijiet u l-fornituri tal-EETS waqt in-negozjati kuntrattwali u matul ir-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom. Il-Kolletturi tan-Nollijiet u l-Fornituri tal-EETS għandhom jikkonsultaw lill-Entitajiet Nazzjonali ta’ Konċiljazzjoni biex ifittxu s-soluzzjoni għal tilwim relatat mal-aċċess nondiskriminatorju għad-dominji tal-EETS.

(9)

Il-ġestjoni effiċjenti ta’ aċċess ġust u nondiskriminatorju għall-EETS, fosthom l-evitar ta’ piżijiet amministrattivi bla ħtieġa, titlob kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Entitajiet ta’ Konċiljazzjoni tal-Istati Membri (4) fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli Komunitarji, u fir-rigward tal-ġestjoni tal-appelli li jistgħu jsiru, minkejja l-possibbiltà ta’ eżami ġuridiku.

(10)

Il-Kolletturi tan-Nollijiet jista’ jkollhom politiki differenti għall-imposti għal kategoriji differenti ta’ utenti u/jew vetturi u ma għandhomx jiddiskriminaw bejn l-Utenti tal-EETS, fis-sens tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern dwar (5) (is-Servizzi Ġenerali).

(11)

L-Utenti tal-EETS mhumiex ser iħallsu nol ogħla milli kieku jħallsu għal nol korrispondenti nazzjonali/lokali.

(12)

Għal raġunijiet nazzjonali jew lokali, il-Kolletturi tan-Nollijiet jistgħu jkollhom jew joħolqu s-servizzi nazzjonali jew lokali speċifiċi tagħhom, b'sistemi manwali, awtomatiċi jew elettroniċi. L-EETS huwa servizz kumplimentari għas-servizzi elettroniċi tan-nollijiet nazzjonali jew lokali tal-Istati Membri għall-ħlas tan-nollijiet, iżda fejn l-Istati Membri għandhom sistemi ta’ nollijiet, għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iżidu l-użu tas-sistemi elettroniċi tan-nollijiet u jħabirku biex jiżguraw li tal-anqas 50 % tal-fluss tat-traffiku f'kull stazzjon tan-nollijiet jkun jista’ juża sistemi elettroniċi tan-nollijiet.

(13)

Il-politiki tan-nolleġġ huma msejsa fuq il-leġiżlazzjoni Ewropea, nazzjonali jew lokali; l-applikazzjoni tagħhom hija responsabbiltà tal-Kolletturi tan-Nollijiet. Kull Stat Membru jiddeċiedi b'mod nondiskriminatorju dwar il-monitoraġġ tad-dikjarazzjoni tan-nollijiet, f'konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea fejn japplika. L-EETS għandu jipprovdi mezzi interoperabbli għall-monitoraġġ ta’ jekk nol jkunx qed jiġi ddikjarat sew għall-vetturi li allegatament jkunu qegħdin jużaw l-EETS.

(14)

It-teknoloġija tan-noleġġ tippermetti, għall-benefiċċju tas-sikurezza tat-triq u t-tnaqqis tal-konġestjoni, li n-nollijiet jinġabru mingħajr l-użu ta’ ostakli fiżiċi li jiggarantixxu l-ġbir.

(15)

Id-dħul min-nollijiet ġeneralment jikkontribwixxi biex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż tal-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-infrastrutturi tat-trasport; trasportaturi li ma jħallsux in-nollijiet iċaħħdu lill-Istati Membri u lill-Komunità minn riżorsi finanzjarji għal dan l-iskop u jirbħu vantaġġ kompetittiv inġust meta mqabbla ma’ trasportaturi li jħallsu; l-evażjoni tan-nollijiet thedded l-għanijiet tal-politika tat-trasport f'termini tal-ġestjoni tat-traffiku, il-konġestjoni u t-tniġġis.

(16)

Huwa xieraq li jiġu ddefiniti rekwiżiti essenzjali li għandhom japplikaw għall-EETS għall-Komunità kollha.

(17)

L-EETS għandu aspetti tekniċi u organizzattivi. Ir-rekwiżiti essenzjali għandhom jiġu speċifikati għaż-żewġ aspetti biex jippermettu lill-interoperabbiltà tal-EETS taħdem minn kull lat. Speċifikazzjonijiet tekniċi huma meħtieġa għall-Komunità kollha, partikolarment fir-rigward tal-kostitwenti u l-interfaċċji, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tekniċi essenzjali.

(18)

Sabiex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet xierqa dwar il-proċeduri tal-akkwist fis-settur tat-toroq u partikolarment id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-awtoritajiet kontraenti għandhom jinkludu speċifikazzjonijiet tekniċi fl-avviżi tal-kuntratti jew f'dokumentazzjoni oħra, bħalma huma dokumenti ġenerali jew it-termini u l-kundizzjonijiet għal kull kuntratt. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jistgħu jiġu ddefiniti permezz ta’ referenza għal ċerti dokumenti; għal dan il-għan huwa meħtieġ li jinbena korp ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi sabiex iservi ta’ referenza.

(19)

Fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 2004/18/KE, speċifikazzjoni teknika tista’ tiġi ddefinita fost l-oħrajn permezz ta’ referenza għal standard Ewropew jew standard armonizzat, approvazzjoni teknika Ewropea jew speċifikazzjoni teknika komuni. L-istandards armonizzati għandhom jitfasslu minn entità Ewropea tal-istandardizzazzjoni bħall-Kumitat Ewropew għall-istandardizzazzjoni (KEI), il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (KEIET) jew l-Istitut Ewropew tal-Istandards fit-Telekomunikazzjoni (IEST), fuq ordni tal-Kummissjoni, u r-referenzi tagħhom ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (7);

(20)

Sistema internazzjonali ta’ standardizzazzjoni li tkun kapaċi tiġġenera standards li effettivament jintużaw minn dawk involuti fil-kummerċ internazzjonali u li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-politika Komunitarja, tkun fl-interess tal-Komunità. L-entitajiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni għandhom għalhekk jissoktaw bil-kooperazzjoni tagħhom mal-entitajiet internazzjonali għall-istandardizzazzjoni.

(21)

Aktar speċifikazzjonijiet tekniċi jew standards oħra jista’ jkollhom bżonn jiġu ddefiniti fi stadju aktar 'il quddiem. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jgħinu biex jitlestew ir-rekwiżiti tal-EETS li kienu ġew armonizzati fil-livell Komunitarju.

(22)

Il-proċeduri li jiggvernaw il-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u ta’ kemm hu xieraq l-użu ta’ partijiet tal-interoperabbiltà tal-EETS għandhom jiġu msejsa fuq l-użu tal-moduli koperti bid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Safejn ikun possibbli u biex jiġi mħeġġeġ l-iżvilupp industrijali, huwa xieraq li jitfasslu proċeduri li jinvolvu sistema tal-assigurazzjoni tal-kwalità. Dawn il-proċeduri għandhom jippermettu lill-entitajiet notifikati biex jivvalutaw il-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u l-adegwatezza għall-użu tal-partijiet tal-interoperabbiltà tal-EETS ħalli jkun żgurat, waqt l-istadji meta dawn jiġu ddisinjati, mibnija, imdaħħla fis-servizz u matul it-tħaddim, li r-riżultat ikun konformi mar-regoli u d-dispożizzjonijiet tekniċi u operattivi fis-seħħ. Dan għandu wkoll jippermetti li l-produtturi jkunu jistgħu iserrħu fuq trattament ugwali, ikun liema jkun il-pajjiż.

(23)

Dawn l-entitajiet notifikati għandhom jikkoordinaw id-deċiżjonijiet tagħhom mill-qrib kemm jista’ jkun.

(24)

Il-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tista’ ma tkunx biżżejjed biex tiġi vvalutata l-interoperabbiltà fuq il-post; marka KE dwar l-adegwatezza għall-użu hija għalhekk meħtieġa.

(25)

L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2004/52/KE, jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjonijiet b'rabta mad-definizzjoni tal-EETS skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni kkonferiti fuq il-Kummissjoni (9). Fejn xieraq, l-Anness għad-Direttiva 2004/52/KE jista’ jiġi modifikat għal raġunijiet tekniċi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2) ta’ dik id-Direttiva.

(26)

Id-Deċiżjoni attwali hija msejsa fuq il-ħidma li saret fil-proġetti pan-Ewropej tar-riċerka (10) sostnuti mill-Kummissjoni bl-involviment tal-partijiet interessati ewlenin, u fil-Gruppi tal-Esperti stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea, li jimmiraw biex jiddefinixxu preċiżament il-kontenut u l-istruttura organizzattiva tal-EETS.

(27)

Minħabba l-importanza tal-adozzjoni tal-EETS huwa utli li l-Kummissjoni twettaq eżami 18-il xahar wara id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-eżami ta’ nofs il-mandat b'rabta mal-progess miksub fl-adozzjoni tal-EETS, il-Kummissjoni megħjuna mill-Kumitat tan-Nollijiet Elettroniċi għandha tipproponi dawk il-miżuri neċessarji.

(28)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skont il-fehma tal-Kumitat tan-Nollijiet Elettroniċi stabbilit mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/52/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Din id-Deċiżjoni tiddefinixxi s-Servizz Elettroniku Ewropew tan-Nollijiet (EETS).

Tistipula l-ispeċifikazzjonijiet u r-rekwiżiti tekniċi neċessarji għal dak l-għan, u r-regoli kuntrattwali marbuta mal-forniment tal-EETS.

2.   Din id-Deċiżjoni tistipula d-drittijiet u l-obbligi tal-Fornituri tal-EETS, il-Kolletturi tan-Nollijiet u l-Utenti tal-EETS.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni:

(a)

“dominju tal-EETS” tfisser dominju tan-nollijiet li jaqa' fl-ambitu tad-Direttiva 2004/52/KE;

(b)

“Fornitur tal-EETS” tfisser entità legali li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 3 u li hija reġistrata fi Stat Membru fejn hija stabbilita, li tagħti aċċess għall-EETS lil-Utenti tal-EETS;

(c)

“Utenti tal-EETS” tfisser persuni (naturali jew legali) li jiffirmaw kuntratt ma’ Fornitur tal-EETS sabiex ikollhom aċċess għall-EETS;

(d)

“kostitwenti tal-interoperabbiltà” tfisser kwalunkwe komponent elementari, grupp ta’ komponenti, binja parzjali jew sħiħa ta’ tagħmir inkorporat jew maħsub biex jiġi inkorporat fl-EETS u li fuqhom tiddependi direttament jew indirettament l-interoperabbiltà tas-servizz u jinkludu kemm l-oġġetti tanġibbli kif ukoll dawk li mhumiex bħalma hu s-softwer;

(e)

“tagħmir ta’ abbord” tfisser is-sett sħiħ ta’ komponenti tal-ħardwer u s-softwer meħtieġ għall-forniment tal-EETS li huwa stallat abbord vettura sabiex jiġbor, jaħżen, jipproċessa u jirċievi/jittrażmetti dejta mill-bogħod;

(f)

“adegwatezza għall-użu” tfisser l-abbiltà ta’ kostitwent interoperabbli biex tikseb u ssostni prestazzjoni speċifikata waqt li tkun qed tintuża, integrata rappreżentantivament fl-EETS b'rabta mas-sistema ta’ Kollettur tan-Nollijiet;

(g)

“klassi tat-tariffa” tfisser is-sett ta’ vetturi trattati b’mod simili minn Kollettur tan-Nollijiet;

(h)

“skema tat-tariffi” tfisser l-allokazzjoni ta’ klassijiet tat-tariffi tan-nollijiet li għandhom jitħallsu, kif definiti minn Kollettur tan-Nollijiet;

(i)

“speċifikazzjoni teknika” tfisser speċifikazzjoni kif definita fl-Artikolu 23 u fl-Anness VI għad-Direttiva 2004/18/KE;

(j)

“nol” tfisser tariffa, taxxa jew imposta miġbura b'relazzjoni maċ-ċirkolazzjoni ta’ vettura f'dominju tan-nollijiet;

(k)

“Kollettur tan-Nollijiet” tfisser organizzazzjoni pubblika jew privata li tiġbor nollijiet għaċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi f'dominju tal-EETS;

(l)

“Dejta fil-Kuntest tan-Nol” tfisser l-informazzjoni definita mill-Kollettur responsabbli tan-Nollijiet biex jiġi stabbilit in-nol dovut għaċ-ċirkolazzjoni ta’ vettura f'dominju partikolari tan-nollijiet u tiġi konkluża t-tranżazzjoni tan-nol;

(m)

“dikjarazzjoni tan-nol” tfisser dikjarazzjoni lill-Kollettur tan-Nollijiet li tikkonferma ċ-ċirkolazzjoni ta’ vettura f'dominju tan-nol, f'format miftiehem bejn il-fornitur tas-servizz tan-nollijiet u l-Kollettur tan-Nollijiet;

(n)

“dominju tan-nol” tfisser żona fit-territorju tal-UE, parti min-netwerk Ewropea tat-toroq jew struttura bħalma hi mina, pont jew bastiment ta’ traġitt fejn jinġabar nol;

(o)

“reġim tan-nol” tfisser is-sett tar-regoli, fosthom ir-regoli tal-infurzar, il-taħthom jinġabar in-nol f'dominju tan-nol;

(p)

“tranżazzjoni tan-nol” tfisser azzjoni jew sekwenza ta’ azzjonijiet fejn dikjarazzjoni ta’ nol tgħaddi għand il-Kollettur tan-Nollijiet;

(q)

“parametri tal-klassifikazzjoni tal-vetturi” tfisser l-informazzjoni marbuta mal-vettura li fuqha jiġu kkalkulati n-nollijiet abbażi tad-Dejta fil-Kuntest tan-Nollijiet.

KAPITOLU II

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 3

Rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti mill-Fornituri tal-EETS

Il-Fornituri tal-EETS għandhom ifittxu reġistrazzjoni fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti, li għandha tingħata jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikollhom ċertifikazzjoni EN ISO 9001 jew l-ekwivalenti tagħha;

(b)

juru li għandhom it-tagħmir tekniku u d-dikjarazzjoni jew iċ-ċertifikat KE li juri l-konformità tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà kif stipulat fl-Anness IV(1) għal din id-Deċiżjoni;

(c)

juru kompetenza fil-forniment tas-servizzi elettroniċi tan-nollijiet jew f'dominji rilevanti;

(d)

ikunu f’pożizzjoni finanzjarja xierqa;

(e)

ikollhom pjan globali ta’ ġestjoni tar-riskju, li jiġi vverifikat mill-anqas kull sentejn;

(f)

ikollhom reputazzjoni tajba.

Artikolu 4

Drittijiet u obbligi tal-Fornituri tal-EETS

1.   Il-Fornituri tal-EETS għandhom jikkonkludu kuntratti tal-EETS li jkopru d-dominji kollha tal-EETS fi żmien 24 xahar wara r-reġistrazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 19.

Il-Fornitur tal-EETS għandu jkopri d-dominji kollha tal-EETS l-ħin kollu. Fil-każ ta’ tibdil fid-dominji tal-EETS jew għal kwalunkwe raġuni oħra li taffettwa l-kopertura sħiħa, il-fornitur għandu jistabbilixxi mill-ġdid il-kopertura sħiħa fi żmien sitt xhur.

2.   Il-Fornituri tal-EETS għandhom informaw lill-Utenti tal-EETS dwar il-kopertura tagħhom tad-dominji tal-EETS u dwar kwalunkwe tibdil fiha.

Il-Fornituri tal-EETS għandhom jagħmlu dikjarazzjoni annwali lill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni fir-rigward tal-kopertura tagħhom tad-dominji tal-EETS.

3.   Meta meħtieġ, il-Fornituri tal-EETS għandhom jipprovdu lill-Utenti tal-EETS b'OBE li jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi rilevanti stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Għandhom jipprovdu evidenza li dawk ir-rekwiżiti huma sodisfatti.

4.   Il-Fornituri tal-EETS għandhom jimmonitorjaw il-prestazzjoni tal-livell tas-servizz tagħhom. Għandhom ikollhom proċessi operazzjonali verifikati li jipprovdu għal miżuri xierqa li għandhom jittieħdu meta jinsabu problemi ta’ prestazzjoni jew ksur tal-integrità.

5.   Il-Fornituri tal-EETS għandhom jipprovdu servizz xieraq u appoġġ tekniku ħalli jiżguraw il-personalizzazzjoni korretta tat-tagħmir ta’ abbord. Il-Fornituri tal-EETS għandhom ikunu responsabbli għall-parametri fissi tal-klassifikazzjoni tal-vetturi maħżuna fit-tagħmir ta’ abbord jew fis-sistemi tal-informatika tagħhom. Il-Parametri varjabbli tal-klassifikazzjoni tal-vetturi, li jistgħu jvarjaw minn vjaġġ għall-ieħor jew matul vjaġġ u huma maħsuba li jiddaħħlu b'intervent minn ġol-vettura għandhom ikunu konfigurabbli permezz ta’ interfaċċja adegwata bejn il-bniedem u l-magna.

6.   Il-Fornituri tal-EETS għandhom iżommu listi tat-tagħmir ta’ abbord invalidat relatat mal-kuntratti tal-EETS tagħhom mal-Utenti tal-EETS. Dawn il-listi għandhom jinżammu f'konformità stretta mar-regoli tal-Komunità dawr il-protezzjoni tad-dejta personali kif stabbiliti, fost l-oħrajn, fid-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE.

7.   Il-Fornituri tal-EETS għandhom jagħmlu pubblika l-politika tagħhom dwar il-kuntratti fir-rigward tal-Utenti tal-EETS.

8.   Il-fatturazzjoni mill-Fornituri tal-EETS lill-Utenti tal-EETS individwali għandhom jiddistingwu biċ-ċar l-imposti għas-servizz tal-Fornitur tal-EETS u n-nollijiet imġarrba, u għandhom jispeċifikaw, sakemm l-utent ma jiddeċidix mod ieħor, tal-anqas, il-ħin u l-post li fih iġġarrbu n-nollijiet, kif ukoll il-kompożizzjoni marbuta mal-utent tan-nollijiet speċifiċi.

9.   Il-Fornituri tal-EETS għandhom jinformaw lil Utent tal-EETS malajr kemm jista’ jkun dwar kwalunkwe sitwazzjoni ta’ nol mhux ddikjarat marbuta mal-kont tiegħu u fejn possibbli joffrulu l-opportunità biex jirregolarizza l-kont qabel tittieħed xi azzjoni ta’ infurzar.

10.   Il-Fornituri tal-EETS għandhom jikkollaboraw mal-Kolletturi tan-Nollijiet fl-isforzi tagħhom ta’ infurzar.

Artikolu 5

Drittijiet u obbligi tal-Kolletturi tan-Nollijiet

1.   Fejn dominju tal-EETS ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet tekniċi u proċedurali tal-interoperabbiltà tal-EETS stabbiliti mid-Direttiva 2004/52/KE u minn din id-Deċiżjoni, il-Kollettur tan-Nollijiet responsabbli għandu jivvaluta l-problemi mal-partijiet interessati involuti u, jekk jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jieħu azzjonijiet ta’ rimedju bil-għan li jiżgura l-interoperabbiltà tal-EETS tas-sistema tan-nollijiet. Jekk jirriżulta l-każ, il-Kollettur tan-Nollijiet għandu jinforma lill-Istat Membru sabiex jiġi aġġornat ir-reġistru msemmi fl-Artikolu 19(1)(a).

2.   Kull Kollettur tan-Nollijiet għandu jiżviluppa u jżomm dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS li tistipula il-kundizzjonijiet ġenerali għall-Fornituri tal-EETS biex jaċċedu għad-dominji tagħhom tan-nollijiet, skont l-Anness I.

3.   Il-Kolletturi tan-Nollijiet għandhom jaċċettaw fuq bażi nondiskriminatorja lil kwalunkwe Fornitur tal-EETS li jitlob biex jipprovdi l-EETS fid-dominju/i tal-EETS taħt ir-responsabbiltà tal-Kollettur tan-Nollijiet.

L-aċċettazzjoni ta’ Fornitur tal-EETS f'dominju tan-nollijiet għandha tissejjes fuq il-konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS bil-għan li jitlestew negozjati fil-perjodu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 4(1) u jista’ wkoll jiġi soġġett għal kundizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi.

Jekk Kollettur tan-Nollijiet u Fornitur tal-EETS ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, il-kwistjoni tista’ tiġi rreferita lill-Entità ta’ Konċiljazzjoni responsabbli mid-dominju rilevanti tan-nollijiet.

4.   In-nol mitlub minn Kollettur tan-Nollijiet lill-Utenti tal-EETS ma għandux jaqbeż in-nol nazzjonali/lokali korrispondenti.

5.   Il-Kolletturi tan-Nollijiet għandhom jaċċettaw fid-dominji tagħhom tal-EETS kwalunkwe tagħmir operazzjonali ta’ abbord mill-Fornituri tal-EETS ma’ min għandhom relazzjonijiet kuntrattwali li ġew iċċertifikati skont l-Anness IV u li ma jidhirx fil-lista ta’ tagħmir ta’ abbord invalidat imsemmija fl-Artikolu 7(3).

Il-Kolletturi tan-Nollijiet għandhom iżommu fil-websajt tagħhom lista pubblika u b'aċċess pubbliku faċli tal-Fornituri kollha tal-EETS li magħhom għandhom kuntratt.

6.   Kollettur tan-Nollijiet jista’ jitlob il-kollaborazzjoni ta’ Fornitur tal-EETS sabiex iwettaq testijiet dettaljati u li ma jkunux imħabbra li jinvolvu l-vetturi li jkunu qed jiċċirkolaw jew li ċċirkolaw riċentement fid-dominju/i tal-EETS tal-Kollettur tan-Nollijiet. L-għadd ta’ vetturi sottomessi għal dawn it-testijiet matul sena għal Fornitur partikolari tal-EETS għandu jkun proporzjonat mal-medja annwali tat-traffiku jew tal-previżjonijiet tat-traffiku tal-Fornitur tal-EETS fid-dominju/i tal-EETS tal-Kollettur tan-Nollijiet.

7.   Fil-każ ta’ ħsara fl-EETS, liema ħsara tkun attribwibbli għall-Kollettur tan-Nollijiet, il-Kollettur tan-Nollijiet għandu jipprovdi għal mod ta’ servizz imnaqqas li jippermetti lill-vetturi bit-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 5 li jiċċirkolaw fis-sikurezza b'dewmien minimu u mingħajr ma jitqiesu bħala evażuri tan-nollijiet.

8.   Il-Kolletturi tan-Nollijiet għandhom jikkooperaw b'mod nondiskriminatorju mal-Fornituri tal-EETS u/jew il-produttur u/jew l-entità notifikata bil-ħsieb li tiġi vvalutata l-adegwatezza għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà fid-dominji tagħhom tan-nollijiet.

Artikolu 6

Dejta fil-Kuntest tan-Nollijiet

Il-Kolletturi tan-Nollijiet għandhom jikkomunikaw kwalunkwe tibdil fid-Dejta tagħhom fil-Kuntest tan-Nollijiet lill-Istat(i) Membru(i) li fihom ikun hemm id-dominji tagħhom tan-nollijiet fost l-oħrajn b'rabta ma’ dawn li ġejjin:

(a)

definizzjoni tad-dominju tal-EETS, partikolarment tal-estenzjoni ġeografika u l-infrastruttura tiegħu soġġetta għal nol;

(b)

natura tal-prinċipji tan-nol u l-imposti;

(c)

vetturi obbligati li jħallsu nol;

(d)

parametri tal-klassifikazzjoni tal-vetturi (bħalma hu l-għadd ta’ fusien, il-piż massimu permissibbli tat-trejler, tip ta’ sospensjoni, eċċ.) bl-indikazzjoni tagħhom fl-istruttura tat-tariffi tal-Kollettur tan-Nollijiet;

(e)

dikjarazzjonijiet meħtieġa tan-nol.

Artikolu 7

Nollijiet

1.   In-nol għandu jiġi ddeterminat mill-Kollettur tan-Nollijiet fost l-oħrajn skont il-klassifikazzjoni tal-vettura. Il-klassifikazzjoni ta’ vettura għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-parametri tal-klassifikazzjoni tal-vetturi fl-Anness VI. Fil-każ ta’ diskrepanza bejn il-klassifikazzjoni tal-vetturi użata mill-Fornitur tal-EETS u l-Kollettur tan-Nollijiet, għandha tiġi aċċettata l-klassifikazzjoni tal-Kollettur tan-Nollijiet, sakemm ma jkunx jista’ jintwera li hemm żball.

2.   Minbarra li jitlob ħlas mingħand fornitur tal-EETS għal kwalunkwe dikjarazzjoni bil-provi ta’ nol, Kollettur tan-Nollijiet jista’ jitlob ħlas mingħand Fornitur tal-EETS għal kwalunkwe nol li bil-provi ma jkunx iddikjarat, relatat ma’ kwalunkwe kont ta’ utent ġestit minn dak il-Fornitur tal-EETS.

3.   Fejn Fornitur tal-EETS jkun bagħat lil xi Kollettur tan-Nollijiet lista ta’ tagħmir ta’ abbord invalidat imsemmija fl-Artikolu 4(6), il-Fornitur tal-EETS ma għandux jinżamm responsabbli għal kwalunkwe nollijiet żejda mġarrba permezz tal-użu ta’ dan it-tagħmir ta’ abbord invalidat. L-għadd ta’ entrati fil-lista tal-OBE, il-format tal-lista u l-frekwenza tal-aġġornar tagħha għandhom jiġu miftiehma bejn il-Kolletturi tan-Nollijiet u l-Fornituri tal-EETS.

4   F'sistemi tan-nollijiet li jużaw il-microwave il-Kolletturi tan-Nollijiet għandhom jikkomunikaw dikjarazzjonijiet issostanzjati tan-nollijiet lill-Fornituri tal-EETS għan-nollijiet imġarrba mill-Utenti tal-EETS rispettivi tagħhom.

Artikolu 8

Kontabbiltà

Fejn organizzazzjoni tipprovdi servizzi kemm ta’ Kollettur tan-Nollijiet kif ukoll ta’ Fornitur tal-EETS, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jinżammu kontijiet separati tal-profitt u tat-telf u l-karti tal-bilanċ jinżammu u jiġu ppubblikati separatament għal kull tip ta’ attività u li jiġu esklużi sussidji min-naħa għall-oħra bejn iż-żewġ attivitajiet.

Is-sistemi tal-kontabbiltà għall-attivitajiet tal-Kollettur tan-Nollijiet u l-Fornitur tal-EETS għandhom jinżammu separati u ma jitħalltux ma’ kontijiet ta’ kwalunkwe tip ta’ attività oħra ħalli tkun tista’ ssir evalwazzjoni ċara tal-ispejjeż u l-benefiċċji marbuta mal-forniment tal-EETS.

Artikolu 9

Drittijiet u obbligi tal-Utenti tal-EETS

1.   L-Utenti tal-EETS jistgħu jabbonaw mal-EETS permezz ta’ kwalunkwe Fornitur tal-EETS, irrispettivament min-nazzjonalità, l-Istat tar-residenza jew l-Istat fejn tkun irreġistrata l-vettura. Meta jidħlu f'kuntratt, l-utenti tal-EETS għandhom jiġu infurmati kif xieraq dwar l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom u tad-drittijiet li jiġu mil-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta personali.

2.   L-Utenti tal-EETS għandhom jiżguraw li d-dejta kollha tal-utenti u tal-vetturi li jipprovdu lill-Fornitur tal-EETS jkunu korretti.

3.   L-Utenti tal-EETS għandhom jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jiżguraw li t-tagħmir ta’ abbord ikun operattiv waqt iċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi f'dominju tal-EETS.

4.   L-Utenti tal-EETS għandhom iħaddmu t-tagħmir ta’ abbord skont l-istruzzjonijiet tal-Fornitur tal-EETS, partikolarment peress li dawn japplikaw għad-dikjarazzjoni tal-parametri varjabbli tal-vetturi.

5.   Il-ħlas ta’ nol minn Utent tal-EETS lill-Fornitur tiegħu tal-EETS għandu jitqies li jissodisfa l-obbligi tal-ħlas li l-Utent tal-EETS jkollu fil-konfront tal-Kollettur rilevanti tan-Nollijiet.

KAPITOLU III

ENTITÀ TA’ KONĊILJAZZJONI

Artikolu 10

Stabbiliment u funzjonijiet

1.   Kull Stat Membru li jkollu minn tal-anqas dominju wieħed tal-EETS għandu jaħtar jew jistabbilixxi Entità ta’ Konċiljazzjoni sabiex tiffaċilita l-medjazzjoni bejn il-Kolletturi tan-Nollijiet li jkunu jinsabu fit-territorju tiegħu u l-Fornituri tal-EETS li jkollhom kuntratti jew jkunu jinsabu f'negozjati kuntrattwali ma’ dawn il-Kolletturi tan-Nollijiet. L-Entità ta’ Konċiljazzjoni għandha speċjalment tkun awtorizzata teżamina li l-kundizzjonijiet kuntrattwali imposti minn Kollettur tan-Nollijiet fuq Fornituri differenti tal-EETS ma jkunux diskriminatorji u jirriflettu b'mod ġust l-ispejjeż u r-riskji tal-partijiet fil-kuntratt.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-Entità ta’ Konċiljazzjoni tiegħu fl-istrutturi organizzattivi u legali tagħha tkun indipendenti mill-interessi kummerċjali tal-Kolletturi tan-Nollijiet u tal-Fornituri tal-EETS.

Artikolu 11

Proċedura ta’ Medjazzjoni

1.   Kollettur tan-Nollijiet jew Fornitur tal-EETS għandu jitlob lill-Entità rilevanti ta’ Konċiljazzjoni biex tintervjeni fi kwalunkwe tilwima marbuta mar-relazzjonijiet jew negozjati kuntrattwali tiegħu.

2.   L-Entità ta’ Konċiljazzjoni għandha tiddikjara fi żmien xahar wara li tirċievi talba biex tintervjeni jekk id-dokumenti kollha neċessarji għall-medjazzjoni humiex fil-pussess tagħha.

3.   L-Entità ta’ Konċiljazzjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar tilwima mhux aktar tard minn sitt xhur wara li tkun irċeviet it-talba biex tintervjeni.

4.   Sabiex jiffaċilitawlha ħidmietha, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lill-Entità ta’ Konċiljazzjoni biex titlob l-informazzjoni rilevanti mingħand il-Kolletturi tan-Nollijiet, il-Fornituri tal-EETS u kwalunkwe parti terza attiva fil-forniment tal-EETS fl-Istat Membru kkonċernat.

5.   L-Entitajiet nazzjonali ta’ Konċiljazzjoni għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar il-ħidma, il-prinċipji gwida u l-prattiki tagħhom.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TEKNIĊI

Artikolu 12

Servizz uniku kontinwu

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li L-EETS għandha tiġi pprovduta lill-Utenti tal-EETS bħala servizz uniku kontinwu. Dan ifisser li:

(a)

la darba l-parametri tal-klassifikazzjoni tal-vetturi, fosthom dawk varjabbli, inħażnu u/jew ġew ddikjarati, ma jkunx hemm bżonn ta’ aktar intervent uman fil-vetturi waqt vjaġġ sakemm ma jkunx hemm modifika fil-karatteristiċi tal-vettura;

(b)

interazzjoni umana ma’ biċċa tagħmir partikolari ta’ abbord għandha tibqa' l-istess, irrispettivament mid-dominju tal-EETS.

Artikolu 13

Rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti ml-EETS

1.   L-EETS għandha tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness III.

2.   Minbarra n-noleġġ, it-tagħmir tal-EETS ta’ abbord għandu jippermetti l-implimentazzjoni ta’ servizzi oħra fil-ġejjieni bbażati fil-post. L-użu tat-tagħmir tal-EETS ta’ abbord għall-finijiet ta’ servizzi oħra ma għandux jinterferixxi mal-operazzjonijiet tan-nollijiet f'xi dominju ieħor tan-nollijiet.

Artikolu 14

Kostitwenti tal-interoperabbiltà

1.   Il-kostitwenti tal-interoperabbiltà, fosthom l-interfaċċji, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II.

L-Istati Membri għandhom iqisu konformi mar-rekwiżiti rilevanti essenzjali dawk il-kostitwenti tal-interoperabbiltà li għandhom il-marka KE.

2.   Il-valutazzjoni tal-konformità mall-ispeċifikazzjonijiet u/jew l-adegwatezza għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà għandha titwettaq kif stipulat fl-Anness IV.

Il-kostitwenti tal-EETS tal-interoperabbiltà jista’ jkollhom il-marka KE jekk ikunu koperti b'dikjarazzjonijiet 'KE' tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u/jew l-adegwatezza għall-użu.

3.   Id-dikjarazzjonijiet tal-konformità mall-ispeċifikazzjonijiet u/jew l-adegwatezza għall-użu għandhom jinkitbu mill-produttur tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà, mill-Fornitur tal-EETS jew minn rappreżentant awtorizzat skont l-Anness IV.

Il-kontenut tad-dikjarazzjoni għandu jkun hekk kif inhu stipulat fil-Parti 3 tal-Anness IV.

4.   L-Istati Membri ma għandhomx, abbażi ta’ din id-Deċiżjoni, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jostakolaw it-tqegħid fis-suq ta’ kostitwenti tal-interoperabbiltà għall-użu fl-EETS meta dawn ikollhom il-marka KE jew dikjarazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjoniiet u/jew l-adegwatezza għall-użu. Partikolarment, ma jistgħux jitolbu verifiki li diġà jkunu twettqu bħala parti mill-proċedura għall-verifika tal-komformità mal-ispeċifikazzjonijiet u/jew l-adegwatezza għall-użu.

5.   Meta l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti tal-EETS jkunu ppubblikati wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tqis l-applikabbiltà tagħhom skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/52/KE.

KAPITOLU V

KLAWŻOLI TA’ SALVAGWARDJA

Artikolu 15

1.   Meta Stat Membru jkollu raġuni biex jaħseb li kostitwenti tal-interoperabbiltà li jkollhom il-marka KE u li tqiegħdu fis-suq x'aktarx li meta jintużaw kif suppost ma jissodisfawx ir-rekwiżiti essenzjali, għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jirrestrinġi l-firxa tal-applikazzjoni tagħhom, jipprojbixxi l-użu tagħhom jew jirtirahom mis-suq. L-Istat Membru għandhu minnufih jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda u jagħti r-raġunijet għad-deċiżjoni tiegħu li jasserixxu partikolarment jekk in-nuqqas fil-konformità huwiex dovut għal:

(a)

applikazzjoni mhux korretta tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;

(b)

inadegwatezza tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet konċernati malajr kemm jista’ jkun.

(a)

Meta, wara dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi li l-miżura hija ġġustifikata, għandha mill-ewwel tinforma lill-Istat Membru involut kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra.

(b)

Meta, wara dik il-konsultazzjoni mal-partijiet konċernati, il-Kummissjoni tistabbilixxi li l-miżura mhix iġġustifikata, għandha tinforma mill-ewwel lill-Istat Membru involut kif ukoll lill-produttur jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità u lill-Istati Membri l-oħra.

3.   Fejn kostitwenti tal-interoperabbiltà li jkollhom il-marka KE ma jikkomformawx mar-rekwiżiti tal-interoperabbiltà, l-Istat Membru kompetenti għandu jitlob lill-produttur jew lir-rappreżentat awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità sabiex jistabbilixxi mill-ġdid l-parti tal-interoperabbiltà għal stat ta’ konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u/jew l-adegwatezza għall-użu skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dak l-Istat Membru u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istat Membri l-oħra dwar dan.

Artikolu 16

Kwalunkwe deċiżjoni li tinvolvi l-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-adegwatezza għall-użu ta’ kostitwenti tal-interoperabbiltà u kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 15 għandha tistipula fid-dettall ir-raġunijet li fuqhom hija bbażata. Għandha tiġi nnotifikata malajr kemm jista’ jkun lill-parti konċernata, flimkien ma’ indikazzjoni tar-rimedji disponibbli taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru involut u l-limiti taż-żmien permessi għall-eżerċizzju ta’ dawn ir-rimedji.

KAPITOLU VI

ARRANĠAMENTI AMMINISTRATTIVI

Artikolu 17

Entitajiet notifikati

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kull entità awtorizzata biex twettaq jew tissorvelja l-proċedura għall-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-adegwatezza għall-użu msemmija fl-Artikolu IV, filwaqt li jindikaw il-qasam tal-kompetenza ta’ kull entità, u n-numri tal-identifikazzjoni miksuba minn qabel mingħand il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-lista tal-entitajiet, in-numru tal-identifikazzjoni u l-oqsma tal-kompetenza tagħhom, u għandha żżomm il-lista aġġornata.

2.   L-Istati Membri għandhom japplikaw il-kriterji pprovduti fl-Anness V għall-valutazzjoni tal-entitajiet li għandhom jiġu notifikati. L-entitajiet li jissodisfaw l-kriterji tal-valutazzjoni pprovduti fl-istandards rilevanti Ewropej għandhom jitqiesu li jissodisfaw l-istandards imsemmija.

3.   Stat Membru għandu jirtira l-approvazzjoni ta’ entità li ma tkunx għada tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Anness V. Għandu minnufih jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

4.   Jekk Stat Membru jew il-Kummissjoni jidhrilhom li entità notifikata minn Stat Membru ieħor ma tissodisfax il-kriterji rilevanti, il-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Kumitat tan-Nollijiet Elettroniċi, li għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien tliet xhur. Fid-dawl tal-opinjoni tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru involut dwar kwalunkwe tibdiliet meħtieġa biex l-entità notifikata tkun tista’ jżomm l-istatus li ngħatalha.

Artikolu 18

Grupp ta’ Koordinazzjoni

Grupp ta’ Koordinazzjoni (minn hawn 'il quddiem il-Grupp ta’ Koordinazzjoni) tal-entitajiet notifikati skont l-Artikolu 17(1) ta’ din d-Deċiżjoni għandu jiġi stabbilit bħala grupp ta’ ħidma tal-Kumitat tan-Nollijiet Elettroniċi, skont ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat.

Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni għandu jikkompila u jżomm lista komprensiva tal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u d-dokumenti normattivi li magħhom il-kostitwenti tal-interoperabbiltà jkunu jistgħu jiġu vvalutati għall-konformità mal-ispeċifikazzonijiet u l-adegwatezza għall-użu. Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni għandu jservi ta’ forum għad-diskussjoni ta’ kwalunkwe problema li tista’ tqum b'rabta mal-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità tal-ispeċifikazzjonijiet u tal-adegwatezza tal-użu u biex jipproponi soluzzjonijiet għal dawn il-problemi

Artikolu 19

Reġistri

1.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ din d-Deċiżjoni, kull Stat Membru għandu jżomm reġistru elettroniku nazzjonali ta’ dan li ġej:

(a)

id-dominji tal-EETS fit-territorju tiegħu, fosthom informazzjoni b'rabta ma':

il-Kolletturi korrispondenti tan-Nollijiet,

it-teknoloġiji użati tan-noleġġ,

id-Dejta fil-Kuntest tan-Nollijiet,

id-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS,

il-Fornituri tal-EETS li għandhom kuntratti tal-EETS mal-Kolletturi tan-Nollijiet attivi fiż-żona ta’ kompetenza tagħhom.

Stat Membru għandu jdaħħal il-modifiki fir-reġistru tal-Kolletturi tan-Nollijiet, fosthom fejn applikabbli d-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom, immedjatament wara li dawn il-modifiki jiġu adottati, filwaqt li jqis l-Anness VI(3) u (4);

(b)

il-Fornituri tal-EETS lil min ikun irreġistra skont l-Artikolu 3.

Sakemm ma jkunx isspeċifikat mod ieħor, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw tal-anqas darba fis-sena li r-rekwiżiti (a), (d), (e) u (f) fl-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) jkunu għadhom sodisfatti u jaġġornaw ir-reġistri kif xieraq. Ir-reġistru għandu jkun fih ukoll il-konklużjonijiet tal-awditjar previst fl-Artikolu 3(e). Stat Membru ma għandux jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet tal-Fornituri tal-EETS msemmija fir-reġistru tiegħu.

2.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-dejta kollha li tinsab fir-reġistru elettroniku nazzjonali tinżamm aġġornata u preċiża.

3.   Ir-reġistri għandhom ikunu elettronikament aċċessibbli għall-pubbliku.

4.   Dawn ir-reġistri għandhom ikunu disponibbli fi żmien 9 xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

5.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mir-reġistri għandhom jikkomunikaw b'mezzi elettroniċi lill-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni r-reġistri tad-dominji tal-EETS u tal-Fornituri tal-EETS fi tmiem kull sena tal-kalendarju. Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni u tal-Kummisjoni dwar kwalunkwe inkonsistenza fis-sitwazzjoni ta’ xi Stat Mmebru.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Sistemi pilota tan-nollijiet

Sabiex jippermettu l-iżvilupp tekniku tal-EETS, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw b'mod temporanju, f'partijiet limitati tad-dominju tagħhom tan-nollijiet u flimkien mas-sistema tal-ilmenti tal-EETS, sistemi pilota tan-nollijiet li jkun fihom teknoloġiji ġodda jew kunċetti ġodda li ma jikkonformawx ma’ xi dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/52/KE jew ta’ din id-Deċiżjoni.

Dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni min qabel tal-Kummissjoni. Il-perjodu inizjali ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet ma għandux jaqbeż it-3 snin.

Il-Fornituri tal-EETS ma għandhomx ikunu obbligati jieħdu sehem f'sistemi pilota tan-nollijiet.

Artikolu 21

Rapport

Sa mhux aktar tard minn 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport dwar l-istat ta’ fejn waslet l-adozzjoni tal-EETS.

Artikolu 22

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 124.

(2)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data [dejta] personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [dejta] (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(3)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data [dejta] personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(4)  Id-deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni prattika ta’ Entità ta’ Konċiljazzjoni b'funzjoni ta’ medjazzjoni tinsab f'idejn kull Stat Membru sakemm ir-rekwiżiti tal-Kapitolu IV li jiżgura aċċess ġust għall-Fornituri kollha tal-EETS għad-dominji nazzjonali tal-EETS jiġu sodisfatti.

(5)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(6)  Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114).

(7)  L-elementi ewlenin tal-Approċċ Ġdid ġew iddefiniti fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 1985 dwar approċċ ġdid għall-armonizzazzjoni u l-istandards tekniċi. (ĠU C 136, 4.6.1985, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

(9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(10)  Il-Proġetti CESARE u RCI.


ANNESS I

KONTENUT TAD-DIKJARAZZJONI TAD-DOMINJU TAL-EETS

Dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS għandha jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

1.

Taqsima dwar ir-rekwiżiti tal-Fornituri tal-EETS li għandha tinkludi tal-anqas l-imposti fissi imposti fuq il-Fornituri tal-EETS abbażi tal-ispejjeż tal-Kollettur tan-Nollijiet biex jipprovdi, jopera u jmantni sistema tal-ilmenti dwar is-sistema tal-EETS fid-dominju tiegħu meta dawn l-ispejjeż ma jkunx inklużi fin-nol.

Din tista’ tinkludi ukoll dispożizzjonijiet dwar garanzija bankarja jew strument finanzjarju ekwivalenti, li ma għandux jaqbeż l-ammont medju ta’ tranżazzjonijiet ta’ nollijiet fix-xahar imħallas mill-Fornitur tal-EETS għal dan id-dominju tan-nollijiet. Dan l-ammont għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-ammont totali ta’ tranżazzjonijiet ta’ nollijiet imħallas mill-Fornitur tal-EETS għal dan id-dominju tan-nollijiet fis-sena ta’ qabel. Għall-kumpaniji ġodda l-ammont għandu jiġi bbażat fuq il-medja tat-tranżazzjonijiet mistennija fix-xahar, dovuti lill-Fornitur tal-EETS għal dan id-dominju tan-nollijiet skont l-għadd ta’ kuntratti u n-nol medju għal kull kuntratt, kif stmata fil-pjan ta’ negozju tal-Fornitur tal-EETS.

2.

Taqsima fuq il-kundizzjonijiet proċedurali, li ma għandhomx ikunu diskriminatorji u jinkludu tal-anqas:

(a)

politika tat-tranżazzjoni tan-nollijiet (parametri tal-awtorizzazzjoni, id-dejta fil-kuntest tan-nollijiet, listi suwed eċċ.);

(b)

proċeduri u Ftehim fuq il-Livell tas-Servizz (bħalma hu l-format għall-komunikazzjoni tad-dejta tad-dikjarazzjoni tan-nollijiet, il-ħinijiet u l-perjodiċità għat-trasferiment tad-dejta tad-dikjarazzjoni tan-nollijiet, il-perċentwali aċċettabbli ta’ nollijiet maqbuża/żballjati, il-korrettezza tad-dikjarazzjoni tad-dejta tan-nollijiet, prestazzjoni operattiva disponibbli);

(c)

politika tal-fatturazzjoni;

(d)

politika tal-ħlas;

(e)

kundizzjonijiet kummerċjali, li għandhom jiġu miftiehma permezz ta’ negozjati bilaterali bejn il-Kollettur tan-Nollijiet u l-Fornitur tal-EETS fosthom ir-rekwiżiti tal-livell tas-servizz.


ANNESS II

RWOLI U INTERFAĊĊJI TAL-PARTIJIET INTERESSATI TAL-EETS

1.

L-Utenti tal-EETS ma jinteraġġixxux direttament mal-Kolletturi tan-Nollijiet bħala parti mill-EETS. L-interazzjonijiet bejn l-Utenti tal-EETS u l-Fornituri tal-EETS (jew l-OBE tagħhom) jistgħu jkunu speċifiċi għal kull Fornitur tal-EETS mingħajr ma jikkompromettu l-interoperabbiltà tal-EETS.

2.

L-interfaċċji elettroniċi bejn il-Fornituri tal-EETS u l-Kolletturi tan-Nollijiet jinqasmu f'żewġ kategoriji: Interfaċċji elettroniċi fil-ġenb tat-triq bejn l-OBE tal-Fornitur tal-EETS u t-tagħmir fiss jew mobbli tal-Kollettur tan-Nollijiet, u interfaċċji elettroniċi bejn is-sistemi rispettivi fl-uffiċċji.

3.

Bħala minimu, interfaċċji standardizzati fil-ġenb tat-triq bejn l-OBE u t-tagħmir fiss jew mobbli tal-Kollettur tan-Nollijiet għandhom jippermettu:

(a)

Tranżazzjonijiet tal-ħlas permezz tad-DSRC (Dedicated Short-Range Communication);

(b)

Tranżazzjonijiet f'ħin reali għall-verifika tal-konformità;

(c)

Informazzjoni ulterjuri għall-lokalizzazzjoni (fejn applikabbli).

Il-Fornituri tal-EETS għandhom jimplimentaw dawn it-tliet interfaċċji kollha fl-OBE tagħhom. Il-Kolletturi tan-Nollijiet jistgħu jimplimentaw kwalunkwe minn dawn l-interfaċċji jew kollha kemm huma fit-tagħmir fiss jew mobbli tagħhom tal-ġenb tat-triq skont il-ħtiġijiet tagħhom.

4.

Bħala minimu, l-interfaċċji standardizzati tal-uffiċċju li ġejjin għandhom jiġi implimentati mill-Fornituri kollha tal-EETS. Il-Kolletturi tan-Nollijiet għandhom jimplimentaw kull interfaċċja, imma jistgħu jagħżlu biss li jużaw proċess tal-ħlas jew bil-GNSS jew bid-DSRC.

(a)

L-iskambju tad-dejta tad-dikjarazzjoni tan-nollijiet bejn il-Fornituri tal-EETS u l-Kolletturi tan-Nollijiet, speċifikament:

is-sottomissjoni u l-validazzjoni tat-talbiet għal ħlas ta' nollijiet abbażi ta' tranżizzjonijiet tal-ħlas permezz tad-DSRC,

is-sottomissjoni u l-validazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tan-nollijiet permezz tal-GNSS.

(b)

Fatturazzjoni/ħlas;

(c)

L-iskambju tal-informazzjoni sabiex issostni trattamenti eċċezzjonali:

fil-proċess tal-ħlas permezz tad-DSRC,

fil-proċess tal-ħlas permezz tal-GNSS.

(d)

L-iskambju tal-listi suwed tal-EETS;

(e)

L-iskambju ta' oġġetti ta' fiduċja;

(f)

It-trażmissjoni tad-Dejta fil-Kuntest tan-Nollijiet mingħand il-Kolletturi tan-Nollijiet għal għand il-Fornituri tal-EETS.


ANNESS III

REKWIŻITI ESSENZJALI

1.   Rekwiżiti ġenerali

1.1.   Sikurezza/Saħħa

Kwalunkwe mezz maħsub biex jitħaddem mill-utenti għandu jkun iddisinjat b’mod li ma jfixkilx l-użu fis-sikurezza tal-mezz jew is-saħħa u s-sikurezza tal-utenti jekk jintuża b’mod prevedibbli iżda mhux skont l-istruzzjonijiet miktuba.

1.2.   Affidabbiltà u disponibbiltà

Il-monitoraġġ u l-manutenzjoni tal-komponenti fissi jew mobbli involuti fit-tħaddim tal-EETS għandhom jiġu organizzati, imwettqa u kkwantifikati b’mod li jkomplu jaħdmu fil-kundizzjonijiet intenzjonati.

Id-disinn tal-EETS għandu jkun tali li jippermetti lis-sistema tkompli xogħolha f’każ ta’ ħsara jew waqfien ta’ xi komponenti, possibbilment b’mod imnaqqas, bl-inqas dewmien għall-Utenti tal-EETS.

1.3.   Protezzjoni tal-ambjent

It-tagħmir ta’ abbord u l-infrastruttura fl-art għandhom ikunu ddisinjati u magħmulin b’tali mod li jkunu elettromanjetikament kompatibbli mal-istallazzjonijiet, mat-tagħmir u man-netwerks pubbliċi jew privati li magħhom jistgħu jinterferixxu.

1.4.   Kompatibbiltà teknika

Fejn ikunu qed jinteraġixxu fi ħdan il-qafas tal-EETS il-karatteristiċi tekniċi tat-tagħmir tal-Fornitur tal-EETS u tal-Kollettur tan-Nollijiet għandhom ikunu kompatibbli.

1.5.   Sigurtà/Privatezza

1.

L-EETS għandha tipprovdi l-mezzi biex tipproteġi lill-Kolletturi tan-Nollijiet, lill-Fornituri tal-EETS u l-Utenti tal-EETS kontra l-frodi/abbuż.

2.

L-EETS għandha tipprovdi karatteristiċi ta’ sigurtà b’rabta mal-protezzjoni tad-dejta maħżuna, ġestita u trasferita bejn il-partijiet interessati fl-ambjent tal-EETS. Il-karatteristiċi tas-sigurtà għandhom jipproteġu l-interessi tal-partijiet interessati tal-EETS minn danni jew ħsara kkaġunata minn nuqqas ta’ disponibbiltà, kunfidenzjalità, integrità, awtentikazzjoni, nonrifjut u protezzjoni tal-aċċess għal dejta sensittiva dwar l-utent kif xieraq f’ambjent Ewropew b’ħafna utenti.

2.   Rekwiżiti speċifiċi

2.1.   Rekwiżiti tal-infrastruttura

2.1.1.   Ġenerali

2.1.1.1.   Bil-ħsieb li tkun żgurata l-interoperabbiltà madwar il-Komunità kollha, għall-utenti, tas-sistemi elettroniċi tan-nollijiet li diġà ġew introdotti fl-Istati Membri u ta’ dawk li ser jiddaħħlu fil-ġejjieni fil-qafas tas-Servizz Elettroniku Ewropew tan-Nollijiet, is-sottosistema infrastrutturali tal-EETS għandha tkun konformi mad-Direttiva 2004/52/KE tal-Artikolu 2(1) u Artikolu 4(3).

2.1.1.2.   L-infrastruttura tal-EETS għandha tiżgura li l-korrettezza tad-dikjarazzjoni tan-nollijiet hija proporzjonata mar-rekwiżiti tar-reġim tan-nollijiet bil-ħsieb li jiġi żgurat trattament ugwali bejn l-Utenti tal-EETS fir-rigward tan-nollijiet u l-imposti (imparzjalità).

2.1.1.3.   F’konformità mar-rekwiżiti tal-interfaċċji tal-EETS deskritti fl-Anness II, għandhom jiġu implimentati protokolli komuni għall-komunikazzjoni bejn it-tagħmir tal-Kolletturi tan-Nollijiet u tal-Fornituri tal-EETS. Il-Fornituri tal-EETS għandhom, permezz ta’ kanali interoperabbli tal-komunikazzjoni, jipprovdu lill-Kolletturi tan-Nollijiet informazzjoni sikura relattiva mal-operazzjonijiet tan-noleġġ u l-kontroll/infurzar f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi applikabbli.

2.1.1.4.   L-EETS għandha tipprovdi mezzi lill-Kolletturi tan-Nollijiet sabiex faċilment u bla ambigwità jiskopru jekk vettura li qed tiċċirkola fid-dominju tan-nollijiet tagħhom u allegatament qed tuża l-EETS hijiex fil-fatt mgħammra bl-OBE tal-EETS vvalidat u jaħdem kif suppost li jipprovdi informazzjoni ġenwina.

2.1.1.5.   L-OBE għandu jipprovdi l-mezzi lill-Kolletturi tan-Nollijiet biex jidentifikaw il-Fornitur tal-EETS responsabbli. L-OBE għandu regolarment jissorvelja din il-funzjoni, jinvalida lilu nnifsu jekk tiġi skorperta irregolarità u fejn possibbli jinforma lill-Fornitur tal-EETS bl-anomalija.

2.1.1.6.   Fejn applikabbli, it-tagħmir tal-EETS għandu jiġi ddisinjat b’tali mod li l-kostitwenti tiegħu tal-interoperabbiltà jużaw standards miftuħa.

2.1.1.7.   It-tagħmir ta’ abbord tal-EETS għandu jipprovdi interfaċċja bejn il-bniedem u l-makna, li tindika lill-utent li l-OBE qed jiffunzjona sew, u interfaċja għad-dikjarazzjoni tal-parametri varjabbli tan-nollijiet kif ukoll għall-indikazzjoni tas-settings ta’ dawn il-parametri.

2.1.1.8.   L-OBE għandu jkun integrat b’mod sikur u żgur. L-immuntar tiegħu għandu jkun konformi mal-preskrizzjonijiet relattivi għall-kamp viżiv ta’ quddiem tal-vettura (1) u tal-muntaġġi interni (2).

2.1.1.9.   Fejn applikabbli l-Kolletturi tan-Nollijiet għandhom jinformaw lis-sewwieqa, permezz ta’ sinjali fil-ġenb tat-triq jew b’mezzi oħra, dwar il-ħtieġa li jħallsu nol jew imposta għaċ-ċirkolazzjoni ta’ vettura f’dominju tan-nollijiet, u partikolarment meta jidħlu jew joħorġu minn dominju tan-nollijiet.

2.1.2.   Sistemi tan-nollijiet li jużaw teknoloġiji tal-microwave

L-applikazzjonijiet tal-EETS li jużaw teknoloġiji tal-microwave għandhom ikunu kompatibbli:

għall-OBE tal-Fornituri tal-EETS: kemm mal-EN15509 u l-ETSI ES 200674-1 u r-Rapporti Tekniċi relatati tiegħu għall-implimentazzjoni tal-protokoll;

għat-tagħmir fiss jew mobbli tal-ġenb tat-triq tal-Kolletturi tan-Nollijiet: EN15509. Fl-Italja, it-tagħmir fiss jew mobbli tal-ġenb tat-triq tal-Kolletturi tan-Nollijiet jista’ minflok ikun kompatibbli mal-ETSI ES 200674-1 u r-Rapporti Tekiniċi relatati tiegħu għall-implimentazzjoni tal-protokoll.

2.1.3.   Sistemi tan-nollijiet li jużaw is-Sistemi Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)

Il-Fornituri tal-EETS għandhom jimmonitorjaw id-disponibbiltà tad-dejta tal-lokalizzazzjoni bis-satellita għan-Navigazzjoni u l-Pożizzjonar.

Il-Fornituri tal-EETS għandhom jinformaw lill-Kolletturi tan-Nollijiet dwar id-diffikultajiet li jista’ jkollhom biex jistabbilixxu d-dejta tad-dikjarazzjoni tan-nol b’rabta mar-riċezzjoni tas-sinjali tas-satellita. Il-Kolletturi tan-Nollijiet għandhom jużaw l-informazzjoni li jirċievu biex jidentifikaw l-oqsma problematiċi u, fejn meħtieġ, jipprovdu sinjali ulterjuri għal-lokalizzazzjoni, bi ftehim mall-Fornituri tal-EETS.

2.2.   Rekwiżiti tat-Tħaddim u l-Ġestjoni

1.

L-EETS għandu jissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-proċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment ħieles ta’ dik id-dejta. Partikolarment, għandha tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE.

2.

Il-Kolletturi tan-Nollijiet u l-Fornituri tal-EETS għandhom jistabbilixxu pjanijiet ta’ emerġenza bil-għan li jevitaw xkiel gravi tal-fluss tat-traffiku f’każ li l-EETS ma tkunx disponibbli.


(1)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 90/630/KEE tat-30 ta’ Ottubru 1990 li taddatta għall-progress tekniku tad-Direttiva tal-Kunsill 77/649/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward il-qasam ta’ viżjoni ta’ xufiera ta’ vetturi bil-mutur [motorizzati] (ĠU L 341, 6.12.1990, p. 20).

(2)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/4/KE tat-28 ta’ Frar 2000 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 74/60/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-muntaġġi interni tal-vetturi bil-mutur [motorizzati] (partijiet interni tal-kompartiment tal-passiġġieri minbarra l-mirja interni biex tara wara, it-tifsila tal-kontrolli, is-saqaf jew is-saqaf li jiżżerżaq, fejn jistrieħ id-dahar u l-warrani tas-sedili) (ĠU L 87, 8.4.2000, p. 22).


ANNESS IV

KONFORMITÀ MAL-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET U ADEGWATEZZA GĦALL-UŻU TAL-KOSTITWENTI TAL-INTEROPERABBILTÀ

DIKJARAZZJONIJIET “KE”

1.   Konformità mal-ispeċifikazzjonijiet

Biex tiġi vvalutata l-konformità tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà (fosthom it-tagħmir u l-interfaċċji tal-ġenb tat-triq) mar-rekwiżiti stipulati f’din id-deċiżjoni u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti kollha, il-produttur tal-partijiet tal-interoperabbiltà li ser jintużaw fil-forniment tal-EETS jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jagħżel il-proċeduri minn fost il-moduli elenkati fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE. B’riżultat, għandu jikteb id-dikjarazzjoni “KE” tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà, fejn applikabbli soġġett li jinkiseb ċertifikat tal-eżaminazzjoni minn entità notifikata.

Skont il-moduli tal-valutazzjoni tal-konformità magħżula tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, id-dikjarazzjoni “KE” tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tkopri l-valutazzjoni proprja tal-produttur jew il-valutazzjoni minn entità jew entitajiet nnotifikati tal-konformità intrinsika tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà, meqjusa weħidhom, mal-ispeċifikazzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti.

2.   Adegwatezza għall-użu (interoperabbiltà ta’ servizz)

L-adegwatezza għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà tiġi vvalutata permezz tat-tħaddim jew l-użu tal-partijiet fis-servizz, integrati b’mod rappreżentattiv fis-sistema EETS tan-nollijiet ta’ Kollettur/i tan-Nollijiet li fid-dominju tiegħu t-tagħmir ta’ abbord għandu jiċċirkola matul żmien speċifkat ta’ tħaddim.

Biex titwettaq eżaminazzjoni ta’ dan it-tip permezz tal-esperjenza tat-tħaddim bl-għan li tintwera l-interoperabbiltà tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà, il-produttur, il-Fornitur tal-EETS jew rappreżentant awtorizzat għandhom:

(a)

jew jikkollaboraw direttament mal-Kollettur/i tan-Nollijiet li fid-dominju tiegħu ser jiċċirkola t-tagħmir ta’ abbord. F’dan il-każ,

il-produttur, il-Fornitur tal-EETS jew rappreżentant awtorizzat għandu

1.

iħaddem kampjun (kompost minn element wieħed jew aktar) rappreżentattiv tal-produzzjoni prevista;

2.

jimmonitorja l-imġiba tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà waqt it-tħaddim skont proċedura miftiehma u mistħarrġa mill-Kollettur/i tan-Nollijiet;

3.

jagħti prova lill-Kollettur/i tan-Nollijiet li l-kostitwenti tal-interoperabbiltà jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-interoperabbiltà ta’ dan (dawn) il-Kollettur/i tan-Nollijiet;

4.

iħejji Dikjarazzjoni tal-adegwatezza għall-użu, soġġetta għall-ksib ta’ attestazzjoni tal-adegwatezza għall-użu maħruġa mill-Kollettur/i tan-Nollijiet. Id-Dikjarazzjoni tal-adegwatezza tal-użu tkopri l-valutazzjoni mill-Kollettur/i tan-Nollijiet tal-adegwatezza għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà tal-EETS fl-ambjent tal-EETS ta’ dan (dawn) il-Kollettur/i tan-Nollijiet;

u l-Kollettur/i tan-Nollijiet għandu:

1.

jaqbel mal-programm għall-validazzjoni permezz tal-esperjenza tat-tħaddim;

2.

japprova l-proċedura tal-monitoraġġ tal-imġiba waqt it-tħaddim fid-dominji tiegħu (tagħhom) tan-nollijiet u jwettaq verifiki speċifiċi;

3.

jivvaluta l-interoperabbiltà waqt it-tħaddim mas-sistema tiegħu (tagħhom);

4.

jattesta l-adegwatezza għall-użu fid-dominji tiegħu (tagħhom) tan-nollijiet f’każ tal-imġiba b’suċċess tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà.

(b)

jew japplika għand entità notifikata. F’dan il-każ,

il-produttur, il-Fornitur tal-EETS jew rappreżentant awtorizzat għandu:

1.

iħaddem kampjun (kompost minn element wieħed jew aktar) rappreżentattiv tal-produzzjoni prevista;

2.

jimmonitorja l-imġiba waqt it-tħaddim tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà skont proċedura miftiehma u mistħarrġa mill-entità notifikata (armonizzata mal-Moduli relatati tad-Deċiżjoni 768/2008/KE);

3.

jagħti prova lill-entità notifikata li l-kostitwenti tal-interoperabbiltà jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta’ din id-deċiżjon, fosthom ir-riżultati tal-esperjenza tat-tħaddim;

4.

iħejji d-Dikjarazzjoni “KE” tal-adegwatezza għall-użu, soġġetta għall-ksib ta’ ċertifikat tal-adegwatezza għall-użu maħruġ mill-entità notifikata. Id-dikjarazzjoni “KE” tal-adegwatezza għall-użu jkopri l-valutazzjoni/ġudizzju mill-entità notifikata tal-adegwatezza għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà, meqjusa fl-ambjent tal-EETS tal-Kollettur/i tan-Nollijiet magħżul, f’każijiet partikolari fejn l-interfaċċji involuti, b’rabta mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, partikolarment dawk ta’ natura funzjonali, li għandhom jiġu vverifikati;

u l-entità notifikata għandha:

1.

tqis id-dikjarazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet. Għalhekk l-eżaminazzjoni waqt it-tħaddim ma għandhiex tivvaluta mill-ġdid l-ispeċifikazzjonijiet tat-tip diġà koperti mid-dikjarazzjoni tal-konformità, ħlief fejn hemm evidenza li l-problemi misjuba ta’ nuqqas ta’ interoperabbiltà huma marbuta ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet;

2.

torganizza l-kollaborazzjoni bejn il-Kollettur/i tan-Nollijiet magħżul/a mill-produttur;

3.

tivverifika d-dokumentazzjoni teknika u l-programm għall-validazzjoni permezz tal-esperjenza tat-tħaddim;

4.

tapprova l-proċedura tal-monitoraġġ tal-imġiba waqt it-tħaddim u twettaq sorveljanza speċifika;

5.

tivvaluta l-interoperabbiltà waqt it-tħaddim mas-sistema tal-Kollettur/i tan-Nollijiet u l-proċessi operattivi;

6.

toħroġ ċertifikat tal-adegwatezza għall-użu f’każ tal-imġiba b’suċċess tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà;

7.

toħroġ rapport ta’ spjegazzjoni f’każ tal-imġiba bla suċċess tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà. Ir-rapport għandu jqis ukoll il-problemi li jistgħu jqumu b’riżultat ta’ nuqqas ta’ konformità tas-sistemi u l-proċessi ta’ Kollettur tan-Nollijiet mal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti. Jekk xieraq, ir-rapport għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet bl-għan li jissolvew il-problemi.

3.   Kontenut tad-dikjarazzjonijiet “KE”

Id-dikjarazzjoni “KE” tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u tal-adegwatezza għall-użu u d-dokumenti anċillari għandhom ikunu ddatati u ffirmati.

Id-dikjarazzjonijiet għandhom jinkitbu bl-istess lingwa tal-istruzzjonijiet u għandhom jkun fihom dan li ġej:

(a)

referenzi tad-Direttivi;

(b)

isem u l-indirizz tal-produttur, il-Fornitur tal-EETS jew ir-rappreżentant awtorizzat stabbilit fil-Komunità (agħti isem in-negozju u l-indirizz sħiħ, fil-każ ta’ rappreżentant awtorizzat, agħti wkoll l-isem kummerċjali tal-produttur jew il-kostruttur);

(c)

deskrizzjoni tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà (għamla, tip, verżjoni, eċċ.);

(d)

deskrizzjoni tal-proċedura segwita biex ġiet iddikjarata l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-adegwatezza għall-użu;

(e)

ir-rekwiżiti kollha rilevanti milħuqa mill-kostitwenti tal-interoperabbiltà u, partikolarment, il-kundizzjonijiet tagħhom għall-użu;

(f)

fejn applikabbli, isem u l-indirizz tal-Kollettur/i tan-Nollijiet/entità(ajiet) nnotifikati involuti fil-proċedura segwita fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew tal-adegwatezza għall-użu;

(g)

fejn xieraq, referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;

(h)

identifikazzjoni tal-firmatarju awtorizzat li jikkommetti f’isem il-produttur jew ir-rappreżentant awtorizzat tal-produttur stabbilit fil-Komunità.


ANNESS V

KRITERJI MINIMI LI GĦANDHOM JITQIESU MILL-ISTATI MEMBRI META JINNOTIFIKAW L-ENTITAJIET

(a)

L-entità għandha tkun akkreditata skont is-serje tal-istandards EN 45000;

(b)

L-entità jew il-persunal responsabbli għall-verifiki għandu jagħmel il-verifiki bl-akbar integrità professjonali possibbli u bl-ikbar kompetenza teknika possibbli u għandu jkun ħieles minn kwalunkwe pressjoni u inċentiv, partikolarment ta' tip finanzjarju, li jistgħu jaffettwaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-ispezzjoni tagħhom, partikolarment minn persuni jew gruppi ta' persuni affettwati mir-riżultati tal-verifiki;

(c)

L-entità, id-Direttur tagħha u l-persunal responsabbli mit-twettiq jew is-superviżjoni ma jistax jinvolvi ruħu, kemm direttament kif ukoll bħala rappreżentant awtorizzat, fid-disinn, il-produzzjoni, il-kostruzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni jew il-manutenzjoni tal-kostitwenti tal-interoperabbiltà jew fl-użu tagħhom. Dan ma jeskludix il-possibbiltà ta' skambju ta' informazzjoni teknika bejn il-produttur jew il-kostruttur u dik l-entità;

(d)

L-entità għandha tippossjedi jew ikollha aċċess għall-mezzi meħtieġa biex twettaq adegwatment il-kompiti tekniċi u amministrattivi marbuta mal-verifiki;

(e)

Il-persunal responsabbli għall-verifiki għandu jkollu:

taħriġ tekniku u professjonali xieraq,

għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti relatati mal-verifiki li huma jwettqu u prattika suffiċjenti f'dawk il-verifiki,

il-kapaċità li jħejji ċertifikati, reġistri u rapporti li jikkostitwixxu r-reġistrazzjoni formali tal-ispezzjonijet li twettqu;

(f)

L-indipendenza tal-persunal responsabbli għall-verifiki għandha tkun garantita. L-ebda uffiċjal ma għandu jitħallas abbażi tal-għadd ta' verifiki mwettqa jew tar-riżultati ta' dawk il-verifiki;

(g)

L-entità għandha toħroġ polza tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili sakemm dik ir-responsabbiltà mhix koperta mill-Istat skont il-liġi nazzjonali jew sakemm il-verifiki jitwettqu direttament minn dak l-Istat Membru;

(h)

Il-persunal tal-entità huwa marbut bis-sigriet professjonali fir-rigward ta' dak kollu li jsir jaf waqt il-qadi ta' dmirijietu (bl-eċċezzjoni tal-awtoritajiet amministrattivi kompetenti fl-Istat li fih iwettqu dawk l-attivitajiet) skont din id-Direttiva 2004/52/KE u din id-Deċiżjoni jew kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva.


ANNESS VI

PARAMETRI TAL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-VETTURI

1.   Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.1.

Is-sett tal-parametri tal-klassifikazzjoni tal-vetturi li għandu jiġi sostnut ml-EETS ma għandux jirrestrinġi l-għażla tal-iskemi tat-tariffi mill-Kolletturi tan-Nollijiet. L-EETS għandu jkun flessibbli sabiex jippermetti lis-sett tal-parametri tal-klassifikazzjoni jevolvi skont il-ħtiġijiet prevedibbli tal-ġejjieni.

1.2.

Kollettur tan-Nollijiet għandu jikkomunika l-korrispondenza bejn is-sett użat ta’ parametri tal-klassifikazzjoni tal-vetturi u l-klassijiet tiegħu tat-tariffi tal-vetturi għal kull skema ta’ tariffi applikata f'dominju tan-nollijiet taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 19 tal-anqas 3 xhur qabel l-użu tagħhom.

1.3.

Kollettur tan-Nollijiet għandu jippubblika l-korrispondenza tal-tal-klassijiet tiegħu tat-tariffi tal-vetturi mal-istruttura tiegħu tat-tariffi għal kull skema ta’ tariffi applikata f'dominju tan-nollijiet taħt ir-responsabbiltà tiegħu skont id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 19.

2.   Parametri tal-Klassifikazzjoni tal-Vetturi

2.1.

Bla ħsara għad-Dispożizzjoni Ġenerali 1.1 ta’ hawn fuq, Kollettur tan-Nollijiet jista’ juża bħala parametri tal-klassifikazzjoni tal-vetturi:

(a)

kwalunkwe parametri li jistgħu jitkejlu mingħajr ambigwità bit-tagħmir tiegħu tal-ġenb tat-triq;

(b)

kwalunkwe parametru tal-vetturi li huwa kompatibbli mal-istandard EN15509 u l-ETSI ES 200674-1 u r-Rapporti Tekiniċi relatati tiegħu għall-implimentazzjoni tal-protokoll;

(c)

il-parametri tal-vetturi li huma mandatorji fid-dokumenti tar-reġistrazzjoni tal-vetturi (1) u kif standardizzati fis-CEN ISO/TS24534;

(d)

il-parametri varjabbli tal-klassifikazzjoni tal-vetturi attwalment użati fis-sistemi tan-nollijiet eż. l-għadd ta’ fusien (inklużi il-fusien mgħollija), il-preżenza ta’ trejler eċċ.;

(e)

il-parametri ambjentali li ġejjin;

il-klassi tal-emissjonijiet tal-vettura, jiġifieri l-kategorija ambjentali tagħha skont id-Direttiva tal-Kunsill 88/77/KEE (2) u d-Direttiva 2006/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

parametru armonizzat b'rabta mas-CO2, eż. il-kodiċi Komunitarju armonizzat V.7 fil-dokumenti tal-vetturi reġistrati.

2.2.

Meta jiċċirkola f'dominju tan-nollijiet, it-tagħmir ta’ abbord ta’ vettura għandu jkun kapaċi jikkomunika l-parametri tal-klassifikazzjoni tal-vettura tiegħu u l-informazzjoni dwar l-istat tal-OBE lit-tagħmir tal-monitoraġġ tad-dikjarazzjoni tan-nollijiet tal-Kollettur tan-Nollijiet.

3.   Parametri Ġodda tal-Klassifikazzjoni tal-Vetturi

Fil-każ li Kollettur tan-Nollijiet jkun bi ħsiebu jintroduċi parametri ġodda għall-klassifikazzjoni tal-vetturi, l-Istat Membru fejn huwa rreġistrat il-Kollettur tan-Nollijiet għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar dan. Il-Kummissjoni għandha tirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat tan-Nollijiet Elettroniċi previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/52/KE u toħroġ l-opinjoni tagħha fi żmien sitt xhur, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/52/KE.

4.   Skemi Ġodda ta’ Tariffi

4.1.

Fejn skema ġdida ta’ tariffi tkun ibbażata fuq il-parametri tal-klassifikazzjoni tal-vetturi li diġà jintużaw f'tal-anqas dominju wieħed tal-EETS, il-Fornituri tal-EETS għandhom isostnu l-iskema l-ġdida tat-tariffi sa mid-data tad-dħul tagħha fis-seħħ.

4.2.

Fejn skema ġdida tat-tariffi tintroduċi parametri ġodda tal-klassifikazzjoni tal-vetturi, għandha tiġi segwita l-proċedura skont l-punt 3.


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta’ April 1999 dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU L 138, 1.6.1999, p. 57).

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 88/77/KEE tat-3 ta’ Diċembru 1987 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjoni ta’ inkwinanti gassużi u partikulati minn magni li jaħdmu b’compression ignition għall-użu f’vetturi, u l-emissjoni ta’ inkwinanti gassużi minn magni b’positive ignition li jaħdmu bil-gass naturali jew bil-gass likwidu tal-petroljum għall-użu f’vetturi (ĠU L 36, 9.2.1988, p. 33).

(3)  Id-Direttiva 2006/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU L 157, 9.6.2006. p. 8).