25.3.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 79/44 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-24 ta’ Marzu 2009
li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal deroga għall-kaxex tal-plastik u paliti tal-plastik fejn għandhom x’jaqsmu l-livelli ta’ konċentrazzjoni tal-metalli tqal stabbiliti fid-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ
(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 1959)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2009/292/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL- KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/177/KE tat-8 ta’ Frar 1999 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal deroga għall-kaxex tal-plastik u l-paliti tal-plastik fejn għandhom x’jaqsmu l-livelli ta’ konċentrazzjoni tal-metalli tqal stabbiliti fid-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (2) skadiet fid-9 ta’ Frar 2009. |
(2) |
Fid-data tal-iskadenza tad-Deċiżjoni 1999/177/KE, ammont konsiderevoli ta’ kaxex u paliti tal-plastik li kien fihom livell ta’ konċentrazzjoni tal-metalli tqal li jaqbeż dak provdut fid-Direttiva 94/62/KE kienu għadhom fis-suq. Meta wieħed jikkunsidra n-nuqqas ta’ kapaċità tal-industrija biex dawn il-kaxex u l-paliti jinbidlu, hemm riskju għoli li dawn il-kaxex u l-paliti jintremew f’miżbliet jew jiġu inċenerati. Iż-żewġ soluzzjonijiet ikollhom impatti ta’ ħsara fuq is-saħħa u l-ambjent. |
(3) |
Id-Direttiva 94/62/KE għandha l-għan li tillimita l-preżenza ta’ metalli tqal fl-imballaġġ kif ukoll li tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali li jinkludi l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ. |
(4) |
Sabiex l-industrija tingħata ż-żmien biex tibdel dawk il-kaxex u l-paliti tal-plastik bl-użu tal-aqwa tekniki disponibbli, ikun xieraq li jiġu adottati kundizzjonijiet għal deroga marbuta ma’ dawn il-kaxex u paliti li huma f’ċirkwiti tal-prodotti f’katina magħluqa u kkontrollata. Ir-rapporti xjentifiċi mressqa lill-Kummissjoni jirrakkomandaw li t-tali deroga għandha tingħata. |
(5) |
Peress li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tirrevedi l-funzjonalità tas-sistema kif hemm provdut f’din id-Deċiżjoni u l-progress li sar fit-tneħħija gradwali tal-kaxex u l-paliti tal-plastik li jkun fihom metalli tqal wara ħames snin, hemm il-ħtieġa li l-Istati Membri jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti. Sabiex il-piż amministrattiv attwali ma jiżdiedx bl-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ rappurtar speċifiku fuq l-Istati Membri, ikun biżżejjed li tali informazzjoni tiġi inkluża fir-rapporti li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 94/62/KE. |
(6) |
Għal aktar ċarezza legali, din id-Deċiżjoni għandha tapplika b’effett mid-data wara l-iskadenza tad-Deċiżjoni 1999/177/KE sabiex jiġi evitat kull effett negattiv possibbli li jista’ jirriżulta mill-iskadenza. |
(7) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 94/62/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
(1) |
“metalli tqal” tfisser ċomb, kadmju, merkurju u kromju eżavalenti; |
(2) |
“introduzzjoni intenzjonata ta’ metalli tqal” tfisser l-att tal-użu deliberat ta’ sustanza li jkun fiha metalli tqal fil-formulazzjoni tal-imballaġġ jew f’komponent tal-imballaġġ fejn il-preżenza kontinwa tagħha tkun mixtieqa fl-imballaġġ jew fil-komponent tal-imballaġġ finali sabiex tipprovdi karatteristika, dehra jew kwalità speċifika; |
(3) |
“preżenza inċidentali ta’ metalli tqal” tfisser il-preżenza ta’ metalli tqal bħala ingredjent mhux intenzjonat tal-imballaġġ jew komponent tal-imballaġġ. |
Artikolu 2
L-ammont totali tal-livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ metalli tqal f’kaxex u paliti tal-plastik jista’ jaqbeż il-limitu applikabbli stabbilit fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 94/62/KE sakemm dawk il-kaxex u l-paliti tal-plastik jiġu introdotti u miżmuma f’ċirkwiti tal-prodotti li jkunu f’katina magħluqa u kkontrollata skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 3, 4 u 5.
Artikolu 3
1. Il-kaxex u l-paliti tal-plastik li jkollhom ammont eċċessiv ta’ metalli tqal, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 2, għandhom jiġu mmanifaturati jew imsewwija fi proċess ta’ riċiklaġġ kontrollat skont il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.
2. Il-materjal użat għar-riċiklaġġ għandu joriġina biss minn kaxex jew paliti tal-plastik oħra.
L-introduzzjoni ta’ materjal ieħor għandu jiġi limitat għall-minimu meħtieġ teknikament u ma għandu, fl-ebda każ, jaqbeż l-20 % tal-piż.
3. L-introduzzjoni intenzjonata ta’ metalli tqal bħala element użat matul ir-riċiklaġġ, għall-kuntrarju tal-preżenza inċidentali ta’ metalli tqal, ma għandhiex tkun permessa.
L-użu ta’ materjali riċiklati biex jintużaw bħala materja prima għat-tiswija ta’ materjali tal-imballaġġ, fejn xi porzjon tal-materjali riċiklati jista’ jinkludi metalli tqal, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala introduzzjoni intenzjonata ta’ metalli tqal.
4. L-ammont totali tal-livelli ta’ konċentrazzjoni ta’ metalli tqal f’kaxex u paliti tal-plastik jista’ jaqbeż il-limitu applikabbli stabbilit fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 94/62/KE biss b’riżultat tal-użu ta’ materjali li jkun fihom metalli tqal fil-proċess ta’ riċiklaġġ.
Artikolu 4
1. Il-kaxxi u l-paliti tal-plastik li jkun fihom ammont eċċessiv ta’ metalli tqal, kif imsemmi fl-Artikolu 2, għandhom jiġu identifikati b’mod permanenti u viżibbli.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-kaxex u l-paliti tal-plastik konċernati, mill-inqas 90 % tal-kaxex u l-paliti tal-plastik imqassma li jkun fihom ammont eċċessiv ta’ metalli tqal, kif imsemmi fl-Artikolu 2, jiġu rritornati lill-manifattur, lil dak responsabbli mill-ippakkjar jew mill-mili jew lir-rappreżentant awtorizzat.
3. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri li ttieħdu skont l-Artikolu 6, il-kaxex u l-paliti tal-plastik kollha li ntbagħtu lura skont dan l-Artikolu li ma għadhomx adattati jew intenzjonati għall-użu mill-ġdid għandhom jintremew skont proċedura awtorizzata speċifikament mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru konċernat jew jiġu rriċiklati fi proċess ta’ riċiklaġġ kontrollat skont il-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 3.
Artikolu 5
1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sistema ta’ inventarju jew żamma ta’ reġistri u għal metodu ta’ responabbiltà regolatorja u finanzjarja li jippermettu li l-konformità skont il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni jiġu dokumentati.
Is-sistema għandha tagħti rendikont tal-kaxex u l-paliti tal-plastik kollha li jkun fihom ammont eċċessiv ta’ metalli tqal, kif imsemmi fl-Artikolu 2, li jkunu tpoġġew għas-servizz, u li tneħħew minnu.
2. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fi ftehim voluntarju, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jfassal fuq bażi annwali dikjarazzjoni bil-miktub tal-konformità u rapport annwali li juru kif il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Deċiżjoni ġew issodisfatti. Ir-rapport għandu jinkludi l-bidliet possibli fis-sistema u fir-rappreżentanti awtorizzati.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jżomm id-dokumentazzjoni teknika rilevanti għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ spezzjoni għal tal-anqas erba’ snin.
Fejn la l-manifattur u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu ma jkun stabbilit fi ħdan il-Komunità, il-persuna li tqiegħed il-prodott fis-suq Komunitarju għandha tkun responsabbli mill-obbligu li żżomm disponibbli d-dokumentazzjoni teknika rilevanti.
Artikolu 6
L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex iħeġġu lill-manifatturi jinvestigaw metodi biex progressivament jiksbu l-limitu applikabbli ta’ metalli tqal f’kaxex u paliti tal-plastik stabbilit fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 94/62/KE, inklużi l-aqwa tekniki disponibbli dwar l-estrazzjoni ta’ metalli tqal.
Artikolu 7
L-Istati Membri għandhom jinkludu fir-rapporti li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 94/62/KE rapport dettaljat dwar il-funzjonalità tas-sistema kif hemm provdut f’din id-Deċiżjoni u dwar il-progress li jkun sar fit-tneħħija gradwali tal-kaxex u l-paliti tal-plastik li mhumiex konformi mal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 94/62/KE.
Artikolu 8
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-10 ta’ Frar 2009.
Artikolu 9
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmula fi Brussell, 24 ta’ Marzu 2009.
Għall-Kummissjoni
Stavros DIMAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10.