30.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/35


DEĊIŻJONI Nru 568/2009/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2009

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE li tistabbilixxi Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, partikolarment l-Artikoli 61 (c) u (d) u 66, u t-tieni inċiż tal-Artikolu 67(5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-qasam ċivili u kummerċjali bejn l-Istati Membri (in-Netwerk) ġie stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 2001/470/KE (3) tal-Kunsill għaliex kien ikkunsidrat illi l-istabbiliment ta’ żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja kien jirrikjedi titjib, semplifikazzjoni u tħaffif tal-kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva bejn l-Istati Membri, kif ukoll l-aċċess effettiv għall-ġustizzja għal persuni involuti f’tilwim transkonfinali. Id-data tal-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni kienet l-1 ta’ Diċembru 2002.

(2)

Il-Programm tal-Aja dwar it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, adottat mill-Kunsill Ewropew fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 (4), isejjaħ sabiex isiru sforzi supplementari sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili. B’mod partikolari, dan jenfasizza l-implimentazzjoni effettiva tal-atti adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-qasam ċivili kif ukoll fuq il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-membri tal-professjonijiet legali bil-ħsieb li tiġi stabbilita prattika aħjar.

(3)

Skont l-Artikolu 19 tad-Deċiżjoni 2001/470/KE, fis-16 ta’ Mejju 2006 il-Kummissjoni ppreżentat rapport fuq il-ħidma tan-Netwerk. Dan ir-rapport ikkonkluda li, filwaqt li l-għanijiet iffissati fl-2001 ġeneralment intlaħqu, madankollu n-Netwerk kien għadu ‘l bogħod milli jiżviluppa l-potenzjalitajiet tiegħu kollha.

(4)

Sabiex ikun assigurat it-twettiq tal-għanijiet tal-Programm tal-Aja fil-qasam tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u ta’ aċċess għall-ġustizzja u bi preparazzjoni għat-tkabbir prevedibbli tax-xogħolijiet tan-Netwerk fis-snin li ġejjin, in-Netwerk għandu jkollu qafas ġuridiku adattat aktar sabiex jiżdiedu l-mezzi ta’ azzjoni tiegħu.

(5)

Huwa indispensabbli li jintlaħqu kondizzjonijiet operattivi aqwa għan-Netwerk fl-Istati Membri permezz ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali u, b’hekk, li jissaħħaħ ir-rwol tal-punti ta’ kuntatt kemm fil-qafas tan-Netwerk u kemm fir-rigward tal-imħallfin u tal-professjonijiet legali.

(6)

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jevalwaw ir-riżorsi li għandhom bżonn li jagħmlu disponibbli lill-punti ta’ kuntatt sabiex ikunu jistgħu jwettqu bis-sħiħ id-dmirijiet tagħhom. Id-distribuzzjoni interna tal-kompetenzi fl-Istati Membri dwar il-finanzjament tal-attivitajiet tal-membri nazzjonali tan-Netwerk m’għandhomx ikunu affettwati minn din id-Deċiżjoni.

(7)

Għall-istess għan, huwa neċessarju li jkun hemm punt ta’ kuntatt jew punti ta’ kuntatt f’kull Stat Membru li jkunu kapaċi jwettqu l-funzjonijiet assenjati lilhom. Jekk ikun hemm aktar minn punt ta’ kuntatt wieħed, l-Istat Membru għandu jiżgura li jkun hemm koordinament effettiv bejniethom.

(8)

Fil-futur, fil-każ li tintagħżel il-liġi ta’ Stat Membru ieħor permezz ta’ strument Komunitarju jew internazzjonali, il-punti tal-kuntatt tan-Netwerk għandhom jieħdu sehem fil-qasam tal-informazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u barra mill-qorti fl-Istati Membri fuq il-kontenut tal-liġi barranija.

(9)

It-trattament tat-talbiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja mill-punti tal-kuntatt għandu jsir b’ħeffa kompatibbli mal-għanijiet ġenerali mixtieqa mid-Deċiżjoni.

(10)

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-limiti ta’ żmien previsti f’din id-Deċiżjoni, għandu jiġi applikat ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perijodi, dati u limiti ta’ żmien (5).

(11)

L-iskop tar-reġistru elettroniku huwa li jipprovdi informazzjoni bil-ħsieb tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tan-Netwerk u tal-applikazzjoni prattika tal-istrumenti Komunitarji. Għalhekk, m’għandux jinkludi l-informazzjoni kollha skambjata bejn il-punti ta’ kuntatt.

(12)

L-assoċjazzjonijiet professjonali li jirrappreżentaw il-professjonisti legali, b’mod partikolari l-avukati, is-solicitors, il-barristers, in-nutara u l-marexxalli li huma involuti direttament fl-applikazzjoni tal-istrumenti Komunitarji u internazzjonali rigward il-ġustizzja ċivili jistgħu jsiru membri tan-Netwerk fuq il-bażi tal-organizzazzjonijiet nazzjonali tagħhom sabiex jikkontribwixxu, flimkien mal-punti ta’ kuntatt, għal x’uħud mill-impenji u l-attivitajiet speċifiċi tan-Netwerk.

(13)

Sabiex jiġu żviluppati l-missjonijiet tan-Netwerk fil-qasam tal-aċċess għall-ġustizzja, il-punti tal-kuntatt fl-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu biex jipprovdu lill-pubbliku informazzjoni ġenerali, bl-użu tal-faċilitajiet teknoloġiċi l-iżjed adatti u billi jipprovdu, tal-anqas, fuq il-websajt tal-Ministeri tal-Ġustizzja tal-Istati Membri, link għall-websajt tan-Netwerk u għall-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni konkreta tal-istrumenti. Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tkun interpretata bħala li qed timponi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jippermettu aċċess dirett lill-pubbliku għall-punti ta’ kuntatt.

(14)

Waqt l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, għandu jittieħed kont tal-introduzzjoni gradwali tas-sistema tal-e-ġustizzja (e-justice) Ewropea li hija intenzjonata, b’mod partikolari, biex tiffaċilita l-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-aċċess għall-ġustizzja.

(15)

Sabiex tittejjeb il-kunfidenza reċiproka bejn l-imħallfin fl-Unjoni u s-sinerġiji bejn in-netwerks Ewropej li jipparteċipaw, in-Netwerk għandu jkun jista’ jżomm ir-relazzjonijiet man-netwerks l-oħra Ewropej li jaqsmu l-istess għanijiet, partikolarment in-netwerks ta’ istituzzjonijiet ġudizzjarji u tal-imħallfin.

(16)

Sabiex jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali, in-Netwerk għandu jiżviluppa kuntatti man-netwerks l-oħra ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja madwar id-dinja, kif ukoll mal-organizzazzjonijiet internazzjonali li jippromwovu l-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali.

(17)

Sabiex tippermetti monitoraġġ regolari tal-progress miksub fit-twettiq tal-għanijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE kif emendata b’din id-Deċiżjoni, jeħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-attivitajiet tan-Netwerk lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

(18)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(19)

Peress li l-għan ta’ din id-Deċiżjoni ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista’, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Deċiżjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tieħu miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif iddikjarat fl-imsemmi Artikolu tat-Trattat, din id-Deċiżjoni ma tmurx ‘lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq dak l-għan.

(20)

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dawn l-Istati nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jipparteċipaw fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(21)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dan l-Istat Membru m’hux ser jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhux marbut minnha, jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2001/470/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

il-punt (c) għandu jiġi mibdul b’li ġej:

“(c)

il-maġistrati tal-kooprazzjoni li għalihom tapplika l-Azzjoni Konġunta 96/277/JAI tat-22 ta’ April 1996 li tirrigwarda qafas għall-iskambju tal-maġistrati tal-koperazzjoni sabiex tittejjeb il-koperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (*), meta dawn ikollhom responsabbiltajiet fil-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili u kummerċjali;

(*)  ĠU L 105, 27.4.1996, p. 1.”;"

(ii)

il-punt li ġej għandu jiġi miżjud:

“(e)

l-assoċjazzjonijiet professjonali li fil-livell nazzjonali tal-Istati Membri jirrappreżentaw il-professjonisti legali li jipparteċipaw direttament fl-applikazzjoni tal-atti Komunitarji u tal-istrumenti internazzjonali relattivi għall-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili u kummerċjali.”;

(b)

Fil-paragrafu 2, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Jekk il-punt tal-kuntatt maħtur bis-saħħa ta’ dan il-paragrafu mhuwiex imħallef, l-Istat Membru konċernat għandu jaħseb għal komunikazzjoni effettiva mal-ġudikatura nazzjonali. Biex dan ikun iffaċilitat, Stat Membru jista’ jaħtar imħallef biex jappoġġja din il-funzjoni. Dan l-imħallef għandu jkun membru tan-Netwerk.”;

(c)

Għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punti ta’ kuntatt ikollhom faċilitajiet suffiċjenti u adatti fir-rigward ta’ persunal, riżorsi u mezzi moderni ta’ komunikazzjoni sabiex iwettqu b’mod adegwat il-kompiti tagħhom ta’ punti ta’ kuntatt.”;

(d)

għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-assoċjazzjonijiet professjonali msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1. Għal dan il-għan, għandhom jottjenu l-qbil tal-assoċjazzjonijiet professjonali kkonċernati dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fin-Netwerk.

Fejn ikun hemm aktar minn assoċjazzjoni waħda li tirrappreżenta l-professjoni legali fi Stat Membru, ir-responsabbiltà taqa’ fuq dak l-Istat Membru biex jipprovdi rappreżentanza adatta ta’ dik il-professjoni fin-Netwerk.”;

(e)

Il-paragrafu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja għandu tiġi sostitwita bit-test li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 20, bl-ismijiet u l-indirizzi sħaħ tal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, billi jispeċifikaw:”;

(ii)

il-punt (c) għandu jiġi ssostitwit bit-test li ġej:

“(c)

fejn adatt, il-funzjonijiet speċifiċi tagħhom fin-Netwerk, inkluż, fejn hemm aktar minn punt ta’ kuntatt wieħed, ir-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom.”;

(2)

L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 (b) għandu jiġi sostitwit mit-test li ġej:

“(b)

jiġi faċilitat l-aċċess effettiv għall-ġustizzja, permezz ta’ miżuri li jipprovdu informazzjoni dwar l-iffunzjonar tal-istrumenti Komunitarji u internazzjonali dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili u kummerċjali.”;

(b)

Fil-paragrafu 2, il-punti (b) u (c) għandhom jiġu ssostitwiti bit-test li ġej:

“(b)

l-applikazzjoni effettiva u prattika tal-istrumenti Komunitarji jew Konvenzjonijiet fis-seħħ bejn żewġ Stati Membri jew aktar.

B’mod partikolari, meta hija applikabbli l-liġi ta’ Stat Membru ieħor, il-qrati jew l-awtoritajiet maħtura jistgħu jirrikorru għan-Netwerk sabiex jiksbu l-informazzjoni rigward il-kontenut ta’ dik il-liġi;

(c)

l-istabbiliment, iż-żamma u l-promozzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni għall-pubbliku dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji ċivili u kummerċjali fl-Unjoni Ewropea, dwar l-istrumenti Komunitarji u internazzjonali rilevanti u l-liġi domestika tal-Istati Membri, b’referenza partikolari għall-aċċess għall-ġustizzja.

Is-sors ewlieni tal-informazzjoni għandu jkun il-websajt tan-Netwerk li fiha informazzjoni aġġornata bil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.”;

(3)

L-Artikolu 5, paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   B’mod partikolari, il-punti ta’ kuntatt għandhom:

(a)

jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji lokali jirċievu informazzjoni ġenerali dwar l-istrumenti Komunitarji u internazzjonali fir-rigward tal-koperazzjoni ġudizzjarja fil-materji ċivili u kummerċjali. B’mod partikolari, dawn għandhom jiżguraw li n-Netwerk, inkluża l-websajt tan-Netwerk, tkun magħrufa aħjar mill-awtoritajiet ġudizzjarji lokali;

(b)

ifornu lill-punti tal-kuntatt l-oħra, lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) minn (b) sa (d) u lill-awtoritajiet ġudizzjarji lokali fl-Istat Membru nnifsu bit-tagħrif kollu meħtieġ għall-koperazzjoni ġudizzjarja b’saħħitha bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 3, sabiex jassistihom fit-tħejjija tat-talbiet operabbli għall-koperazzjoni ġudizzjarja u sabiex jistabbilixxi l-iktar punti approprjati tal-kuntatt dirett;

(c)

jipprovdu kull informazzjoni sabiex tkun faċilitata l-applikazzjoni tal-liġi ta’ Stat Membru ieħor li tkun applikabbli skont att Komunitarju jew strument internazzjonali. Għalhekk, il-punt tal-kuntatt li tiġi ppreżentata tali talba quddiemu jista’ jirrikorri għand l-awtoritajiet l-oħra tal-Istat Membru tiegħu msemmija fl-Artikolu 2 sabiex jissuplixxi l-informazzjoni mitluba. L-informazzjoni li tkuntinsab fit-tweġiba la torbot lill-punti tal-kuntatt, la lil dawn l-awtoritajiet u lanqas lill-awtorità li tkun ippreżentat it-talba;

(d)

ifittxu s-soluzzjonijiet għad-diffikultajiet li jinħolqu fl-okkażjoni ta’ talba għall-koperazzjoni ġudizzjarja, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u għall-Artikolu 6;

(e)

jiffaċilitaw il-kordinament tal-ipproċessar tat-talbiet għal koperazzjoni ġudizzjarja fl-Istat Membru rilevanti, b’mod partikolari meta numru ta’ talbiet mill-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan l-Istat Membru jaslu sabiex jiġu mwettqa li Stat Membru ieħor;

(f)

jikkontribwixxu għall-informazzjoni ġenerali tal-pubbliku, permezz tal-websajt tan-Netwerk, dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili u kummerċjali fl-Unjoni Ewropea, dwar l-istrumenti Komunitarji u internazzjonali pertinenti u fuq il-liġi domestika tal-Istati Membri, partikolarment f’dak li jikkonċerna l-aċċess għall-ġustizzja;

(g)

jikkollaboraw fl-organizzazzjoni tal-laqgħat riferiti fl-Artikolu 9 u jieħdu sehem fihom;

(h)

jassistu fit-tħejjija u l-aġġornament tat-tagħrif imsemmi fit-Titoli III, u b’mod partkolari fis-sistema tat-tagħrif għall-pubbliku, skont ir-regoli stabbiliti f’dak it-Titolu;

(i)

jiżguraw il-koordinament bejn il-membri tan-Netwerk fil-livell nazzjonali;

(j)

jippreparaw rapport biannwali dwar l-attivitajiet tagħhom, inklużi, fejn xieraq, l-aqwa prattika fin-Netwerk, u jippreżentawh matul laqgħa tal-membri tan-Netwerk, u jiġbdu l-attenzjoni dwar titjib li jista’ jsir fin-Netwerk.”;

(4)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5a

Assoċjazzjonijiet professjonali

1.   Sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-kompiti previsti fl-Artikolu 3, il-punti ta’ kuntatt għandu jkollhom kuntatti adatti mal-assoċjazzjonijiet professjonali msemmija fl-Artikolu 2(1)(e), skont ir-regoli li jridu jiġu determinati minn kull Stat Membru.

2.   B’mod partikolari, il-kuntatti msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

l-iskambju ta’ esperjenza u informazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni effettiva u prattika tal-istrumenti tal-Komunità u tal-istrumenti internazzjonali;

(b)

il-kollaborazzjoni fil-preparazzjoni u l-aġġornament tal-folji ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15;

(c)

il-parteċipazzjoni tal-assoċjazzjonijiet professjonali fil-laqgħat rilevanti.

3.   L-assoċjazzjonijiet professjonali m’għandhomx jitolbu informazzjoni dwar każi individwali mingħand il-punti ta’ kuntatt.”;

(5)

Fl-Artikolu 6, paragrafu 2, għandu jiġi miżjud is-subparagrafu li ġej:

“Għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jiżgura, skont il-modalitajiet li għandhom ikunu deċiżi minnu, li l-punt jew punti ta’ kuntatt u l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-mezzi biex jiltaqgħu fuq bażi regolari.”;

(6)

Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 għandu jiġi mibdul b’li ġej:

“Sabiex jiffaċilita l-ħidma prattika tan-Network, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiżgura illi l-punti tal-kuntatt ikollhom għarfien adegwat ta’ lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni minbarra dak tagħhom infushom, minħabba li jridu jkunu kapaċi jikkomunikaw mal-punti tal-kuntatt fi Stati Membri oħra.”

(7)

L-Artikolu 8 għandu jiġi sostitwit mit-test li ġej:

“Artikolu 8

It-trattament tat-talbiet għall-kooperazzjoni ġudizzjarja

1.   Il-punti tal-kuntatt jirrispondu għat-talbiet kollha li jiġu ppreżentati lilhom mingħajr dewmien, u l-aktar tard fi żmien ħmistax-il jum wara li jiġu rċevuti. Jekk punt tal-kuntatt ma jkunx jista’ jilqa’ t-talba fi żmien dik l-iskadenza, dan għandu jinforma fil-qosor b’dan lill-persuna li tkun ressqet it-talba, b’indikazzjoni taż-żmien li hu jqis li jkun meħtieġ biex jirrispondiha iżda dan il-perjodu għandu, bħala regola, ma jaqbiżx it-30 jum.

2.   Sabiex jirrispondu bl-aktar mod effiċjenti u rapidu possibbli għat-talbiet stipulati fil-paragrafu 1, il-punti tal-kuntatt għandhom jużaw il-mezzi tat-teknoloġija l-aktar adattati, li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tagħhom mill-Istati Membri.

3.   Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru elettroniku sigur u b’aċċess limitat tat-talbiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u r-risposti stipulati fl-Artikolu 5(2) (b), (c), (d) u (e). Il-punti tal-kuntatt għandhom jiżguraw li l-informazzjoni meħtieġa għall-istabbiliment u għall-iffunzjonar ta’ dan ir-reġistru tiġi kkomunikata regolarment lill-Kummissjoni.

4.   Il-Kummissjoni tipprovdi lill-punti tal-kuntatt l-informazzjoni dwar l-istatistika tat-talbiet għall-kooperazzjoni ġudizzjarja u r-risposti stipulati fil-paragrafu 3 tal-anqas darba sitt xhur.”;

(8)

L-Artikolu 9 għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Laqgħat tal-punti ta’ kuntatt

1.   Il-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk għandhom jiltaqgħu tal-inqas darba kull xitt xhur, skont l-Artikolu 12.

2.   Kull Stat Membru għandu jkun rappreżentat f’dawn il-laqgħat minn punt ta’ kuntatt wieħed jew aktar, li jistgħu jkunu akkumpanjati minn membri oħra tan-Netwerk, imma ma għandux ikun hemm iktar minn sitt rappreżentanti għal kull Stat Membru.”;

(9)

L-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud:

“Artikolu 11a

Il-parteċipazzjoni ta’ osservaturi fil-laqgħat tan-Netwerk

1.   Bla ħsara għall-paragrafu 2 tal-Artikolu 1, id-Danimarka tista’ tibgħat rappreżentanti għal-laqgħat imsemmija fl-Artikoli 9 u 11.

2.   Il-pajjiżi tal-adeżjoni u l-pajjiżi kandidati jistgħu jissejħu biex jipparteċipaw f’dawn il-laqgħat bħala osservaturi. L-Istati terzi li huma partijiet għal ftehimiet internazzjonali dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili u kummerċjali konklużi mill-Komunità jistgħu jiġu mistiedna jassistu wkoll bħala osservaturi f’ċerti laqgħat tan-Netwerk.

3.   Kull Stat osservatur jista’ jkun irrappreżentat f’dawn il-laqgħat minn waħda jew iktar persuni, mingħajr ma jeċċedi fl-ebda ċirkostanza l-limitu ta’ tliet rappreżentanti għal kull Stat.”;

(10)

L-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud fl-aħħar tat-Titolu II:

“Artikolu 12a

I-relazzjonijiet man-netwerks l-oħra u l-organizzazzjonijiet internazzjonali

1.   In-Netwerk għandu jżomm relazzjonijiet u jaqsam l-esperjenza u l-aqwa prattika man-netwerks Ewropej l-oħra li jaqsmu l-istess għanijiet, bħan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-qasam penali. In-Netwerk għandu jżomm ukoll relazzjonijiet man-Netwerk Ewropew ta’ Taħriġ tal-Imħallfin bil-ħsieb tal-promozzjoni, fejn opportun, u mingħajr preġudizzju għall-prattiki nazzjonali, ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji ċivili u kummerċjali għall-benefiċċju tal-awtoritajiet ġudizzjarji lokali tal-Istati Membri.

2.   In-Netwerk għandu jkollu relazzjonijiet man-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net). Partikolarment, sabiex tiġi pprovduta kull informazzjoni ġenerali dwar l-iffunzjonar ta’ strumenti Komunitarji u internazzjonali sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja, il-punti tal-kuntatt tan-Netwerk għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-membri tal-ECC-Net.

3.   Sabiex jilħaq ir-responsabbilitajiet tiegħu stipulati fl-Artikolu 3 dwar l-istrumenti internazzjonali relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili u kummerċjali, in-Netwerk għandu jżomm il-kuntatti u l-iskambji ta’ esperjenzi man-netwerks l-oħra ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbiliti bejn l-Istati terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali li jippromwovu l-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali.

4.   Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Preżidenza tal-Kunsill u l-Istati Membri, hija responsabbli mill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.”;

(11)

L-intestatura tat-Titolu III għandha tiġi sostitwita mit-test li ġej:

“TITOLU III

INFORMAZZJONI DISPONIBBLI FI ĦDAN IN-NETWERK U INFORMAZZJONI PROVDUTA LILL-PUBBLIKU”;

(12)

Fl-Artikolu 13, paragrafu 1, il-punt li ġej għandu jiġi miżjud:

“(c)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8.”;

(13)

L-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud:

“Artikolu 13 a

L-għoti ta’ informazzjoni ġenerali lill-pubbliku

In-Netwerk għandu jikkontribwixxi għall-għoti ta’ informazzjoni ġenerali lill-pubbliku, permezz tal-mezzi teknoloġiċi l-aktar xierqa sabiex dan jingħata informazzjoni dwar il-kontenut u t-tħaddim tal-istrumenti Komunitarji jew internazzjonali relattivi għall-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili u kummerċjali.

Għal dak il-għan, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18, il-punti ta’ kuntatt għandhom jippromwovu lill-pubbliku s-sistema tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14.”;

(14)

Fl-Artikolu 17(4), punt (b) għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“(b)

jieħu ħsieb li jkun hemm it-traduzzjonijiet fil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-informazzjoni dwar l-aspetti pertinenti tal-liġi u tal-proċeduri Komunitarji, inkluż tal-ġurisprudenza Komunitarja, kif ukoll ta’ paġni ġenerali tas-sistema ta’ informazzjoni u d-dokumenti ta’ informazzjoni stipulati fl-Artikolu 15, u jagħmilha aċċessibbli fuq il-websajt tiegħu tan-Netwerk.”;

(15)

Fl-Artikolu 18, punt 4, il-kelma “progressivament” għandha titħassar;

(16)

L-Artikolu 19 għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“L-Artikolu 19

Rappurtar

Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2014 u wara kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport relattiv għall-attivitajiet tan-Netwerk. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun il-każ, minn proposti bil-ħsieb li jadattaw din id-Deċiżjoni u għandu jinkludi informazzjoni dwar l-attivitajiet tan-Netwerk immirata biex isir progress fid-disinn, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-e-ġustizzja Ewropea, partikolarment mil-lat tal-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja.”;

(17)

L-Artikolu 20 għandu jiġi sostitwit mit-test li ġej:

“Artikolu 20

Notifika

Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2010, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 2(5),.”.

L-Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2011 ħlief għall-punti (1)(e) u (17) tal-Artikolu 1 li għandhom jibdew japplikaw mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni lill-Istati Membri li huma destinatarji tagħha.

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

Š. FÜLE


(1)  L-Opinjoni mogħtija fit-3 ta’ Diċembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Ġunju 2009.

(3)  ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.

(4)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(5)  ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1.