13.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/11


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta' Ġunju 2009

dwar l-adozzjoni ta’ metodu komuni ta’ sikurezza għall-valutazzjoni tal-ilħiq tal-miri tas-sikurezza, kif imsemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 4246)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/460/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (id-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-rakkomandazzjoni tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea dwar il-metodi komuni ta’ sikurezza għall-kalkolu, il-valutazzjoni u l-infurzar li għandhom jintużaw fil-qafas tal-ewwel sett ta’ miri tas-sikurezza komuni, imressqa quddiem il-Kummissjoni fid-29 ta’ April 2008,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2004/49/KE, il-miri komuni tas-sikurezza (“CSTs”) u l-metodi komuni tas-sikurezza (“CSMs”) għandhom jiddaħħlu gradwalment sabiex ikun żgurat li jinżamm livell għoli ta’ sikurezza u, meta u fejn meħtieġ u jkun raġonevolment prattikabbli, jittejbu.

(2)

Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/49/KE, il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta s-CSMs. Dawn għandhom jiddeskrivu, fost l-oħrajn, u skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2004/49/KE, kif inhuma vvalutati l-livelli ta’ sikurezza u l-ilħiq tas-CSTs.

(3)

Sabiex ikun żgurat li l-prestazzjoni attwali tas-sikurezza tas-sistema ferrovjarja mhijiex imnaqqsa fi kwalunkwe Stat Membru, għandu jiġi introdott l-ewwel sett tas-CSTs. Dan għandu jkun ibbażat fuq l-eżami tal-miri eżistenti u l-prestazzjoni tas-sikurezza tas-sistemi ferrovjarji fl-Istati Membri.

(4)

Barra minn hekk, sabiex tinżamm il-prestazzjoni attwali tas-sikurezza tas-sistema ferrovjarja, hija meħtieġa, f’termini ta’ kriterji ta’ aċċettazzjoni tar-riskji, armonizzazzjoni tal-livelli tas-sikurezza tas-sistemi ferrovjarji nazzjonali kollha. Għandu jitwettaq monitoraġġ tal-konformità mal-livelli tas-sikurezza fl-Istati Membri differenti.

(5)

Sabiex ikun stabbilit l-ewwel sett tas-CSTs f’konformità mal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/49/KE, hemm il-ħtieġa li l-prestazzjoni attwali tas-sikurezza tas-sistemi ferrovjarji fl-Istati Membri tiġi identifikata b’mod kwantitattiv bl-użu ta’ valuri nazzjonali ta’ referenza (“NRVs”), li għandhom jiġu kkalkulati u użati mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (“l-Aġenzija”) u l-Kummissjoni. Dawn l-NRVs għandhom jiġu kkalkulati biss fl-2009, bil-għan li jiġi żviluppat l-ewwel sett ta’ CSTs, u fl-2011, bil-għan li jiġi żviluppat it-tieni sett ta’ CSTs.

(6)

Sabiex tkun żgurata l-konsistenza tal-NRVs u sabiex ikun evitat piż żejjed, is-sistemi ferrovjarji ħfief, in-netwerks li jiffunzjonaw b’mod separat, l-infrastrutturi ferrovjarji li huma ta’ proprjetà privata u jintużaw biss mis-sid, u l-linji ferrovjarji ta’ patrimonju, mużewijiet u turisti għandhom ikunu eżentati minn din id-Deċiżjoni.

(7)

Minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni u dejta li wieħed jista’ joqgħod fuqha dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza ta’ partijiet mis-sistema ferrovjarja msemmija fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2004/49/KE, ġie aċċertat li l-iżvilupp tal-ewwel sett tas-CSTs, espress skont il-kriterji ta’ aċċettazzjoni tar-riskji għal kategoriji speċifiċi ta’ individwi u għas-soċjetà inġenerali, attwalment jista’ biss jiġi attwat għas-sistema ferrovjarja fl-intier tagħha u mhux għall-partijiet tagħha.

(8)

Wara l-armonizzazzjoni progressiva tad-dejta nazzjonali tal-istatistika dwar l-inċidenti u l-konsegwenzi relatati magħhom, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija (2) u d-Direttiva 2004/49/KE, l-iżvilupp ta’ metodi komuni għall-monitoraġġ u li għandhom fil-mira tagħhom il-prestazzjoni tas-sikurezza tas-sistemi ferrovjarji fl-Istati Membri għandhom iqisu l-inċertezzi tal-istatistika u l-ħtieġa ta’ element ta’ ġudizzju meta jiġi deċiż jekk il-prestazzjoni tas-sikurezza ta’ Stat Membru hijiex qiegħda tinżamm.

(9)

Sabiex ikun hemm paragun ġust u trasparenti tal-prestazzjoni ferrovjarja tas-sikurezza fost l-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-valutazzjonijiet tagħhom fuq il-bażi ta’ approċċ komuni sabiex ikunu identifikati l-miri tas-sikurezza tas-sistema ferrovjarja u sabiex tintwera l-konformità magħhom.

(10)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit f’konformità mal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/49/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi metodu komuni ta’ sikurezza li għandu jintuża mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (minn hawn ‘il quddiem “l-Aġenzija”) sabiex tikkalkula u tivvaluta l-ilħiq tal-miri komuni tas-sikurezza (“CSTs”), bl-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/49/KE.

L-Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għas-sistema ferrovjarja kollha f’kull wieħed mill-Istati Membri. Madankollu ma għandhiex tapplika għal:

(a)

metros, trammijiet u sistemi ferrovjarji ħfief oħra;

(b)

netwerks li fil-funzjoni tagħhom huma separati mill-bqija tas-sistema ferrovjarja u li huma maħsuba biss għall-operat ta’ servizzi tal-passiġġieri lokali, urbani jew sottourbani, kif ukoll impriżi ferrovjarji li joperaw biss fuq dawn in-netwerks;

(c)

infrastruttura ferrovjarja li hija ta’ proprjetà privata li teżisti biss għall-użu mis-sid tal-infrastruttura għall-operazzjonijiet ta’ ġarr tal-merkanzija tiegħu stess;

(d)

vetturi ta’ patrimonju li joperaw fin-netwerks nazzjonali sakemm dawn jikkonformaw mar-regoli u r-regolamenti nazzjonali tas-sikurezza bil-ħsieb li jiżguraw iċ-ċirkolazzjoni sikura ta’ dawn il-vetturi;

(e)

ferroviji ta’ patrimonju, mużewijiet u turisti li joperaw fin-netwerk tagħhom stess inklużi l-garaxxijiet ta’ manutenzjoni, il-vetturi u l-persunal.

L-Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tad-Direttiva 2004/49/KE u r-Regolament (KE) Nru 91/2003.

Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“il-valur nazzjonali ta” referenza (NRV)’ tfisser kejl ta’ referenza li jindika l-livell massimu ttolerat għal kategorija ta’ riskju ferrovjarju, għall-Istat Membru konċernat;

(b)

“il-kategorija tar-riskju” tfisser waħda mill-kategoriji ta’ riskju ferrovjarju speċifikati bl-Artikolu 7(4)(a) u (b) tad-Direttiva 2004/49/KE;

(c)

“il-pjan tat-titjib tas-sikurezza” tfisser l-iskeda sabiex tiġi implimentata l-istruttura tal-organizzazzjoni, ir-responsabbiltajiet, il-proċeduri, l-attivitajiet, il-kapaċitajiet u r-riżorsi meħtieġa sabiex jitnaqqas ir-riskju għal kategorija tar-riskju waħda jew iktar;

(d)

“il-fatalitajiet u feriti serji ppeżati (FWSIs)” tfisser kejl tal-konsegwenzi tal-inċidenti sinifikanti li jgħaqqdu flimkien il-fatalitajiet u feriti serji, fejn ferita waħda serja titqies statistikament ekwivalenti għal 0.1 tal-fatalitajiet;

(e)

“l-utenti ta” intersezzjoni fuq l-istess livell’ tfisser il-persuni kollha li jużaw intersezzjoni fuq l-istess livell sabiex jaqsmu l-linja ferrovjarja bi kwalunkwe mezz ta’ trasport jew bil-mixi;

(f)

“il-persunal” jew “l-impjegati li jinkludu l-persunal tal-kuntratturi” tfisser kwalunkwe persuna li l-ħidma tagħha hija relatata mal-linji ferrovjarji u li tkun ix-xogħol fil-mument tal-inċident; tinkludi l-ekwipaġġ tal-ferrovija u l-persuni li jieħdu ħsieb il-vetturi ferrovjarji u l-installazzjonijiet tal-infrastruttura;

(g)

“il-persuni mhux awtorizzati fuq l-installazjonijiet ferrovjarji” tfisser kwalunkwe persuna preżenti fuq l-installazzjonijiet ferrovjarji fejn preżenza bħal din mhijiex permessa, bl-eċċezzjoni tal-utenti ta’ intersezzjoni fuq l-istess livell;

(h)

“l-oħrajn (il-partijiet terzi)” tfisser il-persuni kollha li mhumiex iddefiniti bħala “passiġġieri”, “il-ħaddiema inkluż il-persunal tal-kuntratturi”, “l-utenti ta’ intersezzjoni fuq l-istess livell” jew “il-persuni mhux awtorizzati li jkunu fuq l-installazzjonijiet ferrovjarji”;

(i)

“riskju għas-soċjetà kollha” tfisser ir-riskju kollettiv għall-kategoriji kollha tal-persuni elenkati fl-Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2004/49/KE;

(j)

“km ta’ ferrovija tal-passiġġieri” tfisser l-unità tal-kejl li tirrappreżenta l-moviment ta’ ferrovija tal-passiġġieri fuq kilometru; għandha titqies biss id-distanza fit-territorju nazzjonali tal-pajjiż li qed jirrapporta;

(k)

“km tal-linja ferrovjarja” tfisser it-tul imkejjel f’kilometri tan-netwerk ferrovjarju fl-Istati Membri fejn għandha tingħadd kull linja ferrovjarja ta’ linja tal-ferroviji b’linji ferrovjarji multipli.

L-Artikolu 4

Metodoloġiji tal-kalkolu tal-NRVs u s-CSTs u tal-valutazzjoni tal-ilħiq tagħhom

1.   Il-metodoloġija deskritta fl-Anness għandha tapplika għall-kalkolu u l-valutazzjoni tal-ilħiq tal-NRVs u s-CSTs.

2.   L-Aġenzija għandha tipproponi lill-Kummissjoni l-NRVs ikkalkulati skont it-taqsima 2.1 tal-Anness u s-CSTs idderivati mill-NRVs, skont il-metodoloġija stipulata fit-taqsima 2.2 tal-Anness. Wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-NRVs u s-CSTs, l-Aġenzija għandha tivvaluta t-twettiq tagħhom mill-Istati Membri f’konformità mal-Kapitolu 3 tal-Anness.

3.   Il-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji stmati tas-CSTs imsemmija fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/49/KE għandha tkunu limitata għal dawk l-Istati Membri li l-NRVs tagħhom, għal kwalunkwe kategorija tar-riskju, jinstabu aktar għolja mis-CSTs korrispondenti.

L-Artikolu 5

Azzjonijiet ta’ infurzar

Skont ir-riżultati finali differenti tal-valutazzjoni tal-ilħiq, msemmija fil-punt 3.1.5 tal-Anness, għandhom jittieħdu l-azzjonijiet ta’ infurzar li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ “deterjorament possibbli tal-prestazzjoni tas-sikurezza”: l-Istati Membri konċernati għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni fejn jispjegaw ir-raġunijiet possibbli għar-riżultati miksuba;

(b)

fil-każ ta’ “deterjorament probabbli tal-prestazzjoni tas-sikurezza”: l-Istati Membri konċernati għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni fejn jispjegaw ir-raġunijiet probabbli għar-riżultati miksuba u jissottomettu, jekk xieraq, pjan ta’ titjib tas-sikurezza.

Sabiex ikun hemm evalwazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni u evidenza pprovduta mill-Istati Membri skont il-proċess imsemmi fil-punti (a) u (b), il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Aġenzija tipprovdi opinjonijiet tekniċi.

L-Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 5 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44.

(2)  ĠU L 14, 21.1.2003, p. 1.


ANNESS

1.   Is-sorsi tal-istatistika u l-unitajiet tal-kejl għall-kalkolu tal-NRVs u s-CSTs

1.1.   Is-sorsi tal-istatistika

1.1.1.

L-NRVs u s-CSTs għandhom ikunu kkalkulati fuq il-bażi tad-dejta tal-inċidenti ferrovjarji u l-konsegwenzi relatati magħhom, irrappurtati skont l-Anness H tar-Regolament (KE) Nru 91/2003 u skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5, 18 u l-Anness I tad-Direttiva 2004/49/KE.

1.1.2.

Fi ħdan il-qafas li jiddetermina l-ewwel sett tas-CSTs, fil-każ ta’ inkonsistenzi bejn id-dejta li ġejja miż-żewġ sorsi msemmija fil-punt 1.1.1, id-dejta rrappurtata skont l-Anness H tar-Regolament (KE) Nru 91/2003 għandha tieħu preċedenza.

1.1.3.

Is-serje taż-żmien tad-dejta li se tintuża sabiex jiġu attribwiti l-valuri lill-NRVs u s-CSTs għandha tinkludi l-erba’ snin irrappurtati l-aktar riċenti. Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2011 l-Aġenzija għandha tipproponi lill-Kummissjoni l-adozzjoni tal-valuri aġġornati għall-NRVs u s-CSTs, ikkalkulati mid-dejta tas-sitt snin irrapurtati l-aktar riċenti.

1.2.   L-unitajiet tal-kejl għall-NRVs

1.2.1.

L-unitajiet tal-kejl għall-NRVs għandhom ikunu espressi f’konformità mad-definizzjoni matematika tar-riskju. Il-konsegwenzi tal-inċidenti li għandhom jitqiesu għal kull waħda mill-kategoriji huma l-FWSIs.

1.2.2.

L-unitajiet tal-kejl li għandhom jintużaw sabiex jiġu kkwantifikati l-NRVs għal kull waħda mill-kategoriji tar-riskju huma stipulati fl-Appendiċi 1 u jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipji u d-definizzjonijiet imsemmija fil-punt 1.2.1 u, fejn huwa rilevanti, fil-punt 1.2.3. L-unitajiet tal-kejl jinkludu l-bażijiet ta’ gradazzjoni elenkati fl-Appendiċi 1, għan-normalizzazzjoni tal-NRVs.

1.2.3.

Għal kull waħda mill-kategoriji tar-riskju “passiġġieri” u “l-utenti ta’ intersezzjoni fuq l-istess livell” għandhom jiġu applikati żewġ NRVs differenti, espressi fiż-żewġ unitajiet ta’ kejl differenti msemmija fl-Appendiċi 1. Għall-għanijiet tal-valutazzjoni tat-twettiq tal-iskopijiet imsemmija fil-Kapitolu 3, għandha titqies suffiċjenti l-konformità ma’ tal-anqas wieħed minn dawn l-NRVs.

1.3.   L-unitajiet tal-kejl għas-CSTs

1.3.1.

L-unitajiet tal-kejl li għandhom jintużaw sabiex jikkwantifikaw is-CSTs għal kull waħda mill-kategoriji tar-riskju għandhom ikunu l-istess bħal dawk deskritti għall-NRVs fit-taqsima 1.2.

2.   Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-NRVs u d-derivazzjoni tas-CSTs

2.1.   Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-NRVs

2.1.1.

Għal kull Stat Membru u għal kull waħda mill-kategoriji tar-riskju l-NRV għandu jiġi kkalkulat bl-applikazzjoni tal-proċess li ġej f’ordni ta’ sekwenza:

(a)

il-kalkolu tal-valuri li rriżultaw bl-unitajiet tal-kejl korrispondenti elenkati fl-Appendiċi 1, billi titqies id-dejta u d-dispożizzjonijiet imsemmija fit-taqsima 1.1;

(b)

analiżi tar-riżultati tal-proċess deskritt fil-punt (a), sabiex isiru l-kontrolli tal-preżenza u r-rikorrenza tal-valuri żero għall-FWSIs fil-prestazzjonijiet ta’ sikurezza osservati għas-snin konċernati;

(c)

jekk il-valuri żero msemmija fil-punt (b) mhumiex aktar minn tnejn, isir il-kalkolu mill-medja kkoreġuta tal-valuri msemmija fil-punt (a), kif deskritt fit-taqsima 2.3, u l-valur irritornat huwa meħud bħala l-NRV;

(d)

jekk il-valuri żero msemmija fil-punt (b) huma aktar minn tnejn, l-Aġenzija għandha tattribwixxi lill-NRV valur diskrezzjonali li għandu jiġi identifikat b’konsultazzjoni mal-Istat Membru konċernat.

2.2.   Il-metodoloġija għad-derivazzjoni tas-CSTs mill-NRVs

2.2.1.

Għal kull waħda mill-kategoriji tar-riskju, ladarba jiġi kkalkulat l-NRV għal kull Stat Membru skont il-proċedura stipulata fit-taqsima 2.1, is-CST korrispondenti għandu jingħata valur li jkun ekwivalenti għall-valur l-iktar baxx:

(a)

mill-valur tal-NRV li huwa l-ogħla fost l-Istati Membri;

(b)

mill-valur li jkun daqs għaxar darbiet il-valur medju Ewropew tar-riskju li għalih jirreferi l-NRV li jkun ġie kkunsidrat..

2.2.2.

Il-medja Ewropea msemmija fil-punt 2.2.1(b) għandha tiġi kkalkulata bil-kumulazzjoni tad-dejta rilevanti għall-Istati Membri kollha u bl-użu tal-unitajiet tal-kejl korrispondenti elenkati fl-Appendiċi 1, kif ukoll il-medja kkoreġuta deskritta fit-taqsima 2.3.

2.3.   Il-proċess tal-medja kkoreġuta għall-kalkolu tal-NRVs

2.3.1.

Għal kull Stat Membru u għal kull waħda mill-kategoriji tar-riskju li għalihom tista’ tiġi applikata l-medja kkoreġuta skont il-punt 2.1.1(c), għandhom jiġu applikati l-passi li ġejjin għall-kalkolu, matul is-sena Y (fejn Y = 2009 u 2011), tal-NRVY:

(a)

il-kalkolu tal-osservazzjonijiet annwali OBSi (fejn i hija s-sena tal-osservazzjoni li tkun ikkunsidrata) li jirriżultaw bl-unitajiet tal-kejl korrispondenti elenkati fl-Appendiċi 1, wara l-provvediment bħala input tad-dejta għas-snin n irrappurtati l-iżjed riċenti kif imsemmija fil-punt 2.1.1(a) [inizjalment n = 4; mill-2011 ‘il quddiem n = 6].

(b)

il-kalkolu tal-medja aritmetika tas-sena n (AV) tal-osservazzjonijiet annwali OBSi ;

(c)

il-kalkolu tal-valur assolut tad-differenza ABSDIFFi bejn kull osservazzjoni annwali OBSi u l-AV. Jekk ABSDIFFi < 0.01 * AV, lill-ABSDIFFi jiġi attribwit valur kostanti li jkun ekwivalenti għal 0.01 * AV;

(d)

il-kalkolu tal-piż (Wi ) għal kull sena unika i, billi jittieħed l-invers tal-ABSDIFFi ;

(e)

il-kalkolu tal-NRVY fil-forma ta’ medja kkoreġuta, kif ġej:

Formula;

fejn i huwa numru naturali u

if Y = 2009: x = Y – 5; N = Y – 2

if Y = 2011: x = Y – 7; N = Y – 2

3.   Mudell ta’ qafas għall-valutazzjoni tal-ilħiq tal-NRVs u s-CSTs

3.1.   Il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-ilħiq tal-NRVs u s-CSTs

3.1.1.

Il-prinċipji li ġejjin għandhom japplikaw għall-valutazzjoni tal-ilħiq tal-NRVs u s-CSTs:

(a)

għal kull Stat Membru u għal kull waħda mill-kategoriji tar-riskju fejn l-NRV rispettiva tagħha hija daqs is-CST korrispondenti jew inqas minnha, l-ilħiq tal-NRV għandu jimplika wkoll awtomatikament l-ilħiq tas-CST. Il-valutazzjoni tal-ilħiq tal-NRV għandha ssir skont il-proċedura deskritta fit-taqsima 3.2 u l-NRV għandha tirrappreżenta l-livell massimu ttolerat tar-riskju li tkun qed tirreferi għalih, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-firxa ta’ tolleranza stipulata fil-punt 3.2.3;

(b)

għal kull Stat Membru u għal kull waħda mill-kategoriji tar-riskju fejn l-NRV rispettiva tagħha hija iktar mis-CST korrispondenti, is-CST għandha tirrapreżenta l-livell massimu ttolerat tar-riskju li tkun qed tirreferi għalih. Il-valutazzjoni tal-ilħiq tas-CST għandha ssir f’konformità mal-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-valutazzjoni tal-impatt u, fejn japplika, l-iskeda għall-implimentazzjoni gradwali tas-CST, skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/49/KE.

3.1.2.

Għal kull Stat Membru, u għal kull kategorija tar-riskju, il-valutazzjoni tal-ilħiq tal-NRV u s-CST għandha ssir kull sena mill-Aġenzija, u għandha tqis l-erba’ snin preċedenti rrappurtati l-aktar riċenti.

3.1.3.

Kull sena, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu l-Aġenzija għandha tirrapporta lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati globali tal-valutazzjoni tal-ilħiq tal-NRVs u s-CSTs.

3.1.4.

Skont id-dispożizzjonijiet stipulati fil-punt 1.1.3, mill-2012 ‘il quddiem il-valutazzjoni tal-ilħiq tal-NRVs u s-CSTs għandha ssir kull sena mill-Aġenzija u għandhom jitqiesu l-ħames snin preċendenti rrappurtati l-aktar riċenti.

3.1.5.

Ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-ilħiq tal-iskopijiet imsemmija fil-punt 3.1.1 għandu jiġi kklassifikat kif ġej:

(a)

prestazzjoni aċċettabli tas-sikurezza;

(b)

deterjorament possibbli tal-prestazzjoni tas-sikurezza;

(c)

deterjorament probabbli tal-prestazzjoni tas-sikurezza.

3.2.   Deskrizzjoni fi stadji tal-proċedura msemmija fil-punt 3.1.1(a)

3.2.1.

Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-ilħiq tal-NRVs hija magħmula minn erba’ stadji differenti kif deskritt fil-punti li ġejjin. Id-dijagramma sekwenzjali globali tal-proċedura tidher fl-Appendiċi 2, fejn il-vleġeġ pożittivi u negattivi li jwasslu għal deċiżjoni jikkorrispondu rispettivament ma’ riżultat li “għadda” jew “weħel” mill-istadji differenti tal-valutazzjoni.

3.2.2.

L-ewwel stadju tal-valutazzjoni għandu jivverifika jekk il-prestazzjoni tas-sikurezza osservata hijiex konformi mal-NRV jew le. Il-prestazzjoni tas-sikurezza osservata għandha tkun imkejla bl-użu tal-unitajiet tal-kejl elenkati fl-Appendiċi 1 u d-dejta li hemm referenza għaliha fit-taqsima 1.1, bis-serje taż-żmien li għandha tinkludi l-iżjed snin riċenti ta’ osservazzjoni kif speċifikat fit-taqsima 3.1. Il-prestazzjoni tas-sikurezza osservata għandha tiġi espressa f’termini ta’:

(a)

prestazzjoni osservata tas-sikurezza fis-sena unika rrappurtata l-iktar riċenti,

(b)

il-medja mobbli kkoreġuta (MWA), kif speċifikat fit-taqsima 3.3.

Il-valuri li jirriżultaw bl-applikazzjoni tal-punti (a) u (b) imbagħad għandhom jitqabblu mal-NRV, u jekk wieħed minn dawn il-valuri ma jaqbiżx l-NRV il-prestazzjoni tas-sikurezza titqies aċċetabbli. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-proċedura għandha tgħaddi għat-tieni stadju ta’ valutazzjoni.

3.2.3.

It-tieni stadju ta’ valutazzjoni għandu jqis il-prestazzjoni tas-sikurezza bħala waħda aċċetabbli jekk l-MWA ma jaqbiżx l-NRV u firxa ta’ tolleranza ta’ 20 %. Jekk din il-kundizzjoni ma tiġix milħuqa, l-Aġenzija għandha titlob lill-awtorità tas-sikurezza tal-Istat Membru konċernat sabiex tipprovdi l-ispeċifikazzjonijiet tal-inċident uniku bl-ogħla konsegwenza (f’termini tal-FWSIs) fis-snin l-iktar reċenti ta’ osservazzjoni kif imsemmi fit-taqsima 3.1, bl-esklużjoni tas-snin użati sabiex jiġi stabbilit l-NRV.

Jekk dan l-inċident uniku huwa iktar sever, f’termini ta’ konsegwenzi, mill-inċident uniku l-aktar sever inkluż fid-dejta sabiex ikun stabbilit l-NRV, dan għandu jiġi eskluż mill-istatistika. Il-MWA mbagħad terġa’ tiġi kkalkulata sabiex jiġi verifikat jekk din taqax fil-limiti tal-firxa ta’ tolleranza msemmija hawn fuq. Jekk dan ikun il-każ, il-prestazzjoni tas-sikurezza titqies aċċetabbli. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-proċedura tgħaddi għat-tielet stadju ta’ valutazzjoni.

3.2.4.

It-tielet stadju ta’ valutazzjoni għandu jivverifika jekk tkunx l-ewwel darba fl-aħħar tliet snin li t-tieni stadju ta’ valutazzjoni ma jkunx ta evidenza ta’ prestazzjoni aċċetabbli tas-sikurezza. Jekk dan ikun il-każ, ir-riżultat tat-tielet stadju ta’ valutazzjoni għandu jiġi kklassifikat bħala wieħed li “għadda”. Il-proċedura tgħaddi għar-raba’ stadju, ikun x’ikun ir-riżultat tat-tielet stadju.

3.2.5.

Ir-raba’ stadju ta’ valutazzjoni għandu jivverifika jekk l-għadd ta’ inċidenti sinifikanti għal kull km ta’ ferrovija baqax stabbli (jew naqasx), meta mqabbel mas-snin ta’ qabel. Il-kriterji għal din l-istima għandhom ikunu bbażati fuq jekk kienx hemm żieda statistikament sinifikanti fl-għadd ta’ inċidenti sinifikanti rilevanti għal kull km ta’ ferrovija. Dan għandu jiġi vvalutat skont il-liġi ta’ Poisson bl-użu ta’ limitu ta’ tolleranza ogħla li jiddetermina l-varjabbiltà aċċetabbli bbażata fuq l-għadd ta’ inċidenti li seħħew fl-Istati Membri differenti.

Jekk l-għadd ta’ inċidenti sinifikanti għal kull km ta’ ferrovija ma jaqbiżx ir-rabta ta’ tolleranza msemmija, wieħed jista’ jassumi li ma kienx hemm żieda sinifikanti statistikament u r-riżultat ta’ dan l-istadju ta’ valutazzjoni għandu jiġi kklassifikat bħala wieħed li “għadda”.

Skont il-kategorija tar-riskju li għaliha jkunu qed jirreferu l-NRVs differenti li tkun qed issir il-valutazzjoni tal-ilħiq tagħhom, l-inċidenti sinifikanti li għandhom jitqiesu sabiex jitwettaq dan l-istadju ta’ valutazzjoni huma dawn li ġejjin:

(a)

ir-riskji għall-passiġġieri: l-inċidenti sinifikanti rilevanti kollha;

(b)

ir-riskji għall-persunal jew il-ħaddiema li jinkludu l-persunal tal-kuntratturi: l-inċidenti sinifikanti rilevanti kollha;

(c)

ir-riskji għall-utenti ta’ intersezzjoni fuq l-istess livell: l-inċidenti sinifikanti rilevanti kollha inklużi fil-kategorija ta’ “inċidenti li jinvolvu intersezzjonijiet fuq l-istess livell”;

(d)

ir-riskji għall-persuni mhux awtorizzati fl-installazzjonijiet ferrovjarji: l-inċidenti sinifikanti rilevanti kollha inklużi fil-kategorija ta’ “inċidenti kkawżati lill-persuni mill-vetturi ferrovjarji waqt li jkunu qed jiċċaqalqu”;

(e)

ir-riskji għall-oħrajn: l-inċidenti rilevanti sinifikanti kollha;

(f)

ir-riskju għas-soċjeta in ġenerali: l-inċidenti kollha sinifikanti.

3.3.   Il-proċess tal-medja mobbli kkoreġuta għall-valutazzjoni annwali tal-ilħiq tal-NRVs

3.3.1.

Għal kull Stat Membru u għal kull waħda mill-kategoriji tar-riskju li għalihom tiġi applikata il-medja mobbli kkoreġuta (MWA) sabiex f’kull sena Y (li tinbeda minn Y = 2010 ‘il quddiem), jitwettqu l-istadji ta’ valutazzjoni spjegati fit-taqsima 3.2, għandhom jiġu applikati l-fażijiet li ġejjin sabiex tiġi kkalkulata l-MWAY:

(a)

il-kalkolu tal-osservazzjonijiet annwali OBSi li jirriżultaw mill-indikaturi korrispondenti elenkati fl-Appendiċi 1, wara l-provvediment bħala input tad-dejta disponibbli mis-sorsi msemmija fit-taqsima 1.1 għas-snin rilevanti (l-indiċi i jieħu l-valuri spjegati fil-formula ta’ hawn taħt);

(b)

il-kalkolu tal-medja aritmetika għas-sena-n (AV) tal-osservazzjonijiet annwali OBSi [inizjalment n = 4; mill-2012 ‘il quddiem n = 5];

(c)

il-kalkolu tal-valur assolut tad-differenza ABSDIFFi bejn kull osservazzjoni annwali OBSi u l-AV. Jekk ABSDIFFi < 0.01 * AV, lill-ABSDIFFi jiġi attribwit valur kostanti ekwivalenti għal 0.01 * AV;

(d)

il-kalkolu tal-piż Wi , billi jittieħed l-invers ta’ ABSDIFFi ;

(e)

il-kalkolu tal-MWAY kif ġej:

Formula;

fejn i huwa numru naturali u

if Y = 2010 or 2011: x = Y – 5; N = Y – 2

if Y ≥ 2012: x = Y – 6; N = Y – 2

APPENDIĊI 1

L-unitajiet tal-kejl għall-NRVs u s-CSTs

Il-kategorija tar-riskju

L-unitajiet tal-kejl

Il-bażijiet ta’ gradazzjoni

1.

Il-passiġġieri

1.1

L-għadd ta’ FWSIs ta’ passiġġieri kull sena li jirriżultaw minn inċidenti sinifikanti/L-għadd ta’ km ta’ ferrovija tal-passiġġieri kull sena

km ta’ ferrovija tal-passiġġieri kull sena

1.2

L-għadd ta’ FWSIs ta’ passiġġieri kull sena li jirriżultaw minn inċidenti sinifikanti/L-għadd ta’ km ta’ passiġġier kull sena

km ta’ passiġġier kull sena

2.

L-impjegati

L-għadd ta’ FWSIs tal-impjegati kull sena li jirriżultaw minn inċidenti sinifikanti/L-għadd ta’ km ta’ ferrovija kull sena

km ta’ ferrovija kull sena

3.

L-utenti ta’ intersezzjoni fuq l-istess livell

3.1

L-għadd ta’ FWSIs tal-utenti ta’ intersezzjoni fuq l-istess livell kull sena li jirriżultaw minn inċidenti sinifikanti/L-għadd ta’ km ta’ ferrovija kull sena

km ta’ ferrovija kull sena

3.2

L-għadd ta’ FWSIs tal-utenti ta’ intersezzjoni fuq l-istess livell kull sena li jirriżultaw minn inċidenti sinifikanti/[(Għadd ta’ km ta’ ferrovija kull sena * Għadd ta’ intersezzjonijiet fuq l-istess livell)/km ta’ linja ferrovjarja)]

(km ta’ ferrovija kull sena * Għadd ta’ intersezzjonijiet fuq l-istess livell)/km ta’ linja ferrovjarja

4.

L-oħrajn

L-għadd fis-sena tal-FWSIs ta’ persuni li jagħmlu parti mill-kategorija “l-oħrajn” li jirriżultaw minn inċidenti sinifikanti/Għadd ta’ km ta’ ferrovija kull sena

km ta’ ferrovija kull sena

5.

Persuni mhux awtorizzati fuq l-installazzjonijet ferrovjarji

L-għadd ta’ FWSIs ta’ persuni mhux awtorizzati fuq l-installazzjonijiet ferrovjarji kull sena li jirriżultaw minn inċidenti sinifikanti/Għadd ta’ km ta’ ferrovija kull sena

km ta’ ferrovija kull sena

6.

Is-soċjetà kollha

L-għadd totali ta’ FWSIs kull sena li jirriżultaw minn inċidenti sinifikanti/Għadd ta’ km ta’ ferrovija kull sena

km ta’ ferrovija kull sena

APPENDIĊI 2

Dijagramma Sekwenzjali ghall-proċedura msemmija fil-punt 3.1.1(a) tal-Anness

Image